Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Terezjani u d-Devozzjoni Reliġjuża (II)

Minn David Rossi

 

Qabel ma nidħlu fil-Knisja ta` Santa Tereża f`Bormla niltaqgħu ma’ l-istatwa ewlenijja ta` San Elija.    Il-konessjoni  bejn il-Profeta Elija u l-patrijiet Terezjani  hija evidenti fejn tinstab l-Ordni.  Nsibuha fil - preżenza tal-komunita`tal-Karmelitani Skalzi fuq Monte Karmeli, eżatt f` El Muhraqa l-post fejn il-Profeta sfida lil-qaddejja ta` Baal sabiex juri l-qawwa t` Alla l-Ħaj.   Narawha wkoll fl-immaġni mpittra fi Knisja ġewwa l-Polonja eżattament  fi Czerna fejn il-Profeta jidher bl-ilbies tal-Ordni tal-mendikanti Marjani.  F`Malta l-Isqof  Ferdinando Mattei wera l-importanza tal-Profeta Bibliku u ta Indulġenza Parzjali ta` erbgħin jum għal dawk id-devoti nsara li jgħidu l-Missierna u Sliema quddiem l-Immagni mirakuluża ta` San Elija,  Prottetur tal-Barklori.

 

Mir-reġistri misjuba fl-Arkivju ġewwa l-kunvent Terezjan ta` Bormla jidher li l-komunita reliġjuża kienet tħaddan magħha għaqda ddedikata lil dan il-Profeta qalbieni.  Fil fatt naraw kif statuti jew kif kienu ukoll magħrufa stabilimenti tas-Sodalita di St Elia ġew approvati mill-Vigarju tal-Komunita` Reliġjuza, Patri Teodosio della Concezione fl-20 t` Ottubru 1812 flimkien mal-aħwa l-oħra,  Francesco Saverio u Gian Maria di S Anna kif; ukoll Salvatore di S Pietro, Carlo Giacinto di Gesu` Maria u  Emmanuele Luigi di Santa Maria delle Neve.   

 

Sabiex ikollha direzzjoni reliġjuża xierqa il-Vigarju laħħaq lil Patri  Salvatore di S Pietro bħala Kappillan tas-Sodalita` għal tliet snin kif kien stipulat fl-Istatuti fejn il-kapillan kellu jiġi elett u nominat mis-Superjur lokali flimkien mal-consodali jew membri għaż-żmien imsemmi.  Kien meħtieġ jagħmel ezortazzjoni morali għall-membri darba fix-xahar f`Ħadd partikolari u jqarar lill-affijati waqt li jqarbinhom mill-artal tal-Qaddis Prottetur tagħhom San Elija.  Kien intitolat jirċievi s-somma ta` 8 tari` għall-quddiesa ċċelebrata u kien jirċievi 15 - il skud fis-sena bħala onorarja fil-jum tal-festa ta` San Elija.

 

Is-Sodalita` kienet torganiżża Panigirku fil-jum tal-festa ta` San Elija Protettur tal-Barklori għall -.  pagament ta 30 tari ` mil - fond komuni tas-Sodalita`.  Naraw kif  dan sar fil-knisja ta` Santa Tereża fl-1809 u tħassar fl-1813 minħabba l-pesta li ħakmet lill-iritna.  L-eżerċizzi xorta saru f` dik is-sena qalila u tmexxew minn Patri Salvatore di S Pietro u Patri Emmanuel di Santa Maria della Neve.  Il-membri kienu wkoll mħegga jattendu għall- meditazzjoni fil-lejl tal-eżerċizzi u s-Sodalita` kienet tħallas 8 skud għal kull wieħed li jagħmel l-eżercizzi filwaqt li tagħti skud kuljum għall-konfessuri fl-aħħar tliet ijiem tal-eżerċizzi.  Dawn kien ikunu mill-anqas tnejn kuljum. Il - Kappilan ma kienx jitħallas għas- servizz tal-qrar. 

 

Kull sena, xahar qabel il-festa, kienet tiġi mlaqqa ’Konsulta Ġenerali l-Ħadd mis-Superjur biex tiġi organiżżata l-attivita`.  L-ispejjes tal-festa kienu joħorgu mill-fond misjub f`kaxxa bi ċwievet miżmuma mis-Superjur u l- Protettore fl-Arkivju tal-kunvent.   Il -  Protettore kien permess li jieħu sa 10 skudi għal spejjes kurrenti waqt li l-prokoratur seta jonfoq 5 skudi u aktar bil-kunsens ta -Superjur Lokali, Prottetore u Rettore.   Dak li kien Protettore kellu wkoll joqgħod ta` Segretarju biex jinnota d-deliberazzjonijiet. Bħala parti mix-xogħol tiegħu l-Prokuratur kien meħtieg jippreżenta d-dħul u l – ħrug finanzjarju nkluz dak imħallas għas-suffraġi lill - Kappilan flimkien ma` żewg kummissarji mqabbda mis-Sodalita`.    

 

Is-Suffraġji kienu jikkonsistu fi tliet sieghat agunija quddiem ir-relikwa ta` San Gużepp għal kull membru f` agunija, kemm raġel kif ukoll mara.  Kienu jsiru wkoll tliet quddisiet għal felice passagio u quddiesa kantata wara l-mewt flimkien ma` 8 quddisiet letti ċelebrati mit-Tereżjani.  Wara l-mewt kien meħtieg li jintalab ir-rużarju mill-membri jew fid-dar jew f`post ieħor.  Fl-anniversarju kienet issir Messa Cantata u kant tal-Uffiċċju tal-Mejtin il-Ħadd wara l-Ottava tal-Qaddisin kollha.  Kienet issir ġabra xahar qabel għal-żewg torċi fuq it-tumolo, sitta għall-artal maġġur u sitta oħra għall-altar tal- Qaddis .  Kienu jitpoġġew  xemat madwar il-kadavru u  fuq l-artal.   Fl-isfond ta` dan kollu  naraw kif fl-1811 Vincenzo Corso ġie onorat wara mewtu b`4 xemat jiżnu 10 once u 17 torċa flimkien mal -midalja ta` San Elija.    

 

Jekk ma titħallasx il -miżata għal sentejn il-membru kien jitlef is-suffraġji u jiġi eskluzi mis-Sodalita`.  F` kas ta` mewt ta` Reliġjuż  dan kien jiġi akkumpanjat minn tnax-il membru bit-torċi mixgħula.  Dawn kienu wkoll jassistu għall-quddies. 

 

Fir-Reġistru tal-Introito ed Esito 1810 -1819 hemm notamenti nteressanti marbuta ma-mużika tal-Matutin u l-quddies b`suffraġju għall-mejtin fejn il-Maestro di Capella mexxa l-kant f` Novembru 1810 bil-parteċipazzjoni  ta` diversi strumenti fosthom  Contro basso,  vjolin,  tromba, obue,  klarinett, orgni u vjolinċel   Xi strumenti kienu wkoll msemmijja għat-tielet Ħadd tar-Randan u l-aħħar jum tal-eżerċizzi.

 

Il-Konfraternita` kienet tieħu sehem fil-purċissjoni ta` Corpus Christi u fil-Purċissjoni tar-Resurrezzjoni hekk kif għamlet fis-sena 1811.  

 

 

 

Dan it-tagħrif dwar it-Tereżjani u l-Kunvent fis-Sekli ta` Qabel ( I )  ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione:  Confraternitas : Sodalita` di St.Elia Protettore dei Barcalori Cf 22 Sodalita` di St.Elia Protettore dei Barcalori 1810 – 1819: Statuti. Cf 23 Sodalita` del S. Profeta Elia Introito ed Esito 1810 – 1819. Cf 24 Sodalita` del Profeta S.Elia 1814 – 1819: Ascritti.