LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Konverżjoni – Indiema

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-Bibbja hi kollha kemm hi sejħa għall-indiema. Hi l-kelma ta’ Alla li jsejjaħ il-bnedmin li tbiegħdu minnu bid-dnub biex jerggħu lura għal għandu. Il-Bibbja min-naħa l-waħda turi l-fatti tad-dnub fid-dinja (Ġen 3,6; Rum 5,12); min-naħa l-oħra r-rieda ta’ Alla li jsejjaħ il-bniedem biex jitbiegħed mid-dnub u jerġa’ jgħix fil-ġustizzja li fiha ħalqu sa mill-bidu. Biex il-bniedem iħalli d-dnub irid jindem minnu. Il-kelma “ndiema” tiġbor fiha dawk is-sentimenti kollha li għandu jħoss fih il-bniedem li jindem tassew: jagħraf u jammetti l-iżball li jkun għamel, jikkundannah, jisgħob bih jew jiddispjaċih, jiddeċiedi li jħalli d-dnub u jħallih tassew, u jibda l-ħajja l-ġdida skont ir-rieda ta’ Alla. L-istorja tal-indiema ta’ David u l-parabbola tal-iben il-ħali jfissru b’mod drammatiku dawn is-sentimenti kollha tal-bniedem niedem.

Il-kelma Lhudija għall-indiema fit-Testment il-Qadim hi l-verb xub; tfisser: terġa’ lura, taqbad triq oħra, iddur lura jew lejn, f’dan il-każ, lejn Alla. Din l-azzjoni ġġib magħha bidla sħiħa fil-fehmiet tal-moħħ u fl-imġiba tal-ħajja. Għalhekk hawn toqgħod tajjeb il-kelma Latina conversio, “konverżjoni”. Fil-Grieg tat-Testment il-Ġdid għandna l-kelma metànoia għall-indiema, mill-verb metanoein, tibdel il-ħsieb ta’ moħħok, ma tibqax taħsibha bħal qabel, iżda tibda taħseb u tifhem skont il-liġi ta’ Alla. Għalhekk, imbagħad, tibdel ħajtek ukoll mill-ħażin għat-tajjeb. Hemm ukoll kelma oħra, epistrophein, li tfisser aktar il-bidla fil-kondotta tal-ħajja (Atti 9,35; 11,21; 15,3). Imma l-kelma l-aktar magħrufa hi metànoia, bl-istess sens u tifsira tal-indiema jew konverżjoni kif inhi fit-Testment il-Qadim. Fit-Testment il-Ġdid (bħal xub fit-Testment il-Qadim) metànoia hi l-kelma teknika għall-indiema.

F’Iżrael bħala l-poplu ta’ Alla kien hemm sens qawwi tal-indiema li nistgħu nsejħulha nazzjonali jew komunitarja. Dan nagħrfuh minn dawk li jsejħulhom “liturġiji penitenzjali” (eżempji: Neħ 9; Is 63,7-64; Bar 1,15-3,8; Dan 9,3-19; eċċ.). F’każijiet ta’ xi kriżi nazzjonali, bħal jasar jew tgħakkis min-naħa tal- għedewwa, kienu jagħrfu l-ħtija tagħhom, iħossu s-sens tal-indiema u jinġemgħu flimkien biex jitolbu l-Mulej jaħfrilhom u jbiegħed minnhom il-kastig. Ta’ dan għandna wkoll ix-xhieda tas-Salmi penitenzjali, sew individwali u sew nazzjonali (Salmi 51; 130; 74; 79; 83; eċċ.). Kienu jsumu, jilbsu l-ixkejjer, iqiegħdu l-irmied fuq rashom, joffru sagrifiċċji għall-maħfra, jitolbu bil-biki u jgħannu għana ta’ niket.

Imma hu l-aktar fil-kotba tal-profeti li għandna t-tagħlim sħiħ tas-sens tal- indiema vera quddiem Alla. Il-missjoni tal-profeti kienet sewwa sew dik li jsejħu l-poplu għall-konverżjoni tal-qalb. Kienu jċanfru l-poplu għad-dnubiet tagħhom, iħeġġuhom għall-indiema u jhedduhom bil-kastig ta’ Alla jekk ma jindmux. Eżempji: Hos 2,4-24; 14,2-9; Is 1,11-15; Ġer 4,1-4; 7,3-11; 31,18-19; Eżek 18, 30-32; eċċ.). Fil-kliem tal-profeti għandna l-elementi kollha li jidħlu fl-indiema vera u sinċiera. Il-profeti kienu jċanfru wkoll il-poplu għall-penitenzi estremi tagħhom mingħajr il-konverżjoni tal-qalb. Is-sawm, l-ixkejjer, l-irmied, l-għajat u l-biki ma jfissru xejn mingħajr l-indiema interna u sinċiera bid-deċiżjoni tal-bidla sħiħa tal-ħajja. “Ċarrtu qlubkom, u mhux ilbieskom” (Ġoel 2,13). “Jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ’l Alla, u mhux vittmi maħruqa” (Hos 6,6). Il-profeti jinsistu li l-konverżjoni vera ġġib magħha l-ħajja skont il-liġi ta’ Alla bl-opri tajba tal-ħniena (Is 58,5-7; Żak 7,5-10).

It-Testment il-Ġdid jibda bis-sejħa għall-indiema fis-sens tal-missjoni tal-profeti tat-Testment il-Qadim. L-ewwel bl-istedina ta’ Ġwanni l-Battista, l-aħħar profeta: “Indmu, għax is-Saltna tas-smewwiet waslet” (Mt 3,2). Din hi skont il-missjoni speċifika ta’ Ġwanni (Lq 1,16-17). Bħala sinjal ta’ din il-missjoni tiegħu Ġwanni kien jagħti “magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet” (Mk 1,4). Ġesù beda l-missjoni tiegħu bis-sejħa għall-indiema: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba’ (Mk 1,15; Mt 4,17). Għax hu għalhekk ġie fid-dinja, biex “isejjaħ il-midinbin għall-indiema” (Lq 5,32). L-Evanġelji jixhdulna li Ġesu hekk għamel u għallem tul ħajtu kollha (Mt 9,10-13; Lq 7,36-50; 15,1-32; 19,5-9).

Il-Knisja mwaqqfa minnu kellha tkompli din il-missjoni tiegħu fost il-bnedmin tal-art kollha sal-aħħar taż-żmien - li xxandrilhom l-indiema għal-maħfra tad-dnubiet (Lq 24,42). Għalhekk lid-dixxipli tiegħu Ġesu tahom is-setgħa li jaħfru d-dnubiet ta’ dawk li jindmu (Ġw 20,23). Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jixhdilna li l-predikazzjoni apostolika tal-bidu kienet ikkonċentrata l-aktar fuq is-sejħa għall-indiema jew aħjar tal-konverżjoni (metànoia), għal-Lhud mod, biex jagħrfu lil Ġesù Kristu u jduru lejh, u għall-pagani mod ieħor, biex iħallu l-idoli u jduru lejn Alla l-veru (Atti 2,38; 3,19; 5,31; 8,22; 11,18; 20,21; 26,20). Hu interessanti l-fatt li l-emfasi fuq il-ħtieġa tal-indiema nsibuha iżjed fl-Evanġelji Sinottiċi u fl-Atti tal-Appostli milli fil-kotba l-oħra tat-Testment il-Ġdid. Dan ġej mill-fatt li l-ewwel kotba huma ta’ karattru kerigmàtiku, bl-elemeti tal-predikazzjoni primittiva, li fihom il-konverżjoni kellha parti importanti. L-ittri mbagħad inkitbu lill-insara li kienu diġà kkonvertiti; l-awturi tagħhom ma kellhomx bżonn jinsistu ħafna fuq il-ħtieġa tal-konverżjoni. Tkellmu wkoll fuq l-indiema f’xi każijiet fejn raw il-bżonn, bħal Pawlu lill-Korintin (2 Kor 7,5-13; ara Lhud 6,6; Ġak 5,19-20) u l-awtur tal-Apokalissi (2,5.16.21; 3,3.19). Dawn kienu każijiet ta’ nsara li, wara li kienu kkonvertew u daħlu fil-Knisja, reġgħu waqgħu fid-dnub. Kellhom bżonn jerġgħu jibdew mill-ġdid bl-ewwel konverżjoni. Il-komunitajiet insara kellhom jerġgħu jilqghu fi ħdanhom lil ħuthom midinbin u niedma kull meta kien ikun il-każ. U dan skont it-taghlim ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu (ara Mt 18,12-22).

Il-konverżjoni ġġib magħha wkoll it-tiġdid tal-ħajja, il-bidla fil-kondotta talajja mill-ħażin għat-tajjeb, mit-tajjeb għall-aħjar. Dan tfisser il-metànoia jew epistrophè. Hu proċess li jibda bl-ewwel konverżjoni bil-fidi f’Ġesù Kristu (Atti 3,37-38) u jibqa’ sejjer bil-konverżjoni kontinwa tul il-ħajja kollha. San Pawl ifisser dan il-proċess bit-tixbieha tal-bniedem il-qadim u l-bniedem il-ġdid. Il-qadim hu l-bniedem ta’ qabel il-konverżjoni, “imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa”; il-ġdid hu l-bniedem “maħluq” skont Alla fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità”. U jkompli San Pawl: “Għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħhom” (Ef 4,17-32; Kol 3,5-10). Din hi l-ħajja ġdida fi Kristu.