Laikos

 

Vjaġġ Appostoliku f’Madrid

fl-okkażjoni tas-26 Jum Dinji taż-Żgħażagħ

18-21 ta’ Awwissu 2011

 

Quddiesa ta’ l-Għeluq

 

Omelija tal-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI

21 ta' Awwissu 2011

 

Għeżież żgħażagħ,

 

F’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija qed nilħqu l-qofol ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Meta nilmaħkom hawn, miġbura f’għadd hekk kbir minn kull rokna tad-dinja, qalbi timtela bil-ferħ.  Ħsiebi jmur fuq l-imħabba speċjali li biha Ġesù qed iħares lejkom.  Iva, il-Mulej iħobbkom u jsejħilkom ħbiebu (ara Ġw 15:15).  Hu jiġi jiltaqa’ magħkom u jixtieq jissieħeb magħkom fil-vjaġġ tagħkom, biex jiftħilkom il-bieb għal ħajja fil-milja tagħha u biex jagħtikom sehem fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier.  Min-naħa tagħna, aħna għarafna l-kobor ta’ mħabbtu u nixtiequ nwieġbu b’ġenerożità għal imħabbtu billi naqsmu ma’ l-oħrajn il-ferħ li rċivejna.  Żgur li ħafna l-lum iħossuhom miġbuda lejn il-figura ta’ Kristu u jixtiequ jafuh aħjar.  Huma jintebħu li hu t-tweġiba għal tant mill-aktar preokkupazzjonijiet profondi tagħna.  Imma min hu tassew dan Kristu?  Kif jista’ xi ħadd li għex fuq din l-art tant żmien ilu jkollu xi ħaġa komuni miegħi l-lum?

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Mt 16:13-20) jissuġġerixxi żewġ modi kif nistgħu nsiru nafu lil Kristu.  L-ewwel wieħed hu għarfien impersonali, wieħed li hu mibni fuq l-opinjoni kurrenti.  Meta Ġesù jistaqsi: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?”, id-dixxipli jwieġbu: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.  Fi kliem ieħor, Kristu hawn jidher bħala figura reliġjuża oħra, bħal dawk li ġew qablu.  Imbagħad Ġesù jdur fuq id-dixxipli tiegħu u jsaqsihom: “Imma intom min tgħidu li jien?”.  Pietru jwieġeb b’dik li hi meqjusa l-ewwel stqarrija ta’ fidi: “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj”.  Il-fidi hi wisq aktar minn sempliċi fatti empiriċi jew storiċi; hi l-kapaċità li naqbdu b’idejna l-misteru tal-persuna ta’ Kristu fil-profondità kollha tagħha.

 

Imma l-fidi m’hix ir-riżultat ta’ l-isforz uman, tar-raġunar uman, imma hi don ta’ Alla: “Hieni int, Xmun bin Ġona!  Għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-Sema”.  Il-fidi titlaq minn għand Alla, li jiftħilna qalbu u jistedinna naqsmu fl-istess ħajja divina tiegħu.  Il-fidi ma tipprovdix sempliċiment tagħrif fuq min hu Kristu; iktar minn hekk, hi titlob relazzjoni personali ma’ Kristu, li nafdaw il-persuna kollha tagħna, bl-għarfien, ir-rieda u s-sentimenti kollha tagħna, lir-rivelazzjoni ta’ Alla nnifsu.  Għalhekk il-mistoqsija ta’ Ġesù: “Imma intom min tgħidu li jien?”, fl-aħħar mill-aħħar hi sfida lid-dixxipli biex jieħdu deċiżjoni personali fil-konfront tiegħu.  Il-fidi fi Kristu u d-dixxipulat huma marbuta strettament ma’ xulxin.

 

U allura, la l-fidi titlob li wieħed jimxi wara l-Imgħallem, hemm bżonn li l-ħin kollu ssir iktar qawwija, profonda u matura, sal-punt li twassalna għal relazzjoni eqreb u iktar intensa ma’ Ġesù.  Pietru u d-dixxipli l-oħra wkoll kellhom jikbru b’dan il-mod, sakemm il-laqgħa tagħhom ma’ Kristu Rxoxt fetħitilhom għajnejhom għall-milja tal-fidi.

 

Għeżież żgħażagħ, il-lum Kristu qed jagħmlilkom l-istess mistoqsija li kien għamel lill-Appostli: “Intom min tgħidu li jien?”.  Weġbuh b’ġenerożità u kuraġġ, kif jixraq lil qlub żagħżugħa bħal tagħkom.  Għidulu: “Ġesù, jien naf li int l-Iben ta’ Alla, li tajt ħajtek għalija.  Irrid nimxi warajk fedelment u nħalli l-Kelma tiegħek tmexxini.  Int tafni u tħobbni.  Inqiegħed fik il-fiduċja tiegħi u nafda ħajti kollha f’idejk.  Irridek tkunn il-qawwa li ssaħħaħni u l-ferħ li qatt ma jħallini”.

 

Ġesù jwieġeb għall-istqarrija ta’ Pietru billi jitkellem fuq il-Knisja: “U jiena ngħidlek, inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”.  Xi jfissru dawn il-kelmiet?  Ġesù jibni l-Knisja fuq il-blata tal-fidi ta’ Pietru, li jistqarr lil Kristu bħala Alla.

 

Għalhekk il-Knisja m’hix sempliċiment istituzzjoni umana bħall-oħrajn.  Iktar minn hekk, hi marbuta fil-qrib ma’ Alla.  Kristu nnifsu jitkellem fuqha bħala l-Knisja “tiegħu”.  Kristu ma jistax jiġi mifrud mill-Knisja daqskemm ir-ras ma tistax tinfired mill-ġisem (ara 1 Kor 12:12).  Il-Knisja ħajjitha ma tafhiex lilha nfisha, imma lill-Mulej.

 

Għeżież żgħażagħ, bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, inħeġġiġkom issaħħu din il-fidi li ġiet mgħoddija lilna sa minn żmien l-Appostli.  Qiegħdu lil Kristu, l-Iben ta’ Alla, fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom.  Imma ħalluni nfakkarkom ukoll li l-mixja wara Ġesù fil-fidi tfisser li timxu maġenbu fil-komunjoni tal-Knisja.  Ma nistgħux nimxu wara Ġesù waħidna.  Kull min jiġi ttentat li jagħmel hekk “waħdu”, jew li jersaq lejn il-ħajja tal-fidi b’dak it-tip ta’ individwaliżmu li hu tant prevalenti l-lum il-ġurnata, ikun jirriskja li ma jiltaqa’ qatt tassew ma’ Ġesù, jew jispiċċa jimxi wara Kristu falz.

 

Li jkollok il-fidi jfisser li tikseb is-sapport mill-fidi ta’ ħutek, anki waqt li l-fidi tiegħek stess isservi ta’ sapport għall-fidi ta’ l-oħrajn.  Nitlobkom, għeżież ħbieb, tħobbu lill-Knisja li wilditkom fil-fidi, li għenitkom tikbru fl-għarfien ta’ min hu Kristu u li mexxietkom biex tiskopru l-ġmiel ta’ mħabbtu.  Li tikbru fil-ħbiberija ma’ Kristu jfisser neċessarjament li tagħrfu l-importanza li tieħdu sehem bil-ferħ fil-ħajja tal-parroċċi, il-komunitajiet u l-movimenti tagħkom, kif ukoll fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Ħadd, li tirċievu frekwentament is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, u li tikkultivaw it-talb personali u l-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla.

 

Il-ħbiberija ma’ Kristu twassalkom ukoll biex tagħtu xhieda tal-fidi kull fejn tkunu, anki meta din ix-xhieda ssib ma’ wiċċha min ma jilqagħhiex jew jibqa’ indifferenti.  Ma nistgħux niltaqgħu ma’ Kristu u mbagħad nirrifjutaw li nxandruh lill-oħrajn.  Mela żżommux lil Kristu għalikom biss!  Aqsmu ma’ l-oħrajn il-ferħ tal-fidi tagħkom.  Id-dinja teħtieġha x-xhieda tal-fidi tagħkom, żgur li għandha bżonn ta’ Alla.  Jiena naħseb li l-preżenza hawnhekk ta’ tant żgħażagħ, ġejjin minn madwar id-dinja kollha, hi prova mill-isbaħ tal-frott tal-kmand ta’ Kristu lill-Knisja: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15).  Intom ukoll irċivejtu l-missjoni staordinarja li tkunu dixxipli u missjunarji ta’ Kristu f’artijiet u pajjiżi oħra mimlija b’żgħażagħ li qed ifittxu xi ħaġa ikbar u, għax qalbhom tgħidilhom li jeżistu valuri aktar awtentiċi, ma jħallux lilhom infushom jinġarru mill-wegħdiet vojta ta’ stil ta’ ħajja li m’għandux post għal Alla.

 

Għeżież żgħażagħ, nitlob għalikom bi mħabba kbira.  Nafdakom ilkoll f’idejn il-Verġni Marija u nitlobha sseħibkom dejjem bl-interċessjoni tagħha ta’ omm u tgħallimkom kif tibqgħu fidili għall-Kelma ta’ Alla.  Nitlobkom titolbu għall-Papa, biex, bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, iwettaq dejjem lil ħutu fil-fidi.  Jalla lkoll kemm aħna fil-Knisja, ragħajja u fidili ndaqs, nersqu kuljum eqreb lejn il-Mulej.  Jalla nikbru fil-qdusija tal-ħajja u nkunu xhieda effettivi tal-verità li Ġesù Kristu hu tabilħaqq l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur tal-bnedmin kollha u l-għajn ħajja tat-tama tagħna.  Amen.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard