LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ħu/Oħt/Aħwa

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Sew fil-Lhudi tat-Testment il-Qadim u sew fil-Grieg tat-Testment il-Ġdid il-kelma “aħwa ” (bil-Lhudi, ’aħ, ’aħot; bil-Grieg, adels, adelfè) jista’ jkollha tifsiriet diversi. Aħwa huma l-ewwelnett ulied l-istess ġenituri, l-istess missier jew l-istess omm; dan hu s-sens ġenerali f’kull kultura (Ġen 4:2; Mt 4:18). Mbagħad, kif inhu ukoll f’ħafna ilsna orjentali, aħwa huma wkoll il-membri ta’ l-istess familja, għax jiġu minn xulxin (Ġen 13:8; 29:12; Lev 10:4; eċċ.), jew ta’ l-istess tribù (2 Sam 19:13), jew tal-istess poplu (Dt 25:3; 15:3; Rum 9:3; Lhud 7:5). Dawn huma każijiet li fihom “l-aħwa” huma mnisslin mill-istess antenat, qrib jew imbiegħed. Mbagħad fil-Bibbja jissejħu “aħwa” wkoll dawk li għandhom l-istess reliġjon (1 Mak 12:10; Atti 2:29; 3:17). Għalhekk fit-Testment il-Ġdid l-insara huma kollha aħwa, kif ngħidu aħna “aħwa fi Kristu” (Atti 1:15; 9:30; 1 Kor 5:11; eċċ.). Jissejħu “aħwa” dawk ukoll li jaħdmu flimkien jew jgħinu lil xulxin fix-xandir tal-Evanġelju (1 Kor 1:1; 2 Kor 1:1; 1 Pt 5:12; eċċ.). U f’sens aktar ġenerali, kull bniedem u kull proxxmu (Mt 5:22.47; 1 Ġw 2:9 ss.; eċċ.).

Fl-Evanġelji jissemmew ħafna “l-aħwa ta’ Ġesù” (Mt 12:46; 13:55; Mk 3:31; 6:3; Lq 8:19; ukoll, Atti 1:14; Gal 1:19). Fid-dawl tar-rivelazzjoni tat-twelid verġinali ta’ Ġesù u tal-fidi tal-Knisja fil-verġinità perpetwa ta’ ommu Marija ma nistgħux ngħidu li dawn kienu ħut Ġesu mill-istess omm. Iżda jissejħu hekk, skont l-uzu tal-Bibbja, għax kienu qraba tiegħu, bħal ulied l-aħwa. Hekk dwar Ġakbu u Ġużeppi, li jissejħu ħut Ġesù” (Mt 13:55), huma wlied ċerta Marija; iżda din mhijiex Marija, Omm Ġesù; hi Marija waħda min-nisa dixxipli ta’ Ġesù (Mt 27:56).

Ġakbu wkoll, li jissejjaħ “hu l-Mulej” (Gal 1:19), jekk inhu l-istess wieħed, fil-listi tal-Appostli jissejjaħ “bin Alfew” (Mt 10:1 Mk 3:18; Lq 6,15).

Fl-aħħarnett fl-ewwel Ittra ta’ Pietru l-komunità tal-aħwa nsara tissejjaħ “ġemgħa tal-aħwa”, “fraternità” (adelfótes) - 1 Pt 2:17; 5:9).