LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

   

Anġlu

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma ‘anġlu’ ġejja mill-Grieg ángelos, li tittraduċi l-kelma Lhudija mal’àk, li tfisser ‘messaġġier’ (ara Lhud 1:14).

B’din il-kelma, aħna nifhmu l-ispirti tas-sema li huma ma’ Alla, kif fil-fatt huma ppreżentati fil-Bibbja. L-awturi sagri juru li jemmnu fl-eżistenza tagħhom bħala esseri aċċettati u hekk ukoll jitkellmu fuqhom. Madankollu, mhux kull fejn jissemmew l-anġli huma dejjem l-ispirti puri li nifhmu aħna. F’xi każijiet jissejħu ‘anġli’ wkoll xi bnedmin li bihom Alla nqeda biex wassal il-messaġġ tiegħu. F’każijiet oħra l-anġlu hu sinonimu għal Alla nnifsu jew simbolu tal-ħidma jew tal-attributi/kwalitajiet tiegħu.

Fil-kotba tat-Testment il-Qadim, l-aktar dawk tal-ewwel żminijiet, jissemma ħafna ‘l-anġlu tal-Mulej’ jew ‘il-messaġġier tal-Mulej’. Jissemma fl-istorja ta’ Abraham; jidher u jkellem lil Mosè, lil Gidgħon, lil omm Sansun u lil oħrajn. F’ħafna każijiet l-anġlu tal-Mulej hu sinonimu ma’ Alla nnifsu (ara, ngħidu aħna, Ġen 16:7 u 13; 37:11 u 13; Eż 3:2-7; Imħ 6:11 u 14; 13:21-22). F’każijiet oħra jidher li kien xi raġel bħal profeta mibgħut mill-Mulej biex iwassal il-messaġġ tiegħu (Imħ 13:2-11). Dan ġej mill- mentalità ta’ dawk in-nies li kienu jattribwixxu kollox lil Alla u li kienu jaraw l-intervent tiegħu fi ġrajjiet importanti tal-istorja. Hekk kien jfissruh bil-figura tal-“anġlu tal-­Mulej”, biex juru li dak li jkun ġara hu opra ta’ Alla. Dan jgħidu bi kliem ċar Isaija b’riferenza għall-ħelsien ta’ Iżrael: “Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu, imma hu stess salvahom għall-imħabba u l-ħniena tiegħu" (Is 63:9).

L-anġli jissemmew ukoll f’ħafna każijiet fit-Testment il-Ġdid. Il-preżentazzjoni tagħhom tiddependi mill-mod li bih jitkellmu fuq l-anġli l-awturi tat-Testment il-Qadim u tal-kotba apokalittiċi tal-Lhud ta’ dak iż-żmien. Fuq dan l-isfond għandna nqiegħdu u nifhmu dak li jingħad fuq I­-anġli fil-kotba tat-Testment il-Ġdid. F’kull każ irridu naraw jekk il-kelma anġlu jew anġlu tal­-Mulej hijiex simbolika għall-ħidma ta’ Alla fil-komunikazzjoni tal-messaġġ tiegħu lill-bnedmin jew bħala personifikazzjoni ta’ din il-ħidma tiegħu.

Imma rridu nifhmu wkoll li t-Testment il-Ġdid jaċċetta t-twemmin ġenerali tat- Testment il-Qadim dwar l-eżistenza tal-anġli bħala ħolqien jew esseri spiritwali, ukoll jekk jinqeda bihom bħala simboli jew sinonimi tal-interventi salvifiċi ta’ Alla mal-bnedmin, bħal fil-każ tal-ministeru tal-anġli fir-rakkonti tat-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù (Mt 1-2 u Lq 1-2). Sew fit-Testment il-Qadim u sew fit-Testment il-Ġdid ħafna drabi l-kelma ‘anġlu’ jew ‘anġli’ hi forma ta’ personifikazzjoni tal-ħidma salvifika ta’ Alla mal-bnedmin.

Fl-interpretazzjoni tat-testi li fihom jissemmew l-anġli għandna nagħtu kas tal-forma letterarja tal-ktieb jew tat-test li jkun: jekk hux ta’ karattru storiku jew popolari jew hux rakkont edifikanti (bħall-Ktieb ta’ Tobit); jekk hux mibni fuq kunċetti mitoloġiċi, folkloristiċi jew apokalittiċi (bħal Danjel u Efesin 1:21 u Kolossin 1:16); jekk huwiex ta’ karattru simboliku,bħall-viżjonijiet tal-Ktieb tal- Apokalissi.

Fuq kollox, inżommu quddiem għajnejna t-tagħlim tal-Knisja fuq l-anġli: “Alla, f’daqqa, sa mill-bidu taż-żmien, ħalaq mix-xejn ħlejjaq u ħlejjaq, il-ħlejjaq spiritwali u l-ħlejjaq korporali, jigifieri l-anġli u d-dinja ta’ fuq l-art, u fl-aħħar il-bniedem li għandu mit-tnejn, għax hu ruħ u ġisem” (Konċilju Lateran IV, Denzinger-Schönmetzer, 800).

“L-eżistenza ta’ ħlejjaq spiritwali mingħajr ġisem, li l-Iskrittura Mqaddsa s-soltu ssejjaħ anġli, hi verità tal-fidi. Ix-xhieda tal-Iskrittura hi ċara daqskemm hi unanima t-Tradizzjoni” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 328).