LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ewkaristija

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma Ewkaristija (bil-Grieg, eucharistίa, ‘radd il-ħajr’) fit-Testment il-Ġdid ma tingħad qatt b’riferenza għas-Sagrament Imqaddes tal-ħobż u tal-inbid. Fl-ewwel rakkont tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobz, l-evanġelji Sinottici jgħidu li Ġesù “bierek” (eulógesen) il-ħobż (Mattew 14:12 par.). Skont San Ġwann, “radd il-ħajr” (eucharistésas, Ġwanni 6:11.23). Fit-tieni rakkont, Mattew (15:36) u Mark (8:6) jgħidu radd il-ħajr. B’riferenza għall-Ewkaristija, San Pawl għandu l-kelma radd il-ħajr għall-ħobż u barka għall-inbid (1 Korintin 11:24; 10:16). Kif għandna nifhmu, iż-żewġ kelmiet joqogħdu tajjeb għall-Ewkaristija: b’dan is-sagrament inbierku ’l Alla fis-sens tal-gratitudni tagħna lejh u nroddulu ħajr għall-għeġubijiet kbar li għamel magħna bl-opra tas-salvazzjoni ta’ Ibnu Ġesù Kristu (ara Efesin 1:3 ss.). L-Ewkaristija hi r-radd il-ħajr il-kbir li l-aktar jixraq lil Alla; biha nroddulu ħajr u nagħtuh kull ġieh u glorja fl-għaqda tagħna ma’ Ibnu Ġesù Sidna. Din hi t-talba ewkaristika tagħna. L-Ewkaristija tissejjaħ ukoll ‘l-Ikla tal-Mulej’ (1 Korintin 11:20);  l-agàpe,  l-ikla tal-imħabba (Ġuda 12), u ‘il-qsim tal-ħobż’ (Atti 2:42; forsi wkoll Atti 2:46; 20:7.11). Dawn ir-riferenzi jixhdu li l-insara kienu jiltaqgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija sa mill-ewwel żmien.

Għandna erba’ rakkonti tat-twaqqif tal-Ewkaristija - Mattew 26:26-29; Mark 14:22-25; Luqa 22:15-20 u 1 Korintin 11:23-25). Barra minn differenzi żgħar,  l-erba’ jaqblu ħafna bejniethom sew fil-kliem u sew fil-preżentazzjoni tar-rakkont. Lill-Korintin Pawlu qalilhom li hu kien “għaddielhom” it-tagħlim li hu nnifsu kien “ircieva mingħand il-Mulej” (1 Korintin 11:23). Din hi riferenza għat-tradizzjoni tal-liturġija ewkaristika tal-ewwel żmien, li minnha Pawlu kien tgħallem fuq it-twaqqif tal-Ewkaristija minn Ġesù Kristu. Hekk ukoll is-Sinottiċi rrakkontaw l-Ewkaristija fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni tagħha fil-komunitajiet ta’ żmienhom. L-awtur tar-raba’ evanġelju ma jirrakkontax it-twaqqif tal-Ewkaristija; iżda mbagħad iġib id-diskors ta’ Ġesù fuqu nnifsu bħala ‘l-ħobz tal-ħajja’, li hu s-sagrament tal-Ewkaristija (Ġwanni 6:26-59).

Id-differenzi li naraw fl-erba’ rakkonti, għalkemm jidhru żgħar, fihom valur kbir biex jgħinuna nidħlu fis-sens sħiħ tal-Ewkaristija. Hi ppreżentata bi kliem simboliku; iżda dawn huma simboli jew sinjali tar-realtà rrivelata. Minnhom nifhmu l-karattru sagramentali u sagrifikali tal-Ewkaristija. Kliem Pawlu hu ċar: “il-kalċi mbierek” jew  l-inbid imbierek fil-kalċi hu d-demm ta’ Kristu; u  l-ħobż li jinqasam fir-rit tal-Ewkaristija, hu  l-ġisem ta’ Kristu (1 Korintin 10:14-16). Hekk ukoll il-kliem ta’ Ġesù fl-erba’ rakkonti tal-Ewkaristija: “Dan hu Ġismi”, “Dan hu Demmi”. Il-ħobz hu ġismu tassew, l-inbid hu demmu tassew. U bi kliem aktar enfatiku li ma jħalli l-ebda dubju fl-evanġelju ta’ San Ġwann: “Ġismi hu ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. Min jiekol ġismi u jixrob demmi...” (Ġwanni 6:55-56). Il-ġisem u d-demm ta’ Kristu huma tassew preżenti fl-Ewkaristija. Kif isir dan ma nafux. L-ebda spekulazzjoni teoloġika ma tasal biex tgħinna nifhmuh. Il-kelma ta’ Ġesù tafferma biss il-fatt u tistedinna naċċettawh b’sens ta’ fidi fil-kelma tiegħu. Dan hu misteru tal-fidi!

Mir-rivelazzjoni li għandna fuq l-Ewkaristija nifhmu wkoll il-karattru sagrifikali tagħha. Hi wkoll sagrifiċċju veru, is-sagrifiċċju tal-Patt il-Ġdid. Is-sagrifiċċju l-veru tal-Patt il-ġdid hu wieħed; hu s-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu, fuq  l-għuda tas-salib, li fih hu offra lilu nnifsu bħala vittma għall-maħfra tad-dnubiet (Lhud 9:11-10.18; 1 Pietru 1:18-19; eċċ.) Il-kliem u l-espressjonijiet tal-Ewkaristija juru li Ġesù fehem jgħaqqad dan is-sagrament mas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu fuq is-salib u hekk jagħtih ukoll il-valur ta’ sagrifiċċju.

L-Ewkaristija hi ‘xandira’, proklamazzjoni, tal-mewt tal-Mulej Ġesù (1 Korintin 11:26); hi ‘tifkira’ tiegħu (Luqa 22:19; 1 Korintin 11:24-25). Imma hi tifkira effettiva, għax hi ripetizzjoni u tiġdid ta’ dak li għamel Ġesù. Hu bl-ordni tiegħu li l-Knisja tagħmel dak li għamel hu u kif għamel hu, u hekk iġġedded f’ismu l-azzjoni ewkaristika tiegħu. Il-ġisem ta’ Ġesu hu “mogħti għalina” u demmu hu “mxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet”. Dan kollu kliem li jfisser is-sagrifiċċju ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet, tad-dnubiet tal-oħrajn. Dawn huma l-espressjonijiet li bihom bnadi oħra l-awturi tat-Testment il-Ġdid ifissru li l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib hi sagrifiċċju veru għall-maħfra tad-dnubiet tal-bnedmin (Lhud 9:28; 1 Pietru 3:21; 1 Ġwanni 2:2; 4:10; eċċ.). Hekk ukoll l-istess espressjoni jew kliem ta’ Ġesù b’riferenza għall-Ewkaristija jfissru l-karattru sagrifikali tagħha. Mhijiex xi sagrifiċċju ieħor differenti minn dak li Ġesù offra fuq is-salib, iżda hi l-istess sagrifiċċju ripetut u mġedded b’rit mistiku u sagramentali, u dan bl-ordni tal-Mulej Ġesù. F’dan is-sagrifiċċju tal-Ewkaristija Ġesù nnifsu hu  l-vittma bħalma hu nnifsu kien il-vittma fuq is-salib. Hu l-Ħaruf bla tebgħa li jneħħi d-dnub tad-dinja (Ġwanni 1:29; 1 Pietru 1:19). Is-Sinottiċi jippreżentaw l-aħħar ikla ta’ Ġesù mad-dixxipli, li fiha waqqaf l-Ewkaristija, bħala l-ikla tal-Għid. Hekk iqiegħdu l-Ewkaristija fil-kuntest tal-Għid u juruh bħala s-sagrifiċċju tal-Għid il-ġdid u tal-Patt il-Ġdid. Kif il-Patt il-Qadim twettaq bid-demm tal-vittma (Eżodu 24:3.6-8), hekk ukoll il-Patt il-Ġdid twettaq bid- demm tal-vittma bla tebgħa Ġesù Kristu (Lhud 9:11-15). Dan hu wkoll id-demm tal-Ewkaristija, “id-demm tal-patt” ( Mattew 26:28), ‘‘id-demm tal-patt li jixxerred għall-kotra” (Mark 14:24; ara Luqa 22:20; 1 Korintin 11:25).

L-Ewkaristija hi wkoll ‘’tqarbin’, hi ‘komunjoni’ (koinonίa), hi ‘‘għaqda mad-demm ta’ Kristu” u ‘‘għaqda mal-ġisem ta’ Kristu” (1 Korintin 10:16). Bis-sehem tagħna fil-mejda tal-Ewkaristija ‘nieklu’ tassew il-ġisem ta’ Ġesù u ‘nixorbu’ tassew demmu. ‘‘Iebes dan il-kliem!”, qalu xi wħud mid-dixxipli li ma setgħux iġerrgħuh (Ġwanni 6:60). Imma hekk qal Ġesù. Kliemu verità. M’hemmx triq oħra ħlief li nemmnuh. U meta nemmnuh u nieklu ġismu u nixorbu demmu, hu jgħix fina u aħna ngħixu fih (Ġwanni 6:53-56). L-Ewkaristija hi s-sagrament tal-għaqda misterjuża tagħna ma’ Ġesù Kristu. Għalhekk hi wkoll is-sagrament tal-għaqda tal-Knisja. Hi s-sinjal tal-għaqda ħaġa waħda flimkien tal-insara kollha. Imma hu sinjal effettiv, li jnissel, irawwem, jorbot u jsaħħaħ din il-għaqda. II-koinoa mal-ġisem ewkarisitku ta’ Ġesù Kristu hi koinonίa mal-ġisem mistiku tiegħu, li hu  l-Knsija (1 Korintin 10:16-17). L-insara kollha, li jissieħbu flimkien fl-Ikla tal-Mulej, huma lkoll ġisem wieħed fih. Għalhekk għandhom jgħixu fl-għaqda tal-imħabba flimkien. Kien minn din il-viżoni li kellu tal-Ewkaristija li San Pawl wissa bil-qawwa lill-insara ta’ Korintu fuq id-dmir li kellhom li jgħixu fl-għaqda u fl-imħabba ta’ xulxin. II-ħajja fl-imħabba hi l-konsegwenza tal-ħajja fl-għaqda ma’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija (1 Korintin 11:17-14; 12:12-27).

L -Ewkaristija hi s-sagrament tal-ħajja. Hu l-aktar San Ġwann li jippreżenta  l-Ewkaristija fl-aspett tal-ħajja bi kliem l-istess Ġesù fil-kapitlu 6 tal-evanġelju: “Jiena hu l-ħobz tal-ħajja” (6:48). L-Ewkaristija hi s-sagrament tal-ħajja ta’ dejjem, issa f’dan iż-żmien u fl-aħħar żmien: ‘‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu  l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Min jiekol dan il-ħobz jgħix għal dejjem” (Ġwanni 6:54.58).

Għandna wkoll l-aspett eskatoloġiku tal-Ewkaristija: hi s-sagrament tal-ħajja għalina, li hi  l-ħajja ma’ Ġesù Kristu, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, iżda wkoll għaż-żmien li ġej. Fl-Ewkaristija għandna l-imgħoddi, l-issa u li ġej. Hi t-tifkira tal-mewt tal-Mulej Ġesù, hi t-tiġdid tagħha bil-preżenza tiegħu, hi x-xandira tal-miġja tiegħu. ‘‘Kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru  l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1 Korintin 11:26).