|
It-Tereżjani u d-Devozzjoni Reliġjuża ( I )
Minn David Rossi
Id-devozzjoni reliġjuża flimkien ma` ritwali u espressjonijiet popolari ta` qima lejn il-qaddisin tieħu bixra ħajja meta tkun magħġuna ma` fidi matura. Tul iż-żmien il- Patrijiet Tereżjani kienu magħrufa sew għar-relazzjoni li nibtet mal-Bambin ta` Praga ġewwa l-Bohemja f` Mala Strana, illum fil-kapitali tar-Repubblika Ceka. L-istorja hija xhieda tal-imħabba Divina lejn il-bniedem li jagħzel lil Alla bħala l-Mexxej Ewlieni tiegħu. Kienu bosta l-mirakli nnutati hekk kif il-Bambin sab ruħu f`Arenzano l-Italja u tant postijiet oħra madwar id-dinja.
F`Malta, il-Bambin ta` Praga għandu post speċjali fost il-komunita` Tereżjana li tul iż-żmien ħadmet qatigħ sabiex tinxtered id-devozzjoni mixtieqa. Fil-kunvent stess tidher l-istatwa msebbħa tal-Bambin f`post prominenti. Din tinstab ukoll fuq artal ewlieni fil-knisja tal-Patrijiet Marjani ġewwa Bormla, tistenna t-twettiq tal-kelma moghtija ` Aktar ma Intom tagħtuni qima aktar Jien nagħtikom grazzji’.
Huwa fatt interessanti li l-Patrijiet Terezjani tal-kunvent ta`Bormla kienu joħorgu fuljett msemmi ` Il-Bambin ta` Praga’ mill-1913 `l quddiem taħt id-direzzjoni ta` Patri Piju ta` San Iljun. Fl-Arkivju tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi jinstabu kopji li jġibu d-data tal-25 ta` Marzu 1918 u l-25 ta`April 1918 (Il-Ħames Sena Numru I u II). Il-Perjodiku għaż-żgħazagħ kien joħrog kull xahar b`sittax il-faċċata għall-ħlas ta` sold. Kellu l -approvazzjoni ta` l-Ordni u tal-Knisja waqt li kien jiġi stampat minn C. Mifsud Sda S. Ursola, il- Belt. Baqa’ joħrog tul l-ewwel gwerra mondjali li spiċċat f’Novembru 1918 u jidher li dan is-saram kellu effett fuq il-pubblikazzjoni tal-perjodiku, tant li Patri Piju jsemmi d-diffikultajiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom sabiex joħrog il-fuljett, bħall-nuqqas ta` karta u fondi.
L-iskop tal-pubblikazzjoni kien li tikber id-devozzjoni lejn it-Tfulija Mqaddsa ta` Gesu` u għaldaqstant l-artikli jittrattaw diversi temi reliġjużi bħal tagħlim fuq id-dehriet ta` Gesu’ Bambin lejn id-devoti tiegħu u storja dwar martri taż-żmien Dacjanu, Giustu u Pastur li ma beżgħux mit-tbatijiet temporali għall-glorja ta`Sidna Gesu’ Kristu. Il-qarrejja kienu wkoll mfakkra dwar l-importanza tat-talb kif ukoll tal-penitenza waqt il-gwerra, bħal astinenza mill-pjaċiri u divertiment illeċitu u fuq kollox li jiġi evitat id-dnub sabiex jiġu mismugħa u ssaltan il-paċi. Artikli oħra trattaw l-ewwel xbiha ta` Marija u tagħrif fuq il-Kredu flimkien ma` taghlim fuq l-verita’ tar-Reliġjon Nisranija. Tagħrif ieħor kien fuq grazzji mogħtija lil dawk li jirrikoru lejn it-triq it-tajba, filwaqt li tissemma il-Confraternita` tal-Bambin Gesu’ ta` Praga.
Din ġiet mwaqqfa fl-1914 ġewwa l-Knisja Tereżjana f`’Bormla u kull membru kellu karta ta` registrazzjoni. Insibu membri Karmelitani Skalzi, fosthom Patri Agostino di S Teresa, Patri Pio di S leone ukoll Prokuratur ta` l-istess konfraternita, Patri Giuseppe d’ Ogni Santi flimkien ma` Patri Constantino di S Giuseppe flimkien ma` oħrajn lajci bħal Carmela Abela, Giuseppe Cucciardi, Giovanna Fioccari u Maria Fleri.
Min jidħol fil-konfraternita’ kellu obbligu li jagħti ismu għar-reġistrazzjoni u jżomm fuqu domna mbierka tal-Bambin ta` Praga waqt li jgħid kuljum għal tliet darbiet Gloria Patri u t-talba `Mqaddes Bambin Gesu’ Berikni’. Min jinkiteb seta’ jieħu Indulġenza Plenarja jekk iqerr, jitqarben, jinvista bid-devozzjoni xi knisja jew kappella pubblika u jitlob skont il-fehma tal-Papa fil- jum ta` sħubija.
Kien jista` jirbaħ l-Indulġenza fil-Festa tal-Milied, l-Epifanija u okkażżjonijiet oħra bħal kull xahar fil - 25 jekk fil-knisja tal-Konfraternita’ jassisti għall-prattika devota. Il-grazzja kienet tingħata fil-punt tal-mewt jekk il-membru jqerr, jitqarben jew almenu niedem isejjaħ bid-devozzjoni l-Isem Mqaddes ta` Gesu’ jekk jista’ bil-fomm inkella bil-qalb u jaċċetta l-mewt minn idejn Alla bil-paċenzja bħala ħlas tad-dnub.
Indulġenzi Parzjali ta` 300 jum kienet tintrebaħ kull darba li b`qalb niedma u bid-devozzjoni, membru jassisti fil-knisja tal-konfraternita’ għal xi prattika devota li ssir ad unur il-Bambin Gesu` waqt li 100 jum kienu jingħataw għal kull opra tajba li titwettaq skont il-fini tal-konfraternita’ kif stipulata fid-digriet ta` Papa Piju X tas-27 ta` Novembru 1913.
Aparti d-dhul ta` miżati mill-membri, r-reġistru tal-Introito ed Esito ta` bejn is-sena 1915 u l - 1922 juri bilanċ permezz ta` dak li kien jinġabar fil-Cassa u donazzjoniiet ta` persuni diversi. Il-ħrug kien jikkonsisti fi ħlas biex isiru l-medalji u pagamenti lill-kunvent għall-Quddiesa Kantata Solenni fil-jum tal-Festa tal-Bambin. Insibu fir-reġistru ħlas għall - Kanonku Lorenzo tal-Birgu minħabba Paniġirku u pagament ieħor għall-Maestro Paolo Vella għall - kant ta’ l-Innu waqt l-Inkurunazzjoni tal-Bambin bl-Antifona u Tantum Ergo. Paolo Pace ukoll rċieva flus għal erba’ carte gloria tal-fidda fuq l-artal tal-Bambin. Sar ħlas għall - kanturi ċkejkna u għal xi ħelu għar-refettorju.
Nsibu konfraternita’ simili f`San Alfons, Birkirkara. Sabiex tkompli id-devozzjoni lejn il-Bambin ta` Praga ħareġ ukoll ktejjeb ta` talb jismu ` L – Imqaddes Bambin Mirakuluż ta` Praga’ bin-Nihil Obstat ta` 28 ta` Ottubru 1909 u bit-tipografija Mużewmina Soċji Interni Zebbug.
Dan it-tagħrif dwar it-Terezjani u d-Devozzjoni Religjuza ( I ) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.
Referenza: Catalogo: Archivio dell’Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta’ Cospiqua:
Sezione Confraternitas: Confraternita del S. Bambino di Praga (25) Libro della Confraternita del S. Bambin Gesu ` di Praga eretta nella Chiesa di S Teresa Cospicua nell` anno 1914 e Carta Ascritti. (26a) Introito ed Esito della Confraternita del S. Bambino di Praga dall` anno 1915 al 1922. Standardo Congregazione del S Bambino di Praga. Elenco degli Ascritti alla Confraternita del Santo Bambino di Praga. (26b) Konfraternita tal-Bambin Gesu` ta` Praga (B`kara) inscription cards (2) Prayer themes L-Imqaddes Bambin Mirakulus ta` Praga.