Laikos

 

 

ŻJARA PASTORALI

FIL-BAŻILIKA TA’ SAN LAWRENZ FUORI LE MURA

FL-OKKAŻJONI TA’ L-1750 ANNIVERSARJU

MILL-MARTIRJU TAD-DJAKNU MQADDES

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

L-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent, 30 ta’ Novembru 2008

 

Għeżież ħuti,

 

Il-lum, fl-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent, nidħlu fl-istaġun ta’ erba’ ġimgħat li bih tiftaħ sena liturġika ġdida u li jħejjina mill-qrib għall-Festa tal-Milied, it-tifkira ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Kristu fl-istorja.  Imma l-messaġġ spiritwali ta’ l-Avvent hu iktar profond u diġà jorjentana lejn il-miġja glorjuża mill-ġdid tal-Mulej fi tmiem l-istorja tagħna.  Adventus hi l-kelma Latina li nistgħu nittraduċuha bħala “wasla”, “miġja” jew “preżenza”.  Fil-lingwaġġ tad-dinja l-qadima kien terminu tekniku użat biex jindika l-wasla ta’ uffiċjal, u speċjalment iż-żjara ta’ slaten jew imperaturi lill-provinċji, imma seta’ jintuża wkoll għad-dehra ta’ xi divinità, li kienet toħroġ mill-għamara moħbija tagħha u hekk turi l-qawwa divina tagħha; il-preżenza tagħha kienet tiġi ċċelebrata solennement bil-qima.

 

Bl-użu ta’ din il-kelma, “Avvent”, l-Insara riedu jesprimu r-relazzjoni speċjali li biha kienu jħossuhom marbuta ma’ Kristu Mislub u Rxoxt.  Hu Sultan li, meta daħal f’din il-provinċja fqajra msejħa dinja, tana d-don taż-żjara tiegħu u wara l-Qawmien u t-Tlugħ tiegħu fis-Sema xorta ried jibqa’ magħna; aħna nħossu l-preżenza misterjuża tiegħu fil-ġemgħa liturġika.  Tabilħaqq, meta niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna nxandru li hu ma telaqx mid-dinja, li hu ma ħalliniex waħidna u, anki jekk aħna ma nistgħux narawh jew immissuh kif nagħmlu b’realtajiet materjali u tanġibbli, hu xorta waħda jinsab magħna u fostna.  Tabilħaqq, hu jinsab fina, għax hu jista’ jiġbed lejh u jikkomunika ħajtu lil kull min jemmen fih u jiftaħ qalbu għalih.  Għalhekk, l-Avvent ifisser infakkru l-ewwel miġja tal-Mulej fil-ġisem, bil-miġja definittiva li għad jagħmel mill-ġdid diġà f’moħħna, u, fl-istess waqt, ifisser li nagħrfu li Kristu preżenti fostna jsir is-sieħeb tal-vjaġġ tagħna fil-ħajja tal-Knisja li tiċċelebra l-misteru tiegħu.  Dan l-għarfien, għeżież ħuti, imsaħħaħ mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, għandu jgħinna nħarsu lejn id-dinja b’għajnejn differenti, biex ninterpretaw il-ġrajjiet individwali tal-ħajja u ta’ l-istorja bħala kelmiet li Alla qed jindirizza lilna, bħala sinjali ta’ mħabbtu li jiżgurawna li hu qiegħed qrib tagħna f’kull sitwazzjoni; dan l-għarfien, b’mod partikulari, għandu jħejjina biex nistgħu nilqgħuh meta “jerġa’ jiġi fil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”, kif sa ntennu ma ndumux fil-Kredu.  F’din il-perspettiva, l-Avvent isir għall-Insara kollha żmien ta’ stennija u tama, żmien ipprivileġġjat biex fih nisimgħu u nirriflettu, dejjem jekk inħallu l-liturġija ddawwalna hi, meta tistedinna nimxu biex niltaqgħu mal-Mulej li ġej.

 

“Ejja, Mulej Ġesù”: għeżież ħbieb, din it-talba mħeġġa tal-komunità Nisranija bikrija trid issir ukoll it-tir kostanti tagħna, ix-xewqa tal-Knisja f’kull epoka, li tixxennaq u tħejji ruħha għal-laqgħa tagħha mal-Mulej.  Ejja l-lum, Mulej; dawwalna, agħtina l-paċi, għinna noħorġu rebbieħa fuq il-vjolenza.  Ejja, Mulej, nitolbu sewwa sew f’dawn il-ġimgħat: “Mulej… itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi” (Salm 80:4), għadna kemm tlabna bil-kliem tas-Salm Responsorjali.  U l-Profeta Isaija fl-Ewwel Qari wriena li l-Wiċċ tal-Feddej tagħna hu dak ta’ missier li jħobb u jħenn u li jieħu ħsiebna f’kull ċirkustanza għax aħna xogħol idejh: “Int, Mulej, missierna, ismek il-Feddej tagħna sa minn dejjem” (63:16).  Alla tagħna hu missier lest li jaħfer lill-midibin li jindmu u li jilqa’ lil dawk li jafdaw fi ħnientu (ara Is 64:4).  Aħna tbegħidna minnu minħabba d-dnub, waqajna taħt il-ħakma tal-mewt, imma hu ħenn għalina u, b’inizjattiva tiegħu, mingħajr ebda merti tagħna, għażel li jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħna, u bagħtilna lil Ibnu l-waħdieni bħala l-Feddej tagħna.  F’wiċċ dan il-misteru kbir ta’ mħabba, joħroġ b’mod spontanju r-radd il-ħajr tagħna u t-talba tagħna nagħmluha b’iktar fiduċja: Uri lilna t-tjieba sħiħa tiegħek, Mulej, il-lum, fi żmienna, f’kull parti tad-dinja, ħallina nħossu l-preżenza tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek agħtina (ara l-Versett tal-Vanġelu).

 

Għeżież ħuti, il-ħsieb tal-preżenza ta’ Kristu u l-miġja tiegħu mill-ġdid fl-aħħar taż-żmien għandu tifsira aqwa f’din il-Bażilika tagħkom maġenb iċ-ċimiterju monumentali tal-Verano fejn ħafna mill-mejtin għeżież tagħna qed jistrieħu huma u jistennew il-qawmien.  Kemm funerali jiġu ċċelebrati f’dan it-tempju; kemm drabi l-vrus tal-liturġija jsellmu kollhom faraġ: “Bih feġġet għalina t-tama tal-qawmien għall-hena, hekk li aħna, għad li mnikktin għax nafu li għandna mmutu, nitfarrġu bil-wegħda ta’ ħajja oħra li qatt ma tintemm” (ara Prefazju tal-Mejtin).

 

Imma l-Bażilika monumentali tagħkom, li tfakkarna fl-ewwel Bażilika mibnija mill-Imperatur Kostantinu u iktar tard mibdula biex tingħata d-dehra tagħha tal-lum, fuq kollox titkellem dwar il-martirju glorjuż ta’ San Lawrenz, Arċidjaknu tal-Papa San Sistu II u l-uffiċjal ta’ fiduċja tiegħu fl-amministrazzjoni tal-ġid tal-komunità.  Il-lum jien ġejt biex niċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa ħalli ningħaqad magħkom intom u tagħtuh ġieħ f’ċirkustanza tabilħaqq unika, fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ġublew ta’ Lawrenz, li nħasbet biex tfakkar l-1750 anniversarju mit-twelid tad-Djaknu mqaddes għas-Sema.  L-istorja tikkonfermalna kemm hu glorjuż l-isem ta’ dan il-qaddis, li madwar il-qabar tiegħu nġbarna.  L-għożża tiegħu għall-foqra, is-servizz ġeneruż li ta lill-Knisja ta’ Ruma fil-kuntest ta’ l-assistenza u l-karità, il-fedeltà tiegħu lejn il-Papa li wassalha sal-punt li xtaq jimxi warajh fl-ogħla prova tal-martirju tiegħu u fix-xhieda erojka tat-tixrid ta’ demmu, li hu sofra ftit tal-jiem biss warajh, huma fatti li lkoll nafuhom.  San Ljun il-Kbir, f’omelija mill-isbaħ, hekk jikkummenta fuq il-martirju kiefer ta’ dan l-“eroj illustri”: “Il-fjammi ma setgħu jagħmlu xejn ma’ l-imħabba ta’ Kristu, u n-nar li kien qed jaħraq barra ma kienx imħeġġeġ daqs dak li kien qed jixgħel ġo fih”.  U jżid jgħid: “Il-Mulej ried ixerred il-glorja tiegħu mad-dinja kollha, biex mil-Lvant sal-Punent id-dija tgħammex tad-djaknu tiegħu tiddi tassew, u permezz ta’ Lawrenz, Ruma kibret fil-fama daqskemm bi Stiefnu, Ġerusalemm saret nobbli” (Omelija 85, 4: PL 54, 486).

 

Din is-sena jaħbat il-ħamsin anniversarju mill-mewt tal-Qaddej ta’ Alla l-Papa Piju XII u dan ifakkarna fi ġrajja partikularment drammatika fl-istorja twila s-sekli ta’ din il-Bażilika.  Din seħħet tul it-Tieni Gwerra Dinjija, meta, eżattament nhar id-19 ta’ Lulju 1943, bumbardament qawwi kkawża ħsara kbira lill-binja u lil dawn l-inħawi, u ġab mewt u qerda.  Il-ġest ġeneruż li għamel il-Predeċessur meqjum tiegħi ma jista’ jitħassar qatt mill-memorja ta’ l-istorja: hu ħaffef ’l hawn biex jgħin u jfarraġ lill-poplu li kien intlaqat daqshekk ħażin, qalb ir-rovini li kienu għadhom jaqbdu.  Lanqas insejt li din l-istess Bażilika fiha wkoll l-urni ta’ żewġ figuri kbar oħra: fil-kripta, fil-fatt, hemm imqiegħda għall-qima tal-fidili l-fdalijiet tal-Beatu Piju IX, waqt li fil-portiku hemm il-qabar ta’ Alcide De Gasperi, li kien mexxej għaref u meqjus għall-Italja tul is-snin iebsa tar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra u, fl-istess waqt, statista distint li kien kapaċi jħares lejn l-Ewropa b’viżjoni wiesgħa Nisranija.

 

Meta aħna miġbura hawn fit-talb, nixtieq insellmilkom ilkoll bi mħabba, nibda mill-Kardinal Vigarju, Monsinjur Viċiġerenti, li hu wkoll Abbati Kommendatorju tal-Bażilika, flimkien ma’ l-Isqof Awżiljarju tas-Settur ta’ Fuq ta’ Ruma u mal-Kappillan tagħkom, Dun Bruno Mustacchio, li nirringrazzjah għall-kelmiet twajba tiegħu fil-ftuħ ta’ din iċ-ċelebrazzjoni liturġika.  Insellem lill-Ministru Ġenerali ta’ l-Ordni tal-Kapuċċini u lill-Patrijiet tal-Komunità li jwettqu s-servizz tagħhom b’żelu u dedikazzjoni, u jilqgħu lid-diversi pellegrini, jassistu lill-foqra bil-karità u jagħtu xhieda tat-tama fi Kristu Rxoxt quddiem dawk kollha li jżuru ċ-Ċimiterju tal-Verano.  Nixtieq niżgurakom mill-apprezzament tiegħi, u, fuq kollox, li sa niftakar fikom fit-talb.  Insellem ukoll lill-għadd ta’ gruppi li huma involuti fl-animazzjoni tal-katekeżi, il-liturġija, il-karità, il-membri taż-żewġ korijiet polifoniċi, it-Terz’Ordni Franġiskan, dak lokali u dak reġjonali.  Imbagħad ħadt gost insir naf li għal xi snin il-“laboratorju missjunarju djoċesan” kien jinsab hawn, biex isaħħaħ il-kuxjenza missjunarja fil-komunitajiet parrokkjali, u bil-pjaċir kollu ningħaqad magħkom biex nesprimi t-tama tiegħi li din l-inizjattiva tad-Djoċesi tagħna tgħin biex tispira lejn azzjoni pastorali missjunarja kuraġġjuża li twassal l-aħbar ta’ l-imħabba ħanina ta’ Alla f’kull rokna tad-dinja, bis-sehem ewlieni ta’ żgħażagħ u familji.  Fl-aħħar nett, nixtieq nestendi l-ħsibijiet tiegħi għal dawk li jgħixu f’dawn l-inħawi, speċjalment l-anzjani, il-morda u dawk li jinsabu waħidhom jew f’xi diffikultà.  Niftakar fikom ilkoll u f’kull wieħed u waħda minnkom f’din il-Quddiesa.

 

Għeżież ħuti, fil-bidu ta’ dan l-Avvent, x’messaġġ aħjar jista’ jagħtina San Lawrenz minn dak tal-qdusija tiegħu?  Hu jtennilna li l-qdusija, jiġifieri li nfittxu niltaqgħu ma’ Kristu li qatt ma jieqaf iżurna, qatt ma tispiċċa barra mill-moda; għall-kuntarju, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar tilma bil-qawwa u tesprimi l-għatx dejjiem ta’ Alla għall-bnedmin.  Mela jalla din il-ġrajja tal-Ġublew tkun okkażjoni għall-komunità parrokkjali tagħkom biex tiġġedded fl-għaqda tagħha ma’ Kristu, tinżel iktar fil-fond ta’ xi jfisser tkun parti mill-Ġisem Mistiku tiegħu li hu l-Knisja, u timpenja ruħha dejjem għall-evanġelizzazzjoni permezz tal-karità.  Jalla Lawrenz, xhud erojku ta’ Kristu Msallab u Rxoxt, ikun għal kull wieħed u waħda minna eżempju ta’ kif inwieġbu b’doċilità għas-sejħa divina, biex, kif smajna lill-Appostlu Pawlu jfakkar lill-Korintin, aħna wkoll nistgħu ngħixu b’mod li ninstabu “bla ħtija” fil-jum tal-Mulej (ara 1 Kor 1:7-9).

 

Li nitħejjew għall-miġja ta’ Kristu hi wkoll eżortazzjoni li nisimgħu fil-Vanġelu tal-lum: “Ishru”, jgħidilna Ġesù fil-parabbola qasira ta’ Luqa dwar sid id-dar li jitlaq għal vjaġġ imma l-jum tal-wasla tiegħu lura m’hux magħruf (ara Mk 13:33-37).  Nishru jfisser nimxu wara l-Mulej, nagħżlu dak li għażel Kristu, infasslu ħajjitna fuq tiegħu; nishru jfisser inqattgħu kull mument tal-ħin tagħna fl-isfera ta’ mħabbtu mingħajr ma nħallu jaqtgħulna qalbna d-diffikultajiet inevitabbli u l-problemi tal-ħajja ta’ kuljum.  Dan hu li għamel San Lawrenz, dan hu li għandna nagħmlu aħna, u ejjew nitolbu lill-Mulej biex jaqlgħalna l-grazzja tiegħu ħalli l-Avvent ikun inċentiv għalina lkoll biex nimxu fid-direzzjoni tiegħu.  Jalla Marija, il-Verġni umli ta’ Nazareth magħżula minn Alla biex issir Omm il-Feddej, Sant’Andrija li l-lum qed niċċelebraw il-festa tiegħu, u San Lawrenz, mudell ta’ fedeltà Nisranija kuraġġjuża sal-punt tal-martirju, idawluna u jimxu magħna.  Amen!

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard