Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani f`Malta: Il-Pesta tal-1675

Minn David Rossi

 

Wara r-riforma ta` Santa Teresa t`Avila l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi gie mwaqqaf b`digriet tal-Papa Klement VIII fl-20 ta` Diċembru 1593. Minn dak in-nhar l` hawn kienu bosta l- kunventi u monasterji li raw il-bidu tagħhom fl-Ewropa u lil hinn fuq prinċipji ta` sempliċita` u faqar fejn komunitajiet zgħar ta` rġiel u nisa inġabru flimkien separatament biex igħixu f`talb u kontemplazzjoni għall-glorja t` Alla.

 

Kien fil bidu tas-Seklu Sbatax li l-Gran Kunsill tal-Ordni ta` San Gwann taħt it-tmexijja tal-Gran Mastru de Paole aċċetta l-preżenza tat-Tereżjani fostna, bl-għajnuna aħħarija ta’ l-Isqof Cagliares li flimkien ma` oħtu taw propjeta’ f`Bur Mula, mixtrijja mingħand Fra Claudio De Casse u oħrajn sabiex jiġi stabilit l-Ordni Tereżjan f`Malta.  Minn ġewwa Bormla l-Ordni infirex matul iż-żmien u twaqqfu kunventi u knejjes f`tas-Silġ, Birkirkara u Ta` Xbiex.  Sorijiet Tereżjani bdew ħajja kontemplattiva f`Bormla fl-1726 u ftit ilu, bil-għajnuna ta` Patri Piju Sammut OCD, sorijiet ta` l-istess Ordni qegħdin jgħixu ġewwa r-Rabat għall-ġid ta’ dawk ta` madwarhom, kif ukoll għall-umanita’ kollha

 

Mill-kitbiet ta` diversi storiċi tal-Ordni Tereżjan bħal Patri Angelicus u Patri Leone jidher li l-iskop f’ Malta kien li jitwaqqaf Kulleġġ Internazzjonali għat-taħrig ta` missjunarji ġewwa diversi pajjiżi fl-Asja Minuri, l-Indja u l-Mesopotamja.   Għalkemm kien hemm enfasi fuq il-viżjoni Internazjonali, il-Komunita` tal-Karmelitani Skalzi f`Malta tat-importanza wkoll għas-sejħa tagħha man-nies tal-lokal kif dehret ċara waqt l-avvenimenti tqal u makabra tal-Pesta ta’ l-1675 u l- 1676.

 

Skont Saviour Pisani MD il-Pesta tas-Seklu Sbatax bdiet mid-dar ta` negozjant Belti Matteo Bonici hekk kif fl-24 ta` Diċembru 1675 mietet it-tifla tiegħu. Jidher li l-missier kellu xi konsenja minn Tripli li setgħet ġabet dan il-gwaj fuq Malta.  L-Ordni Sovrana rat is-serjeta` ta` dan l-avveniment u tat bidu għall-miżuri sabiex ibu fix-xejn il-Pesta.  Laqgħat fi knejjes u f`postiiet pubbliċi kienu mwaqqfa u t-Tribunal tas-Saħħa kien jiltaqa’ darbtejn kuljum sabiex iwaqqaf sptarijiet ta` iżolament u jara x`inhu għaddej fl-Irħula u l-Ibliet li hlief l-Imdina, Ħal Safi u Għawdex kienu milquta sew.

 

Kien perjodu fejn minn populazzjoni ta` 60, 000 mietu madwar 8732 fosthom membri tal-kleru li ma qgħadux lura milli jagħtu l-għajnuna tagħhom sabiex jitwassal is-Sagrament fost il-moribondi. Fil-Birgu kienu tilfu ħajjithom tmien Dumnikani waqt li f`Bormla it-Tereżjani sofrew it-telfa ta` erba’ membri tal-Kongregazzjoni li ħassew il-htiega li jkunu man-nies f’din is-siegħa ta` prova.

 

Patri Raffaele ta` Sant’ Anna jindika li l-ewwel vittma tal-Pesta minn fost it-Tereżjani kien Patri Aurelio tas-Ssmu Sagrament, li miet fl-24 ta` Frar 1676 wara li qabditu l-marda hekk kif kien qed jgħin dawk I kienu milquta.  Kellu 44 sena u kien minn Korsika membru tal-Provinċja Rumana.  Huwa gie midfun fil-Kripta li hemm ġewwa l-kunvent f`Bormla. Kien ukoll spiċċa vittma Fra Simone minn Palermo mill-Provinċja ta` Sqallija li miet fil-21 t`April 1676 fl-eta` ta’ 25 sena. Ġie midfun fiċ-Ċimiterju ta` Santu Rokku barra l-ħitan tal-Birgu flimkien mal-kapillan ta` Bormla Dun Pietro Axiak ta` 60 sena, li għalih giet mwaħħla lapida fuq il-post.

 

Fit-23 t’April 1676 it- Tereżjani tilfu żewġ membri oħra; fosthom l-ewwel malti ta’ l-Ordni  li miet kien Fr Luigi ta` Sant`Ursola, Provincja Napolitana li wara li talab permess lil Gran Mastru biex jgħin lil dawk infettati mill-Pesta marad huwa stess u ħallas l-ogħla prezz għall-fidi tiegħu.  Dan ġie midfun flimkien ma` Fra Melchiorre ta` San Bernard Taljan ta` 23 sena mill-Provinċja Piemontina filnien inferjuri biswiet Triq Nelson. Fra Melchiorre miet sentejn wara l-professjoni tiegħu.  Iż-żewg reliġjużi ġew trasferiti għal ġewwa l-kripta fl-4 ta` Ġunju 1900 minħabba xogħol fuq bini ġdid fit-Triq Nelson.

 

Wara li ntemmet il-pesta minn ġewwa gziritna ġie kantat it-Te Deum fl-24 ta` Settembru 1676 bħala ringrazzjament lil Alla li għalih taw xhieda dawn l-erba’ Tereżjani flimkien ma` tant oħrajn.

 

 

Riferenzi:

Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Convento A 59: St Teresa` s at Cospicua in retrospect upon the occasion of the 350th anniversary of the arrival of the Discalced Carmelites in Malta: A Short Historical Survey by John Leone ODC.

 

Convento D 6 Liber II Necrologio dei Religiosi Defunti in Convento di SM Teresa dell` anno 1634 al 1772.   Necrologium Fratrum CC.DD qui Melitae in Conv S Teresiam in domino abierunt ab anno 1634 (Necrologium Religiosorum Carmelitarum Discaleatorum qui in Conventu SMN Theresiae Melitae decesserunt 1634 – 1964).

 

Convento E 69 Box H: Envelope R (Fr Raffaele di St Anna):  quattro religiosi Teresiani del Convento di Cospicua morti colla peste dell` anno 1676 soccorrendo gli appestati.

 

https://core.ac.uk/download/pdf/83019979.pdf

Looking Backwards: The Malta Plague Epidemic of 1675 – 1676 Saviour Pisani M.D      

 

L-Arkivju tat-Tereżjani f`Malta jiġbor tagħrif storiku dwar il-miġja tal – Ordni tal-Karmelitani Skalzi  f` Malta u s-sehem taghhom fis-soċjeta’ tagħna.  Huwa tabilħaqq xieraq li f`dan il-ġurnal jibdew jidhru artikli dwar din it-tema kif ukoll xi poeżiji mill-kitba ta` Brother Emmanuel Aquilina OCD.  Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.