LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Salvazzjoni: It-Testment il-Ġdid

Minn Dun Pawl Sciberras

L-awturi tat-Testment il-Ġdid ikomplu jitkellmu fuq is-salvazzjoni u juruha sseħħ permezz ta’ Ġesù Kristu. Il-kelma Griega tat-Testment il-Ġdid hi soterίa (mill-verb sożein, ‘salva’). Il-preżentazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nażaret bħala salvatur (sotèr) kienet f’waqtha sew għal-Lhud u sew għall-pagani; Griegi u Rumani. Il-Lhud kienu jistennew bil-ħerqa l-Messija-Salvatur. L-evanġelji mill-ewwel juru li Ġesù hu s-Salvatur (Luqa 2:11). Jismu Ġesù (Jexugħa), “għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mattew 1:21). L-isem ta’ sotèr kien magħruf ħafna fost il-pagani bħala titlu ta’ xi allat, l-aktar ta’ Asklépios, alla tal-fejqan; jiġifieri, il-kelma kienet tfisser ukoll ‘wieħed li jfejjaq’. Dan it-titlu kien jingħata wkoll lis-slaten Griegi u lill-imperaturi Rumani. L-Appostli u l-ewwel evanġelisti sabuh tajjeb dan l-ambjent tad-dinja ta’ żmienhom biex jippreżentaw l-Evanġelju bħala l-bxara tas-salvazzjoni’, sew lil-Lhud u sew lill-pagani (Atti 13:26.47). Imma t-titlu ta’ Salvatur bl-applikazzjoni għal Ġesù Kristu hu pjuttost rari fl-ewwel kotba tat-Testment il-Ġdid (l-ewwel ittri ta’ Pawlu, l-ewwel tliet evanġelji u r-raba’ wkoll); hu aktar frekwenti fl-Ittri Pastorali u fl-Ittri Kattoliċi. Aktarx li l-predikaturi tal-Evanġelju fil-bidu qagħdu ftit attenti li ma jsemmux ħafna dan it-titlu biex ma joħolqux reazzjoni min-naħa tal-pagani. Imma mill-bidu u dejjem ippreżentaw l-Evanġelju bħala messaġġ tas-salvazzjoni li seħħet bl-opra ta’ Ġesù Kristu.

Dan jixhduh il-kotba tat-Testment il-Ġdid, li fihom l-elementi ewlenin tal-predikazzjoni apostolika. L-evanġelji juru lil Ġesù bħala Salvatur bi kliemu u b’għemilu. Ġesù stqarr li hu “ġie jfittex u jsalva l-mitluf” (Luqa 19:10) u “biex isalva d-dinja, mhux biex jikkundannaha” (Ġwanni 3:17; 12:47). Ġesù fisser din il-missjoni tiegħu bil-mirakli tal-fejqan li kien jagħmel. Meta kien ifejjaq minn kull xorta ta’ mard, kien isalva u kien juri li hu ġie biex isalva l-bnedmin. Għalhekk fl-evanġelji l-mirakli tal-fejqan jissejħu opri tas-‘salvazzjoni’ (bil-verb sożein - Mattew 9:21; Mark 3:4; Luqa 6:9; eċċ.). Imma s-salvazzjoni vera li Ġesù jagħti lill-bnedmin hi dik tal-fejqan mid-dnub. Din hi s-salvazzjoni mfissra bl-eżempju tal-maħfra tad-dnubiet tal-mara midinba (Luqa 7:48 ss) u ta’ Żakkew, il-pubblikan (Luqa 19:9). Hekk ukoll nifhmu minn każijiet u kliem ieħor ta’ Ġesù fl-evanġelji (Luqa 8:12; 15:4.7.24; Ġwanni 5:34; 10:9.28; eċċ.). B’differenza mit-Testment il-Qadim, li jara aktar is-salvazzjoni fl-aspetti materjali tal-ħelsien mill-għedewwa ta’ Iżrael u bir-rebħa fuqhom jew tal-fejqan mill-mard u tal-ħelsien mill-mewt, l-aspett tas-salvazzjoni fit-Testment il-Ġdid juri li din tikkonsisti fuq il-ħelsien mid-dnub bil-grazzja tal-maħfra ta’ Alla għall-merti ta’ Ibnu Ġesù Kristu (Luqa 1:77). It-Testment il-Qadim iħabbar is-salvazzjoni messjanika u jħejji l-poplu għaliha. It-Testment il-Ġdid juri li s-salvazzjoni seħħet fil-valur sħiħ tagħha bl-opra u l-missjoni ta’ Ġesù Kristu. Hekk jitkellmu b’mod jew b’ieħor l-awturi kollha tal-kotba tat-Testment il-Ġdid.

Mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli nagħrfu li dan kien il-messaġġ ewlieni tal-predikazzjoni apostolika: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin” (Atti 2:40). U nsalvaw bil-fidi f’Ġesù Kristu, għax “f’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni” (Atti 4:9-12). Is-salvazzjoni tal- bnedmin kollha bil-fidi fl-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu l-ħsieb dominanti fit-tagħlim ta’ San Pawl. “L-Evanġelju hu l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu” (Rumani 1:16). “Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verita” (1 Tim 2:3-4). Is-salvazzjoni tiġi mill-fidi u sseħħ bil-fidi f’Ġesù Kristu; fih biss il-bnedmin jistgħu jsalvaw (Rumani 10:9-13). Imma l-fidi tiġi mill-kelma, mis-smigħ tal-kelma ta’ Kristu (Rumani 10:17). Għalhekk il-ħtieġa tax-xandir tal-Evanġelju, għax hu l-meżż tal-fidi li twassal għas-salvazzjoni (Rumani 10:14 ss). Min jisma’ u jemmen isalva, min ma jemminx ikun ikkundannat (Mark 16:16).

Din hi l-kundizzjoni għas-salvazzjoni. Is-salvazzjoni, bħall-ġustifikazzjoni, ma niksbuhiex bl-opri tajba tagħna, iżda hi don ta’ Alla mogħti lilna fil-ħniena u l-imħabba tiegħu lejna. “Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux  bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla, mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar” (Efesin  2:8; ara 2:5-8; 2 Timotju 1:9; Titu 3:5).  Dan il-kliem jgħodd għas-salvazzjoni inizjali, għas-salvazzjoni fil-bidu  tagħha. Issa aħna salvi bil-fidi f’Ġesù Kristu. Imma dan id-don tas-salvazzjoni rridu nibżgħu għalih u nsaħħuh. Għandna “nħabirku għas-salvazzjoni tagħna bil-biża’ u t-tregħid” (Filppin 2:12). Dan nagħmluh bl-opri tajba li għandna nagħmlu skont il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tagħna (Efesin 2:10). Nibżgħu għall-kelma li minnha tiġi l-fidi u nsaħħu l-fidi bl-opri tal-fidi (Gal 1:21; 2:14), u bl-eżerċizzju kontinwu tal-virtujiet tal-ħajja nisranija (1 Tessalonkin 5:8; Efesin 6:14-18; eċċ.). In-nisrani, li hu salv bil-fidi, ma jistax jibqa’ passiv u moħħu mistrieħ li hu żgur mis-salvazzjoni tiegħu jekk ma jħabrikx ukoll għaliha.

Is-salvazzjoni, li hi ta’ issa, hi wkoll ta’ dejjem. Tibda minn din l-art u tħares  ’il quddiem lejn il-perfezzjoni sħiħa tagħha fiż-żmien li ġej. “Issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhux irrivelat lilna” (1 Ġwanni 3:2). Issa aħna salvi, imma għadna nistennew is-salvazzjoni sħiħa tagħna. “Aħna salvi,  imma għadna nittamaw” (Rumani 8:24). Min jittama għad mhuwiex salv għal kollox, imma jħares ’il quddiem lejn is-salvazzjoni sħiħa. Din hi s-salvazzjoni eskatoloġika li jwegħedna l-Mulej Alla bil-kelma tiegħu fil-Kotba Mqaddsa.  Is-salvazzjoni tagħna tikber dejjem sa ma tasal fi tmiemha (Lhud 6:9), fit-tieni  miġja ta’ Ġesù Kristu (Lhud 9:28). Is-salvazzjoni fi Kristu ġġib magħha l-glorja ta’ dejjem (2 Timotju 2:10); u tidher fl-aħħar jiem fil-milja kollha tagħha (1 Pietru 1:5; 2:2). U “min jibqa’ jżomm sħiħ  sa l-aħħar, dan isalva” (Mattew 10:22; 24:13; Mark 13:13).  “Aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi s-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid  ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu” (Filippin 3:20). Din tkun is-salvazzjoni sħiħa tal-bniedem fi Kristu; is-salvazzjoni tal-bniedem sħiħ, bir-ruħ u bil-ġisem fil-glorja tal-qawmien. Din tkun ir-rebħa tiegħu ma’ Kristu fuq id-dnub u fuq il-mewt  (1 Korintin 15:54-57). Din hi r-rebħa ta’ Alla fuq il-ħażen, imħabbra fit-Testment il-Qadim u  mtemma fit-Testment il-Ġdid bl-opra ta’ Ġesù Kristu (Apokalissi 7:10; 12:10-11; 19:1).