LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

       

Libertà/Ħelsien

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Din hi kelma sabiħa. II-ħelsien (libertà, liberazzjoni) kulħadd iħobbu u jridu. Imma mhux kulħadd jifhmu xorta. Il-Bibbja tagħtina d-dawl biex nifhmu x’inhu tassew il-ħelsien u f’hiex jikkonsisti tassew.

It-Testment il-Qadim jurina poplu dejjem fil-mixja lejn il-ħelsien. It-Testment il-Ġdid jurina li d-don tal-ħelsien veru tahulna biss Ġesù Kristu. Ġesù ġie “jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin... u jrodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Lq 4,18). Imma rridu nifhmu sewwa x’inhu dan il-ħelsien.

Għal-Lhud ta’ żmien Ġesù kien aktar il-ħelsien minn taħt il-madmad tal-barranin li kienu jaħkmuhom; f’dan is-sens il-biċċa l-kbira minnhom kienu jixtiequ l-Messija li kellu jiġi biex isalvahom. Hekk jidher li kienu fehmu d-dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24,21). Xi ftit twajbin ħafna kienu jistennew “il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2,25.38). Iżrael bħala poplu żgħir kien dejjem maħkum jew imħabbat mill-għedewwa. Għalhekk kienu dejjem iħarsu lejn il-ħelsien - mill-jasar tal-Eġittu, mill-eżilju tal-Babilonja, mill-persekuzzjoni ta’ Antijoku Epifani, eċċ. Ħajjithom kienet xewqa waħda għall-ħelsien u talba mħeġġa għalih, kif juruna x’uħud mis-Salmi (Salm 25,21; 44,27; eċċ.). Għalhekk il-Bibbja hi storja tas-salvazzjoni.

Hu t-Testment il-Ġdid li jgħarrafna li l-vera salvazzjoni hi l-ħelsien mill-jasar tad-dnub u mill-konsegwenzi tiegħu. “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa... Intom ġejtu msejħa għall-ħelsien” (Gal 5,1.13; 4,26-31). “II-verità teħliskom... Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew” (Ġw 8,32.36).

L-awturi tat-Testment il-Ġdid juruna li Ġesù Kristu kiseb id-don tal-ħelsien għalina l-bnedmin bir-rebħa tiegħu fuq id-dnub u fuq il-mewt. Għalhekk il-ħelsien li jagħtina hu ħelsien mill-jasar tad-dnub u mis-setgħa tal-mewt.

San Pawl jiddeskrivi d-dnub bħala tirann li jaħkem u jjassar il-bniedem (Rum 7,13-25). Imma jżid jgħid li bil-grazzja ta’ Kristu nistgħu nirbħuh u neħilsu mill-ħakma tiegħu (Rum 5,15. 20; 8,2). “Alla ħelisna mill-ħakma tad-dlam u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1,13-14). Dan seħħ fil-bidu tiegħu fl-għaqda tagħna ma’ Kristu bil-fidi u l-magħmudija (Rum 6,6).

Billi d-dnub ġieb miegħu l-mewt, il-ħelsien mid-dnub iwassal ukoll għall-ħelsien mill-mewt. Il-mewt mirbuħa minn Ġesù Kristu, tilfet il-qawwa tagħha (1 Kor 15,56). Immutu miegħu, imma nqumu miegħu wkoll (2 Tim 2,11). Dan il-misteru fina diġà beda jseħħ bil-mewt u d-difna tagħna miegħu fil-magħmudija (Rum 6,4-5). Diġa “għaddejna mill-mewt għall-ħajja” (Ġw 5,24; 1 Ġw 3,14). Dan hu l-bidu u “nistennew l-adozzjoni tal-ulied, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rum 8,23).

Skont San Pawl hemm ħelsien ieħor: mil-liġi. Kristu ħelisna mill-jasar tal-liġi. (Rum 6,14; 7,1-6; Gal 4,3-7). Mhux għax issa aħna bla liġi; għandna wkoll il-liġi, “il-liġi ta’ Kristu (Gal 6,2), “il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja” (Rum 8,2). U “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien” (2 Kor 3,17; Gal 5,16.22-26). Il-liġijiet ta’ Alla għandna nħarsuhom ukoll, mhux bil-biża’ tal-ilsiera, iżda bl-imħabba tal-ulied (Rum 8,14-15; Gal 4,4-7).

Id-don tal-ħelsien mid-dnub, li kiseb għalina Ġesù Kristu, għandu jwassalna għall-ħelsien sħiħ, għall-ħelsien ukoll mill-konsegwenzi tad-dnub, mill-ġibdiet ħżiena u l-ħażen ta’ kull xorta. San Pawl jagħti lista tagħhom u jsejħilhom l-għemejjel tal-ġisem” jew tad-dnub, li huma kontra “l-frott tal-Ispirtu” (Gal 5,18-26). Dan hu l-prinċipju tal-liberazzjoni vera tal-bniedem. Il-bniedem li jinħeles mill-jasar tal-qerq u l-ħażen jgħix fl-imħabba u s-sliem mal-proxxmu tiegħu. Din hi l-libertà tal-ispirtu. “Jekk ngħixu bl-ispirtu, ħalli nimxu bl-ispirtu” (Gal 5,25).

San Pawl għaraf ukoll il-bżonn li jwissi lill-insara biex ma jabbużawx mil-libertà tal-ispirtu u jdawruha f’libertà tal-ġisem. “Intom ġejtu msejħa għall-ħelsien. Imma tinqdewx b’dan il-ħelsien, għall-ġisem” (Gal 5,13). II-libertà ma għandhiex issir libertinaġġ jew abbuż mill-istess libertà biex kulħadd jagħmel dak li jogħġbu u li tgħidlu rasu. Dan l-abbuż daħal fost l-insara ta’ Korintu. Għalhekk Pawlu kellu jindaħal malajr biex iżomm kontroll tajjeb fuqhom (1 Kor 6,12-20; 11,2- 16; 14,26-40). Hekk ukoll Pietru: “Għixu bħala nies ħielsa, mhux li tinqdew bil-ħelsien tagħkom bħallikieku tgħattu l-ħażen, imma bħala qaddejja ta’ Alla” (1 Pt 2,16; ara 2 Pt 2,19). In-nisrani, li hu ħieles mill-jasar tad-dnub, issa hu “lsir ta’ Kristu” (1 Kor 7,22; Ef 6,6). Ma jaqdix iżjed lid-dnub, iżda jaqdi lil Ġesù Kristu (Kol 3,24). Min ma jaqdix lilu jibqa’ fil-jasar tad-dnub.