Mil-Papa Benedittu XVI ...


Ittra  Appostolika
MOTU PROPRIO DATA

PORTA FIDEI

tal-Papa Benedittu XVI

 

Indizzjoni għas-Sena tal-Fidi

 

1. Il-“bieb tal-fidi” (Atti 14:27)  hu dejjem miftuħ għalina biex iwassalna għall-ħajja ta’ komunjoni ma’ Alla u joffrilna d-daħla fil-Knisja tiegħu.  Dan il-pass inkunu nistgħu nagħmluh  meta titħabbrilna l-Kelma u nħallu l-grazzja tibdilna u tiffurmana. Nidħlu minn dak il-bieb  ifisser li nibdew vjaġġ li jdum ħajjitna kollha. Dan il-vjaġġ jibda bil-Magħmudija (ara Rum 6:4) li permezz tagħha nistgħu  nsejħu lil Alla Missierna, u jintemm billi ngħaddu minn din il-ħajja għall-ħajja ta’ dejjem, frott tal-qawmien mill-mewt tal-Mulej Ġesù, li  bid-don tal-Ispirtu s-Santu jsieħeb miegħu fil-glorja lil dawk li jemmnu fih (ara Ġw 17:22). Tistqarr il-fidi fit-Trinità – Missier, Iben u Spirtu s-Santu – ifisser li temmen f’Alla wieħed li hu Mħabba (Ara 1 Ġw 4:8):  il-Missier, li fil-milja taż-żmien bagħat lil Ibnu għas-salvazzjoni tagħna, Ġesù Kristu, li bil-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu feda lid-dinja, l-Ispirtu s-Santu, li jmexxi l-Knisja matul iż-żmenijiet waqt li  nistennew lill-Mulej li jerġa’ jiġi fil-glorja.

2. Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru, tkellimt dwar il-ħtieġa li niskopru mill-ġdid il-vjaġġ tal-fidi sabiex  niddawlu aktar dwar il-ferħ u l-entużjażmu ġdid  li nħossu meta niltaqgħu ma’ Kristu. Fl-omelija li għamilt fil-Quddiesa tal-bidu tal-Pontifikat tiegħi għidt: “Il-Knisja kollha kemm hi u r-Rgħajja kollha tagħha, bħal Kristu, trid tagħmel ħilitha biex tmexxi ’l-poplu barra mid-deżert u twasslu lejn il-post tal-ħajja, lejn il-ħbiberija mal-Iben t’Alla, lejn Dak  li jagħti l-ħajja u jagħtiha b’abbundanza”. [1]. Ħafna drabi jiġri li l-Insara jitħassbu ħafna dwar il-konsegwenzi soċjali, kulturali u politiċi tal-impenn tagħhom fil-waqt li jkomplu jassumu li hu evidenti li l-fidi  tagħmel parti mill-ħajja tas-soċjetà. Fir-realtà, mhux biss ma nistgħux nassumuh dan, imma ħafna drabi  hu miċħud apertament. [2]  Fil-waqt li fl-imgħoddi wieħed seta’ jilmaħ forma kulturali waħdanija, li ħafna kienu jaċċettaw is-sejħa tagħha għall-fidi u għall-valuri ispirati minnha, illum dan donnu m’għadux il-każ f’ħafna partijiet tas-soċjetà, minħabba kriżi profonda ta’ fidi li affettwat  lil ħafna nies.

3. Ma nistgħux inħallu l-melħ isir bla togħma jew li d-dawl jinħeba (ara Mt 5:13-16).  Il-bnedmin tallum għadhom jistgħu jħossu l-bżonn li jmorru ħdejn il-bir bħalma għamlet il-mara Samaritana biex jisimgħu lil Ġesù  jistedinhom jemmnu fih u  jieħdu mill-ilma ħaj li joħroġ minnu (ara Ġw 4:14). Jeħtieġ  niskopru mill-ġdid it-togħma tal-Kelma t’Alla li l-Knisja twasslilna b’fedeltà  u mmantnu ruħna bil-Kelma tal-ħajja, li Ġesù offra lid-dixxipli tiegħu  biex isostnihom (ara Ġw 6:51). Tabilħqq, anki llum dak li għallem Ġesù għadu jinstema’ bl-istess qawwa: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27). Il-mistoqsija li għamlulu dawk li kienu qed jisimgħuh hi l-istess waħda li nagħmlu aħna llum: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri t’Alla?” (Ġw 6:28). Nafu x’kienet it-tweġiba ta’ Ġesù: “L-opra t’Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat” (Ġw 6:29). Mela, it-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu hi t-triq li żgur twassalna għas-salvazzjoni.

4.  Fid-dawl ta’ dan kollu, iddeċidejt li nħabbar Sena ta’ Fidi. Din tibda fil-11 ta’ Ottubru 2012, fil-ħamsin anniversarju tal-bidu tal-Konċilju Vatikan II u tintemm fl-24 ta’ Novembru 2013, fis-solennità ta’ Ġesù Kristu Sidna, is-Sultan tal-Univers. Id-data tal-bidu – 11 ta’ Ottubru 2012 – taħbat ukoll id-data tal-għoxrin anniversarju tal-pubblikazzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, imniedi mill-Predeċessur tiegħi, il-Beatu Ġwanni Pawlu II, [3] li ried juri lill-fidili kollha l-qawwa u l-ġmiel tal-fidi. Dan id-dokument,  frott awtentiku tal-Konċilju Vatikan II, kien mitlub mis-Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet fl-1985 biex ikun għodda fil-qadi tal-katekżi.[4] u sar f’kollaborazzjoni mal-isqfijiet kollha tal-Knisja Kattolika. Barra minn hekk, is-suġġett għall-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet li ser issir f’Ottubru 2012 hu “L-Evanġelizzazzjoni ġdida għat-Tixrid tal-Fidi Nisranija”. Din ser tkun opportunità li tgħin il-Knisja  biex  tagħmel żmien ta’ riflessjoni  u tiskopri mill-ġdid il-fidi. Mhijiex l-ewwel darba li l-Knisja ġiet imsejħa biex tiċċelebra Sena ta’ Fidi. Il-venerabbli Predeċessur tiegħi, is-Serv t’Alla, il-Papa Pawlu VI kien sejjaħ Sena ta’ Fidi fl-1967 biex jikkommemora l-martirju ta’ San Pietru u San Pawl, fid-dsatax-il ċentinarju tal-att suprem tax-xhieda li taw. Ra li dan  kellu jkun mument solenni li fih il-Knisja kollha tagħmel “stqarrija awtentika u sinċiera tal-istess fidi”. Barra minn hekk, hu ried li  din l-istqarrija  tkun ikkonfermata b’mod “individwali u kollettiv, ħielsa u konxja, minn barra u minn ġewwa, umli u sinċiera”. [5] Ħaseb li b’dan il-mod il-Knisja kollha setgħet  tikseb mill-ġdid “l-għarfien preċiż tal-fidi biex issaħħaħha, issaffiha, tikkonfermaha, u tistqarrha”. [6] It-taħwid kbir li kien hemm matul dik is-sena wera b’mod aktar ċar il-ħtieġa ta’ ċelebrazzjoni ta’ dik ix-xorta. Intemmet bil-Kredu tal-Poplu t’Alla, [7] bl-intenzjoni li jkun  ikkonfermat, mifhum u esplorat mill-ġdid il-kontenut essenzjali li għal sekli sħaħ ifforma l-wirt ta’ dawk kollha li jemmnu, sabiex dan ikompli jagħti xhieda f’ċirkustanzi storiċi differenti ħafna minn dawk tal-passat.

5. F’ċerti aspetti, il-venerabbli predeċessur tiegħi ra din is-Sena bħala “konsegwenza u bżonn għaż-żmien ta’ wara l-Konċilju”, [8] fil-waqt li kien jaf sew bid-diffikultajiet serji ta’ dak iż-żmien, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-istqarrija tal-fidi vera u tal-interpretazzjoni tagħha.  Deherli li l-fatt li s-Sena tal-Fidi ser tkun fl-istess żmien li fih inkunu qed infakkru l-ħamsin anniversarju mill-bidu tal-Konċilju Vatikan II, jipprovdilna opportunità tajba biex ngħinu lin-nies jifhmu li, kif kien jgħid il-Beatu Ġwann Pawlu II, it-testi li ħallewlna l-Padri Konċiljari, “ma tilfu xejn mill-valur u l-ġmiel tagħhom”. Jeħtieġ li jinqraw b’mod korrett, li jkunu magħrufa u li wieħed jgħożżhom bħala kitba importanti u normattiva tal-Maġisteru, fit-Tradizzjoni tal-Knisja…. Inħossni fid-dmir aktar minn qatt qabel li nuri l-Konċilju bħala grazzja kbira mogħtija lill-Knisja tas-seklu għoxrin: fihom insibu l-boxxla li turina x’direzzjoni għandna nieħdu f’dan is-seklu li qed jibda.” [9] Nixtieq ukoll nisħaq b’mod qawwi fuq dak li  għidt dwar il-Konċilju ftit xhur wara l-elezzjoni tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru: “Jekk ninterpretawh u nwettquh iggwidati minn ermanewtika ġusta, dan jista’ jkollu  l-qawwa li dejjem aktar hi meħtieġa għat-tiġdid  kontinwu tal-Knisja” [10]

6.  It-tiġdid tal-Knisja jseħħ ukoll permezz tax-xhieda li jagħtu b’ħajjithom dawk li jemmnu: bl-istess eżistenza tagħhom fid-dinja, l-Insara huma msejħa biex jirradjaw il-kelma tal-verità li ħalliena Ġesù. Fil-Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, il-Konċilju stess jgħid: Meta “Kristu, ‘qaddis, innoċenti u safi’ (Lhud 7:26) ma kienx jaf xinhu dnub (ara 2 Kor 5:21), u ġie biss biex ipatti għad-dnubiet tal-poplu (ara Lhud  2:17), il-Knisja, li għandha fi ħdanha wkoll il-midinbin, li hi qaddisa iżda fl-istess ħin dejjem hi fi ħtieġa ta’ purifikazzjoni, qatt ma tehda tagħmel penitenza u ġġedded lilha nnifisha. Il-Knisja ‘bħal wieħed f’art barranija, tkompli l-mixja tagħha fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet t’Alla’,  u tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi  (ara 1 Kor 11:26).  Mill-qawwa ta’ Kristu Rxoxt hija ssib il-forza biex bis-sabar u bl-imħabba tirbaħ it-tiġrib u d-diffikultajiet li jiġuha minn barra u minn ġewwa u biex tirrivela lid-dinja bil-fedeltà, ukoll fost id-dellijiet, il-misteru tiegħu sakemm  fl-aħħar taż-żminijiet huwa juri ruħu fil-milja tad-dawl tiegħu.” [11]

 Jekk inħarsu lejn is-Sena tal-Fidi f’dan id-dawl, naraw li hi sejħa biex mill-ġdid nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu, il-Feddej waħdieni tad-dinja. Fil-misteru tal-mewt u l-qawmien, Alla rrivela l-milja tal-Imħabba li tifdina u ssejħilna għal ħajja ta’ konverżjoni permezz tal-maħfra tad-dnubiet (ara Atti 5:31). San Pawl jgħid li din l-Imħabba ddaħħalna f’ħajja ġdida:  “Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6:4). Permezz tal-fidi, din il-ħajja ġdida ssawwar il-ħajja kollha kemm hi tal-bniedem skont ir-realtà radikali  tal-qawmien. Aktar ma jkun hemm koperazzjoni ħielsa, aktar jissaffaw u jinbidlu bil-mod il-ħsibijiet u l-imħabbiet tal-bniedem, il-mentalità u l-imġiba tiegħu  fil-vjaġġ li qatt ma jintemm b’mod sħiħ f’din il-ħajja. “Il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6),  issir il-kriterju ġdid tal-fehma u l-għemil li jibdel il-ħajja tal-bniedem kollha kemm hi. (ara Rum 12:2; Kol 3:9-10; Ef 4:20-29; 2 Kor 5:17).

7. “Caritas Christi urget nos” (2 Kor 5:14): hi l-imħabba ta’ Kristu li timla lil qlubna u tqanqalna biex nevanġelizzaw. Illum bħal fl-imgħoddi hu jibgħatna fit-toroq tad-dinja biex inxandru l-Evanġelju tiegħu lill-ġnus kollha tal-art (ara Mt 28:19). B’imħabbtu, Ġesù Kristu jiġbed lejh nies ta’ kull ġenerazzjoni: f’kull żmien hu jsejjaħ lill-Knisja u b’mandat li hu dejjem ġdid jafdalha f’idejha x-xandir tal-Evanġelju. Anki llum tinħass il-ħtieġa għal impenn ekkleżjali aktar qawwi, għal evanġelizzazzjoni ġdida sabiex wieħed jiskopri mill-ġdid il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex jikkomunikaha lill-oħrajn. Meta jum wara l-ieħor dawk li jemmnu jiskopru mill-ġdid imħabbtu,  l-impenn missjunarju tagħhom jikseb qawwa u ħeġġa li qatt ma jidbielu. Il-fidi tikber meta ngħixuha bħala esperjenza tal-imħabba li rċevejna u meta nikkomunikawha bħala esperjenza ta’ grazzja u ferħ. Hi twassalna biex nagħtu l-frott, għax twessa’ ’l qlubna bit-tama u tagħmilna kapaċi nagħtu xhieda li tagħti l-ħajja: tiftaħ il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jisimgħu u jwieġbu għall-istedina tal-Mulej biex jisimgħu kelmtu u jsiru dixxipli tiegħu. Kif jgħidilna Santu Wistin: “Dawk li jemmnu jsaħħu lilhom infushom billi jemmnu”.  [12] L-Isqof qaddis ta’ Hippo kellu  għalfejn jesprimi ruħu b’dan il-mod. Kif nafu, hu għadda ħajtu jfittex il-ġmiel tal-fidi saż-żmien meta ħajtu sabet il-mistieħ fil-Mulej.  [13]  Il-kitba estensiva tiegħu, li fiha jfisser l-importanza tat-twemmin u l-verità tal-fidi, hi wirt ta’ ġid liema bħalu, anki llum u tgħin lil ħafna li qed ifittxu lil Alla biex isibu t-triq li twassal għall-“bieb tal-fidi”. 

Mela, il-fidi tikber u tissaħħaħ  biss billi nemmnu; ma hemmx possibbiltà oħra biex inkunu ċerti  għajr dik li nintelqu dejjem aktar f’idejn dik l-imħabba li dejjem tikber għax l-għajn tagħha huwa Alla.

8. F’din il-ġrajja ta’ ferħ, bi ħsiebni nistieden lil sħabi Isqfijiet tad-dinja kollha biex jingħaqdu mas-Suċċessur ta’ Pietru, fiż-żmien ta’ grazzja spiritwali li l-Mulej qed joffrilna, biex infakkru d-don prezzjuż tal-fidi tagħna. Nixtiequ niċċelebraw din is-Sena b’mod xieraq u li jħalli l-frott. Irridu nżidu r-riflessjoni tagħna fuq il-fidi biex ngħinu lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu aktar konxji mit-twemmin tagħhom fl-Evanġelju u jkomplu jsaħħuh,  l-aktar f’dan iż-żmien ta’ tibdil profond li bħalissa l-umanità għaddejja minnu. Se jkollna l-opportunità li nistqarru l-fidi tagħna fil-Mulej Irxoxt fil-Kattidrali u l-knejjes tad-dinja kollha, fid-djar  u mal-familji tagħna, biex kulħadd iħoss b’mod qawwi l-ħtieġa li jsir jaf aħjar u  jwassal il-fidi ta’ dejjem lill-ġenerazzjonijiet futuri.  Matul din is-sena, il-komunitajiet reliġjużi kif ukoll dawk parrokkjali, u r-realtajiet ekkleżjali antiki u ġodda,   għandhom isibu mod kif jagħmlu l-istqarrija pubblika tal-Kredu.

9. Nixtiequ li din is-Sena tqanqal f’kull min jemmen ix-xewqa kbira li jistqarr il-fidi tiegħu b’mod sħiħ u b’konvinzjoni mġedda, b’fiduċja u tama. Din se tkun ukoll okkażjoni f’waqtha biex inżidu ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi fil-liturġija u b’mod partikulari fl-Ewkaristija, li hi “il-quċċata li lejha tħares il-Knisja u fl-istess waqt hi l-għajn li minnha tieħu l-enerġija kollha tagħha” [14]. Fl-istess ħin, nixtiequ b’qalbna kollha li x-xhieda tal-ħajja ta’ kull min jemmen tikber u ssir aktar kredibbli. Kull min jemmen għandu jiskopri mill-ġdid il-kontenut tal-fidi li jistqarr, jiċċelebra, jgħix u jitlob [15]. Dan hu impenn li kull min jemmen irid jagħmlu tiegħu, speċjalment f’din is-Sena.

Mhux ta’ b’xejn li fl-ewwel sekli l-insara kienu mistennija li jitgħallmu l-Kredu bl-amment. Dan kien iservihom bħala talba ta’ kuljum biex ma jinsewx l-impenn li ħadu fil-Magħmudija. Santu Wistin ifakkarna f’dan bi kliem mimli tifsir meta f’Omelija fuq ir-redditio symboli, dwar it-talba tal-Kredu jgħid: “Is-simbolu tal-misteru qaddis li rċevejtu lkoll flimkien u li llum kull wieħed minnkom stqarr, hu kliem li fuqu hi mibnija l-fidi ta’ Ommna l-Knisja fuq il-pedament sod li hu Kristu l-Mulej... Intom irċevejtuh u lqajtuh, imma tridu żżommuh dejjem f’moħħkom u f’qalbkom, tridu ttennuh f’sodditkom, taħsbu fuqu fil-pjazez u ma tinsewhx intom u tieklu: u anki meta l-ġisem ikun rieqed, tridu tishru fih b’qalkom” [16].

10. Issa nixtieq nuri triq li tista’ tgħinna nifhmu b’aktar profondità mhux biss x’fiha l-fidi tagħna, imma wkoll dak l-att li bih niddeċiedu li nafdaw ruħna bi sħiħ f’Alla, b’libertà sħiħa. Infatti teżisti għaqda qawwija bejn l-att li bih temmen u l-kontenut li naqblu fuqu. L-appostlu Pawlu iħallina nidħlu ’l ġewwa f’din ir-realtà meta jikteb: “Wieħed jemmen ... f’qalbu... u jistqarr b’xufftejh” (Rum 10, 10). Il-qalb turi li l-ewwel att li bih naslu għall-fidi hu don t’Alla u azzjoni tal-grazzja li taħdem u tibdel il-bniedem mill-qiegħ.

L-eżempju ta’ Lidja jgħidilna ħafna dwar dan.  San Luqa jirrakkonta li  meta Pawlu   mar  Filippi, f’jum tas-Sibt  ħabbar l-Evanġelju lil xi nisa; fosthom kien hemm Lidja u l-“Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu” (Atti 16, 14). Din l-espressjoni hi importanti ħafna. San Luqa qed  jgħallem li mhux biżżejjed inkunu nafu l-kuntenut ta’ dak li rridu nemmnu,  imma li qalbna -  fejn jinsabu l-affarijiet l-aktar għeżież għalina - trid tkun miftuħa għall-grazzja biex inkunu nistgħu nidħlu fil-fond u nifhmu li dak li tħabbar lilna hu Kelma t’Alla.

Min-naħa l-oħra, l-istqarrija bil-fomm  turi li l-fidi titlob xhieda u impenn fil-pubbliku. In-nisrani qatt ma għandu jaħseb li t-twemmin hu xi ħaġa privata. Il-fidi hi deċiżjoni li noqogħdu mal-Mulej biex ngħixu miegħU. U li “noqogħdu miegħU” hu mezz biex nifhmu dawk ir-raġunijiet li bihom nemmnu. Il-fidi, propju għax hi att tal-libertà tagħna, titlob ukoll responsabbiltà soċjali dwar dak li wieħed jemmen fih. Fil-jum ta’ Pentekoste l-Knisja turi biċ-ċar din id-dimensjoni pubblika ta’ meta wieħed jemmen u jħabbar bla ebda biża’ l-fidi tiegħu lill-bnedmin kollha. Hi don tal-Ispirtu s-Santu li biha nkunu nistgħu naqdu l-missjoni tagħna u b’hekk tissaħħaħ ix-xhieda tagħna, li ssir waħda libera u kuraġġuża.

L-istqarrija tal-fidi hi att personali u komunitarju fl-istess ħin. Infatti, il-Knisja hi l-ewwel suġġett tal-fidi. Il-fidi tal-Komunità nisranija twassal  biex  kull wieħed   jirċievi l-Magħmudija, sinjal effikaċi tad-dħul fil-ġemgħa ta’ dawk li jemmnu fis-salvazzjoni. Kif insibu fil- Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “«Jiena nemmen»; hi l-fidi tal-Knisja li jistqarr personalment kull min jemmen, prinċipalment fil-Magħmudija tiegħu. «Aħna nemmnu». Hi l-fidi tal-Knisja kif stqarrewha l-Isqfijiet  fil-Konċilju, u b’mod aktar ġenerali, kif tistqarrha l-ġemgħa liturġika ta’ dawk li jemmnu. «Jiena nemmen»: hi l-Knisja Ommna wkoll li twieġeb bil-fidi tagħha lil Alla u li tgħallimna ngħidu «Jiena nemmen», «Aħna nemmnu»” [17].

Kif nistgħu nindunaw, hu essenzjali li nkunu nafu xinhu dak li nemmnu fih biex inkunu nistgħu nagħtu l-kunsens tagħna, jiġifieri biex naderixxu b’mod sħiħ bl-intelliġenza u r-rieda ma’ dak li l-Knisja tipproponielna. L-għerf tal-fidi jdaħħalna fil-misteru salvifiku sħiħ li Alla wriena. Il-kunsens tagħna jimplika għalhekk li, meta nemmnu, aħna naċċettaw għax irridu l-misteru sħiħ tal-fidi, għaliex il-garanzija tas-sewwa tiegħu hu Alla li jurina lilu nnifsu u jippermettilna li nsiru nafu bil-misteru tiegħu ta’ mħabba [18].

Min-naħa l-oħra, ma nistgħux ninsew li fil-kuntest kulturali tagħna hemm bosta nies, li għalkemm ma jikklejmjawx li għandhom id-don tal-fidi, imma qed ifittxu sinċerament is-sens aħħari u l-verità definittiva  dwar l-eżistenza tagħhom u d-dinja. Din ir-riċerka hi d-daħla awtentika għall-fidi, għax tmexxi n-nies lejn it-triq li tagħti għall-misteru t’Alla. Infatti l-istess raġuni tal-bniedem twasslu  biex iħoss il-bżonn li jkun jaf “dak li tassew jgħodd u li jibqa’ għal dejjem” [19].  Dan il-bżonn hu stedina dejjiema,  miktuba fil-qalb tal-bniedem u ma tistax titħassar, biex hu jimxi fit-triq li fiha jsib lil Dak li ma konniex infittxuh li kieku ma kienx ġa ġie jiltaqa’ magħna [20]. Il-fidi tistedinna u tiftħilna beraħ l-istedina għal din il-laqgħa.

11. Biex nidħlu f’dan it-tagħrif sistematiku tal-kontenut tal-fidi tagħna, ikoll nistgħu nsibu għajnuna prezzjuża u indispensabbli fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.  Dan huwa wieħed mill-frott l-aktar importanti tal-Konċilju Vatikan II. Fil-Kostituzzjoni Appostolika Fidei depositum,  li mhux b’kumbinazzjoni kienet  iffirmata  fit-tletin anniversarju mill-ftuħ  tal-Konċilju Vatikan II, il-Beatu Ġwanni Pawlu II kiteb hekk: “Dan il-Katekiżmu se jagħti kontribut importanti ħafna lill-opra ta’ tiġdid tal-ħajja tal-Knisja...  Niddikjara li hu għodda valida u leġittima fil-qadi tal-komunjoni ekkleżjali u  regola żgura għat-tagħlim tal-fidi” [21].

 Dan jurina li s-Sena tal-fidi għandha  tkun għalina lkoll impenn  biex nerġgħu niskopru u nistudjaw il-kontenut fundamentali tal-fidi li nsibuh miġbur b’mod sistematiku u organiku fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.   Infatti fih insibu r-rikkezza tat-tagħlim li l-Knisja laqgħet, ħarset u offriet matul l-elfejn sena ta’ storja tagħha. Mill-Iskrittura sa Missirijiet il-Knisja, mill-Għalliema tat-teoloġija sal-Qaddisin li għexu matul is-sekli, il-Katekiżmu joffri tifkira dejjiema tal-ħafna suriet  li bihom il-Knisja mmeditat il-fidi u mxiet ’il quddiem fid-duttrina tagħha biex tagħti ċertezza lil min jemmen fil-ħajja tiegħu ta’ fidi.

Fl-istess struttura tiegħu, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jippreżenta l-iżvilupp tal-fidi sa ma jasal għat-temi l-kbar tal-ħajja ta’ kuljum. Paġna wara l-oħra niskopru li dak li hemm ippreżentat fih mhuwiex xi teorija, imma l-laqgħa ma’ Persuna li tgħix fil-Knisja. Infatti, wara l-istqarrija tal-fidi tiġi t-tifsira tal-ħajja tas-sagramenti,  fejn  Kristu hu preżenti, jaħdem u jkompli jibni l-Knisja tiegħu. Mingħajr il-liturġija u s-Sagramenti, l-istqarrija tal-fidi ma tkunx effikaċi, għaliex tkun nieqsa l-grazzja li tgħin ix-xhieda tal-insara. Fuq l-istess linja, it-tagħlim tal-Katekiżmu  dwar  il-ħajja morali jikseb it-tifsira kollha tiegħu jekk jitqiegħed f’rabta mal-fidi, mal-liturġija u t-talb.

12.  Għalhekk, din is-Sena l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jista’ jkun għodda  tassew biex jgħin il-fidi, għodda speċjalment  għal dawk li għandhom għal qalbhom il-formazzjoni tal-insara, li  tant hi importanti  fil-kuntest kulturali tagħna. Għal dan il-għan, stedint lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, biex flimkien mad-Dikasteri kompetenti tas-Santa Sede, jfasslu Nota li biha noffru lill-Knisja u lil min jemmen xi indikazzjonijiet  ħalli nkunu nistgħu ngħixu din is-Sena tal-fidi bl-aktar mod effikaċi u xieraq, b’servizz għat-twemmin u għax-xandir tal-Evanġelju.

Infatti llum aktar minn qatt qabel il-fidi għaddejja minn sensiela ta’ mistoqsijiet  ġejjin minn mentalità li nbidlet u li qed tqis il-kisbiet fil-qasam xjentifiku u teknoloġiku bħala ċertezzi tar-raġuni. Madankollu l-Knisja qatt ma beżgħet turi li bejn il-fidi u x-xjenza awtentika qatt ma jista’ jkun hemm konflitt għaliex it-tnejn li huma, anki jekk minn toroq differenti, il-mira tagħhom hi li jaslu għall-verità [22].

13. Matul din is-Sena huwa importanti ħafna li nerġgħu ngħaddu mit-triq tal-fidi tagħna, li fiha nsibu l-misteru kbir tan-nisġa bejn il-qdusija u d-dnub. Filwaqt li l-qdusija turi biċ-ċar is-sehem kbir li rġiel u nisa offrew b’risq it-tkabbir u l-iżvilupp tal-komunità bix-xhieda ta’ ħajjithom, id-dnub għandu jqanqal fina  konverżjoni sinċiera u dejjiema biex nagħmlu esperjenza tal-ħniena tal-Missier li jagħti l-għajnuna tiegħu lil kulħadd.

 Matul dan iż-żmien jeħtiġilna nżommu ħarsitna tagħna fuq Ġesù Kristu, “li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna” (Lhud 12, 2): fih jintemm kull qtiegħ il-qalb u kull xewqa  fil-qalb tal-bniedem. Il-ferħ tal-imħabba, it-tweġiba għan-niket tat-tbatija u l-uġigħ, il-qawwa tal-maħfra quddiem il-weġgħat li nirċievu u r-rebħa tal-ħajja quddiem il-vojt tal-mewt, dan kollu jsib it-tmiem tiegħu fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, fiH li sar bniedem, qasam magħna l-miżerja umana u bidilha  bil-qawwa tal-Qawmien tiegħu. Fih, li miet u rxoxta biex isalvana, l-eżempji tal-fidi li mmarkaw dawn l-elfejn sena tal-istorja tas-salvazzjoni tagħna jsibu dawl sħiħ.

 Il-fidi wasslet lil Marija  biex tilqa’ l-kelma tal-Anġlu u temmen li kienet se ssir Omm Alla billi tkun il-qaddejja tal-Mulej (ara Lq 1, 38). Meta marret iżżur lil Eliżabetta, hi għamlet għanja ta’ tifħir lil Alla l-għoli għall-affarijiet tal-għaġeb li jseħħu f’min jafda fiH (ara Lq 1, 46-55). B’ferħ u tregħid welldet l-Iben il-waħdieni tagħha u baqgħet verġni (ara Lq 2, 6-7). Fdat f’Ġużeppi l-għarus tagħha u ħadet lil Ġesù l-Eġittu biex tħarsu mill-persekuzzjoni ta’ Erodi (ara Mt 2, 13-15). Bl-istess fidi hi mxiet wara l-Mulej fil-predikazzjoni tiegħu u baqgħet miegħU sal-Golgota (ara Ġw 19, 25-27). Bil-fidi Marija daqet il-frott bnin tal-qawmien ta’ Ġesù u, filwaqt li kienet tgħożż kull ħaġa f’qalbha (ara Lq 2,19.51), għaddietha lit-Tnax li kienu magħha fiċ-Ċenaklu biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu (ara At 1,14; 2,1-4).

 Bil-ħila tal-fidi tagħhom l-Appostli ħallew kollox warajhom biex jimxu wara l-Imgħallem (ara Mk 10,28). Huma emmnu fil-kliem li bih ħabbar li s-Saltna t’Alla  waslet u li twettqet fil-persuna tiegħu (ara Lq 11,20). Huma għexu ilkoll flimkien ħaġa waħda mal-ħajja ta’ Ġesù li kien jgħaddilhom it-tagħlim tiegħu u li ħallielhom regola ġdida ta’ ħajja li biha wara mewtu kellhom jingħarfu bħala dixxipli (ara Ġw 13,34-35). Bil-ħila tal-fidi marru fid-dinja kollha, u wasslu l-Evanġelju lil kull bniedem (ara Mk 16,15) u, bla ebda biża’ ta’ xejn, ħabbru lil kulħadd il-ferħ tal-qawmien mill-mewt li tiegħu kienu xhieda fidili.

Bil-ħila tal-fidi d-dixxipli ffurmaw l-ewwel komunità miġbura madwar it-tagħlim tal-Appostli, fit-talb, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, fil-qsim ta’ kull ma kellhom biex jagħmlu tajjeb għall-bżonnijiet tal-aħwa (ara At 2,42-47).

Bil-ħila tal-fidi  l-martri taw ħajjithom biex jixhdu għall-verità tal-Evanġelju li kien bidlilhom ħajjithom u  tahom il-ħila jagħtu l-akbar don tal-imħabba billi ħafru lil min ippersegwithom.

Bil-ħila tal-fidi rġiel u nisa kkonsagraw ħajjithom lil Kristu billi ħallew kollox biex jgħixu, fis-sempliċità tal-Evanġelju, l-ubbidjenza, il-faqar u s-safa, li huma sinjali konkreti tal-istennija tal-Mulej li dalwaqt jasal. Bil-ħila tal-fidi  ħafna nsara wegħdu li jaħdmu b’risq il-ġustizzja biex jgħixu f’ħajjithom il-kelma tal-Mulej, li ġie biex iħabbar il-ħelsien mill-jasar u sena ta’ grazzja għal kulħadd (ara Lq 4,18-19).

Bil-ħila tal-fidi tagħhom, matul is-sekli, irġiel u nisa ta’ kull età, li isimhom jinsab miktub fil-Ktieb tal-ħajja (ara Ap 7,9; 13,8), stqarrew is-sbuħija tal-mixja wara l-Mulej Ġesù kull meta kienu jissejħu biex jagħtu xhieda tat-twemmin nisrani tagħhom: fil-familja, fil-professjoni, fil-ħajja pubblika, fil-qadi tal-kariżmi u ministerji li għalihom kienu msejħin.

Aħna wkoll ngħixu bil-ħila tal-fidi: billi nagħrfu b’mod ħaj lill-Mulej Ġesù, li jinsab preżenti f’ħajjitna u fl-istorja.

14. Is-Sena tal-fidi se tkun ukoll okkażjoni f’waqtha biex inqawwu x-xhieda tagħna tal-imħabba. San Pawl ifakkarna: “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!” (1Kor 13,13). Bi kliem aktar qawwi – li minn dejjem jimpenja l-insara – l-appostlu San Ġakbu jistqarr: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fil-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ikunu għarwenin u neqsin mill-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnhom jgħidilhom: «Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu», bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta. Imma xi ħadd jista’ jgħid: «Inti għandek il-fidi u jiena l-għemil». Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jiena nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi” (Ġk 2,14-18).

Il-fidi mingħajr imħabba ma tagħtix frott u l-imħabba mingħajr fidi tkun bħal sentiment għaddej il-ħin kollu mid-dubju. Fidi u mħabba huma meħtieġa t-tnejn, għax waħda tippermetti lill-oħra  twettaq il-mixja tagħha. Infatti mhumiex ftit l-insara li jiddedikaw ħajjithom b’imħabba għal min jinsab waħdu, imwarrab jew eskluż bħallikieku dan kien l-unika persuna u l-aktar persuna importanti li teħtieġ l-għajnuna tagħhom, għax fiha huma jaraw l-istess wiċċ ta’ Kristu. Grazzi għall-fidi nistgħu nagħrfu f’kull min jitlob imħabbitna wiċċ il-Mulej irxoxt. “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). Dan kliemu huwa twissija li ma rridux ninsewha u  stedina dejjiema biex nagħtu lura dik l-imħabba li biha Hu jieħu ħsiebna. Hija l-fidi li biha nistgħu nagħrfu ’l Kristu u mħabbtu li tħeġġiġna ngħinuh kull darba li hu jsir proxxmu  fil-mixja ta’ ħajjitna. Imqawwijin mill-fidi, ejjew inħarsu b’tama lejn l-impenn tagħna fid-dinja, u nistennew “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja” (2Pt 3,13; ara Ap 21,1).

15. Meta wasal fi tmiem ħajtu, l-appostlu Pawlu talab lid-dixxiplu Timotju biex “ifittex il-fidi” (ara 2Tm 2,22) bla qatt ma jieqaf bħal meta kien żgħażugħ (cfr 2Tm 3,15). Din l-istedina nisimgħuha tasal għand kull wieħed minna, biex ħadd ma jitgħażżen fil-fidi. Hi takkumpanjana f’ħajjitna u biha nkunu nistgħu nagħrfu b’ħarsa dejjem imġedda lejn l-għeġubijiet li Alla jagħmel għalina. Għandna noqogħdu attenti biex nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet fil-ġrajjiet ta’ kuljum għax il-fidi timpenjana lkoll biex insiru sinjal ħaj tal-preżenza tal-Irxoxt fid-dinja. Id-dinja llum teħtieġ il-preżenza tal-Irxoxt. Dak li d-dinja llum teħtieġ hija x-xhieda kredibbli ta’ dawk li, imdawla f’moħħhom u f’qalbhom mill-Kelma tal-Mulej, għandhom il-ħila li jiftħu l-qalb u l-moħħ ta’ ħafna li huma xewqana għal Alla u għall-ħajja vera, dik li ma tintemm qatt.

“Itolbu għalina biex il-Kelma ta’ Alla tiġri u tissebbaħ” (2Ts 3,1): j’Alla din is-Sena tal-fidi ssaħħaħ ir-rabta tagħna ma’ Kristu l-Mulej, għaliex fiH biss tinsab iċ-ċertezza li biha nħarsu lejn il-futur u l-garanzija ta’ mħabba vera u li tibqa’ għal dejjem. Kliem l-appostlu Pietru jitfa’ l-aħħar dija ta’ dawl fuq il-fidi: “Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom toqogħdu għal ħafna provi. Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-frott tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni ta’ ruħkom” (1Pt 1,6-9). Il-ħajja tal-insara tagħraf l-esperjenza tal-ferħ u dik tat-tbatija. Kemm Qaddisin għexu fis-solitudni! Kemm nies li jemmnu, anki fi żminijietna, jinsabu għaddejjin mill-prova tas-skiet ta’ Alla filwaqt li huma xewqana li jisimgħu l-faraġ ta’ leħnu! It-tiġrib tal-ħajja, li bih aħna nifhmu l-misteru tas-Salib u s-sehem tagħna fit-tbatijiet ta’ Kristu (ara Kol 1,24), iwassalna għall-ferħ u t-tama li bihom tmexxina l-fidi: “meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2Kor 12,10). Aħna nemmnu bil-qawwa kollha li l-Mulej Ġesù għeleb il-ħażen u l-mewt. B’din il-fiduċja sħiħa ejjew nintelqu fiH: Hu li jinsab preżenti f’nofsna, jirbaħ is-setgħa tax-xitan (ara Lq 11,20) u l-Knisja, komunità viżibbli tal-ħniena tiegħu, tibqa’ fiH bħala sinjal tar-rikonċiljazzjoni dejjiema mal-Missier.

Nafdaw dan iż-żmien ta’ grazzja f’idejn l-Omm ta’Alla, li ġiet ipproklamata “hienja” għaliex “emmnet” (Lq 1,45).

Mogħti Ruma, f’San Pietru, nhar il-11 ta’ Ottubru tas-Sena 2011, fis-seba’ sena ta’ Pontifikat.

Benedetto XVI


 


[1] Omelia per l’inizio del ministero petrino del Vescovo di Roma (24 aprile 2005): AAS 97(2005), 710.

[2] Cfr BENEDETTO XVI, Omelia S. Messa al Terreiro do Paço, Lisbona (11 maggio 2010): Insegnamenti VI,1(2010), 673.

[3] Cfr GIOVANNI PAOLO II, Cost. ap. Fidei depositum (11 ottobre 1992): AAS 86(1994), 113-118.

[4] Cfr Rapporto finale del Secondo Sinodo Straordinario dei Vescovi (7 dicembre 1985), II, B, a, 4: in Enchiridion Vaticanum, vol. 9, n. 1797.

[5] PAOLO VI, Esort. ap. Petrum et Paulum Apostolos, nel XIX centenario del martirio dei Santi Apostoli Pietro e Paolo (22 febbraio 1967): AAS 59(1967), 196.

[6] Ibid., 198.

[7] PAOLO VI, Solenne Professione di fede, Omelia per la Concelebrazione nel XIX centenario del martirio dei Santi Apostoli Pietro e Paolo, a conclusione dell’ “Anno della fede” (30 giugno 1968): AAS 60(1968), 433-445.

[8] ID., Udienza Generale (14 giugno 1967): Insegnamenti V(1967), 801.

[9] GIOVANNI PAOLO II, Lett. ap. Novo millennio ineunte (6 gennaio 2001), 57: AAS 93(2001), 308.

[10] Discorso alla Curia Romana (22 dicembre 2005): AAS 98(2006), 52.

[11] CONC. ECUM. VAT. II, Cost. dogm. sulla Chiesa Lumen gentium, 8.

[12] De utilitate credendi, 1,2.

[13] Cfr AGOSTINO D’IPPONA, Confessioni, I,1.

[14] CONC. ECUM. VAT. II, Cost. sulla sacra liturgia Sacrosanctum Concilium, 10.

[15] Cfr GIOVANNI PAOLO II, Cost. ap. Fidei depositum (11 ottobre 1992): AAS 86(1994), 116.

[16] Sermo 215,1.

[17] Catechismo della Chiesa Cattolica, 167.

[18] Cfr CONC. ECUM. VAT. I, Cost. dogm. sulla fede cattolica Dei Filius, cap. III: DS 3008-3009; CONC. ECUM. VAT. II, Cost. dogm. sulla divina rivelazione Dei Verbum, 5.

[19] BENEDETTO XVI, Discorso al Collège des Bernardins, Parigi (12 settembre 2008): AAS 100(2008), 722.

[20] Cfr AGOSTINO D’IPPONA, Confessioni, XIII, 1.

[21] GIOVANNI PAOLO II, Cost. ap. Fidei depositum (11 ottobre 1992): AAS 86(1994), 115 e 117.

[22] Cfr ID., Lett. enc. Fides et ratio (14 settembre 1998), nn. 34 e106: AAS 91(1999), 31-32, 86-87.

© Copyright 2011 - Libreria Editrice Vaticana

 

Ħajr lis-Sra Vivienne Attard u lis-Sur Tony Aquilina għat-traduzzjoni ta’ dan id-dokument.