Laikos

 

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Residenza Papali tas-Sajf, Castel Gandolfo

L-Erbgħa 11 ta’ Awwissu 2010

 

Is-sinifikat tal-martirju

 

Għeżież ħuti,

 

Il-lum fil-Liturġija qed infakkru lil Santa Kjara ta’ Assisi, Fundatriċi tas-Sorijiet Klarissi, figura kollha dawl li dwarha għad nitkellem f’waħda mill-Katekeżi li ġejjin.  Imma din il-ġimgħa, kif diġà semmejt fl-Angelus tal-Ħadd li għadda, qed infakkru diversi Martri mqaddsa mill-ewwel sekli tal-Knisja, bħal San Lawrenz, Djaknu, San Ponzjanu, Papa, u San Ippolitu, Presbiteru; u mill-imgħoddi aktar riċenti, bħal Santa Tereża Beneditta tas-Salib, Edit Stein, Patruna ta’ l-Ewropa, u San Massimiljanu Marija Kolbe.  Għaldaqstant nixtieq nirrifletti fil-qosor dwar il-martirju, li hu forma ta’ mħabba totali lejn Alla.

 

Fuqiex hu mibni l-martirju?  It-tweġiba hi sempliċi: fuq il-mewt ta’ Ġesù, fuq is-sagrifiċċju l-iżjed għoli tiegħu ta’ mħabba, ikkonsmat fuq is-Salib, biex aħna jkollna l-ħajja (ara Ġw 10:10).  Kristu hu l-qaddej sofferenti li jsemmi l-Profeta Isaija (ara Is 52:13-15), li ta ħajtu b’fidwa għall-kotra (ara Mt 20:28).  Hu jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu, lil kull wieħed minna, biex kuljum jerfa’ s-salib tiegħu u jimxi warajh fit-triq ta’ l-imħabba totali ta’ Alla l-Missier u tal-bnedmin kollha: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja”, jgħidilna, “ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt 10:38-39).  Din hi l-loġika tal-ħabba tal-qamħ li trid tmut biex tista’ tnibbet u ġġib ħajja ġdida (ara Ġw 12:24).  Ġesù nnifsu hu “il-ħabba tal-qamħ li ġiet minn għand Alla, il-ħabba divina li ħalliet lilha nfisha taqa’ ma’ l-art, ħalliet lilna nfisha tegħreq, titkisser fil-mewt, u propju billi tagħmel hekk, tnibbet u hekk tista’ tagħti l-frott fl-immensità tad-dinja” (Benedittu XVI fiż-Żjara tiegħu lill-Komunità Evanġelika Luterana fi “Christuskirche”, Ruma, 14 ta’ Marzu 2010).  Il-martri jimxi wara l-Mulej sa l-aħħar, u bil-libertà kollha jilqa’ l-mewt għas-salvazzjoni tad-dinja f’dik l-ogħla prova ta’ mħabba u fidi (ara Lumen Gentium, n. 42).

 

U mill-ġdid, mnejn tiġi l-qawwa biex taffronta l-martirju?  Minn għaqda profonda u intima ma’ Kristu, għax il-martirju u l-vokazzjoni għall-martirju m’humiex riżultat ta’ l-isforz uman imma t-tweġiba għal pjan u sejħa ta’ Alla, huma don tal-grazzja tiegħu li lill-persuna jippermettulha li, bi mħabba, tħalli ħajjitha għal Kristu u għall-Knisja, u allura għad-dinja.  Jekk naqraw il-ħajjiet tal-Martri, nibqgħu mistagħġba bil-kalma u l-kuraġġ tagħhom quddiem it-tbatija u l-mewt: il-qawwa ta’ Alla tesprimi ruħha b’mod sħiħ fid-dgħufija, fil-faqar ta’ dawk li jafdaw ruħhom f’idejh u jqiegħdu fih biss it-tama tagħhom (ara 2 Kor 12:9).  Imma hu importanti ninsistu li l-grazzja ta’ Alla ma tbaxxix jew tifga l-libertà ta’ dawk li jaffrontaw il-martirju; għall-kuntrarju, tagħnihom u tgħollihom: il-Martri hu persuna għal kollox ħielsa, ħielsa f’dak li għandu x’jaqsam mal-poter, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dinja; persuna ħielsa li f’att wieħed u definittiv tagħti ħajjitha kollha lil Alla, u f’att suprem ta’ fidi, tama u mħabba, terħi lilha nfisha fl-idejn tal-Ħallieq u Feddej tagħha; hi tagħti ħajjitha biex tista’ tintrabat għal kollox mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib.  F’kelma waħda, il-martirju hu att kbir ta’ mħabba fi tweġiba għall-imħabba immensa ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, kif għidt nhar l-Erbgħa, x’aktarx li aħna m’aħniex imsejħin għall-martirju, imma lanqas wieħed biss minna m’hu eskluż mis-sejħa divina għall-qdusija, biex jilħaq l-ogħla livell ta’ ħajja Nisranija, u dan jitlob li nieħdu fuqna s-salib ta’ kuljum.  Ilkoll kemm aħna, speċjalment fi żmienna meta l-egoiżmu u l-individwaliżmu donnhom qed jirbħu, jeħtieġ li nagħmlu bħala l-impenn ewlieni u fundamentali tagħna d-dmir li nikbru ta’ kuljum fi mħabba ikbar lejn Alla u lejn ħutna, biex nibdlu ħajjitna u hekk nibdlu wkoll il-ħajja tad-dinja tagħna.  Bl-interċessjoni tal-Qaddisin u l-Martri, ejjew nitolbu lill-Mulej biex ikebbes lil qlubna biex insiru kapaċi nħobbu kif hu ħabb lil kull wieħed u waħda minna.

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard