LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Deżert

Minn Dun Pawl Sciberras

 

L-Iżraelin kienu jafu sewwa x’kien id-deżert u l-esperjenza tal-ħajja tiegħu. Arthom kienet imdawra bid-deżert fuq in-naħa tal-Lvant u fuq in-nofsinhar tagħha. Fil-Bibbja jissemmew id-deżerti ta’ Kades, ta’ Faran, ta’ Sur u ta’ Sin, fuq in-naħa t’isfel tal-Palestina. Jissemma wkoll id-deżert ta’ Ġuda, fil-qalba tal-art bejn Ġerusalemm u l-Wied tal-Ġordan u l-Baħar il-Mejjet. L-art tad-deżert tissemma ħafna fl-evanġelji (Mattew 14:13; 15:33; Mark 1:45; 6:31; Luqa 4:42) fis-sens ġeneriku ta’ xagħra bla djar u bla nies. Billi l-Lhud u missirijiethom, kienu għexu f’kuntatt mad-deżert, żviluppaw kultura influwenzata mill-ħajja tad-deżert. Il-kunċett tad-deżert daħal ’il ġewwa sewwa fl-aspetti u fl-immaġinazzjonijiet reliġjużi ta’ Iżrael. L-istorja tal-Patrijarki, li nħadmet fid-deżert, u aktar tard iż-żmien ta’ Iżrael fid-deżert fil-mixja lejn l-art imwiegħda saru għad-dixxendenti tagħhom it-tip tal-laqgħa tagħhom ma’ Alla.

Id-deżert hu l-art tal-prova u taċ-ċaħda. Hu art niexfa, maħruqa, bla ilma; hu art il-mewt u mhux il-ħajja; hu art difficli u perikoluża għall-ħajja tal-bniedem. L-awturi sagri juru li, jekk Iżrael għex u mexa fid-deżert, dan seta’ jagħmlu għax il-Mulej kien miegħu u kien jipprovdilu, iħarsu u jmexxih (Dewteronomju 8:14-17, Ġeremija 2:6). Kien fid-deżert li Iżrael twieled u trawwem bħala l-poplu ta’ Alla. Imma d-deżert ma kienx l-ideal; kien biss il-passaġġ għall-art imwiegħda. Għalhekk id-deżert baqa’ kkunsidrat bħala eżempju u simbolu tat-triq li twassal il-bniedem għand Alla. Għalhekk meta l-poplu ta’ Iżrael tbiegħed mill-Mulej u kellu bżonn jerġa’ lura għandu, fid-deżert kellu jerġa’ jmur biex jiltaqa’ miegħu; minn hemm kellu jibda (Hosegħa 2:16). Hekk ukoll it-tieni eżodu, il-ħelsien tal-Lhud mill-eżilju tal-Babilonja, kellu jibda bil-mixja fid-deżert; bil-qawwa ta’ Alla mal-poplu tiegħu d-deżert isir art għammiela, tħaddar u twarrad (Isaija 32:15s; 35; Isaija 41:18). Kull bidu ġdid jibda mid-deżert.

Hekk kellu l-bidu tiegħu ż-żmien il-ġdid inawgurat minn Ġesù Kristu. Fid-deżert deher Ġwanni l-Battista jħabbar iż-żmien il-ġdid u jħejji n-nies għall-miġja tal- Messija (Mark 1:4). Ġesù mbagħad, wara li tgħammed minn idejn Ġwanni, mar fid-deżert biex jiġġarrab mix-xitan (Mattew 4:1-11 par.). Id-deżert, din l-art bla ilma u bla ħajja, kien meqjus ukoll bħala l-post fejn jgħammar ix-xitan (Levitiku 16:10; Luqa 11:24) u l-art tal-bhejjem selvaġġi (Isaija 30:6; 34:11-16; Sofonija 2:13-14; Mark 1:13). Ġesù mar fid-deżert biex jiltaqa’ max-xitan, jidħol fi ġlieda miegħu u jirbaħlu. Bħal Iżrael il-ġdid mid-deżert beda l-mixja tas-salvazzjoni. Bħal Ġesù Kristu, l-Knisja tiegħu wkoll daħlet fid-deżert u, sakemm għadha fuq din l-art, fid-deżert qiegħda fil-mixja iebsa tagħha lejn l- art imwiegħra. Dan hu l-ħsieb imfisser fl-Apokalissi bid-dehra tal-Mara fid-deżert għaż-żmien determinat tagħha fuq l-art (Apokalissi 12:6-14).