Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l -Fondazzjonijiet  (II)

Minn David Rossi

 

Id - donazzjonijiet ta`propjeta` immobli u flus kontanti, minn diversi benefatturi lit-Tereżjani u lill-Ordnijiet Mendikanti matul il-ħajja ta` dak li jkun, kienet ta` għajnuna kbira lejn l-iżvillup tal-entita` reliġjuza fi żmien il-kavalieri.  Flimkien ma` din il-kontribuzzjoni intervivos kien hemm min jagħmel testment u jħalli l-wirt tiegħu għat-twettiq t` opera pia wara mewtu.  Din ix-xewqa nobbli tat-testatur kienet imniżżla ma` diversi obbligi oħra bħal fejn jiġi midfun il-benefattur u numru sostanzjali ta` quddies Messe Lette u Cantate bil-bżonn xi kultant li jiġi attwat fuq artal privileġġat.

 

Il-ħsieb wara dan kollu kienet il-ħajja eterna.  Is-sinjur kien iħoss il-ħtiega sabiex il-beni li jkollu jitħallew f`idejn eredi universali bħal Ordni Reliġjuż jew Konfraternita` u l-amministratur jew prokoratur imqabbad f`dan il-kas kellu l-obbligu li titwettaq ix-xewqa tal-benefattur. Skont il-kittieb Groethuysen f` Origini dello spirito Borghese in Francia  propjetarji kienu jżommu l-beni bħala kustodji f`isem il-Ħallieq u kellhom id-dmir li jpoġġuha għad-dispożizzjoni tal-fqar biex b`hekk tinħoloq socjeta` ġusta.  Dan il-ħsieb nobbli kien ifisser li diversi artijiet u pussessjoni oħra kienet titħalla għall-iskop ta` twaqqif ta` fondazzjonijiet reliġjużi. Din kienet tinkwieta l-amministraturi pubbliċi u nsibu li l-Gran Mastru Alof de Wignacourt ma ħalliex it-twaqqif ta`monasterju kif xtaqet Geronima Ciantar fisem il-Madonna tal-Karita` ghal raġunijet ekonomiċi.  Fi Sqallija kien hemm l-istess attitudni u l-awtorita` illimitat il-bini ta` monasterji, kunventi u istituzzjonijiet reliġjużi fl-1738.

 

Għalkemm kienu jeżistu xi restrizzjonijiet Don Antonio Gaffori f Modus Juvandi Morientes eggeg fl-1757 lill-benefatturi sabiex jagħmlu testment b`dinjita’ reliġjuża u b`mod ġust.  Hekk naraw kif Anna Maria Bandinelli ħalliet dar fil-Belt lit-Tereżjani permezz ta` testment għand in-Nutar Pubbliku Pietro Vella nhar it-3 ta` Gunju 1640.  Id-dar kienet ħdejn il-porta inferiore tas-Sagra Infermeria u l-kunvent kien obbligat li jqaddes kull nhar ta’ Sibt matul is-sena għal ruħ it-testatriċi u għall-bżonnijiet ta` binha u benefatturi oħra wara li jkunu nqatgħu spejjez annwali ta` manutenzjoni tal-post.   Permezz ta` awtoriżżazzjoni mid-Definitur Generali u s-Sagra Congregazzjoni tal-Konċilju dan is-sit ġie mibjugħ lill-Ordni Sovran fuq ix-xewqa tal – kavalieri għat-tkabbir tal-isptar fil-Belt, bil-kundizzjoni li d-dħul ta` 400 skud jiġu mpenjati b`mod vijabbli.  Il-bejgħ sar permezz tan-Nutar Michele Ralli fit-2 ta` Marzu 1662 u l-ammont miġbur inata forma di bulla self b ` 6% fuq beni ta` Ursolina Cagliares.

 

Fit-22 ta` Settembru 1641 skont l-Atti tan-Nutar Giuliano Felici t-tifla ta` Girolomo Cassar, armla ta` Antonio Habela, waqqfet legat ta` quddies mat-Tereżjani li kienu awtoriżżati jieħdu post ġewwa l-Belt fin-nuqqas eżistenti ta` dixxendenti tal-imsemmija Baptistina.  Ftit snin wara, membru tal-Ordni Sovran, Fra Carlo Brandini, talab il-permess tal-Gran Mastru sabiex alli id-dar li kien akkwista bi flusu fejn kien joqgħod quddiem il-Palazzo Vescovele lit-Tereżjani għall-imħabba t`Alla, b`suffraġju għal ruħu u għar-remissjoni tan-nuqqasijiet tiegħu.   Il-Karmelitani Skalzi ġewwa Bormla kienu meħtiega li jikkonservaw il-propjeta` u l-armi misjuba hemm mid-dħul annwali ta` 130 skud flimkien ma` talb għal ruħ il-kavallier, membru tal-Lingua d` Italia.

 

Fra Gio Girolamo Salvago mexa fuq l-eżempju ta` membri oħra tal-Ordni Gerosolmitan  u wara li akkwista l-liċenzja meħtiega mis-Sovran ħalla 1100 skud għall-quddies perpetwu ta` kuljum għal ruħu, mat-Tereżjani.  L-Ordni tal-Karmelitani Skalzi aċċetta dan il-legat ta` quddies, u hekk kif irċieva l-ammont speċifikat mit-testatur permezz ta` Fra D Ceba u Fra R Spinola impenja il-kapital f`self lil diversi persuni kontra sigurta ta` beni. 

 

Fl-1641 Ottavio Martore Martorella appunta lit-Tereżjani bħala eredi universali u wera x-xewqa li jiġi midfun quddiem l-artal tal-Madonna, waqt li jsir Messe Lette fil-knisja għar-ruħu fil-jiem tal-Ħadd, it-Tnejn, it-Tlieta u l-Ħamis.  Kien meħtieg jingħad il- quddies fil-ġranet tal-Erbgħa u s-Sibt għall-erwieħ tal-Purgatorju u l-Ġima għall-ħames erwieħ innutati minnu stess.   Kien hemm  diversi partite bollali (self)  u art ġewwa Birżebbuġia, limiti ta` Casal Tarxien, li kienet isservi ukoll għas-servizz tal-artal maġġur. 

 

 

 

Dan it-tagħrif dwar it-Tereżjani u l-Fondazzjonijiet ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f’Bormla. Inħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-   Karmelitani Skalzi biex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża, Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984/tel 21826111 jew jibagħtu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Flus fi żmien l-Ordni Sovran f’Malta

Oncia      =     2 scudi 6 tari

Scudo     =   12 tari

Tareno   =   20 grani

Carlino   =   10 grani

Grano    =      6 piccioli

 

Referenzi: Catalogo: Archivio dell’Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta’ Cospiqua:

Sezione Convento E ( E1) Indice Fondatione 1-111 Summario de Liber O paginis 111.

(E2) Liber O paginis 1 – 202. Copia delle suppliche Saeculo XV11.  PAV Fondazione e Scrittue Confraternita` della Carita`, Valletta.  O. Cancila La cultura: motivi e tendenza (Palermo, 1975)  A Gaffori Modus juvandi morientes ad sacerdotes ministrantes infirmis directa (Malta, 1757)   B. Groethuysen Origini dello spirito Borghese in Francia (Torino, 1977).