LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

   

Antikrist

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-kelma ‘antikrist’ ġejja mill-Grieg antίkristos, “wieħed kontra Kristu”. Hija kelma li jużaha biss l-awtur tal-Ittri ta’ Ġwanni (1 Ġw 2:18-22; 4:3; 2 Ġw 7). F’partijiet oħra tat-Testment il-Ġdid insibu kliem ieħor li bejn wieħed u ieħor ifisser l-istess ħaġa: “messijiet foloz” (Mt 24:24; Mk 13:22); “il-Bniedem tad-dnub” (2 Tess 2:3); “il-Bhima” (Apok 13:4-18). Biex nifhmu sewwa dawn il-figuri rridu nqegħduhom fuq l-isfond tal-kunċetti apokalittiċi tal-Ġudaiżmu ta’ żmien it-Testment il-Ġdid, li minnhom jiddependu. Ħjiel ta’ dawn il-figuri apokalittiċi, ippreżentati bħala għedewwa ta’ Alla, għandna f’Danjel 7:lss u f’Eżekjel 38-39.

Il-figura tal-Antikrist tat-Testment il-Ġdid hi ispirata minnhom, bid-differenza li dan flok għadu ta’ Alla, kif hu ppreżentat fil-letteratura apokalittika tat-Testment il-Qadim, hu l-­għadu ta’ Kristu Ġesù u tal-Knisja tiegħu. Mhuwiex xi ħadd li għad irid jidher fl­-aħħar taż-żmien. Iżda hu dak jew dawk kollha li jiddikjaraw ruħhom kontra Kristu Ġesù - u issa stess, f’dan iż-żmien, mill-ewwel miġja tà Ġesù Kristu sat-tieni miġja tiegħu. Dan hu ż-żmien eskatoloġiku, l-aħħar żmien, iż-żmien ta’ Kristu.

Għal San Pawl ‘il-bniedem tad-­dnub’ kien xi ħadd fi żmienu li qam u ħadha kontra Alla; ma jgħidx min kien u lanqas x’kien dak li kien qed iżommu biex jidher; forsi kellu f’moħħu l-imperatur jew l-Imperu Ruman bħala forza tal-paganiżmu.

L-awtur tal-Apokalissi jagħmel riferenza aktar ċara għall-forza tal-­ħazen, li kienet qiegħda taħdem permezz ta’ Ruma pagana kontra l-­Knisja ta’ Ġesù Kristu. Il-bhima tal­-baħar (13:1-10) u l-bhima tal-art (13:11-18) u l-“Mara Żienja” (17:lss) huma kollha figuri simboliċi ta’ Ruma u l-imperaturi tagħha li, fil-ħsieb tal-awtur, ifissru s-saltna tal-ħażen f’taqbida ħarxa kontra s-Saltna ta’ Alla. Din hi viżjoni apokalittika tal-Antikrist meħuda minn Dan 7:1-28.

L-awtur tal-Ewwel u tat-Tieni Ittra ta’ Ġwanni hu ċar biżżejjed: antikrist mhux wieħed li għandu jidher fl-aħħar żmien, kif kienu jaħsbu x’uħud mill-­insara ta’ żmienu; kienu dawk l-insara apostati li ċaħdu ʼl Ġesù Kristu (1 Ġwanni 2:18. 22). “Dan hu l-ispirtu tal-­antikrist, li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-­dinja” (1 Ġwanni 4:3).

Mela l-Antikrist mhuwiex xi figura storika u eskatoloġika, xi bniedem kollu qerq u ħażen li għandu jiġi fl-aħħar tad-­dinja. Antikristi dehru ħafna fl-istorja f’kull żmien sa mill-ewwel żmien tal-­Knisja. F’xi wħud min-nies ta’ żmienhom, li kellhom donnhom il­-ħażen inkarnat fihom, l-awturi sagri tat-Testment il-Ġdid raw il-figura ħajja tal-ħażen u tal-­qawwa tiegħu.