LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ħniena

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-ħniena hi attribut propju ta’ Alla u virtù sabiħa tal-bnedmin. Il-Bibbja tfaħħar bla heda l- ħniena ta’ Alla u tħeġġeġ bil-qawwa lill-bnedmin biex jiżżejnu biha. L-isbaħ test li jiddeskrivi l-ħniena ta’ Alla hu l-kliem li l-awtur sagru qiegħed fuq fomm il-Mulej: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija” (Eż 34:6-7). Dan it-test jidher għall-ewwel darba fil-Ktieb tal-Eżodu. Mbagħad nibqgħu nsibuh ħafna drabi oħra fil-kotba ta’ warajh (Num 14:18; Dt 5:9-10; Neħ 9:7; Salmi 86:15; 103:8; 145:8; Ġer 32:18; Ġona 4:2; eċċ.). Dan ifissser li l-Iżraelin kienu jemmnu bis-sħiħ li Jaħweh, Alla tagħhom, kien ta’ ħniena bla tarf. Dan kellhom raġun jemmnuh, għax kellhom ix-xhieda tal-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla fl-istorja tal-poplu tagħhom. Mill-bidu tal-Eżodu (Eż 3:7-8.16) u f’kull fażi tal-istorja Alla wera dejjem il-ħniena u l-mogħdrija tiegħu lejhom ukoll minkejja l-ingratitudni tagħhom. L-istorja ta’ Iżrael hi storja tar-rivelazzjoni tal-ħniena ta’ Alla (Salmi 106; 107).

Fit-test li semmejna għandna kelmiet differenti, iżda sinonimi; fis-sens ġenerali tagħhom ifissru l-istess ħaġa: il-ħniena kbira ta’ Alla. “Alla li jagħder” (raħùm), li “jħenn” (ħannùn), kollu “tjieba” (ħésed) u “fedeltà (’émet). Il-kelma raħùm, minn réħem, il-ġuf tal-omm; jew minn raħamìm, il-ġewwieni jew il-qalb tal-missier. Alla hu bħall-omm, mimli ħniena (Is 49:15), u bħall-missier li jħenn għal uliedu (Salm 106:4-5; Lq 1:28). Aqwa hi l-kelma ħésed, kelma li turi r-relazzjonijiet ta’ mħabba u tjubija fost il-membri tal-familja (Ġen 47:29). Għalhekk hi l-attribut propju ta’Alla li, bħala “missier” il-poplu, hu kollu tjieba u mħabba lejh. Anzi Alla nnifsu hu ħésed (Salm 144:2). Nittraduċu din il-kelma bil-kelma “ tjieba”. Imma nagħrfu li ma nistgħux infissru l-qawwa kollha tagħha b’kelma waħda tagħna. Kliem ieħor, bħal tjubija, ħniena, mogħdrija, favur, grazzja, u xi kliem ieħor bħal dawn kollha jidħlu fis-sens profond tal-kelma ħésed. Dan ifisser Alla għalina. Il-ħniena ta’ Alla ma tonqos qatt u ma tiddgħajjef qatt u b’xejn. “Għal dejjem it-tjieba (ħésed) tiegħu” (Salmi 106:1; 107:1). Xejn ma jċaqlaqha u xejn ma jdgħajjifha, la l-ingratitudni tal-poplu u lanqas id-dnubiet tal-individwi. Anzi, dawn huma l-okkażjoni biex Alla juri aktar il-ħniena tiegħu. “Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab” (Salm 103:13-14). Għalhekk il-midneb kollu fiduċja fit-tjieba tiegħu jersaq jitolbu: “Ikollok ħniena minni, O Alla, fi tjubitek (ħésed), fil-kobor tal-ħniena tiegħek (raħamìm) ħassar ħtijieti” (Salm 51:1).

Għalkemm it-Testment il-Qadim jgħolli ħafna l-ħniena ta’ Alla li twasslu dejjem biex jagħder il-poplu tiegħu u jaħfirlu ħtijietu, ma jonqosx juri wkoll li Alla kien jagħdab ukoll għalihom u kien jikkastigahom meta kien ikun ħaqqhom. Imma l-għadab tiegħu hu l-espressjoni ta’ mħabbtu u l-kastigi tiegħu huma d-daqqiet tal-misiser li jħobb ’1 uliedu (Dt 8:5; 3 Sam 7:14; Prov 3:11-12). L-istorja ta’ Iżrael fit-Testment il-Qadim tinġabar fis-suċċessjoni ta’ dawn il-ġrajjiet: tibda bl-imħabba ta’ Alla, tgħaddi għall-ingratitudni tal-poplu, jiġi fuqhom il-kastig, jerġgħu jduru lejn il-Mulej, li jħenn għalihom, jagħdirhom, jaħfrilhom u jeħlishom. Din hi l-istorja fil-Ktieb tal-Imħallfin (Imħ 2:11-19). Alla ma jikkastigax biex, bħallikieku, jivvendika ruħu, iżda jikkastiga biex isalva; isawwat bl-imħabba. Hekk kienu juruh il-profeti (Hos 1:6; Ġer 12:15; 31:20; Eżek 33:11; eċċ.). “Huwa tertaqna, imma se jdewwina; hu sawwatna, imma se jinfaxxalna l-ġrieħi” (Hos 6:1; Mik 7:18-19). Alla tat-Testment il-Qadim hu wkoll “Alla tal-ħniena” daqskemm hu dak tat-Testment il-Ġdid. Mhuwiex l-istess wieħed?

Imma hu fit-Testment il-Ġdid, f’Ibnu Ġesu Kristu, li “dehret il-grazzja ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha” (Tit 2:11). Hu fih li Alla wera li hu “mħabba” (1 Ġw 4:10-16; Ġw 3:16). Ġesù hu l-inkarnazzjoni tal-imħabba ta’ Alla; hu r-rivelazzjoni tal-ħniena tiegħu bla tarf. U dan b’għemilu, bl-imġiba tiegħu mal-bnedmin fi żmienu; mal-fqajrin u l- imsejknin, mal-morda u l-midinbin (Mt 9:36; 14:14; 15:32; Lq 7:13; 15:1-32; eċċ.).