Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l-Inventarji (II)

Minn David Rossi

Waqt li l-inventarju tas-sagristija kien jiġi organiżżat għall-oġġetti sagri fi ħdan l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi fMalta, il-Komunita` Tereżjana kienet ukoll tniżżel l-affarjiet misjuba fil-kunvent, speċjalment fiċ-ċelel tal-patrijiet, f`dokument taħt it-titlu ta` Inventarium rerum in convent existentium.

Iċ-ċelel kienu jġibu kelma biblika fuq il-bieb sabiex tfakkar lil kull min kien jgħaddi mill-kuritur jew jidħol fil-kamra fi dmirijiet insara. Il-kmamar misjuba mnizżla fl-iventarju kienu jġibu dawn il ħsibijiet:  Prudentia, Amor Dei, Fides, Spes, Charitas, Cognitio Sui, Labor, Meditatio, Judicium, Mors, Humilitas, Abstinentia, Obedientia, Patientia, Solitudo, Dilectio, u Paupertas. 

Madan kien ikun hemm vers qasir minn xi persuna għarfa taħt il-kliem msemmi.  Pereżempju, insibu fuq il-bieb tal-kamra Solitudo li llum iservi bħala l-Arkivju tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi Mihi opidum carcer est solitude paradisus; kliem San Ġirolmu meta jistqarr li s-solitudni hija bħall-ġenna, waqt li l-ħajja fil-belt tixbaħ lil dik ta` ħabs.  Naraw li din l-iskrizzjoni kienet famuża fis-seklu sbatax u nsibuha mnaqqxa fuq arloġġi tax-xemx ta l-istess perjodu.  Jidher li dan il-kliem meqjus jinstab ukoll fl-eremitaġġ tal-qaddis fuq l-għolja Marjana fil-Kroazja.

Insibu ħsieb ieħor bil-Latin mid-duttur tal-Knisja Santu Wistin Oratio justi clavis est coeli: it-talb huwa l-muftieħ għall-ġenna Din il-kwotazzjoni ġiet imqabbla mal-meditazzjoni fuq it-talb ta` San Ġwann Krisostmu fil-ktieb ta` John Griffiths: The Two Books of Homilies Appointed to be Read in Churches (1859).  Hawn il-qaddis imsemmi juri l-qawwa tal-kuntatt m`Alla meta jistqarr li l-aktar ħaga mportanti fil-ħajja tal-bniedem huwa fil-fatt it-talbawn il-qaddie msemmi H ferventi.  

Għall-komunita` Tereżjana t-talb kellu postu tul il-jum u fil-kamra kien hemm kotba ta` meditazzjoni bħal Glorie di Maria, L`Apparecchio della Morte, Le Visite al Santissimo Sacramento e a Maria Santissima ta` Sant' Alfonso Maria de Liguori. Għal dawn il-kotba nsibu referenza għal xkaffar fil-kmamar scansia pei libri bħall- perezempju fl-ewwel ċella Prudentia. Din il-kamra kienet aktarx riservata għall-pirjol għax fiha kien hemm diversi ċwievet tal-bini kif ukoll siġilli prijorali.  Huwa maħsub li dawn is-siġilli kienu jintużaw sabiex il-pirjol jawtoriżża xi dokument meħtieg għall-komunita` miġbura fil-kunvent ta` Bormla.  Sabiex jinkitbu dawn id-dikjarazzjonijiet il-pirjol ta` dak iż-żmien kien iżomm calamio di legno sabiex isib biex jikteb mingħajr xkiel.

Fdin iċ-ċella bħal kull kamra oħra hemm dak kollu li kien ta` bżonn għall patri fil-ħajja reliġjuża. Nghidu ahna nsibu mitraħ flimkien ma` mħaded addattati u sodda b`salib tal-injam fuqha biex tfakkar fis-sagrifiċċju ta` Sidna Ġesu` Kristu għall-benefiċċju tal-umanita`. Hemm lista għal kull kamra b`referenza komuni għall-ilma mbierek aqua santiera kif ukoll għal tazzi tal-ħġieġ u kikkri possibilment għal xi xarba kiesħa jew sħuna skond l-istaġun.   Il-patrijiet kellhom tavolina, siġġijiet, buqar żgħir tal-injam u buqar għall-ilma sabiex isibu x`jieħdu mingħajr ma jkollhom joħorgu mill-kamra għal kull ħaġa ta` xejn. Kien hemm armarju filajt bi tliet xkafef u reċipjent għall-ħasil tal-wiċċ u l-idejn.

L-oġġetti misjuba fl-inventarju juru l-importanza li kienet tingħata mill-patrijiet għat-talb u għall-iġene personali. Jagħtu wkoll ħjiel dwar preferenzi personali.  Nagħtu kas fil-kamra Amor Dei il-patri kien iżomm l-affarijiet diġa nnutati bħal sodda, buqari tal-ilma u siġġijiet flimkien ma` ħames kontenituri għat-tabak.  Oġġetti oħra huma kwadri b`immaġni sagri, paglione jew saqqu tat-tiben, klamar tal-ħadid jew tal-irħam, xugamani u gvieret, gandlieri tar-ram jew bronż, siġġijiet sempliċi jew bl-idejn u plattin għas-sapun jew għal kafe flimkien ma` zukkariera.   

L-inventarju jagħtina ndikazzjoni wkoll għat-tagħmir fin-novizzjat kompost minn kappella, ċelel, oratorju bil-Via Crucis u post għar-rikreazzjoni fejn insibu ferri per fare disciplina u carte da gioco di legno con ottone. Hemm ukoll notament dwar ir-Robberia għax-xugamani, srievet u lożor u għar-Refertorio li kien iżomm tavolina għall-mortifikazzjoni ma` oġġetti għall-istess skop kif ukoll kwadri, gabarre, damiġġjani, fliexken tal-kristall abjad għall-inbid u ilma u tazzi tal-kristall għar-rosolio. Fil-kċina nsibu fost affarijiet oħra skutelli, zuppiera, frieket, skieken, platti, turtieri, forom tar-ram għall-ħelu u molino għall-kafe’.   Kien hemm ukoll infermerija bis-sodod għall-morda, mħaded, gradenza u plattini għas-sapun.

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l-Inventarji (II) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Convento B: (10) Documenta Varia de Domo Apud SMN Theresiam Burmulae Malta Liber Nonus Inventarium rerum in convent existentium folio 1 ed (11) Documenta Varia de Domo Apud SMN Theresiam Burmulae Malta Liber Decimus Inventarium rerum existentium in Sagrestia Burmulae AD 1713 folio 23 e Convento C (3) Acta Capitolarum Conv SM Theresiae Melitae ab anno 1661 ad 1796 Vol II.