L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Cor Orans - Qalb li Titlob

 

 

 

 

 

KONGREGAZZJONI GĦALL-ISTITUTI TA’ ĦAJJA KKONSAGRATA

U S-SOĊJETAJIET TA’ ĦAJJA APPOSTOLIKA

 

“COR ORANS”

 

ISTRUZZJONI APPLIKATTIVA TAL-KOSTITUZZJONI APPOSTOLIKA

“VULTUM DEI QUÆRERE”

FUQ IL-ĦAJJA KONTEMPLATTIVA FEMMINILI

 

INTRODUZZJONI

 

Qalb li titlob fil-Knisja u għall-Knisja, il-ħajja kontemplattiva, ħarriesa tal-għotja b’xejn u ta’ frott appostoliku għani, dejjem kienet xhieda viżibbli ta’ qdusija misterjuża u ta’ bosta xejriet u tagħni lill-Knisja ta’ Kristu bi frott ta’ grazzja u ta’ ħniena.[1]

 

B’ħarstu mdawra lejn din l-għamla partikulari ta’ mixja wara Kristu, il-Papa Piju XII, fil-21 ta’ Novembru 1950, xandar il-Kostituzzjoni appostolika Sponsa Christi Ecclesia[2] li għandha bħala oġġett tagħha l-ħajja monastika femminili. F’dan id-dokument, il-Papa għaraf fil-monasteri tal-monaċi nisa monasteri awtonomi[3] u ħeġġeġ it-twelid tal-Federazzonijiet[4] bħala strutturi ta’ komunjoni biex jintrebaħ l-iżolament tal-monasteri u dan jiswa biex tiġi kkonservata l-kariżma komuni u l-kollaborazzjoni f’bosta għamliet ta’ għajnuna reċiproka, waqt li ta indikazzjonijiet għall-accommodata renovatio[5] ta’ dak li kien imsejjaħ l-Istitut tal-monaċi nisa, fuq kollox dwar it-tema tal-klawsura.[6] Fil-fatt, il-Papa Piju XII antiċipa għall-monasteri tal-monaċi nisa dak li l-Konċilju Vatikan II kellu jitlob xi snin wara mill-Istituti reliġjużi kollha.[7]

 

Kif fakkar l-istess Papa Piju XII fil-ftuħ tal-Kostituzzjoni appostolika li, kważi bħala introduzzjoni storika, isemmi l-karatteristiċi essenzjali tad-diversi fażijiet tal-ħajja kkonsagrata femminili fil-Knisja,[8] mal-medda tas-sekli, il-fehmiet u l-proġetti tal-fundaturi, approvati mill-awtorità kompetenti tal-Knisja, għanew lill-Knisja, Għarusa ta’ Kristu, b’kotra ta’ kariżmi, u sawru bosta għamliet ta’ ħajja kontemplattiva f’diveri tradizzjonijiet monastiċi u familji kariżmatiċi differenti.[9]

 

L-aspett partikulari tad-dokument, li ttratta d-dixxiplina/normattiva komuni għall-Istitut tal-monaċi nisa, tal-monasteru awtonomu u tal-Federazzjoni bejn monasteri awtonomi, ta ħajja twila lill-Kostituzzjoni appostolika Sponsa Christi Ecclesia, li baqgħet tapplika anki wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju Vatikan II u l-promulgazzjoni tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, sal-lum.

 

Fil-fatt, meta fid-29 ta’ Ġunju 2016 il-Papa Franġisku ppromulga l-Kostituzzjoni appostolika Vultum Dei quærere biex jgħin lill-kontemplattivi jilħqu l-għan proprju tal-vokazzjoni speċifika tagħhom, stedinna nirriflettu u niddixxernu fuq żewġ kontenuti preċiżi[10] marbuta mal-ħajja kkonsagrata b’mod ġenerali u mat-tradizzjoni monastika b’mod partikulari, imma ma fehemx jabroga l-iSponsa Christi Ecclesia li ġiet biss derogata f’xi punti tagħha.[11] B’konsegwenza ta’ dan, iż-żewġ dokumenti pontifiċji għandhom jinżammu bħala normattiva li tapplika għall-monasteri tal-monaċi nisa u għandhom jinqraw f’ottika unitarja.

 

Il-Papa Franġisku, fuq il-passi ta’ dak li għallem il-Papa Piju XII u tenna l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Vultum Dei quærere ried jippreżenta l-mixja intensa u għammiela tal-Knisja fl-aħħar għaxriet ta’ snin, fid-dawl tat-tagħlim tal-istess Konċilju u tal-kundizzjonijiet soċjokulturali li nbidlu,[12] u tenna li “l-ħajja kontemplattiva femminili dejjem kienet fil-Knisja u għall-Knisja dik il-qalb li titlob, ħarriesa ta’ gratwità u ta’ fekondità appostolika għanja, u kienet xhud li jidher ta’ qdusija misterjuża u ta’ bosta għamliet”.[13]

 

Għalhekk, ladarba l-Istituti li huma mogħtija għalkollox għall-kontemplazzjoni għandhom post dejjem iżjed eminenti fil-ġisem mistiku ta’ Kristu, “hi kemm hi urġenti l-ħtieġa tal-appostolat attiv, il-membri ta’ dawn l-Istituti ma jistgħux jiġu msejħa biex bl-opra tagħhom jgħinu fid-diversi ministeri pastorali”.[14]

 

B’mandat tal-Qdusija Tiegħu l-Papa,[15] il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika ġabret din l-Istruzzjoni applikattiva tal-Kostituzzjoni appostolika Vultum Dei quærere, offruta “lill-Knisja, b’riferiment partikulari għall-monasteri ta’ rit Latin”,[16] Istruzzjoni li trid tiċċara d-dispożizzjonijiet tal-liġi, tiżviluppa u tiddetermina kif għandha tiġi mwettqa.[17]

 

NORMI ĠENERALI

 

1. Bl-isem monaċi [f’dan id-dokument f’riferenza għall-monaċi nisa, sakemm mhux speċifikat mod ieħor], skont id-dritt, barra r-reliġjużi nisa ta’ voti solenni, nifhmu wkoll dawk li fil-monasteri jipprofessaw voti sempliċi, kemm perpetwi u kemm temporanji. Il-Knisja, minn fost in-nisa kkonsagrati lil Alla permezz tal-professjoni tal-Kunsilli evanġeliċi, tagħżel lill-monaċi nisa waħidhom għall-impenn tat-talba pubblika, li f’isimha titla’ quddiem Alla, bħala komunità li titlob fl-Uffiċċju divin iċċelebrat fil-kor.

 

2. Mhumiex kontra l-isem leġittimu ta’ monaċi 1) il-professjoni sempliċi magħmula leġittimanet fil-monasteri; 2) it-tħaddim ta’ opri ta’ appostolat marbut mal-ħajja kontemplattiva kemm b’istituzzjoni approvata u kkonfermata mis-Santa Sede għal xi Ordnijiet, kemm bi preskrizzjoni jew konċessjoni leġittima tas-Santa Sede lil xi monasteri.

 

3. Il-monasteri kollha li fihom isiru biss voti sempliċi jistgħu jitolbu lis-Santa Sede li jerġgħu jibdew isiru l-voti solenni.

 

4. L-għamla partikulari ta’ ħajja reliġjuża li l-monaċi għandhom jgħixu fedelment, skont il-kariżma tal-Istitut tagħhom, u li lilhom il-Knisja tassenja, hi l-ħajja kontemplattiva kanonika. Bl-isem ħajja kontemplattiva kanonika m’aħniex nifhmu dik interna u teoloġika li għaliha huma mistiedna l-fidili kollha bil-Magħmudija, imma l-professjoni esterna tad-dixxiplina reliġjuża li, kemm permezz ta’ taħriġ ta’ qima, talb jew mortifikazzjoni, kemm bil-ħidmiet li l-monaċi jagħmlu, hi hekk ordnata lejn il-kontemplazzjoni interjuri li l-ħajja kollha u l-azzjoni kollha jistgħu faċilment u għandhom effikaċament ikunu mimlijin bix-xewqa għaliha.

 

5. B’Santa Sede f’din l-Istruzzjoni nifhmu l-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika.

 

6. Bl-isem monasteru sui juris nifhmu d-dar reliġjuża tal-komunità monastika femminili li, ladarba għandha r-rekwiżiti għal vera awtonomija ta’ ħajja, ġiet imwaqqfa leġittimament mis-Santa Sede u tgawdi minn awtonomija ġuridika, skont id-dritt.

 

7. Bl-isem Federazzjoni tal-monasteri nifhmu struttura ta’ komunjoni bejn iżjed minn monasteru awtonomu wieħed tal-istess Istitut, imwaqqfa mis-Santa Sede li tapprova l-Istatuti tagħha, biex fil-qsim tal-istess kariżma l-monasteri federati jegħlbu l-iżolament u jippromovu l-osservanza regolari u l-ħajja kontemplattiva.

 

8. Bl-isem Assoċjazzjoni tal-monasteri nifhmu struttura ta’ komunjoni bejn iżjed minn monasteru awtonomu wieħed tal-istess Istitut imwaqqfa mis-Santa Sede biex, fil-qsim tal-istess kariżma, il-monasteri assoċjati jikkollaboraw bejniethom skont l-Istatuti approvati mis-Santa Sede.

 

9. Bl-isem Konferenza tal-monasteri nifhmu struttura ta’ komunjoni bejn monasteri awtonomi, li jappartienu għal Istituti diversi u preżenti fl-istess reġjun, imwaqqfa mis-Santa Sede li tapprova l-Istatuti tagħha, bl-għan li tippromovi l-ħajja kontemplattiva u tgħin fil-kollaborazzjoni bejn il-monasteri f’kuntesti ġeografiċi jew lingwistiċi partikulari.

 

10. Bl-isem Konfederazzjoni nifhmu struttura ta’ rabta bejn Federazzjonijiet ta’ monasteri, imwaqqfa mis-Santa Sede li tapprova l-Istatuti tagħha, għall-istudju ta’ temi li jolqtu l-ħajja kontemplattiva f’relazzjoni mal-istess kariżma, biex tagħti indirizz unitarju u ċertu kordinament lill-attività tal-Federazzjonijiet singoli.[18]

 

11. Bl-isem Kummissjoni internazzjonali nifhmu organu ċentralizzat ta’ servizz u ta’ studju għall-ġid tal-monaċi tal-istess Istitut, imwaqqaf u magħruf mis-Santa Sede li tapprova l-Istatuti tiegħu, għall-istudju ta’ temi marbuta mal-ħajja kontemplattiva f’relazzjoni mal-istess kariżma.[19]

 

12. Bl-isem Kongregazzjoni monastika nifhmu struttura ta’ tmexxija, imwaqqfa mis-Santa Sede, bejn iżjed minn monasteru awtonomu wieħed tal-istess Istitut, taħt l-awtorità ta’ Presidenta, li skont id-dritt trid tkun Superjura maġġuri,[20] u ta’ Kapitlu ġenerali, li fil-Kongregazzjoni monastika hu l-ogħla awtorità, skont il-Kostituzzjonijiet approvati mis-Santa Sede.

 

13. Dak li tiddisponi din l-Istruzzjoni għall-Federazzjoni tal-monasteri hu daqshekk ieħor validu għall-Assoċjazzjoni tal-monasteri u għall-Konferenza tal-monasteri, waqt li wieħed iqis in-natura partikulari tagħhom u tal-Istatuti tagħhom, approvati mis-Santa Sede.

 

14. Dak li tiddisponi din l-Istruzzjoni għall-Federazzjoni tal-monasteri japplika congrua congruis referendo għall-Kongregazzjoni monastika femminili, sakemm ma jiddisponix mod ieħor id-dritt universali u proprju jew ma jirriżultax mod ieħor mill-kuntest jew min-natura tal-affarijiet.

 

L-EWWEL KAPITLU

IL-MONASTERU AWTONOMU

 

15. Il-monasteru sui juris hu dar reliġjuża li tgawdi minn awtonomija ġuridika: is-superjura tagħha hi Superjura maġġuri,[21] il-komunità tagħha hi mwaqqfa b’mod stabbli minħabba fl-għadd u l-kwalità tal-membri, bl-istess dritt hi sede ta’ novizzjat u ta’ formazzjoni, tgawdi minn personalità ġuridika pubblika, u l-beni tagħha huma beni ekkleżjastiċi.

 

16. Il-Knisja tirrikonoxxi lil kull monasteru sui juris awtonomija ġuridika ġusta, ta’ ħajja u ta’ tmexxija, li permezz tagħha l-komunità tal-monaċi tista’ tgawdi minn dixxiplina proprja u jkollha l-ħila tħares il-karattru u l-identità tagħha.[22]

 

17. L-awtonomija tal-monasteru tiffavorixxi l-istabbiltà tal-ħajja u l-għaqda interna tal-komunità, u hekk tiggarantixxi l-kundizzjonijiet għall-ħajja tal-monaċi, skont l-ispirtu u n-natura tal-Istitut ta’ appartenenza.[23]

 

18. L-awtonomija ġuridika ta’ monasteru ta’ monaċi, biex tista’ tinkiseb, trid tippresupponi vera awtonomija ta’ ħajja, jiġifieri l-ħila li għandha li tieħu ħsieb tal-ħajja tal-monasteru fid-dimensjonijiet kollha tagħha (vokazzjonali, formattiva, governattiva, relazzjonali, liturġika, ekonomika…). F’dan il-każ, monasteru awtonomu hu ħaj u jagħti l-ħajja.[24]

 

19. Monasteru ta’ monaċi, bħal kull dar reliġjuża, jitwaqqaf fid-dawl tas-siwi tiegħu għall-Knisja u għall-Istitut.[25]

 

I. Il-fondazzjoni

 

20. Il-fondazzjoni ta’ monasteru ta’ monaċi, fid-dawl ta’ dak stabbilit fin-nru 39 ta’ din l-Istruzzjoni, tista’ sseħħ jew bl-opra ta’ monasteru wieħed jew bl-azzjoni tal-Federazzjoni, skont kif stabbilit mill-Assemblea federali.

 

21. Il-fondazzjoni min-naħa ta’ monasteru wieħed għandha tkun espressjoni tal-maturità tal-komunità ta’ monasteru awtonomu ħaj u attiv, li jasal biex inissel komunità ġdida li, min-naħa tagħha, kapaċi tkun xhud tal-primat ta’ Alla, skont l-ispirtu u l-karattru tal-Istitut ta’ appartenenza.

 

22. Il-fondazzjoni bil-ħidma tal-Federazzjoni għandha tkun espressjoni tal-komunjoni bejn il-monasteri u tesprimi r-rieda li tixtered il-ħajja kontemplattiva fuq kollox fil-Knejjes partikulari fejn din mhix preżenti.

 

23. Fid-dixxerniment dwar il-fondazzjoni ta’ monasteru ġdid min-naħa ta’ monasteru wieħed jintervienu, b’għajnuna lis-Superjura tal-monasteru fundatur, il-Presidenta federali jew l-Assistent reliġjuż. Id-dixxerniment dwar il-fondazzjoni ta’ monasteru ġdid min-naħa tal-Federazzjoni jsir fl-ambitu tal-Assemblea federali.

 

24. L-opportunità tal-fondazzjoni ta’ monasteru ta’ monaċi għandha tiġi meqjusa bi prudenza, partikularment jekk il-fondazzjoni sseħħ bil-ħidma ta’ monasteru wieħed, biex ma tiddgħajjifx wisq il-komunità fundatriċi, u tintiżen b’attenzjoni l-għażla tal-post, għax din l-għażla ġġib magħha xejra differenti u partikulari ta’ tħejjija għall-fondazzjoni u l-membri tal-komunità futura.

 

25. Fl-għażla tal-pajjiż li fih hemm il-ħsieb li ssir il-fondazzjoni, wieħed għandu jqis jekk il-ħajja monastika hix diġà preżenti, għandu jinkiseb kull tagħrif meħtieġ u siewi, fuq kollox dwar il-preżenza u l-ħidma tal-Knisja Kattolika, dwar il-vokazzjonijiet għall-ħajja kkonsagrata, dwar is-sens reliġjuż fil-popolazzjoni u dwar il-possibbiltà ta’ vokazzjonijiet futuri għat-twaqqif tal-fondazzjoni l-ġdida.

 

26. Fl-għażla tal-post tal-fondazzjoni għandhom jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa li jiggarantixxu lill-monaċi l-possibbiltà ta’ sosteniment denju, biex jistgħu jgħixu regolarment il-ħajja kontemplattiva fil-monasteru[26] u li jiffavorixxu r-relazzjonijiet bejn il-monasteri.

 

27. Fl-għażla tal-post tal-fondazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-esiġenzi tal-ħajja sagramentali u spiritwali tal-monasteru l-ġdid, għax in-nuqqas ta’ kleru f’xi Knejjes partikulari mhux dejjem jippermetti li jiġi individwat presbiteru li jkollu l-kompetenza u s-sensibbiltà spiritwali biex isieħeb il-komunità ta’ monasteru ta’ monaċi.

 

28. Fl-għażla tal-post tal-fondazzjoni, wieħed għandu partikularment jipprevedi u jikkura minn qabel l-aspett tas-separazzjoni mid-dinja, u jfittex dik ix-xhieda pubblika li l-monaċi mistennija jagħtu ta’ Kristu u tal-Knisja fil-ħajja kontemplattiva, skont il-karattru u l-finalitajiet tal-Istitut ta’ appartenenza,[27] fid-dixxiplina tal-klawsura, kif jitlob id-dritt.[28]

 

29. Il-monasteru tal-monaċi jitwaqqaf b’deċiżjoni kapitulari tal-komunità ta’ monasteru awtonomu jew b’deċiżjoni tal-Assemblea federali u billi jiġu mibgħuta tal-inqas ħames monaċi, li tal-inqas tlieta minnhom ikunu għamlu l-voti solenni, wara li jkunu ngħataw il-kunsens bil-miktub tal-Isqof djoċesan[29] u l-awtorizzazzjoni tas-Santa Sede.

 

30. Il-fondazzjoni ma tgawdi mill-ebda awtonomija imma, sa mill-mument tat-twaqqif kanoniku ta’ monasteru sui juris, hi għalkollox dipendenti mill-monasteru fundatur jew mill-Federazzjoni.

 

31. Is-Superjura lokali tal-fondazzjoni hi monaka li għandha l-voti solenni, idonja biex teżerċita s-servizz tal-awtorità, maħtura mis-Superjura maġġuri tal-monasteru fundatur jew mill-Presidenta federali, skont id-dritt proprju.

 

32. Il-monaċi tal-fondazzjoni, li liberament għandhom jaqblu bil-miktub ma’ dan il-proġett, iżommu d-drittijiet kapitulari fil-monasteru tagħhom li ma jitħaddmux sa mill-mument tat-twaqqif tal-monasteru l-ġdid.

 

33. Is-Superjura maġġuri tal-monasteru fundatur jew il-Presidenta federali tista’ titlob lis-Santa Sede li l-fondazzjoni tkun sede ta’ novizzjat fil-preżenza ta’ komunità ta’ tal-inqas ħames professi bil-voti solenni, ladarba tkun żgurata l-preżenza ta’ monaka bil-voti solenni, leġittimament maħtura mis-Superjura maġġuri tal-monasteru fundatur jew mill-Presidenta federali, li tiżvolġi l-ħidma ta’ mgħallma tan-novizzi.

 

34. Jekk il-fondazzjoni sseħħ bl-opra ta’ monasteru wieħed, sa mill-mument tat-twaqqif ta’ monasteru awtonomu, il-kandidati jiġu ammessi għan-novizzjat, in-novizzi għall-professjoni temporanja u l-professi temporanji għall-professjoni solenni mis-Superjura maġġuri tal-monasteru fundatur, skont id-dritt universali u proprju.

 

35. Jekk il-fondazzjoni saret bil-ħidma tal-Federazzjoni, sa mill-mument tat-twaqqif bħala monasteru awtonomu, il-kandidati jiġu ammessi għan-novizzjat, in-novizzi għall-professjoni temporanja u l-professi temporanji għall-professjoni solenni mill-Presidenta federali, bil-kunsens tal-Kunsill federali, wara konsultazzjoni mas-Superjura lokali u mal-komunità tal-fondazzjoni, skont id-dritt universali u l-Istatuti tal-Federazzjoni.

 

36. Il-komunità tal-fondazzjoni m’għandhiex kapitlu konventwali, imma kapitlu lokali, u sa mill-mument tat-twaqqif bħala monasteru awtonomu, il-professjoni ssir għall-monasteru fundatur – jew għal monasteru ieħor ta’ riferiment stabbilit mill-Presidenta federali fil-mument tal-fondazzjoni mill-Federazzjoni – anki jekk fid-dawl tat-twaqqif futur ta’ monasteru awtonomu ġdid.

 

37. Il-fondazzjoni, jekk issir sede ta’ novizzjat, issir sede ta’ formazzjoni wkoll għall-professi temporanji l-oħra, għalhekk għandha tiġi żgurata l-preżenza ta’ monaka bil-voti solenni, maħtura leġittimament mis-Superjura maġġuri tal-monasteru fundatur jew mill-Presidenta federali, li tiżvolġi l-ħidma ta’ formatriċi.

 

38. Hu stabbilit li ż-żmien adegwat bejn il-fondazzjoni u t-twaqqif ta’ monasteru ta’ monaċi għandu jkun l-iktar ta’ ħmistax-il sena. Meta jgħaddi dan il-perjodu, is-Santa Sede, wara li tkun semgħet lis-Superjura tal-monasteru fundatur, lill-Presidenta federali, lill-Assistent reliġjuż u lill-Ordinarju kompetenti, trid tiżen jekk hemmx tama b’saħħitha biżżejjed biex tkompli bil-fondazzjoni biex tasal għat-twaqqif kanoniku tal-monasteru jew tordnax it-tmiem, skont id-dritt.

 

II. It-twaqqif kanoniku

 

39. Monasteru ta’ monaċi jiġi mwaqqaf f’monasteru sui juris fuq talba tal-komunità tal-monasteru fundatur jew b’deċiżjoni tal-Kunsill federali bil-permess tas-Santa Sede[30] fil-preżenza ta’ dawn ir-rekwiżiti:

 

a) komunità li tagħti xhieda tajba ta’ ħajja fraterna komuni bil-“vitalità neċessarja fl-għajxien u t-trasmissjoni tal-kariżma”,[31] magħmula tal-inqas minn tmien monaċi ta’ voti solenni, “sakemm il-parti l-kbira ma jkunux imdaħħla ħafna fiż-żmien”;[32]

 

b) barra n-numru, huma mitluba xi ħiliet partikulari f’xi monaċi tal-komunità, li għandhom ikunu kapaċi jassumu: bħala superjura, is-servizz tal-awtorità; bħala formatriċi, il-formazzjoni inizjali tal-kandidati; bħala ekonoma, l-amministrazzjoni tal-beni tal-monasteru;

 

ċpostijiet adatti għall-istil tal-ħajja tal-komunità, biex jiggarantixxu lill-monaċi l-possibbiltà li jgħixu b’mod regolari l-ħajja kontemplattiva skont il-karattru u l-ispirtu proprju tal-Istitut ta’ appartenenza;

 

d) kundizzjonijiet ekonomiċi li jiggarantixxu lill-komunità li tipprovdi hi stess għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum.

 

Dawn il-kriterji għandhom jitqiesu fil-globalità tagħhom u f’viżjoni ta’ flimkien.[33]

 

40. Hi s-Santa s-Sede li tgħaddi l-aħħar ġudizzju ta’ valutazzjoni jekk hemmx dawn ir-rekwiżiti, wara li b’reqqa kbira tkun qieset it-talba mgħoddija mis-Superjura maġġuri tal-monasteru fundatur jew mill-Presidenta federali, u tkun kisbet, min-naħa tagħha, tagħrif ieħor.

 

41. Ma għandux jitkompla l-proċess tat-twaqqif ta’ monasteru ta’ monaċi jekk bil-prudenza kollha wieħed jara li ma jkunx hemm il-provedimenti xierqa għall-ħtiġijiet tal-komunità[34] u ma jkunx hemm ċertezza fuq l-istabbiltà tal-monasteru.

 

42. Bil-ħsieb quddiemhom tal-appostolat partikulari tal-komunitajiet kontemplattivi bix-xhieda tal-ħajja kkonsagrata tagħhom, li l-monaċi huma msejħa jagħtu ta’ Kristu u tal-Knisja, u l-post ewlieni tagħhom fi ħdan il-Ġisem mistiku ta’ Kristu, il-monaċi ma jistgħux jiġu msejħa jagħtu l-għajnuna tal-opra tagħhom fid-diversi ministeri pastorali u lanqas għandhom jaċċettawhom.

 

43. L-awtonomija tal-ħajja, kundizzjoni kostanti biex tinżamm l-awtonomija ġuridika, għandha tiġi kostantement ivverifikata mill-Presidenta federali[35] li, meta skont il-ġudizzju tagħha f’monasteru partikulari tara li naqset l-awtonomija tal-ħajja, hi marbuta li tgħarraf b’dan lis-Santa Sede fid-dawl tan-nomina tal-Kummissjoni ad hoc.[36]

 

44. Il-monasteru awtonomu jitmexxa minn Superjura maġġuri, skont id-dritt proprju.

 

45. Meta f’monasteru awtonomu l-professi bil-voti solenni jinżlu għall-għadd ta’ ħamsa, il-komunità ta’ dan il-monasteru titlef id-dritt tal-elezzjoni tas-superjura tagħha. F’dan il-każ il-Presidenta federali għandha tgħarraf lis-Santa Sede fid-dawl tal-ħatra tal-Kummissjoni ad hoc[37] u min għandu d-dritt li jippresiedi l-kapitlu elettiv, wara l-awtorizzazzjoni tas-Santa Sede, ikompli bin-nomina ta’ superjura amministratriċi, wara li jkun sema’ waħda waħda l-membri tal-komunità.

 

46. Il-monasteru awtonomu għandu l-kapaċità li jakkwista, jippossedi, jamministra u jċedi beni temporali, skont in-norma tad-dritt universali u proprju.[38]

 

47. Il-beni tal-monasteru awtonomu huma amministrati minn monaka ta’ voti solenni, bl-inkarigu ta’ ekonoma, ikkostitwita skont in-norma tad-dritt proprju u distinta mis-Superjura maġġuri tal-monasteru.[39]

 

48. Il-komunità tal-monasteru żżomm il-beni fil-pussess tagħha bħala doni li rċiviet mingħand Alla, permezz tal-benefatturi u tax-xogħol tal-komunità, bħala mezzi meħtieġa u siewja biex jinkisbu l-fini proprji tal-Istitut ta’ appartenenza, dejjem fir-rispett tal-esiġenzi tal-professjoni tal-Kunsill evanġeliku tal-faqar b’vot pubbliku.

 

49. Huma atti ta’ amministrazzjoni straordinarja dawk li jissuperaw l-esiġenzi tas-soltu għaż-żamma u l-ħidma tal-komunità u għall-manutenzjoni normali tal-binjiet tal-monasteru.

 

50. Fil-qasam tal-amministrazzjoni ordinarja jistgħu jagħmlu nfiq u atti ta’ amministrazzjoni b’mod validu s-Superjura maġġuri u l-ekonoma tal-monasteru, fil-limiti tal-inkarigu tagħhom.

 

51. Għall-ispejjeż u l-atti ta’ amministrazzjoni straordinarja hi meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill tal-monasteru u tal-Kapitlu konventwali skont il-valur tas-somma, kif determinat mid-dritt proprju.

 

52. B’deroga tal-kan. 638, §4 CJC, għall-validità tat-trasferiment u ta’ kull negozju ieħor li minnu s-sitwazzjoni patrimonjali tal-monasteru tista’ ssofri xi dannu, hemm bżonn il-permess bil-miktub tas-Superjura maġġuri bil-kunsens tal-Kunsill jew tal-Kapitlu konventwali, skont il-valur tal-bejgħ jew tan-negozju, u l-parir tal-Presidenta federali.[40]

 

53. Jekk ikun negozju jew bejgħ li l-valur tiegħu jaqbeż is-somma ffissata mis-Santa Sede għar-reġjuni singoli jew ta’ donazzjonijiet votivi magħmula lill-Knisja jew ta’ oġġetti prezzjużi għall-valur storiku u artistiku tagħhom, ikun hemm bżonn ukoll il-permess tas-Santa Sede.

 

III. L-affiljazzjoni

 

54. L-affiljazzjoni hi għamla partikulari ta’ għajnuna li s-Santa Sede tistabbilixxi f’sitwazzjonijiet partikulari għall-ġid tal-komunità ta’ monasteru sui juris li jippreżenta awtonomija li hi biss asserita, imma fir-realtà pjuttost prekarja jew, fil-verità, ineżistenti.

 

55. L-affiljazzjoni ssir bħala għajnuna ta’ karattru ġuridiku li trid tgħarbel jekk in-nuqqas ta’ ħila li wieħed imexxi waħdu l-ħajja tal-monasteru awtonomu fid-dimensjonijiet kollha tiegħu hux biss ħaġa temporanja jew irriversibbli, biex hekk tgħin lill-komunità tal-monasteru affiljat tegħleb id-diffikultajiet jew biex tiddisponi għal dak kollu meħtieġ biex tasal għas-soppressjoni ta’ dak il-monasteru.

 

56. F’dawn il-każi, hi s-Santa Sede li għandha tivvaluta l-opportunità li twaqqaf kummissjoni ad hoc iffurmata mill-Ordinarju, mill-Presidenta tal-Federazzjoni, mill-Assistent federali u mis-Superjura maġġuri tal-monasteru.[41]

 

57. Bl-affiljazzjoni, is-Santa Sede tissospendi l-istatus ta’ monasteru awtonomu, u tagħmlu donec aliter provideatur dar dipendenti minn monasteru awtonomu ieħor tal-istess Istitut jew tal-Federazzjoni, skont kif stabbilit f’din l-Istruzzjoni u dispożizzjonijiet oħra eventwali dwar din il-materja mogħtija mill-istess Santa Sede.

 

58. Is-Superjura maġġuri tal-monasteru awtonomu affiljat jew il-Presidenta federali ssir hi s-Superjura maġġuri tal-monasteru affiljat.

 

59. Is-Superjura lokali tal-monasteru affiljat hi monaka ta’ voti solenni, innominata ad nutum mis-Superjura maġġuri tal-monasteru awtonomu jew mill-Presidenta federali,[42] bil-kunsens tal-Kunsill rispettiv, wara li jkun sema’ lill-monaċi tal-komunità tal-monasteru affiljat. Din is-Superjura lokali ssir rappreżentanta legali tal-monasteru affiljat.

 

60. Il-monasteru affiljat jista’ jilqa’ kandidati, imma n-novizzjat u l-formazzjoni inizjali għandhom isiru fil-monasteru affiljanti jew f’monasteru ieħor stabbilit mill-Federazzjoni.

 

61. Il-kandidati tal-monasteru affiljat jiġu ammessi għan-novizzjat, in-novizzi għall-professjoni temporanja u l-professi temporanji għall-professjoni solenni mis-Superjura maġġuri tal-monasteru affiljanti, wara li tkun semgħet lill-komunità tal-monasteru affiljat u kisbet il-vot favorevoli tal-Kapitlu konventwali tal-monasteru affiljanti, inkella tal-Presidenta federali bil-kunsens tal-Kunsill tagħha.

 

62. Il-professjoni ssir għall-monasteru affiljat.

 

63. Tul iż-żmien tal-affiljazzjoni, l-ekonomija taż-żewġ monasteri tiġi amministrata separatament.

 

64. Fil-monasteru affiljat ma ssirx iżjed iċ-ċelebrazzjoni tal-kapitli konventwali, imma tibqa’ mħarsa l-possibbiltà li jiġu msejħa kapitli lokali.

 

IV. It-translazzjoni

 

65. Bi translazzjoni nifhmu t-trasferiment ta’ komunità monastika mis-sede tagħha għal oħra għal kawża ġusta, mingħajr ebda modifika tal-istatus ġuridiku tal-monasteru, il-kompożizzjoni tal-komunità u t-titulari tad-diversi uffiċċji.

 

66. Biex titwettaq it-translazzjoni hu meħtieġ:

- tittieħed deċiżjoni mill-kapitlu konventwali tal-monasteru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti;

- jiġi vżat minn żmien qabel l-Isqof li fid-djoċesi tiegħu qiegħed il-monasteru li ħa jagħlaq;

- jinkiseb minn qabel il-kunses miktub tal-Isqof tad-djoċesi li fiha l-komunità tal-monaċi se tittrasferixxi ruħha;

- it-talba għat-translazzjoni tiġi sottoposta lis-Santa Sede, u wieħed jara li fit-trasferiment tal-beni ta’ proprjetà mill-komunità tal-monasteru jiġu osservati n-normi ġuridiċi u ċivili fil-materja.

 

V. Is-soppressjoni

 

67. L-affiljazzjoni tista’ tkun okkażjoni ta’ tiġdid jew twelid mill-ġdid meta l-awtonomija tal-ħajja tiġi parzjalment kompromessa. Jekk is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħila tidher li hi irriversibbli, is-soluzzjoni, iebsa imma meħtieġa, tkun is-soppressjoni tal-monasteru.

 

68. Monasteru ta’ monaċi li ma jirnexxilux jesprimi, skont il-karattru kontemplattiv u l-finalitajiet tal-Istitut, ix-xhieda pubblika partikulari għal Kristu u għall-Knisja l-Għarusa tiegħu, għandu jiġi soppress, mingħajr ma wieħed jinsa s-siwi tal-Knisja u tal-Istitut li għalih il-monasteru jappartieni.

 

69. F’dawn il-każi hi s-Santa Sede li għandha tivvaluta l-opportunità li twaqqaf Kummissjoni ad hoc iffurmata mill-Ordinarju, mill-Presidenta tal-Federazzjoni, mill-Assistent federali u mis-Superjura maġġuri tal-monasteru.[43]

 

70. Fost il-kriterji li jiddeterminaw ġudizzju dwar is-soppressjoni ta’ monasteru, wara li jiġu mgħarbla ċ-ċirkustanzi kollha, wieħed għandu jikkunsidra l-punti li ġejjin flimkien: l-għadd tal-monaċi, l-età avvanzata tal-parti l-kbira tal-membri, il-ħila vera ta’ tmexxija u formazzjoni, in-nuqqas ta’ kandidati minn ħafna snin qabel, in-nuqqas ta’ vitalità meħtieġa fl-għajxien u t-trasmissjoni tal-kariżma fil-fedeltà dinamika.[44]

 

71. Monasteru ta’ monaċi jiġi soppress biss mis-Santa Sede wara li tieħu l-parir tal-Isqof djoċesan[45] u, jekk jidher opportun, wara li tkun semgħet il-parir tal-Presidenta federali, tal-Assistent reliġjuż u tal-Ordinarju reliġjuż, jekk il-monasteru hu assoċjat man-norma tal-kan. 614 CJC.

 

72. Il-beni tal-monasteru soppress, b’rispett lejn ir-rieda tal-fundaturi u donaturi, jimxu wara l-monaċi ħajjin u, proporzjonalment, imorru għall-monasteri li jilqgħuhom, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni oħra mis-Santa Sede[46] li tista’ tiddisponi, fil-każi singoli, mill-porzjon tal-beni għal fini ta’ karità, għall-knisja partikulari li fil-konfini tagħha hemm il-monasteru, għall-Federazzjoni u għall-“Fond għall-monaċi”.

 

73. F’każ ta’ soppressjoni ta’ monasteru li miet għalkollox, meta ma hemmx monaċi ħajjin, sakemm ma tingħatax dispożizzjoni oħra mis-Santa Sede,[47] id-destinazzjoni tal-beni tal-monasteru soppress, fir-rispett tan-normi kanoniċi u ċivili, tkun il-persuna ġuridika superjuri rispettiva, jiġifieri l-Federazzjoni tal-monasteri jew struttura oħra ta’ komunjoni bejn il-monasteri li tkun fuq l-istess livell tagħha, jew il-Kongregazzjoni monastika femminili.

 

VI. L-attenzjoni ekkleżjali għall-monasteru

 

74. F’kull struttura ta’ komunjoni jew ta’ tmexxija li fiha jkun hemm il-monasteri femminili, hi żgurata lilhom l-attenzjoni meħtieġa u xierqa, imħaddma prinċipalment – imma mhux esklussivament – permezz taż-żjara regolari ta’ awtorità esterna lill-istess monasteri.

 

75. Skont in-normi tad-dritt universali u proprju, is-servizz ta’ din l-attenzjoni għandhom iwettquh:

1. il-Presidenta tal-Kongregazzjoni monastika femminili f’riferiment għall-komunità tal-monasteri kongregati;

2. is-Superjur maġġuri tal-Istitut maskili konsoċjanti, li hu msejjaħ Ordinarju reliġjuż, f’riferiment għall-komunità tal-monasteru femminili assoċjat miegħu ġuridikament, skont in-norma tad-dritt;[48]

3. l-Isqof djoċesan f’riferiment għall-komunitajiet ta’ monasteri fdati għall-attenzjoni partikulari tiegħu skont in-norma tad-dritt[49] preżenti f’dik il-Knisja partikulari.

 

76. Kull monasteru femminili hu fdat għall-attenzjoni ta’ awtorità waħda, billi fil-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku attwali ma għadx hemm ir-regola tad-“doppja dipendenza”, simultanja u kumulattiva, jiġifieri tal-isqof u tas-superjur reliġjuż, preżenti f’bosta kanoni tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku tal-1917.

 

77. F’dak li għandu x’jaqsam mal-monasteri tal-monaċi mxierka f’Kongregazzjoni monastika, l-ambitu u l-modi konkreti kif jiżvolġi s-servizz ta’ din l-attenzjoni joħorġu mill-Kostituzzjonijiet tal-Kongregazzjoni monastika femminili, approvati mis-Santa Sede.

 

78. F’dak li għandu x’jaqsam mal-monasteri ta’ monaċi assoċjati ġuridikament, l-ambitu u l-modi kif jiżvolġi dan is-servizz ta’ attenzjoni min-naħa tal-Ordinarju reliġjuż huma stabbiliti fil-Kostituzzjonijiet proprji, approvati mis-Santa Sede, li fihom għandhom jiġu definiti d-drittijiet u dmirijiet tas-superjur konsoċjanti u tal-monasteru femminili assoċjat, skont l-ispiritwalità u t-tradizzjonijiet proprji.

 

79. Sakemm hu possibbli, għandha tingħata preferenza lill-assoċjazzjoni ġuridika tal-monasteri tal-monaċi nisa mal-ordni maskili korrispondenti[50] biex tista’ titħares l-identità ta’ dik il-familja kariżmatika.

 

80. Il-monasteri kongregati u l-monasteri assoċjati ġuridikament jibqgħu xorta marbuta mal-Isqof djoċesan skont kif stabbilit mid-dritt universali u jidher fin-n. 83 ta’ din l-Istruzzjoni.

 

81. F’dak li jolqot il-monasteri femminili fdati għall-attenzjoni partikulari tal-Isqof djoċesan, din tesprimi ruħha fil-konfront tal-komunità tal-monasteru prinċipalment fil-każi stabbiliti mid-dritt universali, ladarba l-Isqof djoċesan:

a) jippresiedi l-kapitlu konventwali li jeleġġi s-Superjura maġġuri;[51]

b) jagħmel iż-żjara regolari tal-monasteru, anki f’dak li għandu x’jaqsam mad-dixxiplina interna,[52] waqt li jinżamm dak li tiddisponi din l-Istruzzjoni;

ċ) jifli, bħala ordinarju tal-post, ir-rendikont annwali tal-amministrazzjoni ekonomika tal-monasteru;[53]

d) b’deroga tal-kan. 638, §4 CJC, jagħti, bħala ordinarju tal-post, il-kunsens bil-miktub għal atti partikulari ta’ amministrazzjoni, jekk stabbilit mid-dritt proprju;[54]

e) jikkonferma l-indult ta’ ħruġ defenittiv mill-monasteru, mogħti lil professa ta’ voti temporanji mis-Superjura maġġuri bil-kunsens tal-Kunsill tagħha;[55]

f) joħroġ id-digriet ta’ riżenja ta’ monaka, anki ta’ voti temporanji.[56]

 

82. Dawn il-każi, espressi biex juru liema huma l-ambitu u l-modi partikulari ta’ attenzjoni mill-Isqof djoċesan, jikkostitwixxu l-bażi tal-ambitu u tal-attenzjoni min-naħa tal-Ordinarju reliġjuż tal-Istitut konsoċjanti fuq il-monasteru femminili assoċjat ġuridikament u għandhom ikunu preżenti fil-Kostituzzjonijiet tal-monasteru assoċjat.

 

VII. Relazzjoni bejn monasteru u Isqof djoċesan

 

83. Il-monasteri femminili kollha, waqt li tiġi mħarsa l-awtonomija interna[57] u l-eventwali eżenzjoni esterna,[58] huma suġġetti għall-Isqof djoċesan, li juri l-attenzjoni pastorali tiegħu f’dawn il-każi:

a) il-komunità tal-monasteru femminili hi suġġetta għall-awtorità tal-isqof,[59] li lilu jixirqu rispett u qima f’dak li jolqot it-taħriġ pubbliku tal-kult divin, il-kura tal-erwieħ[60] u x-xejriet ta’ appostolat li jikkorrispondu mal-karattru tagħha;[61]

b) l-Isqof djoċesan,[62] fl-okkażjoni tal-viżta pastorali u ta’ viżti oħra paterni u anki f’każ ta’ ħtieġa, jista’ jasal hu stess għas-soluzzjonijiet opportuni[63] meta jara li jeżistu abbużi u wara li t-twissijiet lis-Superjura maġġuri ma jkunu ħallew l-ebda effett;

ċ) l-Isqof djoċesan jintervieni fit-twaqqif tal-monasteru billi jagħti l-kunsens bil-miktub qabel ma jintalab il-permess tas-Sede Appostolika;[64]

d) l-Isqof djoċesan jintervieni, bħala ordinarju tal-post, fin-nomina tal-kappillan[65] u, dejjem bħala ordinarju tal-post, fl-approvazzjoni tal-konfessuri ordinarji.[66] Kollox għandu jsir billi wieħed “iqis l-ispeċifiċità tal-kariżma proprja u l-esiġenzi tal-ħajja fraterna fil-komunità”;[67]

e) l-Isqof djoċesan jintervieni fis-soppressjoni tal-monasteru, billi jesprimi l-parir tiegħu;[68]

f) għall-Isqof djoċesan, bħala ordinarju tal-post, u għas-superjuri tagħha tagħmel riferiment il-monaka esklawstrata, waqt li tibqa’ taħt id-dipendenza u l-kura tagħhom;[69]

ġ) l-Isqof djoċesan għandu l-fakultà li għal raġuni tajba jidħol fil-klawsura u li, bil-kunsens tas-Superjura maġġuri, jippermetti persuni oħrajn jidħlu.[70]

 

84. Għall-monasteri kongregati u għall-monasteri assoċjati, il-punti ta’ attenzjoni pastorali mniżżla hawn fuq huma l-uniċi forom possibbli ta’ intervent tal-Isqof djoċesan, billi jridu jiġu mħarsa d-drittijiet/dmirijiet tal-Presidenta tal-Kongregazzjoni għall-monasteri kongregati u d-drittijiet/dmirijiet tal-Ordinarju reliġjuż tal-Istitut assoċjanti fil-konfront tal-monasteru assoċjat.

 

85. Għall-monasteri fdati lill-attenzjoni partikulari tal-Isqof djoċesan, il-punti ta’ attenzjoni pastorali mniżżla hawn għandhom jiżdiedu ma’ dawk li l-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jippreżenta bħala espressjonijiet ta’ attenzjoni partikulari, imniżżla wkoll fin-n. 81 ta’ din l-Istruzzjoni.

 

IT-TIENI KAPITLU

IL-FEDERAZZJONI TAL-MONASTERI

 

I. Natura u fini

 

86. Il-Federazzjoni hi struttura ta’ komunjoni bejn monasteri tal-istess Istitut imwaqqfa mis-Santa Sede biex il-monasteri li jaqsmu fl-istess kariżma ma jibqgħux iżolati imma jħarsuha fil-fedeltà u, waqt li jagħtu għajnuna fraterna lil xulxin, jgħixu l-valur essenzjali tal-komunjoni.[71]

 

87. Il-Federazzjoni hi magħmula minn iżjed minn monasteru awtonomu wieħed li għandhom rabta flimkien fl-ispirtu u fit-tradizzjonijiet u, imqar jekk mhux neċessarjament huma hekk skont kriterju ġeografiku, jekk possibbli, ma għandhomx ikunu wisq imbiegħda minn xulxin ġeografikament.[72]

 

88. Is-Santa Sede għandha l-kompetenza esklussiva li twaqqaf, tissospendi, tgħaqqad u tissoprimi l-Federazzjonijiet[73] tal-monasteri tal-monaċi.

 

89. Daqshekk ieħor is-Santa Sede għandha l-kompetenza esklussiva li talloka monasteru awtonomu lil Federazzjoni jew tippermetti l-passaġġ ta’ monasteru minn Federazzjoni għal oħra tal-istess Istitut.

 

90. Il-Federazzjoni tal-monasteri tal-monaċi, minħabba l-għajn li minnha ġejja u l-awtorità li minnha tiddipendi direttament u hi mreġija, hi ta’ dritt pontifiċju, skont in-norma tad-dritt kanoniku.

 

91. L-Istatuti tal-Federazzjoni għandhom ikunu konformi mhux biss għal dak stabbilit minn din l-Istruzzjoni, imma wkoll għan-natura, għal-liġijiet, għall-ispirtu u għat-tradizzjonijiet tal-Istitut ta’ appartenenza.

 

92. Il-Federazzjoni, skont in-norma ta’ din l-Istruzzjoni u tal-Istatuti tagħha, fil-partikularità tal-kariżma tagħha, tippromovi l-ħajja kontemplattiva fil-monasteri, tiggarantixxi l-għajnuna fil-formazzjoni tal-bidu u dik permanenti, kif ukoll l-iskambju ta’ monaċi u ta’ beni materjali.[74]

 

93. Skont in-norma ta’ dak li tiddisponi l-Kostituzzjoni appostolika Vultum Dei quærere, il-monasteri kollha għall-bidu għandhom jidħlu f’Federazzjoni. Monasteru, għal raġunijiet speċjali, oġġettivi u mmotivati, bil-vot tal-kapitlu konventwali, jista’ jitlob lis-Santa Sede d-dispensa minn dan l-obbligu. Il-konċessjoni ta’ din id-dispensa żżommha s-Santa Sede.[75] Monasteru, għal raġunijiet oġġettivi u mmotivati, bil-vot tal-kapitlu konventwali, jista’ jitlob lis-Santa Sede li ma jibqax jagħmel parti minn Federazzjoni. Hu xogħol is-Santa Sede li tagħmel dixxerniment xieraq qabel tagħti l-permess lil monasteru joħroġ minn Federazzjoni.

 

94. Meta jkun inkiseb it-twaqqif kanoniku, il-Federazzjoni titlob l-għarfien ġuridiku anki f’qasam ċivili u tqiegħed is-sede legali f’wieħed mill-monasteri li jappartienu lilha.

 

95. Bosta Federazzjonijiet tal-istess Istitut, bl-approvazzjoni tas-Santa Sede, jistgħu jibnu bejniethom Konfederazzjoni[76] biex jindirizzaw b’mod unitarju ċertu kordinament lill-attivitajiet tal-Federazzjonijiet singoli.

 

96. Is-Santa Sede tista’ twaqqaf u tapprova għal kull Istitut Kummissjoni internazzjonali bl-għan li tiffavorixxi l-istudju ta’ temi marbuta mal-ħajja kontemplattiva f’relazzjoni mal-kariżma tagħha.[77]

 

97. Il-Federazzjoni, imwaqqfa leġittimament, hi persuna ġuridika pubblika fil-Knisja u għalhekk kapaċi takkwista, tippossedi, tamministra u ċċedi beni temporali, mobbli u immobbli, li huma beni ekkleżjastiċi, skont in-norma tad-dritt universali u proprju.

 

98. Biex tinżamm ħajja u tissaħħaħ l-għaqda tal-monasteri, u hekk tiġi fis-seħħ waħda mill-finalitajiet tal-Federazzjoni, hi mħeġġa bejn il-monasteri ċerta komunikazzjoni tal-beni, ikkordinata mill-Presidenta federali.

 

99. Il-komunikazzjoni tal-beni f’Federazzjoni sseħħ b’kontributi, doni, self li l-monasteri joffru lil monasteri oħra li jsibu ruħhom f’diffikultajiet ekonomiċi u għall-esiġenzi komuni tal-Federazzjoni.

 

100. Il-Federazzjoni żżomm il-beni fil-pussess tagħha bħala mezz meħtieġ u siewi għat-twettiq tal-fini tagħha.

 

101. Kull Federazzjoni jkollha fond ekonomiku (kaxxa federali) biex tista’ twettaq il-finalitajiet federattivi. Dan il-fond iservi biex ikopri l-ispejjeż ordinarji tal-Federazzjoni nfisha u dawk relattivi għall-formazzjoni tal-monaċi fuq livell federali, b’għajnuna fil-ħtiġijiet tal-għajxien u tas-saħħa tal-monaċi, biex iżżomm il-binjiet u biex twieżen il-fondazzjonijiet ġodda.

 

102. Il-fond ekonomiku jissaħħaħ bid-donazzjonijiet liberi tal-monasteri, mill-offerti tal-benefatturi u mill-introjti li jiġu mit-trasferimenti tal-beni mill-monasteri soppressi, skont kif stabbilit minn din l-Istruzzjoni.[78]

 

103. L-ekonomija tal-Federazzjoni titmexxa mill-Kunsill federali, ippresedut mill-Presidenta federali, li jagħmel użu mill-kollaborazzjoni tal-Ekonoma federali.

 

104. Fil-qasam tal-amministrazzjoni ordinarja jagħmlu l-ispejjeż u jwettqu validament atti ta’ amministrazzjoni l-Presidenta federali u l-ekonoma tal-Federazzjoni fil-qafas tal-inkarigu tagħhom.

 

105. Għall-ispejjeż u l-atti ta’ amministrazzjoni straordinarja hi meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill federali u tal-Assemblea federali, skont il-valur tas-somma, stabbilita fid-dritt proprju. Kull Federazzjoni fl-Assemblea elettiva, tiffissa s-somma li ’l fuq minnha jeħtieġ tintalab l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill federali u tal-Assemblea federali.

 

106. Jekk ikun negozju jew bejgħ li l-valur tiegħu jaqbeż is-somma ffissata mis-Santa Sede għar-reġjuni singoli jew ta’ donazzjonijiet votivi magħmula lill-Knisja jew ta’ oġġetti prezzjużi ta’ valur storiku u artistiku, irid jintalab ukoll il-permess tas-Santa Sede.

 

107. Għall-validità tal-bejgħ u ta’ kull negozju ieħor li minnu s-sitwazzjoni patrimonjali tal-Federazzjoni tista’ ssirilha xi ħsara, hemm bżonn il-permes bil-miktub tal-Presidenta federali bil-kunsens tal-Kunsill jew tal-Assemblea federali, skont il-valur tan-negozju, stabbilit fid-dritt proprju.

 

108. B’deroga tal-kan. 638, §4 CJC, għall-validità tat-trasferiment tal-beni tal-monasteri soppressi, il-Presidenta tal-Federazzjoni u l-Kunsill federali, ikun xi jkun il-valur tal-beni trasferiti, dejjem u f’kollox jeħtieġu l-permess bil-miktub tas-Santa Sede.[79]

 

109. Sakemm ma tingħatax xi dispożizzjoni oħra mis-Santa Sede,[80] il-Presidenta tal-Federazzjoni tiddisponi mill-beni li jiġu trasferiti mill-monasteri totalment estinti li jagħmlu parti mill-Federazzjoni, skont kif stabbilit minn din l-Istruzzjoni.

 

II. Il-Presidenta federali

 

110. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, eletta mill-Assemblea federali skont in-norma tal-Istatuti tal-Federazzjoni għal perjodu ta’ sitt snin, mhix Superjura maġġuri u, fit-tħaddim tas-servizz tagħha, taġixxi bis-saħħa li tagħtiha din l-Istruzzjoni[81] fi qbil mad-dritt universali u proprju.

 

111. B’deroga tal-kan. 628, §2, 1° CJC, il-Presidenta tal-Federazzjoni, fiż-żmien stabbilit, takkumpanja lill-Viżitatur regolari fil-viżta kanonika lill-monasteri federati bħala konviżitatriċi.[82]

 

112. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, meta tkun viżta kanonika lill-komunità tal-monasteru tagħha, tiddelega lill-Kunsilliera federali bħala konviżitatriċi tal-Viżitatur regolari.

 

113. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, kull darba li l-ħtieġa titlob, tista’ żżur il-komunitajiet tal-monasteri federati akkumpanjata minn koviżitatriċi, magħżula b’turnu minn fost il-Kunsilliera, u mill-Ekonoma tal-Federazzjoni.

 

114. Iż-żjajjar l-oħra kollha – materni jew sororali – jiġu miftiehma mas-Superjura tal-monasteru.

 

115. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, fi tmiem il-viżta kanonika, tindika bil-miktub lis-Superjura maġġuri tal-monasteru s-soluzzjonijiet l-iżjed adatti għal każi u sitwazzjonijiet li jkunu ħarġu miż-żjara u tgħarraf b’dan kollu lis-Santa Sede.

 

116. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, matul il-viżta kanonika, tivverifika kif il-materji, li jinsabu fil-punti elenkati fin-n. 12 u żviluppi fin-nn. 13-35 tal-Kostituzzjoni appostolika Vultum Dei quærere, qed jingħaxu,[83] u jekk in-normi applikattivi tagħhom, deċiżi fl-Assemblej federali, humiex jiġu osservati.

 

117. Il-Presidenta tal-Federazzjoni tkun attenta b’mod partikulari għall-formazzjoni inizjali u dik permanenti fil-monasteri, kif din hi konformi mal-kariżma tal-Istitut proprju, hekk li kull komunità tkun bħal fanal li jdawwal il-mixja tal-irġiel u tan-nisa ta’ żmienna.[84] Fi tmiem iż-żjara hi tgħarraf lis-Santa Sede fuq il-possibbiltajiet reali li l-monasteru għandu li jiżgura jew le l-formazzjoni inizjali.

 

118. Il-formazzjoni tal-formatriċi u l-kollaboraturi tagħhom hi fdata biċċa lill-monasteri u biċċa lill-Federazzjoni, u għalhekk il-Presidenta tal-Federazzjoni hi msejħa ssaħħaħ il-formazzjoni fuq livell federali[85] u tesiġi s-sehem ta’ dawk li jeżerċitaw is-servizz tal-formazzjoni; jekk dan ma jseħħx, tiddeferixxi l-biċċa f’idejn is-Santa Sede.

 

119. Il-Presidenta tal-Federazzjoni twettaq il-formazzjoni prevista mill-Assemblea federali għal dawk li huma msejħa jeżerċitaw is-servizz tal-awtorità[86] u titlob is-sehem tagħhom; jekk dan ma jseħħx, tiddeferixxi l-biċċa f’idejn is-Santa Sede.

 

120. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, wara li tkun semgħet il-parir tal-Kunsill federali, tagħżel l-aħjar postijiet fejn jinżammu l-korsijiet speċifiċi ta’ formazzjoni tal-formatriċi u tal-kollaboraturi tagħhom, kif ukoll għal dawk li huma msejħa jeżerċitaw is-servizz tal-awtorità, u tistabbilixxi t-tul ta’ dawn il-korsijiet b’mod li ma jkunux ta’ detriment għall-esiġenzi tal-ħajja kontemplattiva[87] u komunitarja.

 

121. Meta monasteru awtonomu ma jkollux vera awtonomija ta’ ħajja,[88] il-Presidenta tal-Federazzjoni għandha tirreferi l-biċċa għand is-Santa Sede.

 

122. Meta s-Superjura maġġuri ta’ monasteru tiċħad lil xi monaka l-kunsens biex tgħaddi għal monasteru ieħor tal-istess Istitut, il-Presidenta tal-Federazzjoni, wara li tkun għamlet id-dixxerniment mitlub flimkien mal-Kunsill tagħha, tgħarraf b’dan lis-Santa Sede, li tiddeċiedi hi x’għandu jsir.

 

III. Il-Kunsill federali

 

123. Il-Kunsill federali hu magħmul minn erba’ kunsilliera eletti mill-Assemblea federali minn fost il-monaċi professi solenni tal-monasteri tal-Federazzjoni u jibqa’ fil-kariga għal sitt snin.

 

124. Il-Kunsill federali għandu kompetenza biss fuq dak li hu attribwit lilu minn din l-Istruzzjoni[89] u eventwalment hu stabbilit fl-Istatuti, madankollu l-Presidenta tal-Federazzjoni tista’ tikkonsulah kull darba li tara opportun.

 

125. Il-Kunsill federali hu kkonsultat mill-Presidenta tal-Federazzjoni fi tmiem kull viżta kanonika qabel ma tibgħat bil-miktub lis-Superjura maġġuri tal-monasteru s-soluzzjonijiet l-iżjed adatti għall-każi u għas-sitwazzjonijiet li jkunu ħarġu minn dik l-istess żjara.

 

126. Il-Kunsill federali jesprimi l-parir tiegħu fl-għażla taż-żminijiet u tal-postijiet l-iżjed adegwati fejn jinżammu l-korsijiet speċifiċi ta’ formazzjoni tal-formatriċi u tal-kollaboraturi tagħhom, kif ukoll għal dawk li huma msejħa jeżerċitaw is-servizz tal-awtorità.

 

127. Il-Kunsill federali jikkollabora mal-Presidenta tal-Federazzjoni fit-tfassil tar-Relazzjoni fuq il-qagħda tal-Federazzjoni u tal-monasteri singoli li tintbagħat lis-Santa Sede fi tmiem il-perjodu ta’ sitt snin.

 

128. Il-Kunsill federali hu kkonsultat mill-Presidenta tal-Federazzjoni qabel ma tibgħat lis-Santa Sede t-talba ta’ affiljazzjoni jew ta’ soppressjoni ta’ monasteru.

 

129. Il-Kunsill federali jagħti l-kunsens tiegħu fl-għażla tal-Formatriċi federali li twettaq u tikkordina l-formazzjoni inizjali komuni.[90] Bl-istess mod, għal kawżi serji, jesprimi l-kunsens tiegħu għat-tneħħija tal-Formatriċi federali.

 

130. B’deroga tal-kan. 686, §2 CJC, il-Kunsill federali jagħti l-kunsens tiegħu għat-talba tal-indult ta’ esklawstrazzjoni ta’ monaka ta’ voti solenni, wara s-sena mogħtija mis-Superjura maġġuri tal-monasteru, sa ma jagħlqu t-tliet snin.[91]

 

131. Il-Kunsill federali jagħti l-kunsens tiegħu għat-talba ta’ proroga tal-indult ta’ esklawstrazzjoni ta’ monaka ta’ voti solenni mitluba lis-Santa Sede.[92] Il-Presidenta federali, qabel ma tippreżenta l-kwistjoni lill-Kunsill federali, trid tikseb il-parir bil-miktub tas-Superjura maġġuri tal-monaka professa ta’ voti solenni li titlob il-proroga tal-indult, espress kolleġġjalment flimkien mal-Kunsill tal-monasteru, wara li jingħata l-kunsens tal-Ordinarju tal-post fejn il-monaka se toqgħod, u wara li jintalab il-parir tal-Isqof djoċesan jew tal-Ordinarju reliġjuż kompetenti.

 

132. Il-Kunsill federali jassumi l-funzjoni tal-Kunsill tal-monasteru awtonomu meta dan tal-aħħar, permezz tal-affiljazzjoni, jiġi fdat lill-Presidenta tal-Federazzjoni fil-proċess ta’ akkumpanjament għat-tiġdid jew għas-soppressjoni tal-monasteru.[93]

 

IV. L-Assemblea federali

 

133. Il-komunjoni li teżisti bejn il-monasteri ssir viżibbli fl-Assemblea federali, sinjal ta’ għaqda fl-imħabba, li prinċipalment għandha l-ħidma li tħares bejn il-monasteri federati l-wirt kariżmatiku tal-Istitut u tippromovi tiġdid xieraq f’armonija miegħu, ħlief jekk Federazzjoni ta’ monasteri ta’ monaċi jew Konfederazzjoni ta’ Federazzjonijiet ma tirrappreżentax l-Istitut kollu.

 

134. Jipparteċipaw bi dritt fl-Assemblea federali, il-Presidenta federali, il-Kunsilliera federali, l-Ekonoma federali, is-Superjura maġġuri u Delegata minn kull monasteru awtonomu federat, eletta mill-Kapitlu konventwali; is-Segretarja federali tiżvolġi unikament il-funzjoni ta’ attwarju.

 

135. L-Assemblea federali ordinarja hi msejħa kull sitt snin u fiha jiġġeddu l-karigi federali.

 

136. L-Assemblea federali intermedja hi msejħa kull tliet snin biex tivverifika l-mixjiet imwettqa u biex tadotta rimedji li jkun hemm bżonn jew bidliet fi ħdanha.

 

137. Jekk ikun hemm il-ħtieġa jew dan tissuġġerih il-konvenjenza, il-Presidenta federali, bil-kunsens tal-Kunsill federali, tista’ ssejjaħ l-Assemblea federali stroardinarja.

 

138. L-Assemblea federali, kemm dik ordinarja u kemm dik intermedja, hi msejħa mill-Presidenta tal-inqas sitt xhur qabel jagħlaq il-perjodu ta’ sitt snin jew it-twettiq tal-perjodu ta’ tliet snin.

 

139. L-Assemblea federali straordinarja hi msejħa mill-Presidenta xahrejn qabel iċ-ċelebrazzjoni tagħha.

 

140. Jekk jintemm l-uffiċċju ta’ Presidenta federali, minħabba mewt jew fil-modi l-oħra previsti mid-dritt,[94] l-ewwel Kunsilliera ssejjaħ hi, fi żmien xahar minn meta l-uffiċċju jkun ġie vakat, l-Assemblea federali straordinarja, biex tiġi ċċelebrata fi żmien xahrejn minn meta tissejjaħ. F’dan il-każ issir mill-ġdid l-elezzjoni tal-Kunsilliera federali u tal-Ekonoma federali.

 

141. L-Assemblea federali:

a) tirċievi r-relazzjoni tal-Presidenta federali fuq il-qagħda tal-Federazzjoni jew tal-monasteri singoli;

b) teleġġi l-Presidenta federali u l-Kunsill federali;

ċ) teleġġi l-Ekonoma federali;

d) tittratta l-ħwejjeġ tal-akbar importanza;

e) tieħu deċiżjonijiet u toħroġ normi li l-monaċi kollha għandhom josservaw, wara l-approvazzjoni defenittiva tas-Santa Sede;

f) telabora għal perjodu ta’ sitt snin il-mixjiet ta’ formazzjoni komuni li kull komunità hi obbligata tagħmel;

ġ) tippromovi t-twettiq ta’ fundazzjonijiet ġodda u l-modalitajiet kif tattwahom, kemm bħala monasteri singoli u kemm bħala Federazzjoni;

g) tindividwa monasteru bħala sede ta’ formazzjoni inizjali komuni għall-monasteri tal-Federazzjoni;[95]

) tistabbilixxi proġett ta’ formazzjoni għal dawk li huma msejħa jeżerċitaw is-servizz tal-awtorità[96] u għall-formatriċi.[97]

 

V. Uffiċċji federali

 

142. L-amministrazzjoni tal-Federazzjoni hi fdata f’idejn l-Ekonoma federali, eletta mill-Assemblea federali għal sitt snin.

 

143. L-Ekonoma federali għandha r-responsabbiltà li tesegwixxi dak li hu stabbilit mill-Kunsill federali u tikkollabora mal-Presidenta tal-Federazzjoni, fil-kuntest tal-Viżta regolari, biex tivverifika l-andament ekonomiku tal-monasteri singoli biex tkejjel dak li hu tajjeb u dak li hu kritiku, tagħrif li jrid jidher fir-Relazzjoni finali taż-żjara.

 

144. Is-Segretarja federali hi magħżula mill-Presidenta tal-Federazzjoni u tibqa’ fil-kariga għal sitt snin. Dan l-uffiċċju jista’ jitwettaq minn waħda mill-Kunsilliera federali.

 

145. Is-Segretarja federali, sakemm hu possibbli, tgħix fil-monasteru magħżul minn qabel bħala sede legali tal-Federazzjoni u fih iżżomm id-dokumenti u aġġornat l-arkivju tal-Federazzjoni.

 

146. Fuq indikazzjoni tal-Presidenta tal-Federazzjoni, is-Segretarja federali tagħti l-ordni tal-ġurnata u ssejjaħ il-Kunsill federali, li fih tiżvolġi funzjoni ta’ attwarju.

 

147. Is-Segretarja federali, fuq indikazzjoni tal-Presidenta tal-Federazzjoni, tħejji għall-Assemblea federali.

 

148. Il-Formatriċi federali[98] hi nnominata ad nutum mill-Presidenta tal-Federazzjoni bil-kunsens tal-Kunsill federali. Il-Formatriċi federali tista’ titneħħa mill-uffiċċju tagħha, għal kawżi gravi, mill-Presidenta tal-Federazzjoni bil-kunsens tal-istess Kunsill.

 

VI. L-Assistent reliġjuż

 

149. L-Assistent tal-Federazzjoni jirrappreżenta s-Santa Sede fi ħdan il-Federazzjoni, imma mhux fi ħdan il-monasteri singoli li jagħmluha, u jiżvolġi l-ħidma tiegħu billi jsegwi fedelment id-dispożizzjonijiet marbuta mal-uffiċċju tiegħu u jesegwixxi l-inkarigu li rċieva fil-limiti tal-kompetenza tiegħu.

 

150. L-Assistent tal-Federazzjoni, ladarba jipparteċipa b’xi mod fil-ġurisdizzjoni tas-Santa Sede, hu presbiteru, innominat mill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika għal Federazzjoni waħda jew iżjed.

 

151. L-Assistent tal-Federazzjoni mhuwiex superjur maġġuri u jiżvolġi ħidmietu fi spirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ servizz fil-konfront tal-Federazzjoni billi jiffavorixxi ż-żamma tal-ispirtu ġenwin tal-Istitut u jgħin bil-pariri tiegħu lill-Presidenta fit-tmexxija tal-Federazzjoni, partikularment fil-formazzjoni fuq livell federali u fis-sejba ta’ soluzzjonijiet għal problemi ekonomiċi ta’ importanza kbira.

 

152. In-nomina tal-Assistent tal-Federazzjoni hi riservata għas-Santa Sede, imma l-Federazzjoni għandha l-fakultà tal-preżentazzjoni.

 

153. In-nomina tal-Assistent hi ad nutum Sanctæ Sedis.

 

154. Il-Presidenta tal-Federazzjoni, fiż-żmien stabbilit, għandha tippreżenta lis-Santa Sede n-nominazzjoni ta’ tliet kandidati possibbli għall-uffiċċju ta’ Assistent tal-Federazzjoni, u tehmeż ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet minn qabel tal-komunitajiet tal-monasteri singoli tal-Federazzjoni, il-curriculum vitæ ta’ kull kandidat, il-parir tagħha u dak tal-Kunsill tal-Federazzjoni, in-nulla-osta tal-Ordinarji tal-kandidati. Is-Santa Sede tirriserva d-dritt, fil-mod li hi żżomm l-iżjed opportun u konvenjenti, li tintegra l-informazzjoni li għandha marbuta mal-kandidati għall-uffiċċju ta’ Assistent.

 

155. L-Assistent tal-Federazzjoni għandu ta’ kull sena jittrasmetti relazzjoni qasira fuq il-ħidma tiegħu, fuq l-andament tal-Federazzjoni, u jiġbed l-attenzjoni dwar sitwazzjonijiet partikulari li jkunu nqalgħu. Fil-konklużjoni tal-mandat tiegħu, l-Assistent jibgħat lill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika relazzjoni iktar dettaljata fuq il-qagħda tal-Federazzjoni.

 

IT-TIELET KAPITLU

IS-SEPARAZZJONI MID-DINJA

 

I. Il-kunċett u r-rilevanza għall-ħajja kontemplattiva

 

156. Fid-dawl ta’ dak li jiddetta l-kodiċi,[99] ta’ min jisħaq li s-separazzjoni mid-dinja tikkaratterizza n-natura u l-finalitajiet tal-Istituti reliġjużi ta’ ħajja kkonsagrata u tikkorrispondi ma’ dak li jgħid San Pawl li m’għandniex noqogħdu għall-mentalità ta’ din id-dinja,[100] u għandna naħarbu kull xorta ta’ mondanità.

 

Għall-ħajja reliġjuża, il-klawsura hi obbligu komuni għall-Istituti kollha[101] u tesprimi l-aspett materjali tas-separazzjoni mid-dinja – li, madankollu, ma tirrappreżentahiex esklussivament – u tgħin biex f’kull dar reliġjuża tinħoloq atmosfera u ambjent favorevoli għall-ġabra, meħtieġa għall-ħajja proprja ta’ kull Istitut reliġjuż imma partikularment għal dawk mogħtija għall-kontemplazzjoni.

 

157. Fil-ħajja kontemplattiva tal-monaċi, jixraqlu attenzjoni partikulari l-aspett tas-separazzjoni mid-dinja għall-istima wisq għolja li l-komunità Nisranija għandha lejn dan il-ġeneru ta’ ħajja, sinjal tal-għaqda esklussiva tal-Knisja-Għarusa mal-Mulej tagħha, maħbub fuq kollox u fuq kulħadd.

 

158. Il-ħajja tal-monaċi kontemplattivi, impenjati l-ewwel u qabel kollox fit-talb, hekk li l-qalb tista’ tibqa’ l-ħin kollu f’għaqda mal-Mulej, fl-axxeżi u fil-progress imħeġġeġ tal-ħajja spiritwali, mhix ħlief mixja lejn Ġerusalemm tas-Sema, antiċipazzjoni tal-Knisja eskatoloġika, ħarsitha msammra fuq il-kisba u l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla.

 

159. Il-komunità tal-monasteru ta’ monaċi, imqiegħda bħal belt fuq il-muntanja u musbieħ fuq il-modd,[102] imqar fis-sempliċità tal-ħajja tagħha, tirraffigura b’mod viżibbli d-destinazzjoni li lejha miexja l-komunità ekkleżjali kollha li, ħerqana fl-azzjoni u mogħtija għall-kontemplazzjoni, tibqa’ miexja fit-toroq ta’ żminijietna b’ħarsitha msammra fuq il-ġabra futura ta’ kollox fi Kristu.

 

160. L-aspett materjali tas-separazzjoni mid-dinja għandu manifestazzjoni partikulari fil-klawsura, li hi l-post tal-intimità tal-Knisja għarusa għax, fid-dawl tal-vokazzjoni partikulari u l-missjoni ekkleżjali, il-klawsura tal-kontemplattivi twieġeb għall-esiġenza, li hi prijorità, li noqogħodu mal-Mulej.

 

161. Bl-isem ta’ klawsura nifhmu l-ispazju monastiku separat mill-estern u miżmum għall-monaċi, li fih, f’każ ta’ bżonn biss, tista’ tiġi permessa l-preżenza ta’ barranin. Għandu jkun spazju ta’ skiet u ta’ ġabra fejn tista’ tiżviluppa t-tiftixa permanenti tal-wiċċ ta’ Alla, skont il-kariżma tal-Istitut.

 

162. Il-klawsura tevoka dik iċ-ċella tal-qalb fejn kull persuna hi msejħa tgħix l-għaqda tagħha mal-Mulej. Milqugħa bħala don u magħżula bħala tweġiba ħielsa ta’ mħabba, hi l-post tal-komunjoni spiritwali ma’ Alla u l-proxxmu, fejn il-limitazzjoni tal-ispazji u tal-kuntatti hi ta’ vantaġġ għall-interjorizzazzjoni tal-valura evanġeliċi.[103]

 

163. Il-klawsura mhix biss mezz axxetiku ta’ valur għoli, imma hi mod ta’ kif ngħixu l-Għid ta’ Kristu, bħala tħabbira hienja u antiċipazzjoni profetika tal-possibbiltà offruta lil kull persuna u lill-umanità kollha biex tgħix unikament għal Alla, fi Kristu Ġesù.[104]

 

164. Fil-monasteri tal-monaċi, il-klawsura għandha tinftiehem f’sens pożittiv bħala spazju għall-użu u l-intimità tal-monaċi li jgħixu l-ħajja kontemplattiva, spazju ta’ ħajja domestika, familjari, li fi ħdanha l-komunità tgħix il-ħajja fraterna fid-dimensjoni l-aktar intima tagħha.

 

165. Fil-monasteri tal-monaċi, il-klawsura, f’sens esklussiv, għandha titqies bħala spazju li għandu jiġi mħares, biex jiġi evitat l-aċċess ta’ barranin.

 

166. Il-modalità tas-separazzjoni mill-estern tal-ispazju esklussivament miżmum għall-monaċi għandha tkun materjali u effikaċi, u mhux biss simbolika jew spiritwali. Hu l-Kapitlu konventwali tal-monasteru li għandu jiddetermina l-modalità ta’ separazzjoni mill-estern.

 

167. Kull monasteru għandu jmantni b’kull attenzjoni l-fiżjonomija prinċipalment jew prevalentament kontemplattiva tiegħu, u jħabrek b’mod partikulari biex joħloq u jgħix ambitu ta’ skiet esterjuri u interjuri fit-talb,[105] fl-axxeżi u fil-progress spiritwali mħeġġeġ, fiċ-ċelebrazzjoni kkurata tal-liturġija, fil-ħajja fraterna komuni, fl-osservanza regolari u fid-dixxiplina tas-separazzjoni mid-dinja.

 

II. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni

 

168. In-norma dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, fil-varjetà kollha li fiha jippreżentaw ruħhom illum, timmira għall-ħarsien tal-ġabra u tas-skiet: fil-fatt, inkunu niżvojtaw is-skiet kontemplattiv meta nimlew il-klawsura bil-ħsejjes, bl-aħbarijiet u bil-paroli. Il-ġabra u s-skiet huma ta’ importanza kbira għall-ħajja kontemplattiva għax huma “spazju meħtieġ ta’ smigħ u fejn wieħed jixtarr il-Kelma, u kundizzjoni għal ħarsa ta’ fidi li tagħraf il-preżenza ta’ Alla fl-istorja personali, f’dik tal-aħwa […] u fil-ġrajjiet tad-dinja ta’ żmienna”.[106]

 

169. Għalhekk dawn il-mezzi għandhom jintużaw b’sobrjetà u diskrezzjoni, mhux biss f’dak li hu kontenut imma anki fil-kwantità ta’ informazzjoni u fit-tip ta’ komunikazzjoni, biex ikunu “għas-servizz tal-formazzjoni għall-ħajja kontemplattiva u tal-komunikazzjoni meħtieġa, u ma jkunux okkażjoni ta’ ħela ta’ ħin jew ta’ ħarba mill-ħajja mal-aħwa fil-komunità, lanqas ta’ ħsara għall-vokazzjoni tagħkom, jew xkiel għall-ħajja tagħkom mogħtija kollha kemm hi għall-kontemplazzjoni”.[107]

 

170. L-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, għal raġuni ta’ informazzjoni, ta’ formazzjoni jew ta’ xogħol, jista’ jkun permess fil-monasteru, b’dixxerniment prudenti, għall-ġid komuni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitlu konventwali għall-proġett komunitarju ta’ ħajja.

 

171. Il-monaċi jikkuraw it-tagħrif doveruż fuq il-Knisja u fuq id-dinja, mhux bit-tkattir tal-aħbarijiet, imma billi jagħrfu jiġbru l-essenzjal fid-dawl ta’ Alla, biex iġorruh magħhom fit-talb f’sintonija mal-qalb ta’ Kristu.

 

III. Il-klawsura

 

172. Kull monasteru singolu ta’ monaċi jew Kongregazzjoni monastika femminili, skont in-norma tal-kan. 667, §3 CJC u ta’ din l-Istruzzjoni, isegwi l-klawsura papali jew jiddefiniha fil-Kostituzzjonijiet jew f’kodiċi ieħor tad-dritt proprju, f’rispett lejn il-karattru partikulari tiegħu.[108]

 

173. L-Isqof djoċesan jew l-Ordinarju reliġjuż jgħassu fuq l-osservanza tal-klawsura fil-monasteri fdati lill-kura rispettiva tagħhom, u jgħinu lis-Superjura, li f’idejha hu l-ħarsien immedjat tagħha.

 

174. B’deroga ta’ kif dispost mill-kan. 667, §4 CJC, l-Isqof djoċesan, kif ukoll l-Ordinarju reliġjuż, ma jindaħalx fl-għoti tad-dispensa mill-klawsura.[109]

 

175. B’deroga ta’ dak dispost mill-kan. 667, §4 CJC, id-dispensa mill-klawsura hi kompetenza unika tas-Superjura maġġuri li, fil-każ li din id-dispensa taqbeż il-ħmistax-il jum, tista’ tagħtiha biss wara li tkun kisbet il-kunsens tal-Kunsill tagħha.[110]

 

176. Billi l-limitazzjoni preżenti fl-Istruzzjoni Verbi Sponsa[111] ġiet abrogata, għal kawża ġusta s-Superjura maġġuri, skont in-norma tal-kan. 665, § 1 CJC, bil-kunsens tal-Kunsill tagħha, tista’ tawtorizza l-assenza mill-monasteru tal-monaka professa ta’ voti solenni għal mhux iżjed minn sena, wara li tkun semgħet lill-Isqof djoċesan jew l-Ordinarju reliġjuż kompetenti.

 

177. B’deroga tal-kan. 686, §2 CJC, is-Superjura maġġuri, bil-kunsens tal-Kunsill tagħha, tista’ tikkonċedi l-indult ta’ esklawstrazzjoni għal monaka professa ta’ voti solenni, għal mhux iżjed minn sena, wara li ġġib il-kunsens tal-Ordinarju tal-post fejn il-monaka trid tgħix, wara li tkun kisbet il-parir tal-Isqof djoċesan jew tal-Ordinarju reliġjuż kompetenti.[112]

 

178. B’deroga tal-kan. 686, §2 CJC, proroga tal-indult ta’ esklawstrazzjoni tista’ tingħata mill-Presidenta federali, bil-kunsens tal-Kunsill tagħha, lil monaka professa ta’ voti solenni ta’ monasteru tal-Federazzjoni għal mhux iktar minn perjodu ta’ sentejn.[113]

 

179. Għal din il-konċessjoni, il-Presidenta federali, qabel ma tippreżenta l-kwistjoni lill-Kunsill federali, trid tieħu l-parir bil-miktub tas-Superjura maġġuri tal-monaka professa ta’ voti solenni li tkun qed titlob il-proroga tal-indult, espress kolleġġjalment flimkien mal-Kunsill tal-monasteru, bil-kunsens minn qabel tal-Ordinarju tal-post fejn il-monaka sa tkun tgħix, u wara li jkun inkiseb il-parir tal-Isqof djoċesan jew tal-Ordinarju reliġjuż kompetenti.

 

180. Kull proroga oħra tal-indult ta’ esklawstrazzjoni hi riservata unikament għas-Santa Sede.[114]

 

181. Tul il-viżta kanonika, il-Viżitaturi għandhom jivverifikaw l-osservanza tal-elementi kollha tal-ħajja kontemplattiva kif imfissra fil-Kostituzzjoni Vultum Dei quærere[115] b’riferiment partikulari għall-aspett tas-separazzjoni mid-dinja.

 

182. Il-Knisja, bl-istima l-aktar għolja li għandha lejn il-vokazzjoni tagħhom, tinkuraġġixxi lill-monaċi biex jgħixu fedelment u b’sens ta’ responsabbiltà l-ispirtu u d-dixxiplina tal-klawsura biex jippromovu fil-komunità orjentament sħiħ u li jħalli l-frott fil-kontemplazzjoni ta’ Alla Wieħed u Tlieta.

 

IV. Il-klawsura papali

 

183. Il-klawsura papali, imwaqqfa fl-1298 minn Bonifaċju VIII, hi dik “konformi għan-normi mogħtija mis-Sede Appostolika”[116] u teskludi kull ħidma esterna ta’ appostolat.

 

184. Jekk Piju XII kien qasamha fi klawsura papali maġġuri u minuri,[117] il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jagħraf tip wieħed ta’ klawsura papali, li hi osservata fil-monasteri ta’ monaċi mogħtija kollhom kemm huma għall-ħajja kontemplattiva.[118]

 

185. Il-klawsura papali, għall-monaċi, għandha t-tifsira ta’ rikonoxximent ta’ speċifiċità tal-ħajja kollha kemm hi kontemplattiva li, fi żvilupp waħdieni tal-ispiritwalità taż-żwieġ ma’ Kristu, issir sinjal u twettiq tal-għaqda esklussiva tal-Knisja Għarusa mal-Mulej tagħha.

 

186. Separazzjoni reali mid-dinja, immarkata b’mod ogħla mis-sikta u mis-solitudni,[119] tesprimi u tħares l-integrità u l-identità tal-ħajja kollha kemm hi kontemplattiva, biex tibqa’ fidila għall-kariżma speċifika tagħha u għat-tradizzjonijiet sani tal-Istitut.

 

187. Il-ħajja kollha kemm hi kontemplattiva, biex titqies klawsura papali, trid tkun fundamentalment ordnata għall-kisba tal-għaqda ma’ Alla fil-kontemplazzjoni.

 

188. Istitut jitqies ta’ ħajja kollha kemm hi kontemplattiva jekk:

a) il-membri tiegħu jorjentaw ħidmiethom kollha, interjuri u esterjuri, għat-tiftixa maħsuba u kontinwa tal-għaqda ma’ Alla fil-monasteru u għall-kontemplazzjoni ta’ wiċċu;

b) jeskludi ħidmiet esterni u diretti ta’ appostolat u, ordinarjament, il-parteċipazzjoni fiżika f’avvenimenti u f’ministeri tal-komunità ekkleżjali. Din il-parteċipazzjoni, bil-kunsens minn qabel tal-Kapitlu konventwali, tista’ tiġi permessa biss għal okkażjonijiet partikulari mill-Isqof djoċesan jew mill-Ordinarju reliġjuż tal-monasteru;

ċ) jgħix is-separazzjoni mid-dinja, skont modalitajiet konkreti stabbiliti mill-Kapitlu konventwali, b’mod radikali, konkret u effikaċi u mhux sempliċiment simboliku, skont in-norma tad-dritt universali u proprju, f’linja mal-kariżma tal-Istitut.

 

V. Normattiva dwar il-klawsura papali

 

189. Billi huma bosta u varji l-Istituti mogħtija għall-ħajja kollha kemm hi kontemplattiva u t-tradizzjonijiet tagħhom, barra dak stabbilit mill-Istruzzjoni preżenti, xi modalitajiet tas-separazzjoni mid-dinja jitħallew għall-Kostituzzjonijiet jew għal kodiċi oħra tad-dritt proprju tal-Istitut li, f’linja mal-kariżma proprja, jistgħu wkoll jistabbilixxu normi iżjed severi dwar il-klawsura, li jridu jiġu approvati mis-Sede Appostolika.

 

190. Id-dritt tal-klawsura papali jestendi ruħu għall-abitazzjoni u għall-ispazji kollha, interni u esterni tal-monasteru miżmuma esklussivament għall-monaċi, fejn biss f’każ ta’ ħtieġa hi permessa l-preżenza ta’ barranin. Irid ikun spazju ta’ skiet u ta’ ġabra, iffaċilitat mill-assenza ta’ opri esterni, fejn tista’ tisseddaq b’faċilità ikbar it-tiftixa kontinwa tal-wiċċ ta’ Alla, skont il-kariżma tal-Istitut.

 

191. Il-parteċipazzjoni tal-fidili fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knisja jew oratorju tal-monasteru jew inkella għal-lectio divina xorta ma tippermettix il-ħruġ tal-monaċi mill-klawsura papali u lanqas id-dħul tal-fidili fil-kor tal-monaċi, ħlief għal każi partikulari kif jiġġudika l-Kapitlu konventwali.

 

192. Bis-saħħa tad-dritt tal-klawsura papali, il-monaċi, in-novizzi u l-postulanti għandhom jgħixu fi ħdan il-klawsura tal-monasteru, u mhux leċitu għalihom joħorġu minnha, ħlief fil-każi kkontemplati mid-dritt, lanqas hu leċitu għal ħadd li jidħol fl-ambitu tal-klawsura tal-monasteru, b’eċċezzjoni tal-każi previsti.

 

193. Fil-monasteri ta’ ħajja kollha kemm hi kontemplattiva, in-normattiva fuq is-separazzjoni mid-dinja tas-sorijiet esterni, jekk ikkontemplati mill-Kostituzzjonijiet jew minn kodiċi oħra tad-dritt proprju tal-Istitut, hi definita mid-dritt partikulari.

 

194. L-għoti tal-permess biex wieħed jidħol u joħroġ mill-klawsura papali jitlob dejjem kawża ġusta, jiġifieri ddettata minn ħtieġa vera tal-monaċi singoli jew tal-monasteru: din hi esiġenza ta’ ħarsien tal-kundizzjonijiet mitluba għall-ħajja kollha kemm hi kontemplattiva u, min-naħa tal-monaċi, ta’ koerenza mal-għażla vokazzjonali.

 

195. Fejn hi konswetudni, l-użu li jitniżżlu fi ktieb id-dħul u l-ħruġ jista’ jinżamm, fid-diskrezzjoni tal-Kapitlu konventwali, anki bħala kontribut għall-għarfien tal-ħajja u tal-istorja tal-monasteru.

 

196. Hi s-Superjura maġġuri tal-monasteru l-ħarriesa immedjata tal-klawsura, li tiggarantixxi l-kundizzjonijiet konkreti tas-separazzjoni mid-dinja u tippromovi, fi ħdan il-monasteru, l-imħabba għas-skiet, il-ġabra u t-talb.

 

197. Hi s-Superjura maġġuri li tista’ tesprimi l-ġudizzju fuq l-opportunità tad-dħul u tal-ħruġ mill-klawsura papali, billi tiżen b’diskrezzjoni prudenti l-ħtieġa vera, fid-dawl tal-vokazzjoni interament kontemplattiva, skont kif stabbilit mill-Kostituzzjonijiet jew minn test ieħor tad-dritt proprju jew dispost minn din l-Istruzzjoni.

 

198. Hu dmir tas-Superjura maġġuri tal-monasteru bi klawsura papali li tinnomina monaka professa ta’ voti solenni għas-servizz tal-porterija u, jekk id-dritt proprju ma jikkontemplax il-preżenza ta’ sorijiet esterni, li tippermetti lil soru li twettaq is-servizzi proprji tas-sorijiet esterni għal perjodu limitat ta’ żmien.

 

199. Il-komunità kollha għandha l-obbligu morali tal-ħarsien, tal-promozzjoni u tal-osservanza tal-klawsura papali, biex il-motivazzjonijiet sekondarji jew suġġettivi ma jiħdux iktar importanza mill-fini li din it-tip ta’ separazzjoni tipproponi.

 

200. Il-ħruġ mill-klawsura papali, ħlief għal indulti partikulari tas-Santa Sede jew f’każ ta’ periklu, jiġi permess mis-Superjura maġġuri fil-każi ordinarji, li jolqtu l-istat ta’ saħħet il-monaċi, l-għajnuna lill-monaċi morda, il-parteċipazzjoni f’korsijiet jew laqgħat ta’ formazzjoni inizjali u permanenti organizzati mill-Federazzjoni jew minn monasteru ieħor, l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u dawk ta’ ħtieġa tal-monasteru li għalihom ma jistax isir provediment ieħor.

 

201. Biex tibgħat in-novizzi jew il-professi ta’ voti temporanji, meta jkun meħtieġ, ħalli jwettqu parti mill-formazzjoni f’monasteru ieħor tal-Istitut, kif ukoll biex tagħmel trasferimenti temporanji jew defenittivi għal monasteri oħra tal-istess Istitut, is-Superjura maġġuri tesprimi l-kunsens tagħha, bl-intervent tal-Kunsill jew tal-Kapitlu konventwali skont in-norma tal-Kostituzzjonijiet jew ta’ kodiċi ieħor tad-dritt proprju.

 

202. Id-dħul fil-klawsura papali hu permess, ħlief fil-każ ta’ indulti partikulari tas-Santa Sede, lill-Kardinali, li jistgħu jieħdu magħhom lil xi ħadd jakkumpanjahom, lin-Nunzji u lid-Delegati appostoliċi fil-postijiet suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom, lill-Viżitaturi waqt il-Viżta kanonika, lill-Isqof djoċesan,[120] lill-Ordinarju reliġjuż kompetenti, u lil persuni oħra skont il-ġudizzju tas-Superjura maġġuri u għal kawża ġusta.

 

203. Barra dan, id-dħul fil-klawsura papali hu permess, bil-kunsens minn qabel tas-Superjura:

lill-presbiteru biex jamministra s-Sagramenti lill-morda, biex jassisti lil dawk li ilhom żmien twil jew gravament morda, biex kultant jiċċelebra għalihom il-Quddiesa, għall-purċissjonijiet liturġiċi jew il-funerali;

lil dawk li l-ħidmiet jew kompetenzi tagħhom huma meħtieġa biex jikkuraw is-saħħa tal-monaċi, għall-formazzjoni jew biex jipprovdu għall-bżonnijiet tal-monasteru;

lill-aspiranti tagħha u lill-monaċi li jżuruha, anki ta’ Istituti oħra ta’ ħajja kontemplattiva.

 

VI. Il-klawsura definita fil-Kostituzzjonijiet

 

204. Il-monasteri li jassoċjaw mal-ħajja kontemplattiva xi ħidma għall-ġid tal-poplu ta’ Alla jew jipprattikaw forom usa’ ta’ ospitalità f’linja mat-tradizzjoni tal-Istitut tagħhom, jiddefinixxu l-klawsura tagħhom fil-Kostituzzjonijiet jew f’kodiċi ieħor tad-dritt proprju.

 

A. Klawsura kostituzzjonali

 

205. Il-klawsura kostituzzjonali, li fil-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku ħadet post il-klawsura papali minuri ta’ Piju XII, hi tip ta’ klawsura għal monaċi li jipprofessaw il-ħajja kontemplattiva billi jassoċjaw magħha “xi opra leġittima ta’ appostolat jew ta’ karità Nisranija”.[121]

 

206. Bl-isem ta’ klawsura kostituzzjonali nifhmu l-ispazju monastiku separat mill-estern li, bħala minimu, irid jinkludi dik il-parti tal-monasteri, tal-għelieqi u tal-ġonna miżmuma esklussivament għall-monaċi, fejn f’każ ta’ ħtieġa biss tista’ tiġi permessa l-preżenza ta’ barranin. Irid ikun spazju ta’ skiet u ta’ ġabra, fejn tista’ tiżviluppa t-tiftixa permanenti tal-wiċċ ta’ Alla, skont il-kariżma tal-Istitut, waqt li jitqiesu l-opri ta’ appostolat u ta’ karità mħaddna mill-monaċi.

 

207. Din it-tip ta’ klawsura, “adatta għall-karattru proprju u definita mill-Kostituzzjonijiet”,[122] tiġi approvata mis-Sede Appostolika li tapprova l-Kostituzzjonijiet jew kodiċi ieħor tad-dritt proprju tal-Istitut.

 

B. Klawsura monastika

 

208. Mal-espressjonijiet klawsura papali u klawsura kostituzzjonali, magħrufa diġà mill-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, San Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Vita consecrata[123] kien żied it-tielet waħda, il-klawsura monastika.

 

209. Qabel il-Vita consecrata din l-espressjoni kienet tintuża biex tiddefenixxi l-klawsura tal-monaċi rġiel,[124] iżjed rigoruża minn dik komuni għar-reliġjużi kollha,[125] imma inqas riġida minn dik papali u paragunabbli, f’xi aspetti, għall-klawsura kostituzzjonali tal-monaċi.

 

210. Għall-monasteri ta’ monaċi kontemplattivi, il-klawsura monastika, imqar jekk iżżomm il-karattru ta’ dixxiplina iktar rigoruża meta mqabbla ma’ dik komuni, tippermettilhom li jassoċjaw mal-funzjoni primarja tal-kult divin forom usa’ ta’ akkoljenza u ta’ ospitalità.[126]

 

211. Il-klawsura monastika, kif imfissra fil-Kostituzzjonijiet jew f’kodiċi ieħor tad-dritt proprju, hi espressjoni partikulari tal-klawsura kostituzzjonali.

 

VII. Normattiva dwar il-klawsura kostituzzjonali

 

212. Hi s-Superjura maġġuri tal-monasteru li, bil-kunsens tal-Kunsill tagħha, tiddetermina bil-miktub u b’mod ċar l-ambitu tal-klawsura kostituzzjonali, tiddelimitaha jew timmodifikaha għal kawża ġusta.

 

213. Bis-saħħa tad-dritt tal-klawsura kostituzzjonali l-monaċi, in-novizzi u l-postulanti għandhom jgħixu fi ħdan il-klawsura tal-monasteru, u ma hux leċitu għalihom joħorġu, ħlief fil-każi kkontemplati mid-dritt, lanqas hu leċitu għal xi ħadd li jidħol fl-ambitu tal-klawsura tal-monasteru ħlief għal xi każi previsti u mingħajr il-permess tas-superjura.

 

214. Il-parteċipazzjoni tal-fidili fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knisja jew fl-oratorju tal-monasteru inkella fil-lectio divina f’xi post ieħor adatt tal-monasteru tippermetti l-ħruġ tal-monaċi mill-klawsura kostituzzjonali imma billi jibqgħu fl-ambitu tal-istess monasteru, waqt li jibqa’ dejjem ipprojbit id-dħul tal-fidili fil-parti tad-dar suġġetta għal din it-tip ta’ klawsura.

 

215. Kull monaka għandha responsabbiltà u għandha tagħti sehemha, bi stima kbira għas-skiet u għas-solitudni, biex ir-regolamentazzjoni esterjuri tal-klawsura kostituzzjonali żżomm dak il-valur interjuri fundamentali, li permezz tiegħu l-klawsura hi għajn ta’ ħajja spiritwali u xhieda tal-preżenza ta’ Alla.

 

216. Jistgħu jidħlu fl-ambitu tal-klawsura kostituzzjonali, bil-kunsens tas-Superjura maġġuri tal-monasteru:

a) il-persuni meħtieġa għas-servizz tal-komunità minn lenti spiritwali, formattiva u materjali;

b) il-monaċi ta’ komunitajiet oħra, sew jekk fi żjara jew bħala ospiti tal-monasteru;

ċ) iż-żgħażagħ f’tiftixa vokazzjonali.

 

217. Is-Superjura maġġuri tal-monasteru tista’ tippermetti l-ħruġ mill-klawsura kostituzzjonali għal kawża ġusta, hija u tagħti kas tal-indikazzjonijiet mogħtija minn din l-Istruzzjoni.

 

218. Is-Superjura maġġuri tal-monasteru bi klawsura kostituzzjonali tinnomina monaċi għas-servizz tal-porterija u tal-foresterija u tawtortizza xi monaċi biex jaħdmu fl-opri jew fil-laboratorji tal-monasteru li qegħdin barra mill-ambitu tal-klawsura, waqt li tirregolalhom kemm idumu barra minnha.

 

IR-RABA’ KAPITLU

IL-FORMAZZJONI

 

219. Il-monaka ssir bi dritt sħiħ membru tal-komunità tal-monasteru sui juris u tipparteċipa fil-beni spiritwali u temporali tiegħu mal-professjoni tal-voti solenni, tweġiba ħielsa u defenittiva għas-sejħa tal-Ispirtu s-Santu.

 

220. Il-kandidati jiddisponu ruħhom għall-professjoni solenni billi jagħmlu l-bosta tappi tal-ħajja monastika, li tulhom jirċievu formazzjoni xierqa u, imqar jekk fi grad differenti, jagħmlu parti mill-komunità tal-monasteru.

 

I. Prinċipji ġenerali

 

221. Il-formazzjoni fil-ħajja monastika kontemplattiva tissejjes fuq il-laqgħa personali mal-Mulej. Tibda bis-sejħa ta’ Alla u d-deċiżjoni ta’ kull waħda li timxi, skont il-kariżma tagħha, fuq il-passi ta’ Kristu, bħala dixxiplu tiegħu, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

 

222. Imqar jekk il-kisba tal-għarfien tibqa’ importanti, il-formazzjoni fil-ħajja kkonsagrata, u b’mod partikulari fil-ħajja monastika kontemplattiva, tikkonsisti fuq kollox fl-identifikazzjoni ma’ Kristu. Fil-fatt, hawn għandna “l-mixi pass pass wara Kristu fil-mixi tiegħu lejn il-Missier”,[127] sakemm tista’ tgħid ma’ San Pawl: “Għalija, il-ħajja hija Kristu”.[128]

 

223. Kemm il-kandidati u kemm il-monaċi għandhom iżommu quddiem għajnejhom li fil-proċess tal-formazzjoni l-importanti mhux daqshekk kemm jiksbu kunċetti, imma li “tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf”.[129] B’hekk il-proċess tal-formazzjoni jtul il-ħajja kollha u kull monaka dejjem se tħossha fil-formazzjoni.

 

224. Il-formazzjoni, bħala proċess kontinwu ta’ maturazzjoni u ta’ konverżjoni li jinvolvi l-persuna kollha, għandu jiffavorixxi l-iżvilupp tad-dimensjoni umana, Nisranija u monastika tal-kandidati u tal-monaċi, biex jgħixu radikalment il-Vanġelu, b’mod li ħajjithom issir profezija.

 

225. Il-formazzjoni għall-ħajja monastika kontemplattiva għandha tkun integrali, jiġifieri tqis il-persuna fit-totalità tagħha biex tiżviluppa armonikament id-doti psikiċi, morali, affettivi u intellettwali tagħha u tinserixxi ruħha attivament fil-ħajja komunitarja. L-ebda waħda minn dawn id-dimensjonijiet tal-persuna m’għandha titħalla barra mill-qafas tal-formazzjoni kemm inizjali u kemm permanenti jew kontinwa.

 

226. Il-formazzjoni monastika kontemplattiva għandha tkun organika, gradwali u koerenti fid-diversi tappi tagħha, għax hi msejħa tippromovi l-iżvilupp tal-persuna b’mod armoniku u progressiv, fir-rispett sħiħ tas-singolarità ta’ kull waħda.

 

227. Bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, kemm il-kandidati u kemm il-monaċi huma l-protagonisti prinċipali tal-formazzjoni tagħhom u responsabbli biex jassumu u jinterjorizzaw il-valuri kollha tal-ħajja monastika.

 

228. Għal din ir-raġuni, il-proċess ta’ formazzjoni għandu joqgħod attent għall-uniċità ta’ kull soru u għall-misteru li hemm jgħammar fiha u għad-doni partikulari tagħha, biex jiffavorixxi l-maturità tagħha permezz tal-għarfien tagħha nfisha u t-tiftixa tar-rieda ta’ Alla.

 

229. Fil-formazzjoni inizjali, għandha importanza partikulari l-figura tal-formatriċi. Fil-fatt, anki jekk “Alla l-Missier hu l-aqwa għalliem”, hu “jmexxi din il-ħidma permezz ta’ bnedmin li jkunu strumenti f’idejh”, li fosthom hemm il-formatriċi, li “fuq kollox iridu juru l-ġmiel tal-mixi wara Kristu u l-kobor tal-kariżma li fih jidher”.[130]

 

230. Hi responsabbiltà ta’ kull monasteru u tal-Federazzjoni li juru attenzjoni partikulari għall-għażla tal-formatriċi u jikkuraw il-formazzjoni tagħhom.[131]

 

II. Il-formazzjoni permanenti

 

231. B’formazzjoni permanenti jew kontinwa nifhmu mixja tal-ħajja kollha,[132] kemm personali u kemm komunitarja, “li għandha twassal għat-twaħħid tagħha mal-Mulej Ġesù biex hi tixrob mis-sentimenti tiegħu fl-offerta sħiħa tagħha lill-Missier”.[133] Għalhekk dan hu proċess ta’ konverżjoni kontinwa tal-qalb, “kundizzjoni essenzjali għall-konsagrazzjoni reliġjuża”,[134] u esiġenza ta’ fedeltà kreattiva għall-vokazzjoni tal-persuna. Il-formazzjoni permanenti jew kontinwa hi l-humus tal-formazzjoni inizjali.[135]

 

232. Bħala tali, il-formazzjoni permanenti jew kontinwa għandha titqies bħala prijoritarja kemm fil-proġett ta’ ħajja komunitarja, kemm fil-proġett ta’ ħajja ta’ kull monaka.

 

233. L-għan tal-formazzjoni permanenti hu dak li ssostni u tħares il-fedeltà, kemm ta’ kull monaka u kemm tal-komunità, u twassal għall-milja dak li nbeda fil-formazzjoni inizjali, biex il-persuna kkonsagrata tista’ tesprimi fil-milja tiegħu d-don tagħha fil-Knisja, skont kariżma speċifika.

 

234. Dak li jikkaratterizza din it-tappa meta mqabbla ma’ oħrajn hu n-nuqqas ta’ destinazzjonijiet oħra fi żmien eqreb, u dan jista’ jikkawża impatt fuq livell psikoloġiku: ma hemm xejn iżjed għal xiex nippreparaw ruħna, imma biss il-ħajja ta’ kuljum li wieħed jgħixha fid-don sħiħ tiegħu nnifsu lill-Mulej u lill-Knisja.

 

235. Il-formazzjoni permanenti sseħħ fil-kuntest tal-ħajja ta’ kuljum: fit-talb u fix-xogħol, fid-dinja tar-relazzjonijiet, partikularment fil-ħajja fraterna fil-komunità, u fir-relazzjoni mal-estern, skont il-vokazzjoni kontemplattiva.

 

236. Il-formazzjoni permanenti tikkultiva l-ħila spiritwali, duttrinali u professjonali, l-aġġornament u l-maturazzjoni tal-kontemplattiva, hekk li tista’ tiżvolġi b’mod dejjem iżjed xieraq is-servizz tagħha lill-monasteru, lill-Knisja u lid-dinja, skont il-forma ta’ ħajja tagħha u l-indikazzjonijiet tal-Kostituzzjoni appostolika Vultum Dei quærere.

 

237. Kull monaka hi mħeġġa tassumi r-responsabbiltà tal-maturazzjoni umana, Nisranija u kariżmatika tagħha, permezz ta’ proġett ta’ ħajja personali, tad-djalogu ma’ ħutha s-sorijiet tal-komunità monastika, u b’mod partikulari mas-Superjura maġġuri tagħha, kif ukoll permezz tad-direzzjoni spiritwali u l-istudji speċifiċi kkontemplati fl-Orjentamenti għall-ħajja monastika kontemplattiva.

 

238. Kull komunità flimkien mal-proġett komunitarju hi msejħa telabora programm ta’ formazzjoni permanenti sistematiku u integrali, li jħaddan il-ħajja kollha tal-persuna.[136] Dan il-programm ikun strutturat billi jqis id-diversi staġuni tal-ħajja[137] u d-diversi servizzi mħaddma mill-monaċi, partikularment mis-superjuri u mill-formatriċi.[138]

 

239. Is-Superjura maġġuri tippromovi l-formazzjoni permanenti tal-komunità permezz tal-Kapitlu konventwali, il-jiem ta’ rtir, l-eżerċizzi spiritwali annwali, il-qsim tal-Kelma ta’ Alla, reviżjonijiet ta’ ħajja b’mod perjodiku, rikreazzjoni flimkien, jiem ta’ studju, djalogu personali mas-sorijiet, laqgħat fraterni.

 

240. Hi responsabbiltà tas-Superjura maġġuri u ta’ kull membru tal-komunità li jiżguraw li l-ħajja fraterna tkun formattiva u tgħin lil kull soru fil-mixja tagħha lejn it-twaħħid sħiħ ma’ Kristu, għan aħħari tal-proċess ta’ formazzjoni,[139] u biex turi f’kull mument ta’ ħajjitha “l-appartenenza sħiħa u hienja għal Kristu”.[140]

 

241. Bla ma nippreġudikaw li s-sede ordinarja tal-formazzjoni permanenti hi l-monasteru proprju u li l-ħajja fraterna trid tiffavorixxi l-mixja formattiva tas-sorijiet,[141] biex tiġi żgurata formazzjoni permamenti iktar xierqa jew kontinwa, hi mħeġġa qatigħ il-kollaborazzjoni bejn diversi komunitajiet monastiċi, billi jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni opportuni.[142]

 

III. Strumenti ta’ formazzjoni permanenti

 

242. Bla dubju, l-ewwel strument ta’ formazzjoni permanenti għall-ikkonsagrati kollha, iżjed u iżjed għall-kontemplattivi, hu l-attenzjoni għall-ħajja ta’ talb: liturġiji kkurati u dinjitużi, skont il-possibbiltà tal-komunità; fedeltà għall-mumenti ta’ talb personali, biex jiggarantixxu dak l-ispazju fejn tista’ tintiseġ relazzjoni intima mal-Mulej; għożża għar-relazzjoni mal-Kelma, permezz tal-lectio personali u l-collazio komunitarja, sa fejn hu possibbli.[143]

 

243. Għożża u attenzjoni għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u għad-direzzjoni spiritwali, fl-attenzjoni tal-għażla ta’ konfessuri mħejjija biex iwieżnu u jsieħbu l-mixja ta’ komunità ta’ ħajja kontemplattiva b’riservatezza, għerf u prudenza.[144]

 

244. Il-formazzjoni intellettwali hi garantita permezz ta’ proġett stabbilit mill-komunità li possibbilment jagħti kas tal-livell kulturali ta’ kulħadd, biex kulħadd jista’ jiġbor xi ħaġa ta’ siwi għall-mixja tiegħu.

 

245. Ta’ siwi u importanza huma wkoll il-korsijiet ta’ formazzjoni komuni għal iżjed monasteri tal-istess familja kariżmatika,[145] jiġifieri korsijiet federali jew interfederali, imma mingħajr ma wieħed jinsa li “l-formazzjoni, speċjalment dik permanenti…, għandha l-humus tagħha fil-komunità u fil-ħajja ta’ kuljum”.[146]

 

246. Klima ta’ relazzjonijiet fraterni awtentiċi, immarkati minn imħabba u tjieba vera, hi fundamentali biex kull membru tal-komunità jista’ jkollha l-ispazju tagħha fejn tgħix u tesprimi ruħha.

 

247. Kull waħda għandha ssib bilanċ tajjeb fl-għotja tagħha nfisha permezz tax-xogħol, biex dan tal-aħħar tgħixu bħala servizz seren u hieni lil Alla u lill-komunità. Imma hu wkoll dmir tal-komunità l-attenzjoni biex ħadd ma jkun imtaqqal iżżejjed minn xogħol partikularment peżanti, li jassorbi l-enerġiji tal-ħsieb u tal-ġisem, b’dannu għall-ħajja spiritwali. Ix-xogħol bħala tali jista’ jkun mod kif wieħed ifittex il-frott tat-talenti tiegħi u hekk isir għajnuna fl-espressjoni tal-ġmiel tal-persuna; isir perikuluż meta jiġi assolutizzat u jiġbed l-attenzjoni b’detriment għall-ispirtu.[147]

 

248. M’għandhomx jiġu ttraskurati l-mezzi axxetiċi li huma fit-tradizzjoni ta’ kull spiritwalità, bħala mod kif irażżnu l-istinti tan-natura u jidderiġuhom lejn is-servizz għas-Saltna skont il-kariżma proprja.[148]

 

249. Anki l-informazzjoni meħtieġa dwar dak li qed iseħħ fid-dinja hi mezz importanti biex iżżomm ħajja l-għarfien u r-responsabbiltà tal-missjoni appostolika proprja, u għalhekk trid tiġi kkurata permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, b’attenzjoni għall-użu prudenti u diskret tagħhom, biex dan ma jagħmilx ħsara lill-ħajja kontemplattiva.[149]

 

IV. Il-formazzjoni inizjali

 

250. Il-formazzjoni inizjali hi ż-żmien ipprivileġġjat li fih l-aħwa kandidati għall-ħajja monastika kontemplattiva, b’akkumpanjament speċjali tal-formatriċi u tal-komunità, jiġu inizjati għall-mixja wara Kristu, skont kariżma partikulari, billi jassumu u jintegraw bil-mod il-mod id-doni personali partikulari tagħhom mal-valuri awtentiċi u karatteristiċi tal-vokazzjoni tagħhom.

 

251. Il-formazzjoni inizjali hi strutturata fi tliet tappi konsekuttivi: il-postulantat, in-novizzjat u ż-żmien tal-professjoni temporanja jew ġunjorat, u qablu l-aspirantat, li tulhom il-kandidati jikbru u jimmaturaw sakemm jassumu defenittivament il-ħajja monastika f’Istitut partikulari.

 

252. Fil-formazzjoni inizjali hu ta’ importanza kbira li fost id-diversi tappi jkun hemm armonija u gradwalità ta’ kontenuti. Daqshekk ieħor importanti li bejn il-formazzjoni inizjali u l-formazzjoni permanenti jew kontinwa jkun hemm kontinwità u koerenza, biex tinħoloq fis-suġġett “id-disponibbiltà biex tħalli lil min jiffurmaha f’kull jum ta’ ħajjitha”.[150]

 

253. Waqt li nżommu f’moħħna li l-persuna tinbena bil-mod ħafna u li l-formazzjoni trid tkun attenta biex fil-qalb tniżżel l-għeruq tas-“sentimenti ta’ Kristu lejn il-Missier”[151] u l-valuri umani, Insara u kariżmatiċi proprji, “l-ewwel formazzjoni teħtieġ żmien twil biżżejjed”,[152] “mhux inqas minn disa’ snin, lanqas iżjed minn tnax”.[153]

 

254. Matul dan iż-żmien għandu jsir “dixxerniment seren u ħieles mit-tentazzjonijiet tan-numru u tal-effiċjenza”.[154] Barra minn hekk, f’kull monasteru għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-dixxerniment spiritwali u vokazzjonali, u l-kandidati jiġu żgurati minn akkumpanjament personalizzat u l-promozzjoni ta’ mixjiet xierqa ta’ formazzjoni,[155] b’attenzjoni partikulari biex il-formazzjoni tkun tassew integrali – umana, Nisranija u kariżmatika – u tmiss id-dimensjonijiet kollha tal-persuna.

 

255. Il-kostituzzjoni ta’ komunitajiet monastiċi internazzjonali u multikulturali turi l-universalità ta’ kariżma, għalhekk l-akkoljenza ta’ vokazzjonijiet ġejjin minn pajjiżi oħra għandha tkun oġġett ta’ dixxerniment xieraq.

 

256. Wieħed mill-kriterji ta’ akkoljenza hu marbut mal-perspettiva li għada pitgħada l-ħajja monastika tinfirex fi Knejjes partikulari fejn din l-għamla ta’ mixja wara Kristu għadha mhix preżenti.

 

257. Madankollu wieħed irid assolutament jevita li jaċċetta kandidati minn pajjiżi oħra bl-uniku skop ikun li jħares is-sopravivenza tal-monasteru.[156]

 

258. Kull monasteru sui juris, mill-mument tat-twaqqif tiegħu hu sede ta’ novizzjat u ta’ formazzjoni, inizjali u permanenti jew kontinwa.[157]

 

259. Fil-każ li, fl-ambitu tal-Viżta kanonika, jirriżulta li l-monasteru singolu sui juris ma jistax jiggarantixxi formazzjoni ta’ kwalità, il-formazzjoni inizjali trid tiġi kkurata f’monasteru ieħor tal-Federazzjoni jew fis-sede ta’ formazzjoni inizjali komuni għal bosta monasteri.[158]

 

260. Il-monasteru mwaqqaf, imma li għadu ma ġiex erett kanonikament, u l-monasteru affiljat huma biss sede ta’ formazzjoni permanenti jew kontinwa.

 

261. Il-monasteru mwaqqaf, imma li għadu ma ġiex erett kanonikament, jista’ jkun sede ta’ novizzjat u sede ta’ formazzjoni inizjali, jekk jingħataw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-Istruzzjoni dwar il-formazzjoni.

 

A. Aspirantat

 

262. L-aspirantat, meqjus bħala l-ewwel għarfien tal-monasteru min-naħa tal-kandidata u tal-kandidata min-naħa tal-monasteru, iġib miegħu serje ta’ kuntatti u żminijiet ta’ esperjenza fil-komunità, anki fit-tul. Dan l-għarfien ikun utli anki biex f’din il-fażi jimtlew ċerti lakuni fil-mixja ta’ formazzjoni umana u reliġjuża.

 

263. Hi s-Superjura maġġuri bil-Kunsill tagħha, li waqt li żżomm quddiem għajnejna kull kandidata, għandha tistabbilixxi ż-żminijiet u l-modalitajiet li l-aspiranta tqatta’ fil-komunità u barra mill-monasteru.

 

264. Il-Mulej Ġesù għallem li min jibda azzjoni importanti l-ewwel għandu jgħarbel sewwa jekk għandux “il-meħtieġ biex iwassalha sat-tmiem”.[159] Għalhekk, min jaħseb li jista’ jibda l-mixja tal-ħajja kontemplattiva għandu jgħaddi ċertu żmien ta’ riflessjoni dwar il-ħiliet reali tiegħu u hawn jagħmel l-ewwel verifika personali tal-awtentiċità tas-sejħa tiegħu għall-ħajja monastika kontemplattiva.

 

265. Li jkollok “il-meħtieġ” ifisser tippossedi d-doti naturali u psikoloġiċi, ftuħ normali għall-oħrajn, bilanċ psikiku, spirtu ta’ fidi u rieda soda, li jagħmluha possibbli għalik li tgħix il-ħajja fil-komunità, fis-safa, fl-ubbidjenza, fil-faqar u fil-klawsura.

 

266. Mingħajr dawn id-doti inizjali, la l-aspiranta u lanqas il-komunità li qed tilqagħha ma tista’ taħseb li hemm vokazzjoni għall-ħajja monastika u kontemplattiva. Għalhekk, matul il-formazzjoni inizjali kollha, imma partikularment tul l-aspirantat, għandha tingħata attenzjoni partikulari lid-dimensjoni umana.

 

267. Matul dan iż-żmien, l-aspiranta hi fdata mis-Superjura maġġuri lil soru professa solenni biex tista’ takkumpanjaha u torjentaha fl-għażla vokazzjonali.

 

268. L-aspirantat, li jdum tal-inqas tnax-il xahar, jista’ jiġi mtawwal skont il-ħtiġijiet, skont id-diskrezzjoni tas-Superjura maġġuri, wara li tkun semgħet lill-Kunsill tagħna, imma mhux għal iżjed minn sentejn.

 

B. Postulantat

 

269. Il-postulantat hu tappa meħtieġa għat-tħejjija xierqa għan-novizzjat,[160] u tulu l-kandidata tikkonferma d-determinazzjoni tagħha li tikkonverti permezz ta’ mixja progressiva mill-ħajja sekulari għall-ħajja monastika kontemplattiva.

 

270. Matul dan iż-żmien, il-postulanta għandha ftit ftit tiġi introdotta għall-proċess ta’ assimilazzjoni tal-elementi fundamentali tal-ħajja monastika kontemplattiva.

 

271. Il-postulantat iġib miegħu esperjenza iżjed diretta u konkreta tal-ħajja fil-komunità skont kariżma speċifika.

 

272. Qabel aspiranta tiġi ammessa għall-postulantat, trid tiġi eżaminata l-qagħda ta’ saħħitha, jekk għandhiex maturità li tixraq lill-età tagħha, jekk għandhiex il-karattru adatt, jekk hix soċjevoli, soda fid-duttrina u fil-prattika Nisranija, jekk taspirax għall-ħajja monastika b’intenzjoni sinċiera, billi tfittex f’kull ħin il-wiċċ ta’ Alla.

 

273. Il-postulanta għandha tiġi fdata lill-imgħallma tan-novizzi jew lil monaka professa solenni li tgħinha tħares fiha nfisha, ħa tkun taf tiddixxerni jekk hemmx sejħa vera għall-ħajja monastika kontemplattiva, u li magħha l-postulanta tista’ tiftaħ qalbha b’fiduċja sħiħa.

 

274. Il-postulanta, megħjuna mill-formatriċi, tiddedika ruħha b’mod speċjali għall-formazzjoni umana u spiritwali tagħha u tinżel iktar fil-fond tal-impenn tal-magħmudija tagħha.

 

275. Il-postulantat hu twil mill-inqas tnax-il xahar u jista’ skont il-ħtieġa jiġi mtawwal mis-Superjura maġġuri, wara li tkun semgħet lill-Kunsill tagħha, imma m’għandux jaqbeż is-sentejn.

 

276. Matul dan il-perjodu, il-postulanti jgħixu fil-monasteru l-ħajja tal-komunità skont il-preskrizzjonijiet tal-imgħallma tagħhom u, barra li jiġu megħjuna jagħrfu l-ħiliet tagħhom fl-ordni tal-ħajja monastika, fil-monasteru jistgħu jinżlu iktar fil-fond ta’ temi ta’ studju jew jitgħallmu mestier, skont l-esiġenzi tal-komunità, kif stabbilit mis-Superjura maġġuri u l-Kunsill tagħha.

 

Ċ. Novizzjat

 

277. In-novizzjat hu ż-żmien li fih in-novizza tibda l-ħajja f’Istitut partikulari, tkompli d-dixxerniment vokazzjonali u l-approfondiment tad-deċiżjoni tagħha li timxi wara Ġesù Kristu fil-Knisja u fid-dinja tal-lum, skont kariżma partikulari.

 

278. In-novizzjat hu ż-żmien tal-prova, u għandu bħala għan tiegħu dak li jwassal lill-kandidata biex tagħraf b’mod iżjed sħiħ il-vokazzjoni skont kariżma speċifika, billi tivverifika l-ħila reali u konkreta tagħha li tgħixha bil-ferħ u l-ġenerożità, partikularment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja fraterna fil-komunità.

 

279. In-novizzjat fil-monasteru tal-monaċi jieħu sentejn, li minnhom it-tieni sena hi dik kanonika, u skont kif dispost mill-kan. 648 CJC f’dak li għandu x’jaqsam mal-assenzi.

 

280. Matul in-novizzjat, in-novizza trid qabelxejn tinżel iktar fil-fond tal-ħbiberija tagħha ma’ Kristu, għax mingħajru qatt mhi ħa tkun tista’ tassumi u żomm il-wegħdiet ta’ għotja sħiħa lilu, u tixtieq tikber fl-għarfien tal-kariżma li hi msejħa tgħix, waqt li tistaqsi lilha nfisha jekk tridx taqsam ħajjitha f’ħajja fraterna komuni ma’ ħutha s-sorijiet li jagħmlu l-komunità tal-monasteru.

 

281. In-novizza tikseb dan fil-prattika tal-lectio divina mtawla, taħt il-gwida ta’ soru esperta li taf tiftħilha qalbha għall-għerf tal-Iskrittura, imdawla mill-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja u mill-kitbiet u eżempji ta’ ħajja tal-fundaturi. Il-kuntatt intimu ma’ Kristu bilfors irid iwassal għal ħajja sagramentali b’saħħitha, u għat-talb personali, li lejh in-novizza għandha tiġi ggwidata u li għalih għandu jingħata l-ħin li jixraq.

 

282. It-talb personali jsib espressjoni qawwija fit-talba komunitarja liturġika, li għaliha n-novizza għandha tiddedika l-aqwa enerġiji kollha tagħha. F’din il-klima ta’ mħabba għal Kristu u ta’ talb, in-novizza tinfetaħ għal ħutha s-sorijiet, tħobbhom minn qalbha u magħhom tgħix fil-fraternità.

 

283. In-novizza hi ggwidata mill-imgħallma tagħha kif tikkultiva devozzjoni awtentika lejn il-Verġni Omm Alla, xempju u patruna ta’ kull ħajja kkonsagrata,[161] u kif iżżommha bħala eżempju ta’ xebba kkonsagrata.

 

284. Il-binja spiritwali ma tistax titla’ mingħajr pedamenti umani, għalhekk in-novizzi għandhom jipperfezzjonaw id-doni tan-natura u l-edukazzjoni ċivili, u jiżviluppaw il-personalità tagħhom, u jħossuhom tassew responsabbli għall-maturazzjoni umana, Nisranija u kariżmatika tagħhom.

 

D. Ġunjorat

 

285. F’din it-tappa, l-inseriment fil-ħajja tal-komunità hu sħiħ, għalhekk l-għan hu dak li l-professa temporanja tesperimenta l-ħila tagħha li ssib bilanċ bejn il-bosta dimensjonijiet tal-ħajja monastika kontemplattiva (talb, xogħol, relazzjonijiet fraterni, studju…), u jirnexxielha tasal għal sintesi personali tal-kariżma li tlaħħamha fid-diversi sitwazzonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.

 

286. Mingħajr preġudizzju għal dak stabbiliti fid-dritt universali dwar il-professjoni valida u leċita tal-voti temporanji, il-ġunjorat jinkludi ż-żmien ta’ formazzjoni inizjali mill-ewwel professjoni tal-voti temporanji sal-professjoni solenni, fejn il-professa tkompli l-formazzjoni spiritwali, duttrinali u prattika, skont il-kariżma u d-dritt proprju tal-Istitut.

 

287. Il-professjoni temporanja ssir għal tliet snin u tiġġedded kull sena sa ma jagħlqu l-ħames snin, sakemm jitlestew minimu ta’ disa’ snin ta’ formazzjoni inizjali.

 

288. Jekk jitqies opportun, iż-żmien tal-professjoni temporanja jista’ jiġi mtawwal iżjed mis-Superjura maġġuri, skont id-dritt proprju, u n-norma tal-kan. 657, §2 CJC, imma b’attenzjoni biex ma jinqabżux it-tnax-il sena ta’ formazzjoni inizjali.

 

289. F’kull komunità monastika l-mixja ta’ formazzjoni inizjali u permanenti jew kontinwa, kif ukoll il-formazzjoni tas-superjuri tal-monasteri,[162] tal-formatriċi,[163] u tal-ekonomi, titfassal f’konformità mal-kariżma u mad-dritt proprju tal-Istitut, billi jitqiesu l-Orjentamenti ppubblikati mill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika wara u bi twettiq ta’ din l-Istruzzjoni.

 

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

 

· Din l-Istruzzjoni mhix biss dwar ħwejjeġ futuri[164] imma sa mix-xandir tagħha għandha tiġi applikata fil-preżent mill-monasteri kollha ta’ monaċi nisa ta’ rit Latin.

 

· Dak li hemm dispost fil-Kostituzzjoni appostolika Vultum Dei quærere għall-monasteri kollha dwar l-obbligu li jidħlu f’Federazzjoni ta’ monasteri japplika wkoll għal strutturi oħra ta’ komunjoni bħalma hi l-Assoċjazzjoni ta’ monasteri jew il-Konferenza ta’ monasteri.

 

· Dan l-obbligu jgħodd ukoll għall-monasteri assoċjati ma’ Istitut maskili jew miġbura flimkien f’Kongregazzjoni monastika awtonoma.

 

· Il-monasteri singoli għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ dan fi żmien sena mix-xandir ta’ din l-Istruzzjoni, sakemm ma ġewx leġittimament dispensati.

 

Meta jagħlaq iż-żmien, dan id-Dikasteru jipprovdi hu biex jassenja l-monasteri lil Federazzjonijiet jew strutturi oħra ta’ komunjoni li diġà jeżistu.

 

· Id-deċiżjonijiet li, wara l-konsultazzjoni opportuna u l-istudju minn qabel fil-Kungress tad-Dikasteru, jittieħdu minn din il-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika fil-konfront ta’ monasteru ta’ monaċi dwar l-indizzjoni ta’ viżta appostolika, dwar il-kummissarjament, dwar is-sospensjoni tal-awtonomija jew is-soppressjoni ta’ monasteru, jiġu ppreżentati kull xahar lill-Papa għall-approvazzjoni f’forma speċifika.

 

KONKLUŻJONI

 

B’din l-Istruzzjoni dan id-Dikasteru jrid jikkonferma l-apprezzament għoli tal-Knisja għall-ħajja monastika kontemplattiva u l-għożża tiegħu biex iħares l-awtentiċità ta’ din l-għamla partikulari tas-sequela Christi.

 

Nhar il-25 ta’ Marzu 2018, il-Papa approva dan id-dokument tal-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu.

 

Fl-istess data, il-Papa minn din l-Istruzzjoni approva f’forma speċifika

· in-nn. 52, 81 d) u 108, b’deroga għall-kan. 638, §4 CJC;

· in-n. 83 ġ) b’deroga għall-kan. 667, §4 CJC;

· in-n. 111 b’deroga għall-kan. 628, §2, 1° CJC;

· in-n. 130 b’deroga għall-kan. 686, §2 CJC;

· in-nn. 174 u 175 b’deroga għall-kan. 667, §4 CJC;

· in-n. 176, li jabroga r-restrizzjoni preżenti f’Verbi Sponsa n. 17, §2;

· in-nn. 177 u 178 b’deroga għall-kan. 686, §2 CJC;

· id-Dispożizzjonijiet finali.

 

Mill-Vatikan, 1 ta’ April 2018

Solennità tal-Qawmien tal-Mulej

 

Kardinal João Braz de Aviz 

Prefett

 

+ José Rodríguez Carballo, O.F.M.

Arċisqof Segretarju

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ara Franciscus PP., Constitutio apostolica Vultum Dei quærere (= VDq). De vita contemplativa monialium, in AAS CVIII (2016), p. 838, n. 5. Perfectæ caritatis (= Pc) 7; kan. 674 CJC.

[2] Ara PIUS PP. XII, Constitutio apostolica Sponsa Christi Ecclesia (= SCE). De sacro monialium instituto promovendo, in AAS XXXXIII (1951), pp. 5-23.

[3] Ara Statuta generalia monialium (= SGM), art. VI, in AAS XXXXIII (1951), p. 17.

[4] Ara SCE, p. 12; SGM, art. VII, in AAS XXXXIII (1951), pp. 18-19.

[5] Ara SCE, pp. 10-11.

[6] Ara SCE, pp. 12-13; SGM, art. IV, in AAS XXXXIII (1951), p. 16-17.

[7] Ara Pc 2.

[8] Ara SCE, pp. 6-11.

[9] Ara SCE, pp. 8-9.

[10] Ara VDq, 13-35.

[11] VDqart. 1, §2.

[12] Ara VDq, 8.

[13] VDq, 5.

[14] Kan. 674 CJC.

[15] VDq, art. 14, §1.

[16] VDq, 8.

[17] Ara kan. 34, §1 CJC.

[18] VDq, art. 9, §4.

[19] VDq, art. 9, §4.

[20] Ara kan. 620 CJC.

[21] Ara kan. 613, §2 e 620 CJC.

[22] Ara kan. 586,§1 CJC.

[23] Ara VDq, 28.

[24] Ara Ibidem.

[25] Ara kan. 610 CJC.

[26] Ara kan. 610 CJC.

[27] Ara kan. 607, §3 CJC.

[28] Ara kan. 667, §§2-3 CJC; ara VDq, 31.

[29] Ara kan. 609, §1 CJC.

[30] Ara kan. 609, §2 CJC.

[31] VDq, art. 8, §1.

[32] Ibidem.

[33] VDq, art. 8, §1.

[34] Ara kan. 610, §2 CJC.

[35] Ara VDq, art. 8, §1

[36] Ara VDq, art. 8, §2.

[37] Ara VDq, art. 8, §2.

[38] Ara kan. 634, §1 CJC.

[39] Ara kan. 636 CJC.

[40] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[41] VDq, art. 8, §2.

[42] Ara VDq, art. 8, §3.

[43] VDq, art. 8, §2.

[44] Ara VDq, art. 8, §1; Ġwanni Pawlu II, Vita consecrata. Eżortazzjoni appostolika fuq il-ħajja kkonsagrata (= Vc) Ruma, 25 ta’ Marzu 1996, 36-37.

[45] Ara kan. 616, §1 e §4 CJC.

[46] Ara kan. 616, §2 CJC.

[47] Ara kan. 616, §2 CJC.

[48] Ara kan. 614 CJC.

[49] Ara kan. 615 CJC.

[50] Ara VDq, art. 9, §4.

[51] Ara kan. 625, §2 CJC.

[52] Ara kan. 628, §2 n. 1 CJC.

[53] Ara kan. 637 CJC.

[54] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[55] Ara kan. 688, §2 CJC.

[56] Ara kan. 699, §2 CJC.

[57] Ara kan. 586 CJC.

[58] Ara kan. 591 CJC.

[59] Ara kan. 678, §1 CJC.

[60] Ara kan. 392; kan. 680 CJC.

[61] Ara kan. 394; kan. 673; kan. 674; kan. 612 CJC.

[62] Ara kan. 683, §2 CJC.

[63] Ara kan. 1320 CJC.

[64] Ara kan. 609 CJC.

[65] Ara kan. 567 CJC.

[66] Ara kan. 630, §3 CJC.

[67] VDq art. 6, §2 CJC.

[68] Ara kan. 616, §1 CJC.

[69] Ara kan. 687 CJC.

[70] Deroga parzjali għall-kan. 667, §4 CJC approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[71] Ara VDq, 28-30.

[72] Ara VDq art. 9, §2.

[73] Ara kan. 582 CJC.

[74] Ara VDq 30; art. 9, §3.

[75] Ara VDq art. 9, § 1.

[76] Ara kan. 582 CJC; VDq, art. 9, §4.

[77] Ara VDq, art. 9, § 4.

[78] Ara VDq 30; art. 9, § 3.

[79] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[80] Ara kan. 616, §2 CJC

[81] Ara VDq, art. 9, §3.

[82] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[83] Ara VDq, art. 2, §2.

[84] Ara VDq, 36.

[85] Ara VDq, art. 3, § 3.

[86] Ara VDq, art. 7, § 1.

[87] Ara VDq, art. 3, § 4.

[88] Ara VDq, art. 8, § 1.

[89] Ara VDq, 9, §3.

[90] Ara VDq, art. 3, § 7.

[91] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[92] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[93] Ara VDq, art. 8, § 7.

[94] Ara kan. 184, §1 CJC.

[95] Ara VDq, art. 3 § 7.

[96] Ara VDq, art. 7 § 1.

[97] Ara VDq, art. 3 § 3.

[98] Ara VDq, art. 3 § 7.

[99] Ara kan. 607, §3 CJC.

[100] Ara Rum 12:2.

[101] Ara kan. 667, §1 CJC.

[102] Ara Mt 5:14-15.

[103] Ara Ġw 13:34; Mt 5:3,8.

[104] Ara Rum 6:11.

[105] Ara VDq 33; art. 12.

[106] VDq, 33.

[107] VDq, 34.

[108] Ara VDq, 31.

[109] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[110] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[111]Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li n-norma tal-kan. 665, §1, dwar il-permanenza barra mill-Istitut, mhix dwar il-monaċi tal-klawsura, Verbi Sponsa, n. 17, §2.

[112] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[113] Deroga approvata f’forma speċifika mill-Papa.

[114] Ara kan. 686, §1 CJC.

[115] Ara VDq, 12-37.

[116] Kan. 667, §3 CJC.

[117] Ara SCE art. IV, n. 1-2; Inter præclara VI – X.

[118] Ara VDq, 31.

[119] Ara VDq, 33.

[120] Ara kan. 667 §4 CJC.

[121] Ara Pc 9.

[122] Ara kan. 667, §3 CJC.

[123] Vc 59.

[124] Ara kan. 667, §2 CJC.

[125] Ara kan. 667, §1 CJC.

[126] Ara VDq, 31.

[127] Vc 65.

[128] Fil 1:21.

[129] Efes 3:19.

[130] Vc 66.

[131] Ara VDq, art. 3, §3.

[132] Ara kan. 661 CJC.

[133] VDq, 13.

[134] Vc 69.

[135] Ara VDq, 3, §1.

[136] Ara Vc 69.

[137] Ara Vc 70.

[138] Ara VDq art. 3, §1; 7, §1.

[139] Ara Vc 65.

[140] VDq, 13.

[141] Ara VDq, 14.

[142] Ara VDq, 34.

[143] Ara VDq, 24-27.

[144] VDq, 23.

[145] VDq, 30.

[146] VDq, 14.

[147] Ara VDq, 32.

[148] Ara VDq, 35.

[149] Ara VDq, 34.

[150] Vc 69; Ripartire da Cristo, 15.

[151] Vc 65.

[152] Vc 65.

[153] VDq, 15.

[154] Ripartire da Cristo, 18.

[155] Ara VDq, 15.

[156] Ara VDq, art. 3, §6.

[157] Ara VDq, art. 3, §5.

[158] Ara VDq, 3, §7.

[159] Lq 14:28.

[160] Ara kan. 597 §2 CJC.

[161] Ara kan. 663, §4 CJC.

[162] Ara VDq art. 7, §1.

[163] Ara VDq art. 3, §3 e §4.

[164] Ara kan. 9 CJC.

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta