L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Papa Benedittu XVI f'Ħamis ix-Xirka 2012

 

 

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

QUDDIESA TAL-GRIŻMA

Bażilika Vatikana
Ħamis ix-Xirka, 5 t’April 2012

 

Għeżież ħuti rġiel u nisa!

F’din il-Quddiesa l-ħsibijiet tagħna jmorru lura għal dak il-waqt li fih l-Isqof, permezz tal-impożizzjoni ta’ jdejh u t-talb, introduċiena fis-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu, hekk li ġejna “kkonsagrati fil-verità” (Ġw 17,19), bħal Ġesù, fit-Talba tiegħu Saċerdotali, talab għalina lill-Missier.  Huwa nnifsu huwa l-verità. Ikkonsagrana, jiġifieri tana għal dejjem lil Alla, sabiex, minn Alla u f’termini tiegħu, inkunu nistgħu nservu l-bnedmin. Imma aħna kkonsagrati wkoll fir-realtà ta’ ħajjitna? Aħna bnedmin li joperaw minn Alla u f’għaqda ma’ Ġesù Kristu? Permezz ta’ din il-mistoqsija l-Mulej jinsab quddiemna, u aħna qegħdin quddiemu. “Tridu tingħaqdu b’mod iktar intimu mal-Mulej Ġesù Kristu u tikkonformaw ruħkom miegħu, tiċħdu lilkom infuskom u ġġeddu l-wegħdiet, waqt li tikkonfermaw l-impenji sagri li fil-jum tal-Ordinazzjoni assumejtu bil-ferħ?” Hekk se nistaqsi lil kull wieħed minnkom singolarment u wkoll lili nnifsi wara din l-omelija. Permezz ta’ dan se jiġu espressi speċjalment żewġ ħwejjeġ: hija mitluba rabta interna, anzi konferma lil Kristu, u f’din neċessarjament għelib tagħna nfusna, ċaħda ta’ dak li huwa biss tagħna, għat-tant iddikkjarata awtorejalizzazzjoni. Huwa mitlub li aħna, li jien ma nitlobx bi dritt ħajti għalija nnifsi, imma nqegħeda għad-dispożizzjoni ta’ ieħor – ta’ Kristu. Li ma nitlobx: X’se niggwadanja jien?, imma: x’nistà nagħti jien għalih u hekk għall-oħrajn? Jew iktar b’mod konkret: kif irrid inwettaq lili nnifsi f’din l-istruttura ta’ Kristu, li ma tiddominax, imma taqdi; ma takkwistax, imma tagħti – kif għandi nitwettaq fis-sitwazzjoni spiss drammatika tal-Knisja tal-lum? Reċentement, grupp ta’ saċerdoti f’Pajjiż Ewropew ippubblika appell għad-diżubbidjenza, li saħansitra għandhom ikunu njorati deċiżjonijiet definittivi tal-Maġisteru – per eżempju fil-kwistjoni dwar l-Ordinazzjoni tan-nisa, li dwarha il-beatu Papa Ġwanni Pawlu II iddikjara b’mod irrevokabbli li l-Knisja, fir-rigward, ma kellha ebda awtorizzazzjoni minn naħa tal-Mulej. Id-diżubbidjenza hija triq biex tiġġedded il-Knisja? Irridu nemmnu lill-awturi ta’ tali appell, meta jsostnu li huma kienu mqanqla mill-ansjetà għall-Knisja; li nkunu konvinti li hemm bżonn niffaċċjaw id-dewmien tal-Istituzzjonijiet b’mezzi drastiċi biex niftħu toroq ġodda – biex inġibu l-Knisja għal-livell tallum. Imma d-diżubbidjenza hija tassew triq? Wieħed jistà jasal li jilmaħ f’dan xi ħaġa mill-konformazzjoni ma’ Kristu, li huwa l-prekondizzjoni ta’ kull veru rinnovament, jew mhux pjuttost biss l-imbuttatura ddisprata biex issir xi ħaġa, biex nittrasformaw il-Knisja skont ix-xewqat u l-ideat tagħna?

Imma ejjew ma nissimplifikawx iżżejjed il-problema. Kristu forsi ma kkoreġiex t-tradizzjonijiet umani li kienu jheddu li jifgaw il-kelma u r-rieda ta’ Alla? Iva, hekk għamel biex iqajjem mill-ġdid l-ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla. Għal kelmtu dejjem valida. Hu kellu għal qalbu propju l-ubbidjenza tassew, kontra l-arbitriju tal-bniedem. U ma ninsewx: Huwa kien l-Iben, bl-awtorità u r-responsabiltà singolari li jiżvela r-rieda awtentika ta’ Alla, biex hekk jiftaħ it-triq tal-kelma ta’ Alla lejn id-dinja tal-ġentili. U fl-aħħarnett: Huwa kkonkretizza l-mandat tiegħu bil-propja ubbidjenza u umiltà sa fuq is-Salib, u b’hekk irrenda kredibbli l-missjoni tiegħu. Mhux tiegħi, imma r-rieda tiegħek; din hija l-kelma li tirrivela l-Iben, l-umiltà tiegħu u fl-istess ħin id-divinità tiegħu, u jindikalna t-triq.

Inħallu lilna nfusna nistaqsu għal darb oħra mill-ġdid: mhux b’tali konsiderazzjonijiet jiġi, infatti, difiż l-immobiliżmu, it-tisħiħ tat-tradizzjoni? Le. Min iħares lejn l-istorja tal-epoka ta’ wara l-konċilju, jistà jagħraf d-dinamika tal-veru tiġdid, li spiss ħa l-forom mhux mistennija f’movimenti mimlijin ħajja u li jirrendi kważi tanġibbli l-brillantezza bla tarf tal-Knisja mqaddsa, il-preżenza u l-azzjoni effikaċi tal-Ispirtu Santu. U jekk inħarsu lejn il-persuni, li minnhom ħarġu u joħorġu dawn ix-xmajjar friski ta’ ħajja, naraw ukoll li għal fertilità ġdida hemm bżonn li nkunu mfawra bil-ferħ tal-fidi, l-intensità tal-ubbidjenza, id-dinamika tat-tama u l-qawwa tal-imħabba.

Għeżież ħbieb, tibqà ċara li l-konformazzjoni ma’ Kristu hija l-prerekwiżit u l-bażi ta’ kull tiġdid. Imma jistà jkun li l-figura ta’ Kristu tidhrilna kultant wisq għolja u wisq kbira, biex nistgħu nittantaw nieħdu l-qisien minn għandu. Il-Mulej dan jafu. Minħabba dan irranġa bi “traduzzjoni” f’sekwenza ta’ kobor iktar aċċessibbli u iktar qrib tagħna. Propju għal din ir-raġuni, Pawlu bla ebda mistħija qal lill-komunitajiet tiegħu: imitaw lili, imma jien nappartieni lil Kristu. Huwa kien għall-fidili tiegħu “traduzzjoni” tal-istil ta’ ħajja ta’ Kristu, li huma setgħu jaraw u ma’ liema setgħu jingħaqdu. Nibdew minn Pawlu, tul l-istorja kollha kien hemm b’mod kontinwu tali “traduzzjonijiet” tat-triq ta’ Ġesù f’figuri storiċi ħajjin. Aħna s-saċerdoti nistgħu naħsbu dwar filliera kbira ta’ saċerdoti qaddisin, li ġew qabilna biex jindikawlna t-triq: nibdew minn Polikarpu ta’ Smirne u Injazju ta’ Antijokja għar-Rgħajja l-kbar bħal Ambroġ, Wistin u Girgor il-Kbir, sa Injazju ta’ Loyola, Karlu Borromeo, Ġwanni Maria Vianney, sas-saċerdoti Martri tas-seklu Dsatax u flaħħarnett sal-Papa Ġwanni Pawlu II li, fl-azzjoni u fit-tbatija kien għalina ta’ eżempju fil-konformazzjoni ma’ Kristu, bħala “don u misteru”. Il-qaddisin jindikawlna kif jaħdem it-tiġdid u kif nistgħu npoġġu lilna nfusna għas-servizz tiegħu. U jħalluna wkoll nifhmu li Alla ma jħarisx lejn in-numri l-kbar u lejn is-suċċessi esterni, imma jwettaq ir-rebħiet tiegħu fis-sinjal umli taż-żerriegħa tas-senapa.

Għeżież ħbieb, irrid fil-qosor inmiss mill-ġdid żewġ kelmiet-muftieħ tat-tiġdid tal-wegħdiet saċerdotali, li għandhom iġagħeluna nirriflettu f’dan il-waqt dwar il-Knisja u dwar ħajjitna personali. Hemm qabel xejn it-tifkira tal-fatt li aħna – bħal ma jesprimi Pawlu – “amministraturi tal-misteri ta’ Alla” (1Kor 4,1) u li jmissna l-ministeru tat-tagħlim, il-(munus docendi), li huwa parti minn tali amministrazzjoni tal-misteri ta’ Alla, li fiha Huwa juri wiċċu u qalbu, biex jirregalalna lilu nnifsu. Fil-laqgħa tal-Kardinali fl-okkasżjoni tal-Konċistorju riċenti, diversi Rgħajja, skont l-esperjenza tagħhom, tkellmu dwar analfabetiżmu reliġjuż li qed jinfirex f’nofs is-soċjetà tagħna hekk intelliġenti. L-elementi fundamentali tal-fidi, li fl-imgħoddi kull tifel u tifla kienu jafu, qegħdin kull ma jmur jonqsu. Imma biex wieħed jgħix u jħobb il-fidi tagħna, biex ikun jistà jħobb lil Alla u hekk isir kapaċi jisimgħu b’mod ġust, irid ikun jaf x’qalilna Alla; ir-raġuni tagħna u qalbna għandhom ikunu mimsusa mill-kelma ta’ Alla. Is-Sena tal-Fidi, it-tifkira tal-Ftuħ tal-Konċilju Vatikan II 50 sena ilu, għandha tkun għalina okkażżjoni ta’ tħabbir tal-messaġġ tal-fidi b’żelu ġdid u b’ferħ ġdid. Dan naturalment insibuh b’mod fundamentali u primarju fl-Iskrittura Mqaddsa, li qatt ma naqraw u nimmeditaw biżżejjed. Imma f’dan nagħmlu lkoll l-esperjenza li ninħtieġu għajnuna biex nittrażmettu b’mod rett fil-preżent, sabiex tmiss tassew qalbna. Din l-għajnuna nsibuha l-ewwelnett fil-kelma tal-Knisja għalliema: it-testi tal-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika huma l-istrumenti essenzjali li jindikawlna b’mod awtentiku dak li l-Knisja temmen nibdew mill-Kelma ta’ Alla. U naturalment jagħmel ukoll parti it-teżor kollu tad-dokumenti li l-Papa Ġwanni Pawlu II irregalalna u li għad għadu ferm ‘il bogħod milli jkun sfruttat għal kollox.

Kull aħbar tagħna għandha titkejjel fuq il-kelma ta' Ġesù Kristu: “Id-duttrina tiegħi mhijiex tiegħi” (Ġw 7,16). Aħna ma nħabbrux tejoriji u opinjonijiet privati, imma l-fidi tal-Knisja li tagħha aħna qaddejja. Imma dan naturalment m’għandux ifisser li jien ma nsostnix din id-duttrina bija nnifsi kollni kemm jien u ma nkunx ankrat magħha sewwa. F’dan il-kuntest dejjem tiġini f’moħħi l-kelma ta’ Santu Wistin: U xinhu qatt iktar tiegħi minni nnifsi? X’inhu hekk mhux tiegħi daqs minni nnifsi? Jien miniex tiegħi nnifsi u nsir jien stess propju minħabba l-fatt li nmur ‘il hemm minni nnifsi u permezz tal-għelib tiegħi nnifsi jirnexxili ninserixxi ruħi fi Kristu u f’Ġismu li hija l-Knisja. Jekk ma nħabbrux lilna nfusna u jekk internament sirna ħaġa waħda miegħu li sejħilna bħala messaġġiera tiegħu hekk li ġejna mmudellati mill-fidi u ngħixuha, allura l-predikazzjoni tagħna tkun waħda kredibbli. Ma nirriklamax lili nnifsi, imma nirregala lili nnifsi. Il-Kurat ta’ Ars ma kienx għaref, intellettwali, dan nafuh. Imma bl-aħbar tiegħu mess qlub in-nies, għaliex huwa nnifsu kien mimsus fil-qalb.

L-aħhar kelma-muftieħ li għaliha għad irrid naċċena jisimha żelu għall-erwieħ (animarum zelus). Din hija espressjoni barra mill-moda li llum kważi lanqas biss tintuża. F’xi ambjenti, l-kelma ruħ hija meqjusa saħansitra kelma pprojbita, għaliex – jingħad – tesprimi duwaliżmu bejn ġisem u ruħ, waqt li taqsam b’mod mhux korrett il-bniedem. Bla ebda dubju l-bniedem huwa unità, iddestinata b’ġisem u ruħ għall-eternità. Imma dan ma jistax ifisser li m’għandniex iktar ruħ, prinċipju kostituttiv li jiggarantixxi l-unità tal-bniedem f’ħajtu u ‘l hemm mill-mewt tiegħu terrena. U bħala saċerdoti naturalment aħna nieħdu ħsieb il-bniedem kollu kemm hu, propju wkoll tal-bżonnijiet tiegħu fiżiċi – tal-imġewħa, tal-morda, ta’ dawk bla saqaf fuq rashom. Madankollu aħna ma niħdux ħsieb biss tal-ġisem, imma propju wkoll tal-bżonnijiet tar-ruħ tal-bniedem: tal-persuni li jbatu minħabba l-vjolazzjoni tad-dritt jew minħabba mħabba mfarrka; tal-persuni li jinsabu fid-dlam dwar il-fidi li jbatu minħabba l-assenza tal-verità u tal-imħabba. Aħna nieħdu ħsieb is-salvazzjoni tal-bnedmin fil-ġisem u r-ruħ. U bħala saċerdoti ta’ Ġesù Kristu, dan nagħmluh b’żelu. Il-persuni qatt m’għandhom ikollhom is-sensazzjoni li aħna qegħdin inwettqu l-orarju tax-xogħol tagħna b’mod koxjenzjuż, imma qabel u wara nappartienu biss lilna nfusna. Saċerdot qatt ma jappartieni lilu nnifsu. Il-persuni għandhom iħossu ż-żelu tagħna, li permezz tiegħu aħna nagħtu xhieda kredibbli għall-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Ejjew nitolbu lill-Mulej biex ifawwarna bil-ferħ tal-messaġġ tiegħu, sabiex b’żelu nkunu nistgħu naqdu l-verità tiegħu u mħabbtu. Amen.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta