Laikos

 

“LE GĦAL KULTURA TAL-MEWT Top of Form

IDDETTATA MINN IDEOLOĠIJI U INTERESSI EKONOMIĊI”

 

Il-messaġġ li l-Kunsill Episkopali Permanenti tal-Konferenza Episkopali Taljana ħejja għall-45 Jum Nazzjonali tal-Ħajja, li se jiġi ċċelebrat fil-5 ta’ Frar 2023, bit-tema “Il-mewt qatt ma hi soluzzjoni”

 

“Kultura tal-mewt” li qed tixtered

F’dan iż-żmien li qed ngħixu fih, meta l-ħajja saret ikkumplikata u impenjattiva, meta donnha l-isfida ma tistax tingħeleb u l-piż ma jistax jinġarr, dejjem iżjed qed naslu għal “soluzzjoni” traġika: nagħtu l-mewt. Ċertament kull persuna u sitwazzjoni jixirqilhom rispett u tjieba, b’dik il-ħarsa mimlija empatija u ħniena li tinbet mill-Vanġelu. Fil-fatt aħna nafu li ċerti deċiżjonijiet jimmaturaw f’kundizzjonijiet ta’ solitudni, ta’ nuqqas ta’ kura, ta’ biża’ quddiem dak li wieħed ma jafx… Huwa l-misteru tal-ħażen li jifxel lil kulħadd, kemm min jemmen u kemm min le. Madankollu, dan ma jneħħix it-tħassib tagħna meta naraw kif il-produzzjoni tal-mewt qiegħda ftit ftit issir tweġiba pronta, ekonomika u immedjata għal serje ta’ problemi personali u soċjali. Iktar minn hekk, wara din is-“soluzzjoni” nistgħu nilmħu interessi ekonomiċi u ideoloġiji importanti mibjugħa bħala raġonevoli u ta’ ħniena, meta mhuma xejn hekk.

 

Meta wild ma nistax immantnih, ma ridtux, meta naf li se jitwieled diżabbli jew naħseb li ħa jillimitali l-libertà tiegħi jew iqiegħed f’riskju l-ħajja tiegħi… is-soluzzjoni spiss hi l-abort.

 

Meta marda ma nistax nissaportiha, meta nispiċċa waħdi, meta nitlef it-tama, meta tonqos il-kura paljattiva, meta ma niflaħx nara persuna għażiża għalija tbati… it-triq biex neħles tista’ tkun l-ewtanasja jew is-“suwiċidju assistit”.

 

Meta r-relazzjoni mas-sieħeb jew sieħba ssir diffiċli, għax ma jweġbux għall-aspettattivi tiegħi… xi drabi r-riżultat ikun vjolenza li tasal biex toqtol lil min tħobb – jew kont taħseb li tħobb –, bi żvog saħansitra fuq iċ-ċkejknin u ’l ġewwa mill-istess ħitan tad-dar.

 

Meta l-ħajja ta’ dwejjaq issir insopportabbli u donnu ħadd ma jista’ jinfed mill-ħajt tas-solitudni… mhux darba u tnejn wieħed jaqtagħha li jneħħi ħajtu b’idejh.

 

Meta l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ min qed jaħrab mill-gwerra jew mill-miżerja jġibu problemi ekonomiċi, kulturali u soċjali… wieħed jippreferi jabbanduna l-persuni għad-destin tagħhom, u fil-verità jkun jikkundannahom għal mewt inġusta.

 

Meta jiżdiedu r-raġunijiet ta’ kunflitt bejn il-popli… is-setgħanin u n-negozjanti tal-mewt dejjem jipproponi iktar ta’ spiss is-“soluzzjoni” tal-gwerra, jagħżlu u jippropagaw il-lingwaġġ qerriedi tal-armi, li jaqdi fuq kollox l-interessi tagħhom.

 

Hekk, ftit ftit, il-“kultura tal-mewt” tixtered u tittieħed.

 

Lejn “kultura tal-ħajja”

Il-Mulej mislub u rxoxt – imma anki r-raġuni retta – jurina triq differenti: nagħtu mhux il-mewt imma l-ħajja, innisslu u naqdu dejjem il-ħajja. Jurina kif inhu possibbli nagħrfu s-sens u l-valur tagħha anki meta nħossuha dgħajfa, mhedda u kollha taħbit. Jgħinna nilqgħu l-prepotenza drammatika tal-mard u l-wasla tal-mewt bil-mod il-mod, u ninfetħu għall-misteru tal-bidu u tat-tmiem tagħha. Jgħallimna naqsmu fl-istaġuni diffiċli tat-tbatija, tal-mard qerriedi, tat-tqala li jifxlu l-proġetti u l-bilanċi kollha… u noffru relazzjonijiet minsuġa minn imħabba, rispett, qrubija, djalogu u qadi. Jiggwidana biex inħallu tisfidana x-xewqa għall-ħajja li għandhom it-tfal, il-persuni b’diżabbiltà, l-anzjani, il-morda, il-migranti, u tant irġiel u nisa li minna jitolbu fuq kollox rispett, dinjità u akkoljenza. Isejħilna biex nedukaw il-ġenerazzjonijiet il-ġodda lejn il-gratitudni għall-ħajja li rċivew u lejn l-impenn li jħarsuha b’għożża, sew fihom u fl-oħrajn. Iqanqalna biex nifirħu għal tant irġiel u nisa, minn kull twemmin u mqar dawk li ma jemmnux, li jaffrontaw il-problemi billi jnisslu l-ħajja, xi drabi bi prezz qares għalihom infushom; fihom kollha fil-fatt nagħrfu l-azzjoni misterjuża u ħajja tal-Ispirtu, li jagħmel mill-ħlejjaq “ħabbara ta’ salvazzjoni”. Lejn dawn il-persuni u lejn tant organizzazzjonijiet li fuq diversi fruntieri jiddefendu l-ħajja, imorru r-rikonoxxenza u l-inkuraġġiment tagħna.

 

Imma wara kollox, li tagħti l-mewt veru taħdem?

Min-naħa l-oħra, hu doveruż nistaqsu jekk it-tentattiv li nsolvu l-problemi billi neliminaw il-persuni hux tassew effikaċi.

 

Aħna żguri li l-banalizzazzjoni tal-interruzzjoni volontarja tat-tqala telimina l-ġerħa profonda li tiġġenera fir-ruħ ta’ ħafna nisa li rrikorrew għaliha? Nisa li, f’ħafna każijiet, setgħu kienu mwieżna f’għażla differenti u li issa ma jiddispjaċihomx minnha, bħalna wara kollox tipprevedi l-istess liġi 194 fl-art. 5. Dan hu l-għarfien fil-bażi ta’ skumdità kulturali u soċjali li qed tikber f’ħafna pajjiżi u li, lil hemm mil-polarizzazzjonijiet ideoloġiċi żbaljati, tgħin għal dibattitu profond immirat lejn it-tiġdid tan-normi u għal għarfien ta’ kemm hi prezzjuża kull ħajja, anki meta l-għajnejn għadhom ma jistgħux jarawha: l-eżistenza ta’ kull persuna, f’kull fażi tagħha, tibqa’ unika u ma hemmx prezzha.

 

Aħna żguri li s-suwiċidju assistit jew l-ewtanasja jirrispettaw sal-aħħar il-libertà ta’ min jagħżilhom – spiss mifni min-nuqqas ta’ kura u relazzjonijiet – u juru mħabba vera u responsabbli min-naħa ta’ min jakkumpanjah lejn il-mewt?

 

Aħna żguri li l-għeruq profondi ta’ femminiċidji, tal-vjolenza fuq it-tfal, tal-aggressività tal-‘baby gangs’… mhumiex proprju f’din il-kultura ta’ desakrazzjoni dejjem tikber tal-ħajja?

 

Aħna żguri li wara l-fenomenu dejjem jiżdied ta’ suwiċidji, anki ta’ żgħażagħ, ma hemmx l-idea li “l-ħajja hi tiegħi u nagħmel biha dak li rrid”?

 

Aħna żguri li l-għeluq għall-migranti u r-rifuġjati u l-indifferenza għall-kawżi li jċaqalquhom huma l-istrateġija l-iżjed effikaċi u dinjituża biex nittrattaw dik li m’għadhiex biss emerġenza?

 

Aħna żguri li l-gwerra, fl-Ukrajna bħal fil-pajjiżi ta’ tant “kunflitti minsija”, tassew kapaċi tegħleb il-motivazzjonijiet li minnhom tinbet? “Waqt li Alla jwettaq il-ħolqien tiegħu, u aħna l-bnedmin imsejħin nikkollaboraw fl-opra tiegħu, il-gwerra taf biss teqred. Teqred anki dak li Alla ħalaq l-iżjed sabiħ: il-bniedem. Il-gwerra tqalleb kollox ta’ taħt fuq, anki r-rabta bejn l-aħwa. Il-gwerra hi bluha, il-pjan ta’ żvilupp tagħha hu l-qerda: tikber skont kemm teqred! (Franġisku, Omelija fil-Mafkar militari ta’ Redipuglia, 13 ta’ Settembru 2014).

 

Il-“kultura tal-mewt”: kwistjoni serja

Li nagħtu l-mewt bħala soluzzjoni hi kwistjoni etika serja, għax tindubja l-valur tal-ħajja u tal-persuna umana. Flok il-fiduċja fundamentali fil-ħajja u fit-tjieba tagħha – għal min jemmen, b’għeruqha fil-fidi – li timbuttana biex nilmħu possibbiltajiet u valuri f’kull qagħda tal-ħajja, tidħol is-suppervja li niġġudikaw jekk u meta ħajja, imqar tagħna stess, hi denja li tingħax, u nagħmlu tagħna l-jedd li ntemmuha. Iqanqal tħassib ukoll meta naraw kif il-progressi kbar tax-xjenza u tat-teknoloġija, li jagħtuna li nimmanipulaw u neqirdu l-ħajja b’mod dejjem iżjed mgħaġġel u massiv, ma humiex imsieħba minn riflessjoni xierqa fuq il-misteru tat-twelid u tal-mewt, li tiegħu evidentement m’aħniex sidien. It-tħassib ta’ ħafna quddiem is-sitwazzjoni li fiha tant persuni u familji għexu l-mard u l-mewt fi żmien il-Covid wera kif approċċ sempliċiment funzjonali lejn dimensjonijiet tal-ħajja bħalma huma dawn hu għalkollox insuffiċjenti. Forsi għax tlifna l-ħila li nifhmu u naffrontaw il-limiti u t-tbatijiet li hemm fil-ħajja, illi issa qed naħsbu li nistgħu nsolvuhom bil-mewt?

 

Inġeddu l-impenn tagħna

Jum il-Ħajja jġedded il-fidi tal-Kattoliċi fil-“Vanġelu tal-ħajja”, l-impenn biex nikxfu l-maskri tal-“kultura tal-mewt”, il-ħila li nippromovu u nwieżnu azzjonijiet konkreti għall-ħarsien tal-ħajja, billi nużaw dejjem iktar enerġiji u riżorsi. Iġedded karità li taf issir talba u azzjoni: xenqa u tħabbira tal-milja tal-ħajja li Alla jixtieq għal uliedu; stil ta’ ħajja konjugali, familjari, ekkleżjali u soċjali, kapaċi jiżra’ l-ġid, il-ferħ u t-tama anki meta aħna mdawrin bid-dellijiet tal-mewt.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard