Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

It-Tnejn 24 ta’ Diċembru 2012

 

Għeżież ħuti,

 

Il-ġmiel ta’ dan il-Vanġelu jmissilna qalbna dejjem mill-ġdid. Hu ġmiel li jiġi mid-dawl tal-verità. Iqanqalna dejjem mill-ġdid il-fatt li Alla jsir daqsxejn ta’ tarbija, biex aħna nistgħu nħobbuh, biex aħna nindenjaw inħobbuh, u, bħala tarbija, bil-fiduċja kollha joqgħod f’idejna. Alla kważi jgħidilna: Naf li d-dawl qawwi tiegħi jbeżżgħek, li quddiem il-kobor tiegħi int tipprova tafferma lilek innifsek. Għalhekk, ġej għandek bħala tarbija, biex int tista’ tilqagħni u tħobbni.

 

Tqanqalni wkoll dejjem mill-ġdid il-kelma tal-evanġelista – imlissna kważi b’ħeffa hu u għaddej jikteb – li għalihom ma kienx fadal post fil-lukanda. Hawn bilfors titfaċċa l-mistoqsija dwar kif kienet tispiċċa l-biċċa kieku Marija u Ġużeppi kellhom iħabbtu fuq il-bieb tiegħi. Kont insib post għalihom? Imbagħad jaħbat ma’ moħħna li din il-bxara – li minn barra donnha tidher kumbinazzjoni – tan-nuqqas ta’ post fil-lukanda, li jwassal lill-Familja Mqaddsa biex tmur fl-istalla, l-evanġelista Ġwanni niżel iżjed fil-fond tagħha u wassalha għall-essenza tagħha meta kiteb: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). B’dan il-mod, il-kwistjoni morali kbira fuq is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-immigranti tikseb tifsira iżjed fundamentali: tassew li għandna post għal Alla meta hu jiġi jfittex li jidħol għandna? Għandna żmien u spazju għalih? Mhux forsi lil Alla nnifsu li qed nirrifjutaw? Ibda mill-fatt li m’għandniex ħin għal Alla. Iktar ma nistgħu nitħarrku veloċement, iktar ma jsiru effikaċi l-istrumenti li jgħinuna niffrankaw il-ħin, inqas ħin għandna għad-dispożizzjoni tagħna. U Alla? Il-kwistjoni li tirrigwarda lilu donnha ma tidher qatt urġenti. Il-ħin tagħna hu diġà mimli kollu. Imma, terġa’, l-affarijiet huma iżjed profondi minn hekk. Tassew Alla għandu post fil-ħsieb tagħna? Il-metodoloġija li biha naħsbu qiegħda b’tali mod li hu, fl-aħħar mill-aħħar, m’għandux għax jeżisti. Anki jekk jidher li qed iħabbat fuq il-bieb tal-ħsieb tagħna, hu għandu jiġi mbiegħed b’xi raġunament jew ieħor. Biex jinżamm b’serju, il-ħsieb tagħna għandu b’xi mod jirrendi superfluwa l-“ipoteżi ta’ Alla”. M’hemmx post għalih. Anki fil-mod kif inħossu u nixtiequ, m’hemmx spazju għalih. Aħna rridu lilna nfusna, irridu l-ħwejjeġ li nistgħu mmissuhom b’idejna, il-ferħ li nistgħu nesperimentaw, is-suċċess tal-pjanijiet personali tagħna u tal-intenzjonijiet tagħna. Aħna kollna kemm aħna “mimlijin” bina nfusna, hekk li ma ħallejna l-ebda spazju għal Alla. U minħabba f’hekk lanqas hemm spazju għall-oħrajn, għat-tfal, għall-foqra, għall-barranin. Jekk nitilqu mis-sempliċi kelma dwar in-nuqqas ta’ post fil-lukanda, nistgħu nintebħu kemm tgħodd għalina l-eżortazzjoni ta’ San Pawl: “Inbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom!” (Rum 12:2). Pawlu jitkellem dwar it-tiġdid, dwar li nwessgħu l-intellett tagħna (nous); b’mod ġenerali, qed jitkellem fuq il-mod kif inħarsu lejn id-dinja u lejna nfusna. Il-konverżjoni li jeħtieġ nagħmlu trid tilħaq sal-qiegħ nett tar-relazzjoni tagħna mar-realtà. Nitolbu lill-Mulej biex insiru iktar attenti għall-preżenza tiegħu, biex nistgħu nisimgħu kif hu jħabbat b’mod ħelu imma fl-istess ħin insistenti fuq il-bieb tal-eżistenza u r-rieda tagħna. Nitolbu biex fil-ġewwieni tagħna jinħoloq dan l-ispazju għalih. U biex b’dan il-mod nistgħu nagħrfuh anki f’dawk li permezz tagħhom hu jdur lejna: fit-tfal, f’dawk li qed ibatu u huma mwarrbin, fl-emarġinati u fil-foqra ta’ din id-dinja.

 

Hemm ukoll kelma oħra fir-rakkont tal-Milied li dwarha nixtieq nirrifletti flimkien magħkom: l-innu ta’ tifħir li l-anġli jkantaw wara t-tħabbir tal-messaġġ dwar il-Feddej li għadu kemm twieled: “Glorja lil Alla fl-għoli tas-Smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu”. Alla hu glorjuż. Alla hu dawl safi, dawl jgħammex tal-verità u tal-imħabba. Hu twajjeb. Hu l-vera tjieba, it-tjieba per eċċellenza. L-anġli l-ewwel li jittrasmettu hu sempliċement il-ferħ tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla. Il-kant tagħhom jirrifletti l-ferħ li hemm jimla lil qalbhom. Fil-kelmiet tagħhom nisimgħu, biex ngħidu hekk, xi ħaġa mill-ħsejjes melodjużi tas-Sema. Hemm ma jsirux mistoqsijiet dwar l-iskop; sempliċement inkunu mimlija bil-ferħ li jiġi mill-fatt li nkunu għarafna d-dawl safi tal-verità u tal-imħabba ta’ Alla. Dan hu l-ferħ li nixtiequ nħallu jmiss lil qalbna. It-tjieba pura teżisti. Id-dawl safi jeżisti. Alla hu tajjeb u hu l-qawwa suprema ’l fuq mill-qawwiet l-oħrajn kollha. Dan il-fatt waħdu għandu jferraħna f’dan il-lejl, flimkien mal-anġli u r-ragħajja.

 

Mal-glorja ta’ Alla fl-għoli tas-Smewwiet hi marbuta l-paċi fl-art fost il-bnedmin. Fejn ma tingħatax glorja lil Alla, fejn hu minsi jew saħansitra miċħud, lanqas hemm paċi. Imma llum, diversi kurrenti ta’ ħsieb imxerrda fostna jasserixxu proprju l-kuntrarju: ir-reliġjonijiet, b’mod partikulari l-monoteiżmu, qed jiġu mixlija bħala l-kawża tal-vjolenza u tal-gwerer fid-dinja; l-ewwel hemm bżonn neħilsu lill-umanità mir-reliġjonijiet, biex tista’ mbagħad tinħoloq il-paċi; il-monoteiżmu, il-fidi f’Alla wieħed, hi meqjusa prepotenza, kawża ta’ intolleranza, għax fil-bażi tan-natura tagħha hi trid timponi ruħha fuq kulħadd bil-pretensjoni li għandha qiegħda l-verità waħdiena. Hu minnu li, fl-istorja, il-monoteiżmu nqdew bih bħala pretest għall-intolleranza u l-vjolenza. Hu minnu li reliġjon tista’ timrad u hekk tasal biex tmur kontra l-iżjed natura profonda tagħha, meta l-bniedem jaħseb li għandu jieħu f’idejh stess il-kawża ta’ Alla, u jispiċċa biex jagħmel minn Alla l-proprjetà privata tiegħu. Hemm bżonn inżommu għajnejna miftuħa kontra dawn il-miżinterpretazzjonijiet ta’ dak li hu sagru. Jekk ma nistgħux niċħdu li fl-istorja r-reliġjon ġieli ntużat b’mod eċċessiv jew għal skopijiet ħżiena, lanqas hu minnu li l-“le” għal Alla ser tistabbilixxi mill-ġdid il-paċi. Jekk jintefa d-dawl ta’ Alla, tintefa wkoll id-dinjità divina tal-bniedem. Allura hu ma jibqax ix-xbieha ta’ Alla, li jeħtieġ nonoraw f’kull persuna, fid-dgħajjef, fil-barrani, fil-fqir. Allura m’aħniex iżjed ilkoll aħwa, ulied l-istess Missier, li, ibda mill-Missier, qegħdin f’korrelazzjoni reċiproka. Fis-seklu li għadda diġà rajna x’tipi ta’ vjolenza arroganti jistgħu jgħollu rashom bl-akbar qilla u kif il-bniedem jibda jiddisprezza u jfarrak lill-bniedem. Hi kemm hi miżerabbli s-sitwazzjoni tal-bniedem, id-dinjità tiegħu tibqa’ ma tintmessx biss jekk id-dawl ta’ Alla jiddi fuqu u fih, jekk kull bniedem hu mixtieq, magħruf u maħbub minn Alla. F’dan il-Lejl Qaddis, Alla nnifsu sar bniedem, kif kien ħabbar il-Profeta Iżaija: l-iben li twieled hawn hu “Għimmanu-El”, Alla magħna (ara Iż 7:14). U fil-verità mal-medda ta’ dawn is-sekli kollha ma kellniex biss każi ta’ użu żbaljat tar-reliġjon, imma mill-fidi f’dak Alla li sar bniedem tnisslu dejjem qawwiet ġodda ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tjieba. Qalb id-dlam tad-dnub u tal-vjolenza, din il-fidi tefgħet raġġ kollu dawl ta’ paċi u ta’ tjieba li għadu jiddi.

 

Għalhekk Kristu hu s-sliem tagħna u ħabbar dan is-sliem kemm lill-imbegħdin u kemm lil dawk fil-qrib (ara Efes 2:14,17). Kif nistgħu f’din is-siegħa ma nitolbuhx: Iva, Mulej, ħabbar din il-paċi anki lilna llum, lil dawk fil-bogħod u lil dawk fil-qrib! Ibdel anki llum ix-xwabel tagħna f’sikek tal-moħriet (ara Iż 2:4), u agħmel li flok l-armi tal-gwerra jidħlu l-għajnuniet għal dawk li qed ibatu. Dawwal lil dawk il-persuni li jaħsbu li għandhom jeżerċitaw il-vjolenza f’ismek, biex jaslu jintebħu bl-assurdità tal-vjolenza u jagħrfu l-veru wiċċ tiegħek. Għinna nsiru bnedmin “li nogħġbu lilek” – bnedmin skont ix-xbieha tiegħek u għalhekk nies ta’ paċi.

 

Malli telqu l-anġli, ir-ragħajja qalu wieħed lill-ieħor: Ħaffu, ejjew immorru Betlehem, ħa naraw dak li tħabbar lilna (ara Lq 2:15). Fil-mixja tagħhom lejn Betlehem ir-ragħajja telqu jgħaġġlu, jgħidilna l-evanġelista (ara 2:16). Bħal kurżità qaddisa kienet qed timbuttahom biex imorru jaraw lil dik it-tarbija mqiegħda f’maxtura, li dwarha l-anġlu kien qalilhom li kienet il-Feddej, il-Messija, il-Mulej. Il-ferħ kbir, li dwaru l-anġlu kien tkellem, kien messilhom qalbhom u tahom il-ġwienaħ.

 

Immorru sa Betlehem, tgħid lilna llum il-liturġija tal-Knisja. Trans-eamus tittraduċi l-Bibbja Latina: “naqsmu”, immorru ’l hemm, nirriskjaw li mmiddu l-pass li jmur lil hemm, il-“qasma”, fejn noħorġu mill-mod kif is-soltu naħsbu u ngħixu u mmorru lil hemm mid-dinja purament materjali biex naslu għall-essenzjali, in-naħa l-oħra, għand dak Alla li, min-naħa tiegħu, ġie hawn, ġie għandna. Ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina l-kapaċità li mmorru lil hemm mil-limitazzjonijiet tagħna, mid-dinja tagħna; biex jgħinna niltaqgħu miegħu, speċjalment fil-mument li fih hu nnifsu, fl-Ewkaristija Mqaddsa, jintelaq f’idejna u f’qalbna.

 

Immorru sa Betlehem: b’dawn il-kelmiet li, flimkien mar-ragħajja, illissnu wieħed lill-ieħor, ma rridux naħsbu biss fil-vjaġġ kbir lejn Alla l-ħaj, imma wkoll lejn il-belt konkreta ta’ Betlehem, lejn il-postijiet kollha li fihom il-Mulej għex, ħadem u bata. F’din is-siegħa nitolbu għall-persuni li llum qed jgħixu u jsofru f’dawn il-postijiet. Nitolbu biex hemm tinbet il-paċi. Nitolbu biex Lhud u Palestinjani jistgħu jgħixu ħajjithom fil-paċi ta’ Alla wieħed u fil-libertà. Nitolbu wkoll għall-pajjiżi tal-madwar, għal-Libanu, għas-Sirja, għall-Iraq u l-bqija: biex hemm ukoll titwettaq il-paċi. Jalla l-Insara f’dawn il-pajjiżi fejn twieldet il-fidi tagħna jkunu jistgħu jgħammru bis-sliem fid-djar tagħhom; jalla l-Insara u l-Musulmani flimkien ikunu kapaċi jibnu l-pajjiżi tagħhom fis-sliem ta’ Alla.

 

Ir-ragħajja marru jħaffu. Kienu mqanqla minn kurżità qaddisa u hena qaddis. Fostna rari ħafna jiġri li nħaffu biex nagħmlu l-ħwejjeġ ta’ Alla. Illum Alla ma jagħmilx parti mir-realtà urġenti tagħna. Il-ħwejjeġ ta’ Alla – hekk naħsbu u ngħidu – jistgħu jistennew. Safrattant, hu r-realtà l-iktar importanti, l-Uniku wieħed li, fl-aħħar mill-aħħar, hu tabilħaqq importanti. Għaliex m’għandniex niddakkru aħna wkoll minn din il-kurżità li mmorru naraw iżjed mill-qrib u nagħrfu dak li Alla qalilna? Nitolbu biex il-kurżità qaddisa u l-hena qaddis tar-ragħajja f’din is-siegħa jmissu wkoll lil qalbna, u hekk bil-ferħ kollu mmorru sa Betlehem – għand il-Mulej li llum ukoll jiġi mill-ġdid biex jiltaqa’ magħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard