Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l -Fondazzjonijiet  ( I )

Minn David Rossi

 

Fi żmien l-Ordni Sovran xi wħud kienu jirrikorru għand nutar tal-fiduċja tagħhom sabiex jagħmlu testment. Dan id-dokument ħafna drabi jinstab fl-arkivju nutarili; biss id-dettalji tal-kitba huma nnutati wkoll fir-reġistri tal-Fratellanzi u Ordnijiet Mendikanti u Marjani. Dan għaliex it-testment huwa xhieda ta’ fidi ħajja fejn dik il-persuna, qrib li tħalli din id-dinja, kienet toħloq fondazzjoni għall-opra tajba għat-tpattija tad-dnubiet.

Insibu legati fejn it-testatur kien isemmi entita’ reliġjuża bħala eredi universali. Din l-istituzzjoni kienet tkun tista’ tamministra l-beni għal ġid tal-fqar jew oħrajn imsemmija skont ix-xewqa mniżżla bid-dettal fit-testment. Fil-Belt kellek lil Dr. Giovanni De Napoli jħalli l-propjeta’ tiegħu lil Konfraternita’ tal-Karita’ u meta l-amministrazzjoni kienet tiġbor biżżejjed fondi għar-riskatt ta’ l-iskjavi Nsara fil-kosta tal-Barbarija, familjari kienu jressqu suppliche tagħhom lid-direzzjoni tal-Konfraternita’ għal ħelsien ta’ qrabathom. Minn naħa tagħha Maria Fioccari ħalliet il-beni tagħha għal l-iskop li jinħelsu tfajliet minn drawwiet ħżiena għall - ġid spiritwali tagħhom. F’dan il-każ, hekk kif kienet tinġabar id-dota monastika skont ix-xewqa tat-testatriċi, il-Konfraternita’ kienet tagħżel zitella  għal ħajja fil-Monasterju tal-Maddalena, il-Belt.   

Il-legati kienu ta’ għajnuna għall-Ordnijiet Reliġjużi u fl-Arkivju tat-Tereżjani f’Bormla nsibu dettaji nteressanti dwar din il-prattika lodevoli. Xi wħud kienu jagħtu donazzjonijiet permezz ta’ kitba legali għand nutar tul ħajjithom. Naraw f’dan il-każ kif l-Isqof Baldassare Caglaires (1575-1633) kien favur il-wasla tat-Tereżjani f’Malta u għaddilhom propjeta’ li kien xtara fl-1625 mingħand Fra Claudio Decosse u oħrajn f’Bur Mula għal bini tal-kunvent u l-knisja. Għat-Tereżjani Malta taħt l-Ordni Sovran kienet opportunita’ biex titwassal il-kelma t’Alla fl-Asja Minuri, Mesopotamja u Malabar fl-Indja permezz ta’ twaqqif ta’ Kulleġġ Missjunarju Internazzjonali wara San Pancratius  ġewwa Ruma u ieħor f’Louvain, il-Belġju, għall-evanġeliżazzjoni ta’ l-Ewropa ta’ fuq. Cagliares kien ta’ għajnuna kbira għal miġja tat-Tereżjani f’Malta waqt it-taħditiet ma’ l-Ordni Sovran li wasal għal kunsens tal-Gran Kunsill tal-Kavallieri taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Antoine de Paule. 

Skont l-Atti tan-Nutar Pietro Paolo Vincella tal-11 ta’ Diċembru 1625, l-Isqof Cagliares ta, matul ħajtu, 1500 skud lil Patri Alesso ta’ Sant Anġlu u lil Fra Giuseppe Romano sabiex tinbena l-knisja u l-kunvent għal ġid spiritwali u għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kult Divin. It-Tereżjani kienu mitluba jqaddsu Messa Letta għall-intenzjoni tal-Monsinjur kuljum b’mod perpetwu fil-knisja li kien il-post fejn kellu jiġi midfun.

Wara din id-donazzjoni oħt l-Isqof, Beatrice Cagliares, tat 150 skud bl-Atti tan-Nutar Giovanni Paolo de Laurentiis fid-19 ta’ April 1651, għall-istess intenzjoni kif imfissra mill-Isqof ta’ dak iż-żmien. Dawn il-flus ġew imħaddmin tajjeb mill-Ordni Marjan u b’parti minnhom nxtrat propjeta’ li kienet tikkonsisti f’dar u ġnien mingħand Silvja Succhet fl-1653.

L-isqof Cagliares u membri tal-familja tiegħu ma kinux l-uniċi li taw donazzjoni lit-Tereżjani tul ħajjithom. Fil-fatt, insibu fl-Arkivju ta’ l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi kif il-Baglio di Leon Fra Giusto ta’ San Gerlande, membru tal-Ordni Sovran mill-Lingwa t’Auvergne, ta 1200 skud lit-Tereżjani għas-salvazzjoni ta’ ruħu, bil-kundizzjoni ta’ quddiesa kuljum b’mod perpetwu fuq Altar Privileġġat mill-interessi tal-kapital mħolli. Il-patrijiet Tereżjani aċċettaw din id-donazzjoni li saret permezz ta’ l-Atti tan-Nutar Pubbliku Vincenzo Sciberras fis-17 ta’ Diċembru, 1640. Saret modifikazzjoni ftit wara u l-benefattur aċċetta li l-quddies seta’ jsir fuq altari oħra anki minn sacerdoti forestieri. Il-fondi tal-Fondazzjoni Gerlande ġew użati sew u nxtrat xi propjeta’ u ngħata self b` censi bollali skont il-bżonnijiet tal-kunvent. Infatti, 460 skud ġew allokati biex tinħeles Casa d` Ischia  fil-belt Valletta minn ipoteka fuq l-istess sit waqt li bi 350 skud inxtrat dar f’Bormla minn Pemezzo Cassia. Mill-istess fond sar self ta’ 50 skud fuq beni ta’ Madalena Magri u fuq dawk ta’ Paolo Vassallo għal 100 skud. Naraw kif 140 skud intbagħtu bħala sussidju għall-istituzzjoni Tereżjana f’Monte Carmeli u l-bqija ġew skedati għax-xiri ta’ kotba mill-Belt ta’ Leon bl-għajnuna ta’ l-istess donatur għall-patrijiet u studenti tal-kunvent, f’Bormla. 

Il-legati kienu mezz biex tassisti lill-Komunita’ Tereżjana li fl-1783 kienet magħmula minn Padre Theresio di Gesu’, Prijur; Padre Girolomo di S Gennaro, Sotto - Prijur; Padre Placido della Purificatione, Padre Onafrio di S Giacomo, Padre Lorenzo di S Agnese, Padre Anselmo di S Martino, Padre Giov Evangelista dell’Ascensione, Prokuratur, Padre Dalmatio di S Giuseppe, Lettur u Padre Giov Pietro.

Dan it-tagħrif dwar it-Tereżjani u l-Fondazzjonijiet ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f’Bormla. Inħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-   Karmelitani Skalzi biex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża, Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984/tel 21826111 jew jibagħtu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Flus fi żmien l-Ordni Sovran f’Malta

Oncia      =     2 scudi 6 tari

Scudo     =   12 tari

Tareno   =   20 grani

Carlino   =   10 grani

Grano    =      6 piccioli

Referenzi: Catalogo: Archivio dell’Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta’ Cospiqua:

Sezione Convento E ( E1) Indice Fondatione I-III Summario de Liber O paginis  111.

(E2) Liber O paginis 1 – 202. Copia delle suppliche Saeculo XV11.