|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Is-Salmi (3) – Għanjiet poetiċi Lhud
Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras
Kull salm fil-Bibbja hu fih innifsu kompożizzjoni poetika, u għalhekk hu maħdum skont ir-regoli tal-poeżija Lhudija u Semitika. Dan it-tip ta’ poeżija hu għal kollox differenti mill-poeżija ta’ llum, li ftit jew wisq inbniet fuq ix-xejra tal-letteratura Griega u Latina. Il-poeżija Lhudija għandha kwalitajiet karatteristiċi u regoli speċjali. Fil-qosor jinġabru hekk:
1) Ir-regola fundamentali ta’ kull xorta ta’ poeżija Semitika, u għalhekk Lhudija, hija l-paralleliżmu, jiġifieri li ħsieb imfisser f’vers jiġi mtenni bi kliem ieħor f’vers ieħor. Il-paralleliżmu hu ta’ tliet xorta:
a) paralleliżmu sinonimu, meta ħsieb ikun imtenni bi kliem ieħor li jfisser l-istess ħaġa. Eżempju: “Ħa jinżel bħax-xita fuq ir-raba maħsud,
bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx” (Salm 72:6)
L-art bil-għatx u r-raba maħsud juru l-istess ħaġa, li jiġu mxebbgħa bil-ħalbiet tax-xita.
“Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,
sebbħuh, intom popli kollha” (Salm 117:1)
Fit-tieni linja, l-poeta jirrepeti dak li qal fl-ewwel linja, għax il-kelma “sebbħu” tfisser l-istess bħal “faħħru”, u l-kelma “popli” tfisser l-istess ħaġa li tfisser “ġnus”
(għal eżempji oħra, ara Salmi 1:1; 19:2; 34:2.14; 114:1-8);
b) paralleliżmu antitetiku, meta ħsieb ikun imtenni bi kliem ieħor li jfisser il-kuntrarju. Eżempju: “Aħjar il-ftit li għandu l-ġust,
mill-ġid kotran tal-ħżiena” (Salm 37:16)
“Il-ftit li għandu l-ġust” huwa l-ġid tal-bniedem tajjeb. Imma l-ħżiena jista’ jkollhom “il-ġid kotran”. Il-“ftit” huwa l-kuntrarju tal-“ġid kotran”; “il-ġust” huwa l-kuntrarju tal-“ħżiena”.
“Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha,
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn” (Salm 1:6)
“Triq it-tajbin” hija antiteżi ta’ “triq il-ħżiena”; “il-Mulej jafha” hija konsegwenza kuntrarja (antitetika) għal “tintemm fix-xejn”.
(għal eżempji oħra, ara Salmi 20:9; 37:17);
ċ) paralleliżmu sintetiku, meta l-istess ħsieb ikompli jitfisser u jinħadem bi kliem ieħor. Eżempju: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi” (Salm 23:4)
It-tieni linja żżid il-messaġġ fuq l-ewwel linja: li jekk Alla huwa mas-Salmista, anke jekk isib ruħu f’sitwazzjonijiet koroħ u diffiċli, ma jibżax li se tiġrilu xi ħsara.
“Ħafna huma dawk li jgħidu fuqi:
‘M’hemmx salvazzjoni għalih f’Alla!” (Salm 3:3)
It-tieni linja mhix qiegħda tirrepeti dak li ntqal fl-ewwel linja, u lanqas ma qiegħda tagħmel xi kuntrast, imma qiegħda tkompli l-ħsieb tal-ewwel linja billi turi x’kienu qegħdin jgħidu l-għedewwa tal-poeta-salmista
(għal eżempju ieħor, ara Salm 27:1).
Dan jurina li l-vers tal-poeżija Semitika, bħala regola, fih żewġ linji jew aktar, b’mod li waħda tfisser aħjar l-oħra.
2) Ir-ritmu fil-vers jimxi mhux fuq in-numru tas-sillabi, imma fuq in-numru tal-aċċenti. Iż-żewġ linji jew tlieta ta’ kull vers jistgħu jkunu jaqblu bejniethom fin-numru tal-aċċenti; imma jistgħu ma jkunux jaqblu wkoll. Ħafna drabi mhix ħaġa ħafifa tagħraf jekk in-numru tal-aċċenti f’linja parallela jkunx jaqbel ma’ dak tal-linja ta’ qabilha. Imma f’poeżiji maħdumin tajjeb kif titlob is-sengħa, bħal dawk mibnija fuq għamla ta’ “għanja”, jew “innu”, jew “eleġija”, ir-ritmu tal-aċċenti bosta drabi jinżamm tajjeb ħafna u jinħass sewwa. Irridu ngħidu li fi traduzzjoni tas-Salmi (għall-Malti jew għall-Ingliż) mhux dejjem possibbli li toħroġ l-istess numru ta’ aċċenti li jkun hemm fl-oriġinal Lhudi.
3) Strofi. Il-poeżija Lhudija fiha wkoll l-istrofi, imma dawn mhux bilfors ikunu waħda daqs l-oħra fl-istess poeżija. Huwa s-sens jew l-argument li għandu jurina fejn tintemm strofa u tibda oħra. Is-Salm, fil-biċċa l-kbira, jibda bi dħul, imbagħad għandu t-taqsima ewlenija, u fl-aħħar l-għeluq. It-taqsima ewlenija tinqasam fi strofi skont il-punti tal-argument tas-Salm. Hekk, ngħidu aħna, Salm 2 jinqasam f’erba’ strofi ta’ tliet versi kull waħda. F’xi Salmi nsibu vers li jirrepeti ruħu wara tant versi matul is-Salm, bħallikieku ritornell (ara Salmi 42-43; 46; 136).
Barra dawn ir-regoli li semmejna, ta’ min jinnota wkoll li hemm salmi li huma mibnija fuq l-ittri tal-alfabett Lhudi, u li għalhekk jissejħu “alfabetiċi”, jew “akrostiċi”. F’kull vers (Salmi 25; 34; 145), jew kull linja fil-versi (Salmi 111; 112), jew gruppi ta’ versi wara xulxin (Salmi 9-10), l-ewwel kelma tibda b’waħda mill-ittri tal-alfabet, waħda wara l-oħra, skont l-ordni tat-22 ittra li hemm fl-alfabett Lhudi. Hekk is-Salm 119 huwa mqassam fi 22 strofa ta’ tmien versi kull waħda, fejn il-versi kollha tal-istess strofa jibdew bl-istess ittra, skont liema waħda tkun tmiss.
Kollox ma’ kollox, ma tistax ma tistqarrx li s-Salmi, xi wħud minnhom iżjed mill-oħrajn, huma tassew eżempji klassiċi ta’ xogħol letterarju mill-isbaħ li jħabbatha fil-wisa’ ma’ dak ta’ letteraturi oħrajn.