LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Barka

Minn Dun Pawl Sciberras

Din il-kelma (bil-Lhudi b'rekà) fis-sens bibliku tagħha hi waħda mill-isbaħ. Tfisser il-ġid kollu u ta’ kull xorta li Alla fit-tjubija tiegħu jagħti lill-bniedem. Fit-Testment il-Qadim il-barka ta’ Alla hi mfissra bl-abbundanza tal-ġid materjali li kollu ġej minnu - id-don tal-ħajja u l-ħajja twila, il-prodotti tal-art, il-frott tar-raba’ u tas-siġar, il-frieħ tal-bhejjem u l-ulied tal-familja. Dan il-ħsieb insibuh diġà mfisser fl-ewwel paġni tal-Bibbja fl-istejjer tal-ħolqien (Ġenesi 1:22.28; 5:2). U mfisser aħjar fil-kliem tal-barka li Ġakobb ta lil ibnu Ġużeppi: “B’barkiet mill-għoli tas-smewwiet, b’barkiet l-ilmijiet mifruxa taħt l-art, b’barkiet is-sider u l-ġuf, b’barkiet tal-qamħ u ż-żahar” (Ġenesi 49:25 ). L- ilma kien meqjus bħala barka kbira tas-sema minħabba n-nixfa tal-art tal-Palestina ta’ dak iż-żmien; għalhekk kien simbolu tal-barka (Bin Sira 39:22; Eżekjel 34:26).

L-awtur tal-barka hu Alla waħdu; hu biss jista’ jbierek, għax minnu biss jiġi kull ġid. Il-barka tiegħu ġġib il-ġid bil-kotra lil min jirċeviha (Ġenesi 24:35; Ġob 1: 10; Salm 65:10-14).

Bnedmin ibierku wkoll bnedmin oħra sħabhom, imma dejjem f’isem Alla. Il-missier lil uliedu, l-aktar lil ibnu l-kbir (Ġenesi 9:26-27; 27:28-29; 48:15ss); il-mexxej lill-poplu (Dewteronomju 28:1ss; 1 Slaten 8:14:55) u l-qassisin lin-nies

ukoll (Num 6:22ss).

Alla jbierek lill-bnedmin, u l-bnedmin ukoll ibierku ʼl Alla, kif għandna fil-formoli tal-innijiet u tas-Salmi ta’ tifħir u radd il-ħajr (Salm 144:1; 145:1-2; 1 Kronaki 29:10; Luqa 1:68).

Imma b’differenza kbira: meta Alla jbierek il-bniedem, jagħnih bil-ġid tiegħu; meta l-bniedem ibierek ’l Alla, ifaħħru u jiżżih ħajr għall-ġid li jkun ħa mingħandu.

It-Testment il-Ġdid jirrivelalna li l-barka ta’ Alla mhijiex tant fil-kotra tal-ġid ta’ l-art, iżda f’dak tas-sema, li kiseb għalina Ibnu Ġesù Kristu. “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet fi Kristu” (Efesin 1:3). Pawlu jkompli jsemmi l-benefiċċji li Alla tana

f’Ibnu; dawn huma tassew il-barkiet ta’ Alla. Il-barkiet tat-Testment il-Qadim kienu biss xbihat dgħajfa tal-barkiet li kellhom jinżlu fuq id-dinja bl-opra ta’ Ġesù Kristu. Saħansitra l-barka li Alla ta lil Abraham għaddiet fis-sens sħiħ tagħha, għall-bnedmin kollha li f’kull żmien jemmnu f’Ġesù Kristu (Galatin 3:8-16).