|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Il-Ġublew – It-Testment il-Ġdid
Minn Dun Pawl Sciberras.
1. Għalkemm fit-Testment il-Qadim ma nsibu mkien li ġiet iċċelebrata din is-sena tal-ġublew, fit-Testment il-Ġdid għandna xi referenza wkoll fil-bidu tal-missjoni ta’ Ġesù fil-ħajja publika tiegħu. Ġesù daħal fis-sinagoga ta’ Nażaret fejn kien trabba, nhar ta’ Sibt, kif jagħmlu l-Lhud is-soltu, u mess lilu li jaqra l-Kotba Mqaddsa. Kienu jaqraw parti mill-profeti imbagħad jagħmlu kummentarju fuq dik il-parti li tkun inqrat. U Ġesù fetaħ il-ktieb tal-profeta Iżaija u qara l-biċċa mill-kap 61,1-2.
Ir-referenza għas-sena tal-ġublew hija fejn Ġesù jgħid “u nxandar sena ta’ grazzja tal-Mulej”. Din kienet is-sena tal-ġublew b’mod spiritwali. Mela l-Lhud kellhom sewwa f’qalbhom din iċ-ċelebrazzjoni tas-sena tal-ġublew, għalkemm biż-żmien bdiet tittieħed b’mod spiritwali. Ġesù jgħid li ġie magħżul, ikkonsagrat bl-Ispirtu tal-Mulej għal din il-missjoni tiegħu. Dan ġara meta fil-magħmudija tiegħu niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu u l-Missier instema’ jgħid, “Dan hu ibni l-maħbub, fih sibt il-għaxqa tiegħi”. U hemmhekk beda l-missjoni tiegħu li jxandar is-sena ta’ grazzja ta’ Alla l-Missier, sena preferenzjali tal-Mulej, żmien ta’ grazzja u ħniena mill-Mulej.
Bħalma fi żmien il-Levitiku is-sena tal-ġublew kienet titħabbar bid-daqq tat-tromba, hekk issa din is-sena spiritwali titnieda bil-ftuħ tal-missjoni ta’ Ġesù u bil-kliem tiegħu stess, “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu”. Għax Ġesu kien qiegħed jibda dan iż-żmien favorevoli għall-bnedmin ta’ rieda tajba, li riedu jaċċettaw il-grazzja tal-Mulej.
2. Kif fissirha din is-sena tal-ġublew Ġesù?
L-ewwelnett jibda bil-ħelsien tal-imjassrin. Hekk kif kellhom jiġu meħlusa dawk li kienu jkun mjassrin skont il-liġi tal-Levitiku, hekk ukoll Ġesù kellu jeħles lil dawk imjassrin bid-dnub u kull xorta ta’ tfixkil ieħor li ma jħallihomx ikunu ulied denji tal-Missier. Imbagħad isejjaħ lill-fqjrin. Dawn kienu dawk li minħabba l-faqar tagħhom kienu lesti li jiddependu għal kollox minn Alla. Għalhekk dawn kienu lesti jilqgħu iżjed il-bxara t-tajba li tixxandar lilhom mill-mibgħut ta’ Alla li kien Ġesù nnifsu. Il-fqajrin huma dejjem imqegħda fil-għoli f’għajnejn Alla għaliex ħajjithom jagħmluha tiddependi minnu, billi jafu li bil-qawwa tagħhom biss ma setgħu qatt jgħixu ħajja sħiħa. Din tal-bxara t-tajba lill-fqajrin taqbel ferm mal-ideal tas-sena tal-ġublew għaliex l-ideal tagħha kien li l-Lhud jagħrfu jiddependu dejjem iżjed mill-providenza ta’ Alla. U l-fqajrin li jsemmi Ġesù huma dawk li jgħarfu jilqgħu l-bxara t-tajba tal-ħelsien imxandra minn Ġesù nnifsu. Il-messija Ġesù iwiegħed d-dawl mill-ġdid lil għomja. L-għomja, naturalment, f’sens spiritwali. Dawn kienu dawk li ma jarawx bl-għajnejn tal-ġisem imma għajnejhom tar-ruħ huma miftuħa beraħ għal dak li jrid Alla. U Alla, permezz ta’ Ġesù kien qiegħed jagħtihom id-dawl veru biex jagħrfu lil Alla. Hekk għamel, biex nieħdu eżempju, mal-agħma mit-twelid meta bi ftit tajn fetaħlu għajnejh u bagħtu jinħasel fl-għadira ta’ Silwam u ġie jara. Imma hemmhekk il-veru miraklu kien li dak l-agħma sar jgħaraf lil Ġesù bħala l-Messija. Mela s-sena tal-ġublew, iż-żmien tal-grazzja li ġie jniedi Ġesù huwa dak iż-żmien li fih min irid jilqa’ lil Ġesù bħala l-Messija ħellies tal-poplu l-ġdid ta’ Alla. Mhux għal-Lhud biss ġie Ġesù imma għal kulħadd, għal dawk li bil-fidi jridu jsiru parti mill-poplu l-ġdid ta’ Alla, li hi l-Knisja.
Ġesù ġie jrodd il-ħelsien lill-maħqurin. Dejjem hemm xi tip ta’ ħelsien li ġie jwassal Ġesù. Anke hawn. Lil dawk li huma maħqurin minħabba xi ċirkostanza fil-ħajja tagħhom, Ġesù ġie jwegħdhom it-tama ta’ ħelsien minn dik il-moħqrija. Għax l-idejal tas-sena tal-ġublew kien li l-Lhud jerġgħu isiru bnedmin sħaħ biex jerġgħu jgħixu ħajja sħiħa. U hekk l-idejal li ġie jwassal Ġesù għaż-żmien ta’ ġublew tiegħu, għaż-żmien ta’ grazzja, kien li l-bnedmin kollha, ibda minn dawk l-iktar fil-bżonn, jiksbu ħelsien sħiħ u jgħixu ħajja sħiħa fil-Mulej.
B’hekk fi kliem Ġesù stess din kienet is-sena tal-grazzja tal-Mulej, iż-żmien ta’ ħelsien li ġie jwassal. Fi kliemu, li din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu, Ġesù kien qiegħed jippreżenta lilu nnifsu bħala l-magħżul tal-Missier biex iwassal dawn il-grazzji lil kulħadd, ibda minn dawk l-aktar fil-bżonn tal-għajnuna tal-Mulej.
Mela jekk irridu ngħixu s-sena tal-ġublew kif iridna Alla, f’dan iż-żmien privileġġjat li qegħda toffrilna l-Knisja, irridu nagħrfu l-imħabba tal-Missier għalina, naċċettaw lil Ġesù bħala l-mibgħut tal-Missier u nagħmlu dak li jgħidilna hu. Għalhekk din is-sena wkoll għandha tkun sena ta’ penitenza, ta’ talb u ta’ ferħ fl-istess ħin, għax hija sena li fiha Alla se jżurna bil-grazzja tiegħu biex ngħixu ta’ nies aktar ħielsa u aktar sħaħ. Irridu nagħmlu kif għamlu għal-ewwel in-nies ta’ Nażaret u nsammru ħarsitna fuq Ġesù, li hu l-Mibgħut tal-Missier.
1. Il-Liġi tal-Ġublew
Fil-bibbja nsibu li kien jiġi ċċelebrat il-ġublew kull disgħa u erbgħin sena. Fil-fatt insibu liġi apposta li kienet tkopri dan il-ġublew. Insibuha fil-Ktieb tal-Levitiku kap 25:8-17.29-31. Kif jgħid t-test tal-Levitiku, il-kelma Ġublew ġejja mil-Lhudi “Jobèl” li tfisser qarn ta’ mogħża jew bodbod, li kienu jnaddfuh sewwa biex minnu jagħmlu tromba speċjali li jdoqquha meta tibda din is-sena tal-ġublew. Meta tinstema’ ddoqq din it-tromba kienu jdoqqu trombi oħra biex kulħadd fil-pajjiż ikun jaf li bdiet is-sena tal-Ġublew. Skont il-liġi tal-Levitiku, il-ktieb tal-liġijiet li kienu ġabru l-qassisin tat-tempju, fl-10 tas-7 xahar kellha tindaqq din it-tromba biex kulħadd isir jaf li bdiet is-sena tal-ġublew. Kulħadd imbagħad kellu jerġa’ lura lejn niesu u lejn artu, lejn dak li kellu, u jinħafru d-djun li kien ikun hemm. L-art ma kinitx tinħadem. U kienu jieklu minn dak li kienet tagħti s-sena ta’ qabel.
2. Kif kienet tiġi ċċelebrata din is-sena?
Meta ddoqq it-tromba kienet tibda din is-sena tal-ġublew. Fiha kull min kien ikun mibjugħ ilsir minħabba xi djun li kien ikollu, kien jinħafirlu dak id-dejn. Min kien ikun mibjugħ ’l bogħod minn niesu kien jerġa’ lura għandhom u jerġa’ jsib postu fil-familja tiegħu. Dan għaliex seta’ jiġri li xi ħadd ikollu xi dejn li ma setgħax iħallas. Biex jitħallas dak id-dejn kien jinbiegħ hu biex jaħdem għal min kellu d-dejn miegħu. Insibu dan fil-parabbola li qal Ġesù ta’ dak li kellu jagħti lil sidu 10,000 talent. U s-sid ordna li jinbiegħ hu, martu, uliedu u kull ma kellu biex jitħallas id-dejn.
L-art ma kinitx tinħadem. Kienu jieklu minn dak li kien jibqgħalhom mis-sena ta’ qabel. Fil-fatt il-liġi tistqarr hi stess: “X’se nieklu fis-seba’ sena?” U Alla kien iwieġeb: “Fis-sena ta’ qabel Alla kien ibierek l-art u trodd frott għal tliet snin hekk li kien ikollhom għas-sena ta’ qabel, għas-sena tal-ġublew u għas-sena ta’ wara sa ma jilħaq isir il-frott tas-sena ta’ wara.” Hawn naraw li l-idejal wara din il-parti tal-liġi kienet li l-poplu Lhudi jemmen dejjem iżjed fil-providenza ta’ Alla li kien se jipprovdilu meta jkollu bżonn. Dwar ix-xiri ta’ xi biċċa art kienu jbiegħu skont kemm kien ikun fadal snin għas-sena tal-Ġublew. Aktar ma kien ikun fadal snin, aktar kien jitla’ l-prezz tagħha. Dan għaliex l-art aktar milli tinbiegħ kienet titwella lil xi ħadd biex ħadd ma jgħid li l-art hija tiegħu. L-art kienet ta’ Alla. Il-poplu kien qisu frustier jew qiegħed ma’ Alla fl-art tiegħu. Tahielhom meta daħlu fl-Art Imwegħda wara li ħelsu mill-jasar tal-Eġittu. Imma kienu jagħmlu distinzjoni bejn djar li kienu jkunu ’l ġewwa mis-swar u djar li kienu ’l barra mis-swar. Dawk ’il ġewwa mis-swar setgħu jifduha billi jħallsu prezzha sa sena wara li tinbiegħ imma dar li kienet tkun ’il barra mis-swar kienet titqies bħal biċċa art u fis-sena tal-ġublew terġa’ tintradd lil sidha.
Kif kienet issir il-fidwa tal-art? Min kien ibiegħ xi biċċa art lil xi ħadd seta’ jifdiha billi jħallas prezzha lil min xtraha, jew hu stess jew xi ħadd minn qrabatu. Dan biex l-art dejjem tibqa’ fl-istess familja. Jekk ma kien jinstab ħadd biex jifdiha, kienet toħroġ ħielsa u tintradd lil sidha fis-sena tal-ġublew. L-art kellha tibqa’ fil-familja li tkun tagħha. Għalhekk insibu li Nabot ma riedx jagħti l-ġnien tiegħu li kien wiret mingħand il-familja tiegħu lis-sultan Aħab. Qatt ma seta’ jaqbad u jagħti l-art tal-familja tiegħu lil xi ħadd barrani. U ta’ hekk kien lest li jmut. Kif fil-fatt sar (1 Slat 21).
3. Liġi iebsa wisq biex iħarsuha?
Fil-fatt l-istudjużi jaqblu bejniethom li din il-liġi kienet tippreżenta ideal aktar milli liġi li tista’ jew kienet tiġi pprattikata. Ma nsibu mkien fit-Testment il-Qadim li xi darba ġiet ipprattikata. Kienet żjieda għall-Kodiċi tal-liġijiet insejħa tal-qdusija. Biex il-poplu jitqaddes iżjed, jafda iktar f’Alla, kellu din il-liġi ideali. Imma xorta waħda kienet tesprimi ideal antik ħafna fost il-poplu ta’ Iżrael. Probabbli li ideal bħal dan imur lura qabel kien hemm il-monarkija, is-slaten jaħkmu fuq il-poplu Lhudi. L-ideal kien li Alla hu sid l-art u l-poplu Lhudi huma dawk li jieħdu ħsieb l-art f’isem Alla. L-art tiegħu trid tiġi maqsuma u mqassma bejn il-membri kollha tal-poplu. Jekk kien ikun hemm il-każ li xi membru tal-poplu jkollu jinfired mill-art tiegħu, minħabba djun, jew xi raġuni oħra, l-art kellha terġa’ lura għandu jew għand il-familja tiegħu fis-sena tal-ġublew. Kien hemm konvinzjoni qawwija fost l-Iżraelin li l-monopolju tal-art, l-art f’idejn il-ftit, kienet xi ħaġa li tmur kontra r-rieda ta’ Alla; il-monopolju tal-art kien wieħed mill-ħażen soċjali li l-profeti kienu jitkellmu tant kontrih. Hekk insibu lil Isaija 58 u lil Hosegħa u Għamos.
Mela rridu nħarsu aktar lejn l-ideal u l-ispirtu wara din il-liġi, milli lejn il-liġi innifisha. L-art hi ta’ Alla u ħadd ma jista’ jkollu monopolju fuqha.
Għalkemm is-sena tal-ġublew setgħet qatt ma ġiet iċċelebrata, imma l-ideal li toffri fih spunti li lilna jgħallmuna ħafna speċjalment fejn tidħol l-etika, kif għandna nġibu ruħna.
4. Tliet aspetti
Hemm tliet aspetti jekk nistgħu u rridu napplikaw din il-liġi għal-lum. Naturalment irridu nsaffuha minn dak li jgħodd biss għal dak iż-żmien, imma bi ftit sforz nistgħu insibu dak li jgħodd għalina biex nimxu fuqu. Il-kelma ta’ Alla tibqa’ għal dejjem. Hemm l-aspett ekonomiku, l-aspett soċjali u l-aspett teoloġiku.
L-ewwelnett l-aspett ekonomiku. Il-ġublew kien jeżisti u nħoloq biex jipproteġi akkwist ta’ art li kien ibbażat fuq distribuzzjoni wiesgħa u ugwali bejn il-membri tal-Poplu ta’ Alla. Ma kellux ikun li ftit għandhom ħafna art u ħafna nies iridu biss jaħdmu dik l-art u ma jistgħu qatt isiru propjetarji tagħha. Dan jirreferi għall-prinċipju tal-ħolqien li l-art kollha hija mgħotija minn Alla lill-bnedmin kollha, lill-umanità kollha. Il-bnedmin, min-naħa tagħhom, kellhom ikunu dawk li jieħdu ħsieb tal-art u l-ġid tagħha f’isem Alla. Hemm paralelliżmu bejn dak li jgħid Levitiku 25,23 għal Iżrael kollu, li “l-art hija tiegħi” (jgħid Alla) u dak li jgħid is-Salm 24, għall-bnedmin kollha li, “Tal-Mulej hija l-art u kulma fiha, id-dinja u kulma jgħix fiha”. Il-prinċipji morali tal-ġublew tista’ għalhekk tapplikahom għal kulħadd fuq il-bażi li Alla hu fuq kulħadd. Dak li ried minn Iżrael jirrifletti dak li fil-prinċipju jrid mill-bnedmin kollha – jiġifieri, l-qsim ugwali tal-ġid tad-dinja, speċjalment tal-art u li tiġi evitata l-aljenazzjoni tal-art u l-oppressjoni li tiġi minn dawk li jkollhom ħafna art taħt idejhom. Il-ġublew għalhekk, huwa kritika qawwija mhux biss tal-ġbir privat tal-art u l-akkumulazzjoni tagħha, imma ta’ kollettiviżmu esaġerat u nazzjonalizzazzjoni li teqred kull sens ta’ propjetà tal-familja jew personali.
L-aspett soċjali. Il-ġublew kien jiġbor fih ħsieb importanti u kbir għall-unità tal-familja. Fil-każ ta’ Iżrael dan kien ifisser il-familja estiża jew id-dar tal-missier, li kienet grupp imdaqqas ta’ familji jiġu minn xulxin imnisslin mir-raġel minn antenat ħaj. Dan seta’ jwassal għal tlieta jew erba’ ġenerazzjonijiet. Din kienet l-iżgħar unità fl-istruttura ta’ dawk li kienu jiġu minn xulxin f’Iżrael. Dan kien il-pern tal-identità, l-istatus, ir-responsabbiltà u s-sigurtà għall-individwu Iżraelit. Kien dan li l-ġublew kellu fil-għan li jipproteġi u li jerġa’ jgħaqqad meta meħtieġ, bħal fil-każ ta’ djun. Il-moralità tal-familja kienet tkun bla sens kieku l-familji kellhom jinqasmu u jiġu miċħuda mill-ġid tagħhom personali minħabba forzi ekonomiċi li kien iġibhom bla saħħa. Il-ġublew kien jimmira li jerġa’ jġib f’postha d-dinjità soċjali u l-parteċipazzjoni tal-familji billi jipproteġilhom il-ġid tagħhom. Il-qerda ekonomika ta’ familja ta’ ġenerazzjoni waħda ma kellhiex tikkundanna għal dejjem il-ġenerazzjonijiet futuri għall-jasar ta’ dejn għal dejjem. Dawn il-prinċipji u dawn l-għanijiet żgur li huma relevanti u għandhom x’jaqsmu mal-leġislazzjoni b’implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi.
L-aspett teoloġiku. Il-ġublew kien ibbażat fuq diversi affermazzjonijiet ċentrali tal-fidi ta’ Iżrael, u l-importanza ta’ dawn ma tistax tiġi injorata meta naraw x’għandhom x’jaqsmu mal-etika u l-missjoni nisranija. Bħall-bqija tal-liġijiet dwar is-sibt, il-ġublew kien iħabbar is-sovranità ta’ Alla fuq iż-żmien u n-natura: u ubbidjenza lejha kienet tfisser ubbidjenza lejn dik is-sovranità. Għalhekk is-sena tal-ġublew hija msejħa “qaddisa”, “sena mqaddsa għal Alla”. Barra minn hekk il-fatt li kienu jħallu l-art mhux maħduma kien ifisser sens kbir ta’ fiduċja fil-providenza ta’ Alla, bħala dak li jpprovdi lin-nies tiegħu u li jġib il-barka fuq l-art għall-poplu tiegħu.
Skop ieħor li s-sena tal-ġublew kienet turi kienu s-sejħat kontinwi għal għarfien tal-ħelsien storiku li Alla wettaq mal-poplu tiegħu, jiġifieri l-Eżodu u dak kollu li jfisser għal Iżrael. Ma’ din id-dimensjoni storika, kien hemm dik kultwali u preżenti tal-maħfra. Fil-fatt is-sena tal-ġublew kienet tiġi msejħa u tibda fil-Jum tat-Tpattija (Jom Kippùr) u tal-maħfra. Li tagħraf li Alla ħafirlek kien ifisser sejħa għalik li inti taħfer lil ħaddieħor id-djun u dak li kellu jagħtik. Il-ġublew kien ifisser ukoll sejħa biex wieħed jagħti kas it-tama aħħarija tar-restawrazzjoni ta’ Alla lill-bnedmin u lin-natura għall-iskop li għalih inħalqu. Biex napplikaw il-mudell tal-ġublew ifisser li l-poplu jrid iqis is-sovranità ta’ Alla, jafdaw fil-providenża tiegħu, jagħrfu l-azzjoni ta’ Alla li ssalvana, jesperjenzaw il-maħfra, jipprattikaw il-ġustizzja u jittamaw fil-wegħda tiegħu. Il-qalba tal-mudell tiġbor fiha l-missjoni tal-Knisja mibnija fuq l-Evanġelju, l-etika soċjali u personali u t-tama futura tagħha.