Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l-Kunvent fis-Sekli ta` Qabel (II) 

Minn David Rossi

 

L- Atti Kapitulari jirriflettu l-attivita` tar-Reliġjużi fi ħdan il-Kunvent ta` Santa Tereża ġewwa Bormla.  Il-kontenut miġbur tul is-Sekli jagħti ndikazzjoni tal-ġrajja komuni ta` missirijietna u jmexxina tul iż-żmien fuq is-sehem li taw u għadhom jagħtu l- Karmelitani Skalzi għat-tixrid tal-Evanġelju madwarna u lil hinn minn xtutna.  Naraw l-importanza tal-legati u l-fundazzjonijiet mwaqqfa permezz tat-testmenti li bosta drabi kienu jitolbu dfin fil-knisja qrib ta` artal partikulari li jfakkar il-ħajja dedikata ta` xi qaddis.  Hemm ukoll referenzi għall-Quddies ta` Suffraġju u għotjiet lill-Kunvent sabiex ikompli jwettaq il-ħidma fejjieda tiegħu hekk kif ġie mwaqqaf fis-seklu sbatax.

 

L-Ordni Tereżjan  kien organiżżat mill-bidu nett u d-diriġenti tiegħu kienu jqisu l-ġid tal-komunita` permezz tad-deċiżjonijiet li kienu jieħdu waqt laqgħat konventwali. Il- Vti ta` Provinċjali u Vigarji mill-1627 `il quddiem kienu jsaħħu l-preżenza tar-Reliġjużi f`Malta mat-tmexxija tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi hekk kif bdiet tinfirex wara r-riforma ta` Santa Tereza t`Avila u San Ġwann tas-Salib. Fil fatt naraw li waqt l-istess perjodu tal-wasla tat-Tereżjani f`Malta, u ftit wara li ġiet beatifikata u kanoniżżata Santa Tereza fl-1622, twaqqaf il-Monasterju tal-Karmelitani Skalzi tal-Assunta ġewwa Palermo fl-1627.  Kemm Malta u Sqallija kienu taħt id-direzzjoni ta` l-istess Vigarju Provinċjali mill -1629 `il quddiem hekk kif fil-Kapiltu Ġenerali tal-1632 il-Provinċja ta` Sqallija ħaddnet lil San Alberto bħala il-prottetur tagħha.  

 

Fil- Liber Actuum Capitolarium 1634 -1661 insibu li d-direzzjoni tal-Karmelitani Skalzi f` Malta kienet tigi mġedda kull tliet snin.  Hekk naraw kif f` Mejju tal-1653 Fra Melchiorre di Gesu` kien sar Pirjol bil-ħatra ta` Sotto Prijur tmur għall-P.F. Onore di San Domenico.  Kien hemm ukoll P.F. Casimiro di S Maria bhala Primo Discreto u P.F. Tommaso di Gesu` Maria u P.F. Silvano di S Francesco bħala Secondo u Terzo Discreto.  L- Eżaminatur għal dan il-perjodu kien Patri Luigi della Nativita` di Nostro Signore.  Tliet snin wara, jiġifieri f` Mejju tal-1656, Casimiro ġie magħżul bħala l-Prijur il-ġdid tal-Kunvent f`Bormla u Tommaso laħaq Sotto Prijur.  Jidher li l-pożizzjoni bħala Discreti fil-ħatra ta` qabel għenet sabiex tinġabar esperjenza biżżejjed għat -tmexxija għaqlija  tal-Kunvent. 

 

Id-direzzjoni kienet tinġabar għal laqgħat flimkien mar-Reliġjużi l-oħra sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fuq id-dfin fil-Knisja ta` Santa Tereża.  Il-membri tal-Ordni Karmelitan Skalz f`Malta kienu jitpoġġew fil-kripta wara mewthom, waqt li d-devoti kellhom x-xewqa tagħhom għad-dfin fil-lokazzjoni sagru  diskussa mill-Komunita` Reliġjuża Tereżjana. Infatti fl-4 t` Awwissu 1652 ġie deċiż li Domenico Cascia seta jiġi midfun wara mewtu, hu u l-familjari tieghu, fil-kappella ta` San Ġużepp li tinstab fuq il-lemin tal-Artal Maġġur għas-somma ta 200 skud bħala elemosina  u bil-kundizzjoni li jżomm dan il-post b`mod xieraq.  F` dan il-każ it-tlettax il - membru preżenti qablu waqt il-laqgħa max-xewqa ta` Cascia kif iddikjarata fil-minuti li ġew iffirmati minn P.F. Silvano di S Francesco u Fra Girolamo Ma di San Francesco.  Fit- 22 ta` Settembru 1655 il-kappella ddedikata għal San Franġisk tħalliet għad-dispożizzjoni funebri fil-kaz ta` Don Battista Michalef u l-familja tiegħu għal l-istess għotja. 

 

Apparti d-dfin is-supplikant kien ukoll alli għotja għall-Quddies ta` Suffraġju biex tiġi aċċettata mir-Reliġjużi.  Fi 22 ta` Settembru 1655 ġiet milqugħa t-talba ta` Dr Biaghi Salvego għall-Quddies kuljum fuq legat ta` 1100 skudi.   Kien hemm oħrajn u l-ammont mħolli kien xi kultant jinata taħt self b` rata maqbula bl-awtorita` meħtiega.  Dan kien magħruf bħala Censi Bollali.  Kien hemm drabi li d-direzzjoni kienet taqbel li d-dħul seta b` xi mod jiġi applikat għall-Kunvent bħal ma` ġara fil-każ ta` Cascia fejn flus mgħotija ntużaw għas-Sagristija.

 

Nxtara giardinetto min għand Martino u Stefano Benici biex isir Romitorio jew post għall-irtiri bil-Gran Mastru tal-Ordni Gerosolmitan joħrog 200 skud mill-prezz li ma kellux jaqbeż it-300 skud.   Ftit wara il-komunita` qablet li ssir Cisterna fil – gnien u nxtara l-inbid u d-dqiq bħala proviżjon hekk kif Fra Michele ġie kkonfermat li seta jordna Djaknu mal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi passo` quoad mores et quoad scientiam affirmative          

 

 

 

Dan it-tagħrif dwar it-Tereżjani u l-Kunvent fis-Sekli ta` Qabel ( II )  ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione:  Convento C 1 Liber Actuum Capitolarium Collegii Melitensis S Teresa ab Anno 1634 usque AD 1661. C 2 Liber Actuum Capitolarium Collegii Melitensis S Teresa ab Anno 1634 usque AD 1661 Copiae. C 3 Acta Capitolarum Conv SM Theresiae Melitae ab anno 1661 ad 1796 Vol II. C 4 Atti Capitolari del Convento di S Theresa Malta dal 1796 al 1849 Vol III.  7 Libro della SS Visite Generalizie AD 1627 – 1959.