| 
			 
			  | 
			
| LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI | 
Salmi ta’ vendetta (5)
Minn Dun Paul Sciberras
Diffikultà kbira, kultant anke spiritwali, tqum meta nippruvaw nitolbu bis-salmi bħal Salm 58, speċjalment il-vv.7-11; 69; Salm 139, fil-vv.19-22; Salm 140, bil-vv.9-11, u salmi oħra b’sentimenti u attitudni ta’ vendetta bħalhom. Kif jista’ s-Salmista jsejjaħ u jitlob lil Alla biex iħaddem il-qawwa tiegħu biex jikkastiga, jeqred, ixxerred l-għedewwa, il-midinbin, l-inġusti? Kif nistgħu nuru sentimenti bħal dawn fil-preżenza ta’ Alla, fil-qari tas-Salmi, u anke fit-talb tagħna?
Wieħed irid iqis sewwa l-kuntest ta’ dawn is-Salmi, u jrid jeħodhom fil-qafas tal-kunċett ta’ retribuzzjoni, jiġifieri dak it-twemmin Lhudi li kull bniedem jirċievi mingħand Alla l-ħlas skont l-azzjonijiet tiegħu: premju għall-ġusti u l-kastig għal dawk inġusti; skont ma int fl-imġieba tiegħek, tieħu barka jew kastig/saħta mingħand Alla. Hija diskussjoni li tqis invokazzjonijiet u xewqat daqstant imqanqla u appassjonati għal vendetta divina kontra l-għedewwa ta’ Alla min-naħa tas-Salmista jew in-nies tajbin kontra l-persekuturi tas-sewwa li wieħed irid iqis dawn is-Salmi.
Nindunaw mill-ewwel li l-ispirazzjoni ta’ dawn it-tamiet u t-talbiet hija l-indikazzjoni li r-rivelazzjoni divina għamlet triq ta’ progress biex tasal għall-perfezzjoni etika ta’ mġieba mixtieqa b’mod divin mill-bniedem. Ġesù nnifsu għamel dan il-progress espliċitu: “Smajtu x’intqal: “ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek”; imma jien ngħidilkom: “ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom...”” (Mt 5:43-48).
It-Testment il-Qadim kien fih liġijiet immirati biex jipproteġu lil min kien jirċievi xi inġustizzja jew tort. Imma r-retribuzzjoni għal dawn l-inġustizzji u tort li ġarrbu kellha l-limiti tagħha wkoll: “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu. La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej” (Lev 19:17-18). Il-liġi ta’ ritaljazzjoni (Lev 21:23-25) hija prinċipju ġuridiku li jafferma li l-piena għandha tkun proporzjonata mar-reat.
Nistgħu naraw diġà progress fir-relazzjoni ma’ min hu aktar b’saħħtu espress fir-rakkont ta’ Lamek f’Ġen 4:23-24, biex imbagħad naslu għal Mt 5:38-42, fejn Ġesù jappella biex id-dixxipli jegħelbu il-kunsiderazzjonijiet legali fir-relazzjonijiet umani tagħhom.
Dan l-ispirtu ta’ vendetta jidher f’partijiet oħra tal-Bibbja: Ġeremija, per eżempju, “Ħa jitħawdu dawk li jsusu warajja, u ma nitħawwadx jien! Ħa jitbeżżgħu huma, u ma nitbeżżax jien!” (17:18; ara wkoll 18:23). Min-naħa l-oħra, hemm ukoll referenzi biex il-vendetta titħalla dejjem biss għal Alla: Prov 20:22 (“Tgħidx: ‘Ħa rrodd id-deni b’deni’, imma stenna li l-Mulej jeħilsek hu”); Prov 25:21 (“Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, isqih”); Ġob 31:29-30 (“Ħadt xi gost bid-deni tal-għadu tiegħi, inkella fraħt meta laqtitu l-ħsara?”). Dan kollu jsib raġuni fil-prinċipju: “Għalija l-ħlas u l-vendetta” (Dewt 32:35).
Liema soluzzjonijiet għandna biex 
insolvu dawn id-dilemmi? Kif tista’ tqiegħed flimkien il-liġi tal-imħabba 
fil-Bibbja ma’ sentimenti vjolenti bħal dawn fil-Kelma ta’ Alla nnifisha? Kif 
jista’ Alla tal-imħabba u l-ħniena jħalli lilu nnifsu jiġi invokat b’sentimenti 
ta’ vendetta u vjolenza bħal dawn?
Il-progress fir-rivelazzjoni tal-valuri etiċi diġà ġie indikat bħala soluzzjoni: 
Alla jdaħħal lilu nnifsu fl-istorja tal-bniedem u jħalli lilu nnifsu jiġi żvelat 
skont il-limiti tal-kapaċità tal-bniedem li jaċċetta r-rivelazzjoni tiegħu. Alla 
bil-mod il-mod jgħallem lill-bniedem kif iġib ruħu b’mod denju ta’ Alla nnifsu, 
sal-punt li jibgħat lil ibnu Ġesù li jgħallimna nħobbu anke l-għedewwa bħalna 
nfusna (ara Mt 5:44; il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb f’Luqa 10:25-37). 
Fit-Testment il-Qadim kienet għadha fis-seħħ il-liġi tar-retribuzzjoni f’din 
il-ħajja. Għalhekk, imġieba bħal dik tas-salmista li jitlob vendetta 
mill-għedewwa, sempliċement turi l-għatx għall-ġustizzja min-naħa tal-bniedem 
imweġġa’. Il-bniedem ġust isejjaħ lil Alla biex jikkastiga hu lill-għedewwa 
ħżiena, skont l-imġieba tagħhom lejn Alla nnifsu u lejn il-qaddejja tiegħu.
Spjegazzjoni oħra għal din id-diffikultà hija li l-midinbin, l-inġusti, 
l-għedewwa ta’ dawk li jaqdu u jħobbu lil Alla għandhom jiġu mibgħuda u meqruda 
minħabba l-ħtija u d-dnub tagħhom. Din l-ispjegazzjoni tmur kontra l-mod kif 
inħarsu lejn il-midneb wara r-rivelazzjoni sħiħa f’Ġesù: min jemmen għandu 
jogħbod id-dnub, mhux lill-midneb. San Tumas ta’ Akwinu jgħid: “fil-midneb 
għandna nħobbu lill-bniedem li jista’ jasal li jindem (S.Th. 2a2ae, 25, 6).
Anki l-mentalità Semitika, il-karattru Orjentali ġie meqjus bħala spjegazzjoni 
għall-espressjonijiet imqanqla bħal dawn, li nsibu fis-Salmi u fi bnadi oħra 
fil-Bibbja: il-lingwa tas-Salmisti hija eċċessiva, minħabba l-karattru spontanju 
mimli passjoni, u b’xi mod anke għan-natura poetika ta’ espressjonijiet bħal 
dawn.
Imma forsi rridu nikkunsidraw ukoll il-mod kif inħarsu lejn Alla, lejn il-poplu 
tiegħu, u lejn l-art imwiegħda u mogħtija lil dan il-poplu ta’ Iżrael. 
L-Iżraelin iqisu l-għedewwa tagħhom, l-aduraturi tal-allat foloz, bħala theddida 
kontinwa għall-art tagħhom, u bħala għedewwa ta’ Alla Wieħed u li jista’ kollox. 
L-għadu tal-poplu ta’ Iżrael, ta’ Alla u tar-reliġjon u tal-art tagħhom kien 
l-għadu dirett ta’ Alla Wieħed. Minħabba f’hekk – kienu jemmnu l-Lhud – dan 
l-għadu għandu jkun meqjus b’mibgħeda, jekk jista’ jkun, meqrud minn wiċċ l-art. 
B’hekk kienet tkun iġġustifikata wkoll il-wegħda ta’ Alla lil Iżrael fil-Ktieb 
tal-Eżodu: “Jekk tisma’ sewwa minn kliemu, u tagħmel kulma ngħidlek, jien inkun 
l-għadu tal-għedewwa tiegħek, u neħodha ma’ min jeħodha miegħek” (23:22). Iżrael 
kellu jobgħod lill-għedewwa t’Alla biex jevita li jimita l-imġieba idolatrika 
tagħhom. Għalhekk hija ġġustifikata wkoll l-hekk imsejħa “Liġi tal-ħérem,’ 
il-liġi tal-gwerra mqaddsa: li joqtlu kull raġel, imma n-nisa, it-tfal, 
il-bhejjem u kull ma jkun fil-belt assedjata jittieħdu bħala priża u mogħtija 
lis-santwarju. Imbagħad dak kollu li jibqa’ f’dik il-belt kellu jinqered bin-nar 
(ara Dewt 20:10-15; u r-rakkont tat-teħid tal-belt ta’ Ġeriko minn Ġożwè 
fil-Ktieb ta’ Ġożwè 6:17-27).
Lil Alla tistħoqq kull ubbidjenza u qima. Għalhekk kull min ma jġibx ruħu b’dan 
il-mod miegħu jew ma’ xi ħadd li hu tiegħu, jistħoqqlu kull kastig, kif ukoll li 
ma jgawdix il-ħajja li ġejja minn Alla nnifsu. Ġesù ġab progress fil-ħsieb ta’ 
dan kollu, saħansitra li jwassalna naħfru u nitolbu għall-għedewwa tagħna.