LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

    

Ħbieb

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-ħbieb iridu jkunu wkoll fil-ħajja. Il-bniedem mhux ta’ waħdu; għandu bżonn sħabu. Imma dawn iridu jkunu ħbiebu, u ħbieb tassew, li fihom jista’ jafda u magħhom jiftaħ qalbu. Hu f’dan is-sens li jingħad: “Kenn sod ħabib ta’ min jafda fih u min isib wieħed ikun sab teżor” (Sir 6:14ss.). Ħaġa rari ssib teżor. Daqshekk hu rari ssib ħabib veru u sinċier. Għalhekk l-awturi tal-kotba tal-Għerf iwissuna noqogħdu attenti wkoll mill-ħbieb daqskemm nibżgħu mill-għedewwa (Sir 6:5-13; 12:8-13:23; 37:1-5; Ġob 6:15-30). Ħbiberija tajba u vera hi dik li tiġi mill-biza’ tal-Mulej: “Min jibża’ mill-Mulej imexxi tajjeb il-ħbiberija tiegħu” (Sir 6:17).

Il-ħbiberija ta’ David u Ġonatan baqgħet tissemma bħala eżempju tal-ħbiberija vera, l-aktar min-naħa ta’ Ġonatan, li kellu qalbu marbuta ma’ David u ħabbu bħalu nnifsu (1 Sam 18:1-4; 19-20). Imma l-Evanġelji tagħna jqegħdulna quddiem għajnejna l-eżempju tal-aqwa ħbiberija, dik ta’ Ġesù Kristu, li wasal biex ta ħajtu għal ħbiebu (Ġw 15:13). Ġesu kellu l-ħbieb ukoll f’ħajtu: Lazzru (Ġw 11:1; 11,36), it-tnax-il dixxiplu (Ġw 15,15), id-dixxiplu “li kien iħobb” (Ġw 13:23; 19:26) u oħrajn. Saħansitra lil Ġuda li ttradieh sejjaħlu, “Ħabib’’ (Mt 26:50). Ġesù Kristu jgħallimna kif għandna nkunu ħbieb ta’ kulħadd, ukoll ta’ dawk li ma jridux ikunu ħbieb tagħna. Skont it-tagħlim ta’ Ġesu hekk kien jgħallem ukoll San Pawl (Rum 12:9-27).