LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Sawm

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Is-sawm jingħata importanza kbira fit-tradizzjoni biblika, l-aktar dik tat-Testment il-Qadim. Għal-Lhud ta’ żmien il-Bibbja s-sawm jew l-astinenza mill-ikel kien ifisser is-sentimenti tagħhom ta niket (1 Sam 31:13; 2 Sam 1:12) u ta’ ndiema (1 Sam 7:6; Ġer 14:12). Mas-sawm kienu jilbsu l- ixkejjer u jqiegħdu l-irmied fuq rashom, iċarrtu lbieshom u jnewwhu (Neħ 9:lss; Ġoel 2:15ss; Ġona 3:8). Mas-sawm kienu jżidu wkoll it-talb (2 Sam 12:16ss). Imma bħala liġi ma kellhom l-ebda obligu tas-sawm ħlief f’jiem l-Espjazzjoni jew tat-tpattija tad-dnubiet (Lev 16:29ss; 23:17ss; Atti 27:9). Il-profeti kienu jikkundannaw is-sawm ta’ dawk li ma kellhomx l-indiema vera tal-qalb (Is 58:lss; Ġer 14:12; Sof 7:5ss; Għam 5:21). Is-sawm waħdu mingħajr l-indiema tal-qalb iwaqqa’ fl-esterjorità u fil-formaliżmu religjuż u jsir okkazjoni ta’ ftaħir u kburija (ara Mt 6:16). Biex jogħġob lil Alla s-sawm għandu jkollu miegħu l-opri tal-ħniena u tal-ġustizzja (Is 58:2-11; Sof 7:15).

Hu fuq din il-linja tat-twissijiet tal-profeti li Ġesù wissa wkoll lid-dixxipli tiegħu biex, meta jsumu, ma jagħmlux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor li kienu jsumu għal wiċċ in-nies (Mt 6:16-18). F’moħħu kellu l-Farizej li kienu jsumu biex jidhru tajbin quddiem in-nies. Il-Fariżej ta’ żmien Ġesù kienu jħobbu ħafna s-sawm, iżda kienu jagħmluh għall-ftaħir (Mt 9:14 par); x’uħud kienu jsumu darbtejn fil-ġimgħa (Lq 18:12). Hekk ukoll id-dixxipli ta’ Ġwanni l- Battista (Mk 2:18). Ġesù ma kkundannax dan is-sawm tal-Farizej, iżda l-ispirtu li bih kienu jagħmluh, u lanqas għallmu jew imponieh lid-dixxipli tiegħu. Wera biss it-tifsira tiegħu, li hi l-konverzjoni vera tal-qalb, u s-sens veru tiegħu li seħħ fih innifsu u fil-missjoni tiegħu. Ladarba hu, il-Messija, kien hemm fost il-poplu tiegħu ma kienx hemm lok għas-sawm u n-niket. Fil-prezenza tal- għarus festa u ferħ isir. Meta hu, l-għarus, kellu jittieħed minn ma’ ħbiebu bil-mewt li kellha tingħatalu, mbagħad isumu, għax għalihom ukoll kien jasal iż-żmien tat-tbatija u l-mewt. Dan hu s-sens tal-kliem ta’ Ġesù f’Mk 2:18ss u par.; mhijiex kwistjoni ta’ sawm penitenzjali u axxetiku. Ġesù nnifsu ma kienx axxeta bħalma kien Ġwanni l-Battista. “Ġie Bin il-biedem jiekol u jixrob” (Mt 11:19). Is-sawma tiegħu għal erbgħin jum fid-dezert hi mibnija fuq l-istorja tas-sawm ta’ Mosè (Eż 34:28) u tfisser li Ġesù hu Mosè l-ġdid. L-ewwel komunitajiet insara, li kienu min-naħa tal-Lhud, żammew it-tradizzjoni Lhudija tas-sawm, iżda skont l-ispirtu tat-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Mat-talb kienu jdaħħlu wkoll is-sawm bix-xewqa li t-talb tagħhom ikollu qawwa akbar quddiem Alla (Atti 13:2-3; 14:23). Il-valur tas-sawm hu l-ispirtu tal-penitenza u jfisser kull xorta ta’ ċaħda li jkollna nagħmlu biex nogħġbu lil Alla.