MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

GĦAL JUM DINJI

TA’ TALB GĦALL-VOKAZZJONIJIET

21 APRIL 2013 - IV ĦADD TAL-GĦID

Tema: Il-vokazzjonijiet sinjal ta’ tama mibnija fuq il-fidi

Għeżież ħuti!

Fl-okkażjoni tal-50 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, li se jkun iċċelebrat fil-21 ta’ April 2013, ir-raba’ Ħadd tal-Għid, nixtieq nistedinkom tirriflettu fuq it-tema: “Il-vokazzjonijiet sinjal ta’ tama mibnija fuq il-fidi”  li taqbel ħafna mal-kuntest tas-Sena tal-Fidi u mal-50 anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.

Matul is-sessjonijiet tal-Konċilju, il-Qaddej t’Alla, Pawlu VI, waqqaf dan il-jum mondjali ta’ talb lil Alla Missier sabiex ikompli jibgħat ħaddiema għall-Knisja tiegħu (ara Mt 9:38).  “Il-problema ta’ nuqqas ta’ saċerdoti”, kien qal il-Papa dakinhar, “tolqot mill-qrib lill-fidili kollha: mhux biss għaliex huma jiddependu minna għall-futur reliġjuż tas-soċjetà nisranija, imma wkoll għaliex din il-problema hija l-indikatur eżatt u inevitabbli tal-ħajja tal-fidi u tal-imħabba ta’ kull komunità parrokkjali u djoċesana, u x-xhieda tas-saħħa morali tal-familji nsara. Kull fejn hemm vokazzjonijiet numerużi għall-ħajja saċerdotali u l-ħajja konsagrata, hemm ukoll huwa fejn in-nies qed jgħixu l-Evanġelju bil-generożità”  (Pawlu Vi, Messaġġ tar-radju, 11 April 1964).

Matul dawn l-għexieren ta’ snin, fir-raba’ Ħadd tal-Għid, il-komunitajiet ekkleżjali mxerda mad-dinja kollha kienu spiritwalment magħqudin kull sena, sabiex jitolbu minn għand Alla r-rigal ta’ vokazzjonijiet qaddisa u biex jerġgħu jipproponu għar-riflessjoni ta’ kulħadd, il-ħtieġa urġenti li nirrispondu għas-sejħa divina. Verament li dan l-appuntament sinifikattiv ta’ kull sena ġab ‘il quddiem l-impenn qawwi biex inpoġġu l-importanza tal-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja konsagrata aktar fiċ-ċentru tal-ispiritwalità, tal-ħidma pastorali u tat-talb tal-fidili.

It-tama hi stennija għall-futur ta’ xi ħaġa posittiva, imma li fl-istess waqt trid issostni l-preżent tagħna, li spiss huwa mmarkat bi frustrazzjoni u fallimenti.  Fuq xhiex hija mibnija t-tama tagħna?  Meta nħarsu lejn il-ġrajja tal-poplu ta’ Iżrael rakkuntata fit-Testment il-Qadim, naraw toħroġ, anke f’mumenti ta’ diffikulta kbira bħal dawk tal-eżilju, element kostanti mfakkar partikolarment mill-profeti: it-tifkira tal-wegħdiet li għamel Alla lill-Patrijarki; tifkira li titlobna li nimitaw l-atteġġjament ta’ Abram, li kif ifakkar l-Appostlu Pawlu, “emmen u ttama kontra kull tama, u hekk sar missier ta’ ħafna ġnus, kif kien intqal lilu: hekk ikun nislek” (Rum 4:18).  Verità li ssabbarna li toħroġ mill-istorja tas-salvazzjoni hija, allura, il-fedeltà ta’ Alla għall-patt li Huwa kien għamel u li ġedded kull darba li l-bniedem kien kisru bl-infedeltà, bid-dnub, minn żmien id-dulluvju (ara Ġen 8:21-22), sa żmien l-eżodu u l-mixja fid-deżert (ara Dewt 9:7); fedeltá ta’ Alla li waslet biex tissiġilla l-patt ġdid u etern mal-bniedem, permezz tad-demm ta’ Ibnu, mejjet u rxoxt għas-salvazzjoni tagħna.

F’kull mument, fuq kollox f’dawk l-aktar diffiċli, hija dejjem il-fedeltà tal-Mulej, il-forza tassew li tmexxi l-istorja tas-salvazzjoni, li tqanqal il-qlub tal-irġiel u n-nisa u li ssaħħaħhom fit-tama li jum minnhom jaslu fl-Art imwegħda.  Hawn qiegħed il-pedament ċert ta’ kull tama: Alla ma jitlaqna qatt waħedna u huwa fidil għall-kelma li ta. Minħabba f’hekk, f’kull sitwazzjoni, kemm jekk sabiħa u kemm jekk mhix, nistgħu inrawmu tama qawwija u nitolbu mas-Salmista: “F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi, minnu biss it-tama tiegħi” (Salm 62:6).   Għalhekk li jkolli t-tama huwa l-istess bħal li jkolli fiduċja f’Alla fidil, li jżomm il-wegħdiet tal-patt.  Hemm rabta stretta bejn il-fidi u t-tama.  “Tama”, hija infatti, il-kelma ċentrali tal-fidi biblika, tant li f’bosta passaġġi “fidi” u “tama” bħal donnhom juntużaw flok xulxin.  Hekk li l-ittra lil-Lhud torbot mill-qrib “il-milja tal-fidi” (10:22) “mas-sħuħija fl-istqarrija qawwija tat-tama” (10:23).  Anki meta l-ewwel ittra ta’ Pietru tħeġġeġ lill-insara jkunu dejjem lesti li jagħtu tweġiba dwar il-logos – is-sens u r-raġuni – tat-tama tagħhom (ara 3:15), “tama” hija xorta waħda bħal “fidi” (Enċ. Spe salvi, 2).

Għeżież ħuti, fhiex tikkonsisti l-fedeltà ta’ Alla li fiha nafdaw lilna nfusna b’tama qawwija?  Fl-imħabba tiegħu. Huwa, li hu Missier, permezz tal-Ispirtu s-Santu, iferra fil-jien l-aktar profond tagħna, l-imħabba tiegħu (ara Rum 5:5).  U propju din l-imħabba, li turi lilha nfisha b’mod sħiħ f’Ġesù Kristu, tisfida l-eżistenza tagħna, titlob tweġiba dwar dak li kull wieħed irid jagħmel b’ħajtu, dwar kemm huwa lest joffri biex jgħixha b’mod sħiħ.  Kultant, l-imħabba ta’ Alla tgħaddi minn sqaqien li ma nimmaġinawx, imma hija dejjem tilħaq lil dawk li lesti jkunu misjuba.  It-tama, għalhekk, tgħid fuq din iċ-ċertezza, “Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16). U din l-imħabba eżiġenti, profonda, li tinżel l-isfel mill-qoxra, tagħmlilna kuraġġ, tagħtina t-tama fil-mixja tal-ħajja u fil-ġejjieni, tagħtina fiduċja fina nfusna, fil-ġrajja u fl-oħrajn.  Nixtieq nindirizza partikolament liż-żgħażagħ u ntennilhom: “X’isir minn ħajjitkom mingħajr din l-imħabba?  Alla jieħu ħsieb il-bniedem mill-ħolqien sa l-aħhar taż-żminijiet, meta jtemm il-pjan tiegħu tas-salvazzjoni. Fil-Mulej Rxoxt għandna ċ-ċertezza tat-tama tagħna” (Diskors liż-żgħażagħ tad-Djoċesi ta’ San Marino-Montefeltro, 19 Ġunju 2011).

L-istess kif kien jiġri fil-ħajja tiegħu fuq l-art, anke llum Ġesù, l-Irxoxt, jgħaddi mit-toroq ta’ ħajjitna, u jarana mgħaddsin fl-attivitajiet tagħna, bix-xewqat tagħna u l-ħtiġijiet tagħna. Fil-ħajja ta’ kuljum huwa jkompli jwasslilna l-kelma tiegħu, jsejħilna biex ngħixu ħajjitna miegħu, l-uniku wieħed li jista’ jaqtalna l-għatx tagħna għat-tama.  Huwa, Ħaj fil-ġemgħa tad-dixxipli li hija l-Knisja, anke llum isejjaħ persuni biex jimxu warajh. U din is-sejħa tista’ tasal f’kull ħin.   Anke llum Ġesù jtenni: “Ejja! Imxi warajja!” (Mk 10:21).   Li nilqgħu din l-istedina, jfisser li ma nagħżlux aktar it-triq tagħna waħedna.  Li nimxi warajh ifisser li ngħaddas ir-rieda tiegħi f’dak li jrid Ġesù, li għalija jkollu tassew il-prijorità, li npoġġieh fl-ewwel post qabel dak kollu li jagħmel parti mill-ħajja tiegħi: il-familja, ix-xogħol, l-interessi personali, inpġġieh qabli stess.  Ifisser li nagħti l-ħajja tiegħi Lilu, ngħix Miegħu f’intimità profonda, li permezz Tiegħu nidħol f’għaqda mal-Missier fl-Ispirtu s-Santu, u b’riżultat ta’ dan, ma’ ħuti wkoll.  U din għaqda ta’ ħajja ma’ Ġesù hi l-post vantaġġat fejn nistgħu nesperjenzaw it-tama u fejn il-ħajja tkun ħielsa u sħiħa!

Il-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi jitwieldu mill-esperjenza tal-laqgħa personali ma’ Kristu, mid-djalogu sinċier u kunfidenti Miegħu, biex nidħlu fir-rieda tiegħu.  Huwa għalhekk meħtieġ li nikbru fl-esperjenza tal-fidi, mifhuma bħala relazzjoni profonda ma’ Ġesù, bħala smiegħ intern tal-leħen tiegħu, li jidwi ġewwa fina. Din il-mixja, li tagħmilna kapaċi li nilqgħu s-sejħa ta’ Alla, tista’ jseħħ fi ħdan il-komunitajiet insara li jgħixu f’ambjent qawwi ta’ fidi, fejn hija mogħtija xħieda ġeneruża ta’ rabta mal-Evanġelju, fejn hemm sens qawwi ta’ missjoni li jwassal għal-għotja totali tal-persuna għas-Saltna ta’ Alla, sostnuta mis-sehem fis-Sagramenti, b’mod speċjali l-Ewkaristija, u minn ħajja ħerqana ta’ talb.  Din tal-aħħar, trid li min-naħa l-waħda, tkun personali ħafna, laqgħa bejn il-jien tiegħi u Alla, ma’ Alla ħaj. Madankollu, min-naħa l-oħra, hija trid tkun dejjem immexxija u mdawwla mit-talba kbira tal-Knisja, mit-talba liturġika, li fiha l-Mulej kontinwament jgħallimna nitolbu bil-mod tajjeb (Spe salvi, 34).

Il-talb kontinwu u profond ikabbar il-fidi tal-ġemgħa nisranija, b’konvinzjoni dejjem imġedda li Alla qatt ma jitlaq il-poplu tiegħu u li jmantnieh billi jqajjem fi ħdanu vokazzjonijiet speċjali, għas-saċerdozju u għall-ħajja konsagrata, biex ikunu għad-dinja, sinjali ta’ tama.  Il-presbiteri u r-reliġjużi, infatti, huma msejħa biex jagħtu lilhom infushom bla kondizzjoni għall-Poplu ta’ Alla, f’servizz ta’ mħabba għall-Evanġelju u għall-Knisja, servizz lejn dik it-tama soda, li tkun mogħtija biss minn ftuħ għal Alla.  Għalhekk huma, bix-xhieda tal-fidi u bil-ħeġġa appostolika tagħhom, jistgħu jwasslu, partikolarment lill-ġenerazzjonijiet ġodda, ix-xewqa ħajja li jwieġbu b’ġenerożità u minnufih lil Kristu, li jsejħilhom biex jimxu warajh aktar mill-qrib.  Meta dixxiplu ta’ Ġesù jilqa’ s-sejħa divina biex jiddedika lilu nnifsu għall-ministeru saċerdotali jew għall-ħajja konsagrata, hemm jidher wieħed mill-frottijiet l-aktar misjura tal-ġemgħa nisranija, li jgħin biex inħarsu b’fiduċja u tama partikolari lejn il-futur tal-Knisja u lejn l-impenn tagħha ta’ evanġelizzazzjoni.  Dan jitlob dejjem ħaddiema ġodda għall-predikazzjoni tal-Evanġelju, għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.  Għalhekk ħalli ma jonqsux saċerdoti mħeġġa, li jafu jimxu maż-żgħażagħ, bħala kumpanji fil-vjaġġ, biex jgħinnuhom biex isibu t-triq kultant mgħawwġa u mudlama tal-ħajja, jagħrfu l-Kristu li hu Triq, Veritá u Ħajja (ara Ġw 14:6); biex jipproponulhom b’kuraġġ evanġeliku, il-ġmiel tas-servizz lil Alla, lill-ġemgħa nisranija, lill-aħwa.  Saċerdoti li juru kemm iħalli frott dak l-impenn mħeġġeġ li jagħti sens ta’ sodisfazzjon fil-ħajja tagħhom, għaliex din hija mibnija fuq il-fidi f’Dak li ħabbna Hu l-ewwel (ara Ġw 4:19).

Bl-istess mod nawgura li ż-żgħażagħ, li huma f’nofs tant għażliet superfiċjali u li jintemmu malajr, ikunu jafu jrawwmu fihom ġibda lejn dak li jiswa tassew, lejn oġġettivi ta’ valur, lejn għażliet radikali, lejn servizz għall-oħrajn kif għamel Ġesù.   Għeżież żgħażagħ, tibżgħux li timxu warajh u li tgħaddu mit-toroq iebsa u kuraġġużi tal-imħabba u tal-impenn ġeneruż!  Hekk tkunu kuntenti li taqdu, tkun xhieda ta’ dik l-hena li d-dinja ma tistax tagħti, tkunu bħal ilsna ta’ nar ħajja b’imħabba infinita u eterna, titgħallmu “tagħtu tweġiba dwar il-għala tat-tama li hemm fikom” (1 Pt 3:15) !

 

Mill-Vatikan, 6 ta’ Ottubru 2012.

 

BENEDITTU XVI