LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

L-Interpretazzjoni tal-Bibbja

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

Prinċipji ġenerali

B’interpretazzjoni nifhmu żewġ termini tekniċi: ‘eseġeżi’ u ‘ermenewtika’. Illum dawn iż-żewġ termini ġew distinti minn xulxin biex ‘eseġeżi’ tfisser l-ispjega dettaljata speċifika tat-test tal-Bibbja, u ‘ermenewtika’ t-teorija wara din l-ispjega. Aħna se nittrattaw l-interpretazzjoni bħala ermenewtika.

L-ermenewtika tal-Bibbja miktuba qatt ma kienet determinanti qabel l-1500 bħalma kienet wara r-riforma Protestanta, jew b’mod speċjali mal-Fundamentaliżmu tal-Protestantiżmu Amerikan.

Kull ħaġa li moħħ il-bniedem jipproduċi trid tiġi interpretata. Iktar u iktar meta, bħal fil-Bibbja, tkun inkitbet ħafna snin ilu. ’Il bogħod fiż-żmien u l-kultura t-test sagru jeħtieġ interpretazzjoni biex ikun jista’ jiftiehem mill-bniedem li ġie ħafna snin wara jew għandu kultura differenti minn dik tal-Bibbja. Kumplikazzjoni oħra li tinħoloq fl-interpretazzjoni tal-Bibbja huwa l-fatt li l-Bibbja hi l-Kelma ta’ Alla miktuba mill-bnedmin. Għalhekk wieħed irid jifhem x’ried jgħid Alla fil-kelma miktuba tal-Bibbja.

It-tifsira tat-test trid tiġi studjata mill-fatt li l-Bibbja għandha żewġ awturi, dak divin, Alla, u dak uman, il-bniedem taħt l-ispirazzjoni ta’ Alla. Iż-żewġ awturi jikkoperaw biex jagħmlu test wieħed b’tifsira waħda. Il-fatt taż-żewġ awturi ma jista’ qatt iwassal biex ikollna żewġ tifsiriet. Għalhekk dak li fehem iwassal Alla permezz tal-Bibbja jista’ jiġi investigat biss billi jinstab dak li l-awtur uman wassal permezz tal-kitbiet tiegħu. Dan għaliex Alla ma wassalx dak li ried ħlief b’dak li kiteb l-awtur uman.

 

Sens letterali u sens spiritwali

Għal dan l-għan irridu nfittxu s-sens letterali u s-sens spiritwali tal-Kelma ta’ Alla miktuba fil-Bibbja. L-ewwel u qabel kollox għandna naraw xi tfisser il-kelma biex nifhmu l-messaġġ tagħha. L-awtur sagru, imnebbaħ minn Alla, għażel il-kliem li għażel biex ifisser dak li ried jgħid Alla. Għalhekk irridu naraw l-ewwel nett xi jfisser il-kliem li bih inqeda l-awtur sagru biex iwassal il-kelma ta’ Alla. “L-ewwel u l-aqwa sforz li għandhom jagħmlu dawk li jfissru l-Iskrittura hu dak li jagħrfu u jfissru b’mod ċar dak is-sens tal-kliem bibliku li jissejjaħ ‘letterali’. Mill-kuntest tal-kelma u minn kliem ieħor li jkun jixbahha, bis-saħħa ta’ tagħrif tal-lingwi jagħrfu bir-reqqa kollha s-sens letterali tal-kliem” (Divino afflante Spiritu, 23). Imma hawnhekk irridu naraw ukoll jekk l-awtur kienx qiegħed juża l-proċeduri letterarji li bihom nitkellmu. Hekk, ngħidu aħna, irridu naraw jekk kienx qiegħed juża l-metafora, l-iperbole (jew l-esaġerazzjoni), l-allegorija, l-ironija; kienx qiegħed juża s-simboliżmu.

Mela barra mit-test propju tal-Bibbja rridu nfittxu l-kuntest tal-kitba biex nagħrfu s-sens letterali propju jew impropju (metaforiku jew simboliku). Hekk li ngħidu li Ġesù huwa “l-iljun rebbieħ ta’ Ġuda” ma nifhmux li Ġesù huwa ljun tassew!

L-awtur ukoll irridu ngħidu x’nifhmu bih. Mhux dak li għandna fil-Bibbja llum huwa dak li nkiteb l-ewwel darba mill-ewwel awtur. Il-kitbiet fl-Iskrittura għaddew minn ‘redazzjonijiet’ differenti u minn awturi differenti, li żiedu, naqqsu, biddlu dak li nkiteb l-ewwel darba.

 

Il-forom letterarji

L-enċiklika Divino afflante Spiritu, fil-paragrafu 39, tisħaq fuq il-fatt li “huwa assolutament neċessarju għall-interpretu tal-Bibbja li jmur lura fl-ispirtu lejn dawk iż-żminijiet remoti tal-Lvant, u jagħmel użu tajjeb mill-għajnuniet li tagħtina l-istorja, l-arkeoloġija, l-etnoloġija u xjenzi oħra, biex jiskopri liema forom letterarji l-awturi ta’ dak iż-żmien fehmu u fil-fatt użaw. Għax biex jesprimu dak li kellhom f’moħħhom l-awturi antiki tal-Lvant ma użawx dejjem l-istess forom u espressjonijiet li nużaw illum. Użaw dawk li kienu kurrenti fost il-popli tagħhom dak iż-żmien u f’dawk il-postijiet. X’kienu dawk il-forom u l-espressjonijiet l-interpretu ma jistax jiddetermina minn qabel, imma biss bi studju profond tal-letteratura orjentali antika.” Il-Kostituzzjoni Dommatika tal-Konċilju Vatikan II Dei verbum, fil-paragrafu 12, imbagħad terġa’ tikkwota dan il-paragrafu u tkompli fuqu dwar l-importanza tal-forom letterarji.

Forom letterarji differenti jagħtu sens differenti lil dak li hemm miktub taħt il-libsa ta’ tant forom differenti. Bħall-bini: mill-forom tal-bini ta’ knisja, ta’ sptar, ta’ dar jew ta’ skola tinduna x’inhi l-funzjoni ta’ bini partikulari. U mbagħad mill-forma, mill-kobor, mill-arkitettura u mit-tiżjin ta’ dar tista’ tintuża min jista’ joqgħod fija. Dan l-istudju ta’ forom ta’ kitba differenti hu magħruf bħala Gattungsgeschichte jew Formsgeschichte, li ġew tradotti b’mod sempliċi fil-Kritika tal-Forom.

B’forom letterarji nifhmu tipi jew forom ta’ kitba distinti minn xulxin skont il-forma jew l-istruttura adattati għall-kontenut. L-iktar forom sempliċi li jiddistingwu ruħhom minn xulxin huma l-proża u l-poeżija. Imma dawn it-tnejn jerġgħu jinqasmu f’forom differenti ħafna bħall-epika, lirika, poeżija, drammatika, retorika, diskors profetiku, kodiċi legali, parabboli, rakkonti ta’ sejħat, stejjer ta’ kontroversji, taħbiriet u oħrajn. Skont kemm ikun żviluppat poplu daqshekk ieħor ikunu żviluppati l-forom letterarji tiegħu. Biċċa letteratura waħda jista’ jkollha fiha forom differenti flimkien.

Il-forma letterarja għandha x’taqsam mal-komunikazzjoni tas-sens ta’ biċċa letteratura għax il-kelma jew is-sentenza waħidha ma tagħmilx sens barra mill-kuntst li fiha qegħda. Il-forma tal-kitba tagħti l-kuntest lil dik il-kitba. Irridu ngħidu li l-forom miktuba kellhom diġà storja twila fit-tradizzjoni mitkellma. Dawn malli ħadu l-forma miktuba bidlu xi ftit ukoll is-sens tagħhom għax bidlu l-forma tagħhom ukoll. L-ikbar differenza tinsab fil-fatt li l-forom orali huma ferm iżgħar minn dawk miktuba għax, billi riedu jiftakruhom bil-memorja, kellhom ikunu iqsar fit-tul.

Differenza oħra hi li l-forma orali altru ġiet minn sempliċi ragħajja u altru minn qassisin mgħallma fit-tempju jew mill-ħerqa tal-profeti. Minħabba f’hekk wieħed irid ifittex kemm jista’ jkun is-Sitz im Leben (is-sitwazzjoni fil-ħajja) li fiha nkitbet dik il-forma. Ma rridu ninsew qatt li l-Kritika tal-Forom hija metodu u mhux teoloġija. Għalhekk irridu dejjem noqgħodu attenti għall-fatt li l-forom jesprimu dak li l-awturi umani riedu jwasslu bħala kelma ta’ Alla u b’hekk dak li Alla ried iwasslilna għas-salvazzjoni tagħna (ara Dei verbum, 11).

Il-kuntest li fih intqal ċertu kliem jista’ jkun differenti minn dak li tah l-awtur meta kiteb dak il-kliem. Jista’ jkun li l-kuntest li fih Ġesù qal xi diskors kien differenti mill-kuntest li fih insibuh illum fl-evanġelji. Imma aħna noqogħdu għall-kuntest fuq dak li tah l-awtur li kitbu u ħallihulna llum.

 

Is-sens teoloġiku

Is-sens spiritwali jew teoloġiku huwa s-sens li ried iwasslilna l-Mulej għas- salvazzjoni tagħna. Għalhekk fl-interpretazzjoni tal-Bibbja għandna nfittxu wkoll, u fuq kollox, dan is-sens teoloġiku. Dan is-sens nistgħu naslu għalih wara li nifhmu x’ried iwassal l-awtur sagru bil-kelma li qiegħed fil-kitba tiegħu. Meta naslu li nifhmu x’ried jgħallimna bil-kelma miktuba, naslu nifhmu r-rivelazzjoni ta’ Alla fuqu nnifsu; naslu nifhmu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalina bnedmin li hu jrid isalva.

Dan hu l-messaġġ li Alla għoġbu jwassal lill-bnedmin ta’ kullimkien u ta’ dejjem bil-kelma miktuba tiegħu. “Fil-Kotba Mqaddsa l-Missier li hu fis-smewwiet jiltaqa’ b’imħabba kbira ma’ wliedu u jidħol f’diskursata magħhom” (Dei verbum, 21). “Huwa s-sens imqiegħed fit-test sagru meta jinqara taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, fil-kuntest tal-misteru tal-Għid ta’ Kristu u tal-ħajja ġdida li tnixxi minnu” (L-interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja, Kummissjoni Biblika Pontificja, Ruma, 1993).

Mill-Kotba Mqaddsa u mit-Tradizzjoni tal-Knisja ħarġet it-teoloġija tal-Knisja u fuqhom hi mibnija l-fidi tagħna; bihom tissaħħah u tikber. B’dan il-mod, meta naqraw il-Bibbja u nifhmuha sewwa, nikbru fit-tagħrif ta’ Alla, nissaħħu fil-fidi, u nagħmlu aħjar ir-rieda tiegħu (ara Divino afflante Spiritu, 2,24).

 

Is-sens tipoloġiku

Fl-interpretazzjoni teoloġika nsibu wkoll is-sens tipoloġiku tal-Bibbja. Dan hu sens ibbazat fuq ir-relazzjoni qawwija li teżisti bejn it-Testment il-Qadim u t- Testment il-Ġdid. Fil-Qadim insibu l-figuri jew it-tipi, fil-Ġdid għandna r-realtà (ara wkoll L-Interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja). Fil-Qadim ingħataw il-wegħdiet, fil-Ġdid seħħew għal kollox fi Kristu u fil-Knisja tiegħu. Hekk Adam huwa figura ta’ Kristu (ara Rumani 5:14); l-għarqa tad-dinja fi żmien Noè bħala figura tal- magħmudija (1 Pietru 3:20-21).

Għalhekk is-sens tipoloġiku hu wkoll is-sens messjaniku, għax juri li Ġesù minn Nazaret hu tassew il-Messija mwiegħed minn Alla u mħabbar mill-profeti li tkellmu f’isem Alla. Fix-xandir tal-Appostli u tal-evanġelisti nsibu l-ħsieb ewlieni li f’Ġesù seħħew għalkollox  il-profeziji tat-Testment il-Qadim, li juru li Ġesù hu l-Messija. “Alla li ispira l-Kotba taż-żewġ Testmenti u li hu l-awtur tagħhom, iddispona b’għerf li t-Testment il-Ġdid ikun moħbi fil-Qadim, u li l- Qadim isir magħruf fil-Ġdid. Għaliex, ukoll jekk Kristu waqqaf il-Patt il-Ġdid bid- demm tiegħu, b’dan kollu l-kotba tat-Testment il-Qadim, meħudin sħaħ fil-predikazzjoni tal-Evanġelju, jiksbu t-tifsira sħiħa tagħhom u juruha fit-Testment il-Ġdid, li min-naħa tagħhom huma jdawlu u jfissru” (Dei verbum, 16). “Min ifisser l-lskrittura, kif għandu jfittex u jfisser is-sens letterali tal-kliem kif fehemhom u kif fissirhom l-awtur sagru, hekk ukoll għandu jagħmel biex isib is-sens spiritwali; bil-kundizzjoni li jkun jidher ċar li dan hu s-sens li fehem Alla. Għax Alla biss seta’ jkun jaf dan is-sens spiritwali u seta’ jirrivelah lilna (Divino afflante Spiritu, 2,26). Mela nsibu tliet livelli ta’ realtà: it-test bibliku, il-misteru tal-Għid u s-sitwazzjoni preteriti tal-ħajja fl-lspirtu (L-Interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja).

 

Il-metodi tal-interpretazzjoni

1. Il-Metodu Storiku-Kritiku. Dan il-metodu ilu jintuza sa mill-antikità minn kummentaturi Griegi u aktar tard minn Missirijiet il-Knisja bħal Oriġene, Ġirolmu u Wistin. Il-kritika testwali tat-Testment il-Ġdid kienet żviluppata mill- 1800 minn meta nqatgħet ir-rabta mat-Textus Receptus. Imma l-kritika letterarja tmur lura sas-seklu 17, sa Richard Simon li wera li ċerti doppjetti, diskrepanzi fil-kontenut u differenzi fl-istil li stajna niltaqgħu magħhom fil-Pentatewku, kienu jfissru li ma kienx Mosè l-uniku awtur tal-Pentatewku. Għalhekk il-kritika letterarja kienet ġiet identifikata mat-tenttativ li niddistingwu diversi għejjun fit-testi. Minn hawn bdiet dik li tissejjaħ l-Ipoteżi Dokumentarja. Din l-ipoteżi tikkonkludi li hemm erba’ għejjun fil-Pentatewku, maħdumin flimkien biex jagħtuna ktieb wieħed: Il-Jaħwista, l-Eloħista, id-Dewteronomista u l-Qassis (l-għajn saċerdotali). Għat-Testment il-Ġdid instabet l-ipoteżi taż-Żewġ Għejjun. Skont din l-ipoteżi l-evanġelju ta’ Mattew u Luqa ġew maħduma fuq żewġ għejjun prinċipali: dik ta’ Mark u l-oħra ġabra ta’ għajdut ta’ Ġesù imsejħa “Q”, mill-kelma Ġermaniza Quelle, li tfisser “għajn”.

Ma’ dawn l-ipoteżijiet, Herman Gunkel ipprova jaqsam it-testi skont il-forom letterarji tagħhom, kif kienu jintużaw meta nħolqu, dik li nsejħulha s-Sitz im Leben (il-kuntest fil-ħajja): kuntest liturġiku, legali u l-bqija. L-istudju tal-Forom, il-Formgeschichte, ngħaqdet ma’ dawn l-istudji biex turi li t-tradizzjoni kienet ġejja mill-komunità kristjana jew il-Knisja tal-bidu.

Billi l-awturi tat-test sagru kif insibuh illum bdew jiġu meqjusa mhux iktar bħala edituri li jinsġu testi minn hawn u minn hemm imma li kienu veri awturi huma stess, beda l-istudju tar-Redazzjoni, ir-Redactionsgeschichte. Dan l-istudju juri l-kontribut speċjali ta’ kull awtur, u jistudja b’mod specjali t-test kif insibuh illum.

Huwa metodu storiku għax jistudja testi antiki bħalma huma t-testi tal-Bibbja mil-lat storiku tagħhom u mill-proċessi storiċi li ffurmawhom. Huwa studju kritiku għax kull tarġa tiegħu tiġi studjata bi kriterji xjentifiċi u ħafna drabi dan il-metodu ma nistgħux ngħidu li hu għal kollox suffiċjenti. Jeħtieġ li jiġu applikati metodi oħra biex l-interpretazzjoni tat-test tkun kemm jista’ jkun tajba.

2. Metodu ieħor li jintuza għall-istudju tat-testi huwa l-Metodu Retoriku. Mhu xejn ġdid fl-istudju ta’ testi antiki imma hu kemxejn ġdid fl-istudju tat-testi bibliċi. Ir-retorika hija l-arti tal-ħolqien ta’ diskors biex tipperswadi lis-semmiegħa. Huwa fatt li kważi t-testi kollha tal-Bibbja huma testi biex jipperswadu lill-qarrejja fil-fidi. Hemm tliet modi differenti kif dan il-metodu jiġi applikat: dak klassiku Greko-Ruman, dak li jimxi fuq il-proċeduri Semitiċi u dak li qiegħed jiġi msejjaħ ir-Retorika l-Ġdida.

Il-mod klassiku jibbaża ruħu fuq il-fatt li kull diskors irid ikollu tliet elementi biex ikun perswasiv: l-awtorità ta’ min qiegħed jgħidu, il-forza tal-argument użat u x’sentimenti jqanqal f’min jisimgħu.

Il-mod li jimxi fuq il-proċeduri Semitiċi jagħraf li d-dixxerniment tal-istrutturi letterarji tat-testi, bħall-paralleliżmu bejn il-kliem jew versetti sħaħ tat-test, huma għajnuniet biex wieħed jagħraf l-istruttura tat-test.

Ir-Retorika l-Ġdida timmira li tippenetra fil-qalba tal-lingwa tar-rivelazzjoni preċiżament bħala diskors reliġjuż li jipperswadi u li jqis l-impatt li dan id-diskors għandu fil-kuntest soċjali tal-komunikazzjoni.

3. L-Analiżi Narrattiva: din toffri metodu li bih wieħed jifhem u jikkomunika l-messaġġ bibliku li jaqbel mal-forma tal-istorja u x-xhieda personali, li huma karatteristiċi tat-test bibliku u tal-mod kif in-nies jikkomunikaw bejniethom. L-analiżi narrattiva tistudja kif test jgħid l-istorja li jirrakkonta b’mod li jdaħħal lill-qarrej fid-dinja tan-narrazzjoni u s-sistema ta’ valuri li tipproġetta. Din l-analiżi qisha mera li tipproġetta ċerti immaġni, dinja narrattiva, li tinfluwenza lill-qarrejja b’mod li tgħinhom iħaddnu ċerti valuri u mhux oħrajn.

4. Interpretazzjoni Fundamentalista. Fl-interpretazzjoni biblika nsibu modi ta’ interpretazzjoni li huma perikulużi. L-aktar fosthom dak fundamentalista. Dejjem kienet teżisti bħala mod ta’ interpretazzjoni, imma llum għadha ħajja daqs qatt qabel. Il-fundamentalisti huma dawk li ma jammettu qatt progress, u allura huma dojoq u riġidi fil-mod kif iħarsu lejn l-affarijiet. Fil-kamp tal-interpretazzjoni biblika, il-fundamentalisti tal-lum issibhom l-aktar fost il-Protestanti ‘Evanġeliċi’ u fost gruppi nsara oħra li ma jappartjenu għall-ebda Knisja istituzzjonali. Huma jibbażaw il-mod kif jgħixu l-fidi tagħhom fuq interpretazzjoni dejqa u għal kollox letterali tat-testi bibliċi. Ma jagħtux kas tar-raġunijiet kuntrarji u tal-iżviluppi fl-istudji kritiċi xjentifiċi tal-Bibbja. Għalihom il-prinċipju ewlieni tagħhom fl-interpretazzjoni tal-Bibbja hu l-Bibbja u l-Bibbja waħidha. Jitilqu mill-prinċipju li l-Bibbja, il-Kelma ta’ Alla ispirata u ħielsa minn kull żball, għandha tinqara u tiġi interpretata letteralment fid-dettalji kollha tagħha (ara L-Interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja fuq l-Interpretazzjoni Fundamentalista). Ma jagħtux kas tal-valur tat- tradizzjoni u tal-istudji bibliċi li huma għodda meħtieġa biex nifhmu aħjar l- Iskrittura.

Fl-interpretazzjoni tagħhom tal-Bibbja joqogħdu biss għal-letteraliżmu esaġerat, skont kif il-kelma tat-test iddoqq għal widnejhom. Sakemm dawn l-iżbalji saru minn nies li ma kellhomx ir-riżultati tax-xjenzi u tal-istudji bibliċi ta’ dawn l- aħħar snin nistgħu nifhmuha. Imma fi żmienna wkoll nibqgħu niltaqgħu ma’ żbalji bħal dawn li jieħdu l-kelma letteralment u fis-sens dejjaq tagħha.

Il-moviment fundamentalista beda bħala reazzjoni għall-interpretazzjoni tal- Bibbja skont il-prinċipji kritiċi u letterarji xjentifiċi tal-biblisti moderni fost il- Kattolici u l-Protestanti liberali. Aktar ma mxiet ’il quddiem l-interpretazzjoni kritika letterarja, aktar kompliet tissaħħaħ l-oħra. Dan jagħmluh frott ir-rispett li għandhom lejn kull kelma tal-Bibbja, li hi ħaġa ta’ min ifaħħarha. Imma aħna nemmnu wkoll li, barra li Alla hu l-Awtur Prinċipali tal-Bibbja, il-bnedmin li kitbuha, imnebbħa minn Alla, huma wkoll awturi tal-kotba li kitbu. Għalhekk meta ninterpretaw il-Bibbja għandna nagħtu kas tal-awturi bnedmin, il-karatteristiċi letterarji u ċ-ċirkostanzi kollha tal-kotba tagħhom. Dan kollu jinjorawh bis-saħħa kollha l-fundamentalisti. Biex nifhmu l-Bibbja tajjeb jeħtieġ li nieħdu kull kelma fil-kuntest filoloġiku, kulturali u storiku ta’ żmienha.

“Kull min irid jifhem il-kelma ta' Alla għandu jfittex it-tifsira fl-ambjent fejn ġiet miktuba u saret viżibbli, u jaċċetta l-għajnuna tal-għerf tal-bniedem. Meta indirizza lill-bnedmin, mill-bidu tat-Testment il-Qadim ’il quddiem, Alla għamel użu mill-possibiltajiet kollha tal-lingwaġġ uman, waqt li fl-istess ħin aċċetta li l- kelma tiegħu tkun suġġetta għal-limitazzjonijiet ta’ din il-lingwa” (ara L-Interpretazzjoni tal-Bibbja fil-Knisja).