Laikos

 

 

It-Teologu Joseph Ratzinger mal-Kardinal Frings waqt il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II

 

 

RIFLESSJONIJIET TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

IMXANDRA GĦALL-EWWEL DARBA

FL-OKKAŻJONI TAL-ĦAMSIN ANNIVERSARJU

MILL-FTUĦ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

 

Kienet ġurnata mill-isbaħ dik tal-11 ta’ Ottubru 1962 meta l-Konċilju Vatikan II fetaħ bil-purċissjoni solenni ta’ iktar minn elfejn Padri Konċiljari lejn il-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma.  Fl-1931, Piju XI kien iddedika dan il-jum lill-festa tal-Maternità Divina ta’ Marija, b’tifkira ta’ meta, elf u ħames mitt sena qabel, fl-431, il-Konċilju ta’ Efesu kienu għaraf solennement dan it-titlu għal Marija biex jesprimi l-għaqda indissolubbli ta’ Alla mal-bniedem fi Kristu.  Il-Papa Ġwanni XXIII kien għażel dan il-jum għall-ftuħ tal-Konċilju biex seta’ jafda din l-assemblea ekkleżjali kbira, li hu kien sejjaħ, fi ħdan it-tjieba materna ta’ Marija, u biex jankra b’mod sħiħ il-ħidma tal-Konċilju fil-misteru ta’ Ġesù Kristu.  Kienet ħaġa impressjonanti li fil-purċissjoni tal-bidu tilmaħ isqfijiet minn madwar id-dinja kollha, minn kull ġens u razza: xbieha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu li tħaddan lid-dinja kollha, li fiha l-ġnus tad-dinja jafu li huma magħquda fis-sliem tiegħu.

 

Kien mument ta’ stennija straordinarja.  Kellhom iseħħu ħwejjeġ kbar.  Il-Konċilji ta’ qabel kważi dejjem kienu ġew imsejħa biex jipprovdu tweġiba għal mistoqsija preċiża.  Din id-darba ma kien hemm l-ebda problema speċifika biex tissolva.  Imma propju minħabba f’dan, kien hemm jiġri fl-arja sens ġenerali ta’ stennija: il-Kristjaneżmu, li kien bena u għaġen lid-dinja tal-Punent, kull ma jmur kien donnu qed jitlef iżjed u iżjed il-kapaċità tiegħu li jifforma s-soċjetà.  Kien jidher għajjien u donnu l-futur kien sa jiġi ddeterminat minn qawwiet spiritwali oħra.  Dan is-sens ta’ telfa tal-preżent min-naħa tal-Kristjaneżmu, u tal-ħidma li kellha ssir minħabba f’hekk, ġie miġbur sew ħafna fil-kelma “aggiornamento” (tiġdid).  Il-Kristjaneżmu għandu jgħix il-preżent jekk irid ikun kapaċi jifforma l-futur.  Biex il-Knisja terġa’ tikseb il-qawwa li tifforma l-futur, Ġwanni XXIII kien qed isejjaħ il-Konċilju mingħajr ma jelenka għalih xi problemi jew programmi speċifiċi.  Dan kien il-kobor u fl-istess waqt l-iebes tal-missjoni proposta lill-assemblea ekkleżjali.

 

Bla dubju ta’ xejn, id-diversi isqfijiet resqu lejn din il-ġrajja kbira b’ideat differenti.  Xi wħud minnhom waslu b’attitudni pjuttost ta’ stennija dwar il-programm li kellu jiġi żviluppat.  Kienu l-isqfijiet ta’ l-Ewropa Ċentrali – il-Belġju, Franza u l-Ġermanja – li ħarġu bl-aktar ideat ċari.  F’materji ta’ ċertu dettall, huma għafsu fuq aspetti għal kollox differenti minn xulxin, imma fl-istess ħin kellhom prijoritajiet komuni.  Tema fundamentali kienet l-ekkleżjoloġija, li kien hemm bżonn tiġi studjata iktar fil-fond minn perspettiva Trinitarja u sagramentali u f’rabta ma’ l-istorja salvifika; imbagħad kien hemm ħtieġa li titwessa’ d-duttrina tal-primat ġejja mill-Konċilju Vatikan I billi jingħata aktar piż lill-ministeru episkopali.  Tema importanti għall-isqfijiet ta’ l-Ewropa Ċentrali kienet it-tiġdid liturġiku, li Piju XII kien diġà beda jwettaq.  Aspett ieħor ċentrali, speċjalment għall-isqfijiet Ġermaniżi, kien l-ekumeniżmu: l-esperjenza komuni tal-persekuzzjoni Nażista kienet qarrbet lejn xulxin lill-Insara Protestanti u Kattoliċi; dan issa kellu jseħħ fuq il-livell tal-Knisja kollha, u jiġi żviluppat iżjed.  Imbagħad kien hemm ukoll il-grupp ta’ temi: Rivelazzjoni – Skrittura – Tradizzjoni – Maġisteru.  Għall-Franċiżi, id-diskussjoni fuq it-tema tar-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja moderna saret iżjed urġenti – fi kliem ieħor, ix-xogħol fuq l-hekk imsejħa “Schema XIII”, li minnha ħarġet iktar tard il-Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum.  Dan il-punt imiss ma’ dak li realment kien mistenni mill-Konċilju.  Il-Knisja, li tul l-epoka Barokka kienet għadha, f’sens wiesa’, qed tifforma lid-dinja, mis-seklu dsatax ’il quddiem daħlet f’relazzjoni negattiva ma’ l-epoka moderna, li f’dak iż-żmien kienet għadha qed tibda.  Kellha tibqa’ hekk?  Setgħet il-Knisja ma tmiddx pass pożittiv fl-epoka l-ġdida?  Wara l-espressjoni vaga “id-dinja tal-lum” hemm il-kwistjoni tar-relazzjoni ma’ l-epoka moderna.  Biex din tiġi ċċarata, kien sa jkun hemm bżonn li jiġu definiti b’mod iżjed ċar il-fatturi essenzjali li jikkostitwixxu l-epoka moderna.  L-i“Schema XIII” dan ma rnexxilhiex tagħmlu.  Għalkemm il-Kostituzzjoni Pastorali esprimiet bosta elementi importanti biex wieħed jifhem id-“dinja” u tat kontribut siewi ħafna għall-kwistjoni ta’ l-etika Nisranija, ma rnexxilhiex toffri kjarifikazzjoni sostanzjali fuq dan il-punt.

 

Kontra dak li wieħed kien jistenna, il-laqgħa mat-temi kbar ta’ l-epoka moderna ma seħħitx fil-Kostituzzjoni Pastorali famuża, imma f’żewġ dokumenti iżgħar, li l-importanza tagħhom bil-mod il-mod ħarġet għad-dawl aktar ma beda jiġi aċċettat il-Konċilju.  L-ewwel, hemm id-Dikjarazzjoni fuq il-Libertà Reliġjuża, li ġiet mitluba b’urġenza, u mfassla wkoll, mill-isqfijiet Amerikani b’mod partikulari.  Bl-iżviluppi fil-ħsieb filosofiku u fil-modi kif wieħed jifhem l-Istat modern, id-duttrina tat-tollerenza kif kienet tfasslet b’mod dettaljat minn Piju XII ma kinitx għadha tidher suffiċjenti.  Hawn kienu f’riskju l-libertà li wieħed jagħżel u jipprattika r-reliġjon u l-libertà li jibdilha, bħala drittijiet u libertajiet fundamentali tal-bniedem.  Meta wieħed iqis il-fundament ġewwieni tagħha, għall-fidi Nisranija kunċett bħal dan ma setax ikun barrani, għax hi stess kienet twieldet fl-istqarrija li l-Istat la seta’ jiddeċiedi x’inhi l-verità u lanqas jimponi xi tip ta’ kult.  Il-fidi Nisranija kienet titlob li jkun hemm libertà ta’ twemmin reliġjuż u libertà ta’ prattika reliġjuża fil-kult, mingħajr ma wieħed ikun qed jikser il-liġi ta’ l-Istat fl-ordni intern tagħha; l-Insara kienu jitolbu għall-Imperatur, imma ma kinux iqimuh.  Għaldaqstant, jista’ jingħad li l-Kristjaneżmu, mat-twelid tiegħu, ta lid-dinja l-prinċipju tal-libertà reliġjuża.  Madankollu, fil-kuntest tal-ħsieb modern, l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt għal-libertà ma kinitx faċli, għax setgħet tidher bħallikieku l-verżjoni moderna tal-libertà reliġjuża kienet qed tippresupponi li l-verità m’hix aċċessibbli għall-bniedem u għalhekk, bil-fors, kienet qed tixħet lir-reliġjon fl-isfera tas-suġġettiv.  Żgur li kien providenzjali li tlettax-il sena wara l-għeluq tal-Konċilju, wasal il-Papa Ġwanni Pawlu II minn pajjiż fejn il-libertà reliġjuża kienet ġiet imċaħħda mill-Marksiżmu, fi kliem ieħor minn forma partikulari ta’ filosofija moderna ta’ l-Istat.  Donnu l-Papa kien mibgħut apposta minn qalb sitwazzjoni li f’ċertu sens kienet tixbah lil dik tal-Knisja tal-bidu, biex jara li l-orjentament intern tal-fidi lejn it-tema tal-libertà, u speċjalment il-libertà reliġjuża u tal-kult, terġa’ ssir viżibbli.

 

It-tieni dokument li kellu jkun importanti għal-laqgħa tal-Knisja ma’ l-epoka moderna twieled b’kumbinazzjoni u żviluppa f’diversi fażijiet.  Qed nirriferi għad-Dikjarazzjoni Nostra Ætate dwar ir-Relazzjoni tal-Knisja mar-Reliġjonijiet Mhux Insara.  Għall-bidu l-ħsieb kien li titfassal dikjarazzjoni fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Ġudaiżmu, test li kien sar intrinsikament meħtieġ wara l-orruri tax-Shoah.  Il-Padri Konċiljari mill-pajjiżi Għarab ma kinux kontra test bħal dan, imma spjegaw li jekk kien hemm il-ħsieb li jsir diskors dwar il-Ġudaiżmu, allura kellu jkun hemm ukoll diskors dwar l-Islam.  Aħna tal-Punent bil-mod bdejna nifhmu kemm kellhom raġun.  Fl-aħħar nett kiber l-għarfien li kien sew ukoll li wieħed jitkellem fuq żewġ reliġjonijiet kbar oħra – il-Ħinduiżmu u l-Buddiżmu – kif ukoll fuq it-tema tar-reliġjon b’mod ġenerali.  Imbagħad, kważi b’mod naturali, żdiedet indikazzjoni qasira dwar id-djalogu u l-kollaborazzjoni mar-reliġjonijiet, li l-valuri spiritwali, morali u soċjo-kulturali tagħhom kellhom jiġu rrispettati, imħarsa u mħeġġa (ibid., 2).  Għalhekk, f’dokument preċiż u straordinarjament voluminuż, għandna ppreżentata tema li l-importanza tagħha f’dak iż-żmien ma kinitx apprezzata biżżejjed.  Il-ħidma li titlob u l-isforzi li għadhom meħtieġa biex wieħed jiddistingwi, jiċċara u jifhem, il-lum qed jidhru iktar ċari minn qabel.  Fil-proċess attiv li tulu dan id-dokument straordinarju beda jiġi milqugħ, bil-mod il-mod ħareġ punt dgħajjef tat-test: dan jitkellem fuq ir-reliġjon biss b’mod pożittiv u jinjora l-forom morda u mgħawġa ta’ reliġjon li, minn perspettivi storiċi u teoloġiċi, huma ta’ importanza estensiva; għal din ir-raġuni l-fidi Nisranija, sa mill-bidu, adottat pożizzjoni kritika fil-konfront tar-reliġjon, kemm minn ġewwa u kemm minn barra.

 

Jekk fil-bidu tal-Konċilju l-gruppi dominanti kienu ta’ l-isqfijiet ta’ l-Ewropa Ċentrali flimkien mat-teologi tagħhom, matul is-sessjonijiet tal-Konċilju l-firxa tal-ħidma u r-responsabbiltajiet komuni bdiet kull ma jmur titwessa’.  L-isqfijiet bdew iqisu ruħhom bħal apprendisti fl-iskola ta’ l-Ispirtu s-Santu u fl-iskola tal-kollaborazzjoni reċiproka, imma fl-istess ħin bħala qaddejja tal-Kelma ta’ Alla li kienu qed jgħixu u jaħdmu fil-fidi.  Il-Padri Konċiljari la setgħu u lanqas xtaqu joħolqu Knisja ġdida jew differenti.  La kellhom is-setgħa u lanqas il-mandat li jagħmlu dan.  Kien biss fil-kapaċità tagħhom ta’ isqfijiet li issa kienu saru Padri Konċiljari b’vot u li setgħu jieħdu d-deċiżjonijiet, jiġifieri, fid-dawl tas-Sagrament u fil-Knisja tas-Sagrament.  Għal din ir-raġuni, la setgħu u lanqas riedu joħolqu fidi differenti jew Knisja ġdida, imma riedu biss jifhmu iktar fil-fond lil dawn it-tnejn, biex hekk tabilħaqq ikunu jistgħu “iġedduhom”.  Hu għalhekk li ermenewtika ta’ qtugħ hi assurda u tmur kontra l-ispirtu u r-rieda tal-Padri Konċiljari.

 

Fil-Kardinal Frings jien sibt “missier” li għex dan l-ispirtu tal-Konċilju b’mod tassew eżemplari.  Kien bniedem ta’ ħsieb miftuħ u libertà kbira, imma kien jaf ukoll li l-fidi waħidha tista’ toħroġna fil-beraħ, f’dak l-ispazju li jibqa’ magħluq għall-ispirtu pożittivist.  Din kienet il-fidi li hu ried jaqdi bl-awtorità li kien irċieva permezz tas-sagrament ta’ l-Ordinazzjoni Episkopali.  Ma nistax ħlief nibqa’ dejjem grat lejh li lili – l-iżgħar professur tal-Fakultà Teoloġika Kattolika ta’ l-Università ta’ Bonn – ġabni bħala l-konsulent tiegħu fl-assemblea kbira tal-Knisja, u hekk tani l-opportunità li, flimkien ma’ oħrajn, nattendi f’dik l-iskola u nimxi fit-triq tal-Konċilju minn ġewwa stess.  Dan il-volum jiġbor fih kollezzjoni tal-bosta kitbiet li jien ippreżentajt f’dik l-iskola.  Huma kontribuzzjonijiet frammentarji ħafna, li juru wkoll il-proċess ta’ tagħlim li fisser u għadu jfisser għalija l-Konċilju u l-mod kif ġie milqugħ.  Nittama li minkejja l-limitazzjonijiet kollha tagħhom, dawn il-kontribuzzjonijiet, ippreżentati flimkien, jistgħu jgħinu biex nifhmu aħjar il-Konċilju u nwettquh f’ħajja ekkleżjali b’saħħitha.  Mill-qalb irrodd ħajr lill-Arċisqof Gerhard Ludwig Müller u l-kollaboraturi tiegħu fl-Istitut tal-Papa Benedittu XVI għall-impenn straordinarju tagħhom biex ipproduċew dan il-volum.

 

Kastell Gandolfo, nhar il-Festa ta’ San Ewsebju, Isqof ta’ Vercelli, 2 ta’ Awwissu 2012.

 

BENEDITTU XVI

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard