ŻJARA PASTORALI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

F’LORETO

FL-OKKAŻJONI TAL-AGORÀ TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TALJANI

 

VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Wied ta’ Montorso

Is-Sibt 1 ta’ Settembru 2007

 

TWEĠIBIET TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

GĦALL-MISTOQSIJIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ PARTEĊIPANTI FIL-VELJA

 

Mistoqsija miż-żgħażagħ Piero Tisti u Giovanna Di Mucci:

 

Ħafna minna ż-żgħażagħ tal-periferija m’għandniex ċentru, post jew persuni li kapaċi jagħtuna identità. Inħossuna bla storja, bla perspettivi u għalhekk bla futur. Donnu dak li tassew nixtiequ ma jseħħ qatt. Minn hawn tiġi l-esperjenza tas-solitudni u, xi drabi, tad-dipendenzi. Santità, hemm xi ħadd jew xi ħaġa li għaliha nistgħu nsiru importanti? Kif nistgħu nittamaw, meta r-realtà ċċaħħadna minn kull ħolma ta’ ferħ, kull proġett ta’ ħajja?

 

Tweġiba tal-Papa:

 

Grazzi ta’ din il-mistoqsija u tal-preżentazzjoni realistika ħafna tas-sitwazzjoni.

 

Dwar il-periferiji ta’ din id-dinja bi problemi kbar mhux faċli nwieġeb issa u ma rridux ngħixu f’ottimiżmu faċli, imma, mill-banda l-oħra, irid ikollna l-kuraġġ u nimxu ’l quddiem. Hekk tista’ dduq diġà s-sustanza tat-tweġiba tiegħi: Iva, hemm tama llum ukoll, kull wieħed u waħda minnkom hu importanti, għax kull wieħed u waħda Alla jafu u riedu jeżisti, u għal kull wieħed u waħda Alla għandu l-pjan tiegħu. Jeħtieġ niskopruh u nikkorrispondu miegħu, biex ikun possibbli li, minkejja dawn is-sitwazzjonijiet ta’ prekarjetà u ta’ marġinalità, inwettqu l-pjan ta’ Alla għalina.

 

Imma, biex ninżel fid-dettall, int ippreżentajtilna realistikament is-sitwazzjoni ta’ soċjetà: fil-periferiji donnu diffiċli timxi ’l quddiem, tibdel id-dinja għall-aħjar. Kollox jidher ikkonċentrat fiċ-ċentri kbar tal-poter ekonomiku u politiku, il-burokraziji l-kbar jiddominaw u min isib ruħu fil-periferiji tassew jidher eskluż minn din il-ħajja. Għalhekk aspett wieħed ta’ din is-sitwazzjoni ta’ emarġinazzjoni ta’ tant nies hu li ċ-ċelloli l-kbar tal-ħajja tas-soċjetà, li jistgħu jibnu ċentri anki fil-periferija, huma mfarrkin: il-familja, li għandha tkun il-post tal-laqgħa bejn il-ġenerazzjonijiet – mill-bużnannu san-neputi – għandha tkun post fejn jiltaqgħu mhux biss il-ġenerazzjonijiet, imma fejn wieħed jitgħallem jgħix, jiġu mgħallma l-virtujiet essenzjali biex wieħed jgħix, hi mfarrka, tinsab fil-periklu. Irridu nħabirku iżjed biex nagħmlu kulma hu possibbli ħalli l-familja tkun ħajja, ħalli tkun illum ukoll iċ-ċellola vitali, iċ-ċentru fil-periferija. Hekk anki l-parroċċa, iċ-ċellola ħajja tal-Knisja, għandha tkun tassew post ta’ ispirazzjoni u ta’ ħajja u ta’ solidarjetà li tgħin biex nibnu flimkien iċ-ċentri fil-periferija.

 

U, hawn irrid ngħid, spiss nitkellmu fil-Knisja dwar periferija u ċentru, li suppost hi Ruma, imma fir-realtà fil-Knisja m’hemmx periferija, għax fejn hemm Kristu, hemmhekk hemm iċ-ċentru kollu. Fejn tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, fejn hemm it-Tabernaklu, hemm Kristu u għalhekk hemm iċ-ċentru, u rridu nagħmlu minn kollox biex dawn iċ-ċentri ħajjin ikunu effikaċi, preżenti u jkunu tassew qawwa li teħodha kontra din l-emarġinazzjoni. Il-Knisja ħajja, il-Knisja tal-komunitajiet iż-żgħar, il-Knisja parrokkjali, il-movimenti għandhom isawru huma wkoll ċentri fil-periferija u hekk jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet li l-politika l-kbira ovvjament ma tegħlibx, u jeħtieġ fl-istess waqt naħsbu wkoll li minkejja l-koċentrazzjonijiet kbar tal-poter, proprju s-soċjetà tal-lum teħtieġ is-solidarjetà, is-sens tal-legalità, l-inizjattiva u l-kreattività ta’ kulħadd. Naf li iżjed faċli ngħiduh dan milli nwettquh, imma hawn qed nilmaħ persuni li jħabirku biex fil-periferiji wkoll jikbru ċentri, tikber it-tama, u għalhekk jidhirli li proprju fil-periferiji għandna nieħdu l-inizjattiva, jeħtieġ li l-Knisja tkun preżenti, li ċ-ċentru tad-dinja, Kristu, jkun preżenti.

 

Rajna u qed naraw illum fil-Vanġelu li għal Alla m’hemmx periferiji. L-Art Imqaddsa, fil-kuntest vast tal-Imperu Ruman, kienet periferija; Nazaret kienet periferija, belt minsija. U madankollu proprju din ir-realtà, fil-fatt, kienet iċ-ċentru li bidel id-dinja! U hekk aħna wkoll irridu nsawru ċentri ta’ fidi, ta’ tama, ta’ mħabba u ta’ solidarjetà, ta’ sens ta’ ġustizzja u ta’ legalità, ta’ koperazzjoni. Hekk biss tista’ tibqa’ sħiħa s-soċjetà moderna. Għandha bżonn ta’ dan il-kuraġġ, li toħloq ċentri, anki jekk ovvjament donnu m’hemmx tama. Irridu neħduha kontra dan il-qtigħ ta’ qalb, biex il-bnedmin jistgħu jikkollaboraw u jgħixu. Id-dinja, dan qed narawh, għandha tinbidel, imma hi proprju l-missjoni taż-żgħażagħ li jibdluha!

 

Dan ma nistgħux nagħmluh bis-saħħa tagħna waħidna, imma f’komunjoni ta’ fidi u ta’ mixja. F’komunjoni ma’ Marija, mal-qaddisin kollha, f’komunjoni ma’ Kristu nistgħu nagħmlu xi ħaġa essenzjali, u nħeġġiġkom u nistedinkom tafdaw fi Kristu, tafdaw f’Alla. Jekk nibqgħu fil-kumpanija kbira tal-qaddisin u nimxu ’l quddiem magħhom, dan jista’ jibdel id-dinja, għax noħolqu ċentri fil-periferija, biex din tassew tista’ ssir viżibbli u hekk issir realistika t-tama ta’ kulħadd u kulħadd jista’ jgħid: “Jiena importanti fit-totalità tal-Istorja. Il-Mulej jgħinna hu”. Grazzi.

 

Mistoqsija miż-żagħżugħa Sara Simonetta:

 

Jiena nemmen f’Alla li mess il-qalb tiegħi, imma huma ħafna l-inċertezzi, il-mistoqsijiet, il-biżgħat li nġorr ġewwa fija. Mhux faċli nitkellem dwar Alla ma’ sħabi; ħafna minnhom jaraw il-Knisja bħala realtà li tiġġudika liż-żgħażagħ, li hi kontra x-xewqat tagħhom għall-hena u għall-imħabba. Quddiem dan ir-rifjut inħoss is-solitudni kollha tiegħi ta’ bniedma u nixtieq inħoss lil Alla qrib tiegħi. Santità, qalb dan is-silenzju fejn jinsab Alla?

 

Tweġiba tal-Papa:

 

Iva, ilkoll kemm aħna, imqar jekk nemmnu, doqna s-skiet ta’ Alla. Fis-Salm li għidna issa hemm din il-karba kważi ddisprata: “Tkellem, Mulej, la taħbix wiċċek!”, u ftit ilu ġie ppubblikat ktieb bl-esperjenzi spiritwali ta’ Madre Tereża u dak li diġà konna nafu jidher iktar b’mod miftuħ: bil-karità kollha tagħha, il-qawwa tal-fidi tagħha, Madre Tereża sofriet il-silenzju ta’ Alla. Minn naħa, irridu nissaportu dan is-silenzju ta’ Alla anki biex nistgħu nifhmu lil ħutna li ma jafux lil Alla. Mill-banda l-oħra, mas-Salm nistgħu dejjem ngħajtu quddiem Alla: “Tkellem, uri wiċċek!”. U bla dubju fil-ħajja tagħna, jekk il-qalb tkun miftuħa, nistgħu nsibu l-mumenti kbar li fihom tassew il-preżenza ta’ Alla ssir sensibbli anki għalina.

 

Bħalissa qed niftakar fi storja żgħira li Ġwanni Pawlu II rrakkonta fl-Eżerċizzi li pprietka fil-Vatikan meta kien għadu ma sarx Papa. Irrakkonta li wara l-gwerra mar żaru uffiċjal Russu li kien xjenzat, li bħala xjenzat qallu: “Jiena ċert li Alla ma jeżistix. Imma jekk immur fil-muntanji, quddiem il-ġmiel maestuż tagħhom, quddiem il-kobor tagħhom, daqshekk ieħor jiena ċert li l-Ħallieq jeżisti u li Alla jeżisti”. Il-ġmiel tal-Ħolqien hu wieħed mill-għejun fejn tassew nistgħu mmissu l-ġmiel ta’ Alla, nistgħu naraw li l-Ħallieq jeżisti u hu tajjeb, li huwa minnu dak li l-Iskrittura Mqaddsa tgħid fir-rakkont tal-Ħolqien, jiġifieri li Alla ħaseb u għamel bil-qalb tiegħu, bir-rieda tiegħu, bir-raġuni tiegħu lil din id-dinja u sab li kienet tajba. Anki aħna rridu nkunu tajbin, biex ikollna qalbna miftuħa ħalli nifhmu l-vera preżenza ta’ Alla.

 

Imbagħad meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla fiċ-ċelebrazzjonijiet kbar liturġiċi, fil-festi tal-fidi, fil-mużika kbira tal-fidi, inħossu din il-preżenza. Bħalissa qed niftakar fi storja oħra li rrakkontali xi żmien ilu wieħed isqof waqt żjara “ad limina”: kien hemm mara mhux Nisranija, intelliġenti ħafna, li bdiet tisma’ l-mużika kbira ta’ Bach, Handel, Mozart. Kienet tibqa’ msaħħra u jum wieħed qalet: “Irrid insib l-għajn mnejn seta’ telaq dan il-ġmiel”, u l-mara kkonvertiet għall-Kristjaneżmu, għall-fidi Kattolika, għax kienet sabet li dan il-ġmiel għandu għajn, u l-għajn hi l-preżenza ta’ Kristu fil-qlub, hi r-rivelazzjoni ta’ Kristu f’din id-dinja. Għalhekk, festi kbar tal-fidi, taċ-ċelebrazzjoni liturġika, imma anki d-djalogu personali ma’ Kristu: hu mhux dejjem iwieġeb, imma hemm mumenti li fihom tassew iwieġeb.

 

Imbagħad hemm il-ħbiberija, il-kumpanija tal-fidi. Issa, hawn miġburin f’Loreto, qed naraw kif il-fidi tgħaqqad, il-ħbiberija toħloq kumpanija ta’ persuni f’mixja. U nħossu li dan kollu ma jiġix mix-xejn, imma għandu tassew għajn, li Alla sieket hu wkoll Alla li jitkellem, li juri min hu u fuq kollox li aħna stess nistgħu nkunu xhieda tal-preżenza tiegħu, li mill-fidi tagħna joħroġ tassew dawl ukoll għall-oħrajn. Għalhekk jien ngħid, minn banda rridu naċċettaw li f’din id-dinja Alla hu sieket, imma ma rridux inkunu torox għad-diskors tiegħu, għal meta hu jidher f’tant okkażjonijiet, u nilmħu fuq kollox fil-Ħolqien, fil-liturġija sabiħa, fil-ħbiberija ġewwa l-Knisja, il-preżenza tal-Mulej u, mimlija bil-preżenza tiegħu, nistgħu aħna wkoll nagħtu dawl lill-oħrajn.

 

Hekk niġi għat-tieni jew għall-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħek: diffiċli tkellem lill-ħbieb tal-lum dwar Alla u forsi iżjed diffiċli titkellem fuq il-Knisja, għax f’Alla jaraw biss il-limitu tal-libertà tagħna, Alla tal-kmandamenti, tal-projbizzjonijiet u fil-Knisja istituzzjoni li tillimita l-libertà tagħna, li timponilna l-projbizzjonijiet. Imma rridu nfittxu li nuruhom il-Knisja ħajja, mhux din l-idea ta’ ċentru ta’ poter fil-Knisja b’dawn it-tikketti, imma l-komunitajiet ta’ kumpanija li fihom, minkejja l-problemi kollha tal-ħajja, li huma hemm għal kulħadd, jitwieled il-ferħ tal-ħajja.

 

Hawn qed niftakar fit-tielet ħaġa. Kont il-Brażil u fil-Fazenda da Esperança, din ir-realtà kbira fejn id-drogati jiġu kkurati u jsibu mill-ġdid it-tama, isibu mill-ġdid il-ferħ tal-ħajja, u huma taw xhieda li proprju l-iskoperta li Alla jeżisti għalihom fissret il-fejqan mid-disperazzjoni. Hekk fehmu li l-ħajja tagħhom għandha sens u reġgħu sabu l-ferħ li jgħixu f’din id-dinja, il-ferħ li jaffrontaw il-problemi tal-ħajja umana. Għalhekk f’kull qalb umana, minkejja l-problemi kollha li hemm, hemm l-għatx għal Alla, u fejn jgħib Alla, tgħib ukoll ix-xemx li tagħti d-dawl u l-ferħ. Dan l-għatx tal-infinit li hemm fi qlubna jidher proprju anki fir-realtà tad-droga: il-bniedem irid iwessa’ l-firxa tal-ħajja, irid iżjed mill-ħajja, irid jaħtaf l-infinit, imma d-droga hi gidba, qerq, għax ma twessax il-ħajja, imma teqred il-ħajja. L-għatx kbir li jkellimna dwar Alla u jmexxina lejn Alla hu veru, imma rridu ngħinu lil xulxin.

 

Kristu ġie proprju biex joħloq xibka ta’ komunjoni fid-dinja, fejn ilkoll flimkien nistgħu inġorru lil xulxin u hekk ngħinu lil xulxin insibu flimkien it-triq tal-ħajja u nifhmu li l-Kmandamenti ta’ Alla mhumiex limitazzjonijiet tal-libertà tagħna, imma t-toroq li jmexxuna lejn l-ieħor, lejn il-milja tal-ħajja. Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna nifhmu l-preżenza tiegħu, biex inkunu mimlija bir-Rivelazzjoni tiegħu, bil-ferħ tiegħu, u ngħinu lil xulxin fil-kumpanija tal-fidi biex nimxu ’l quddiem, u nsibu dejjem iżjed ma’ Kristu l-veru wiċċ ta’ Alla u hekk il-ħajja vera.

 

* * *

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Għeżież żgħażagħ, li intom it-tama tal-Knisja fl-Italja! Kemm inħossni kuntent li qed niltaqa’ magħkom f’dan il-post hekk singulari, f’din is-serata speċjali, għanja fit-talb, fil-kant, fis-skiet, mimlija tamiet u emozzjonijiet qawwija. Dan il-wied, fejn fl-imgħoddi anki l-predeċessur maħbub tiegħi Ġwanni Pawlu II ltaqa’ ma’ ħafna minnkom, issa sar l-“agorà” tagħkom, il-pjazza tagħkom mingħajr ħitan u fruntieri, fejn elf triq jiltaqgħu u jerġgħu mill-ġdid jinfirdu. Smajt b’attenzjoni lil min tkellem f’isimkom kollha. F’dan il-post tal-laqgħa fis-sliem, awtentika u hienja, intom ġejtu għal elf raġuni differenti: min għax jagħmel parti minn xi grupp, min għax stiednu xi ħabib, min b’konvinzjoni qawwija, min b’xi dubju f’qalbu, min għal sempliċi kurżità… Hi x’inhi r-raġuni li wasslitkom sa hawn, nista’ ngħidilkom li dak li jgħaqqadna, anki jekk din ħaġa li titlob kuraġġ biex tgħidha, hu l-Ispirtu s-Santu. Iva, hekk hu tassew: l-Ispirtu mexxiekom sa hawn; hawn ġejtu bid-dubji tagħkom u ċ-ċertezzi tagħkom, bil-ferħ tagħkom u t-tħassib tagħkom. Issa jmiss lilna lkoll, lilkom ilkoll tiftħu qalbkom u toffru kollox lil Ġesù.

 

Għidulu: Ara, jien ninsab hawn, bla dubju għadni m’iniex kif tixtieqni int, bilkemm lili nnifsi mhu jirnexxili nifhem sal-aħħar, imma bl-għajnuna tiegħek jiena lest nimxi warajk. Mulej Ġesù, illejla nixtieq nitkellem miegħek, u nagħmel tiegħi l-atteġġjament interjuri u t-telqa fiduċjuża ta’ dik il-mara żagħżugħa, li fuq elfejn sena ilu qalet l-“iva” tagħha lill-Missier li għażilha biex tkun Ommok. Il-Missier għażilha għax kienet doċli u ubbidjenti għar-rieda tiegħu. Bħalha, bħaċ-ċkejkna Marija, kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ, ħa jgħid b’fidi lil Alla: Hawn jien, “ħa jsir minni skont kelmtek”!

 

Xi spettaklu mill-isbaħ ta’ fidi żagħżugħa u li jinvolvina lkoll qed ngħixu llejla! Illejla Loreto sar, grazzi għalikom, il-kapitali spiritwali taż-żgħażagħ; iċ-ċentru li lejh jimxu fl-ideal tagħhom il-ġmiegħi kbar ta’ żgħażagħ mill-ħames kontinenti. F’dan il-mument inħossuna bħal imdawrin mix-xewqat u mit-tamiet ta’ miljuni ta’ żgħażagħ mid-dinja kollha: f’din l-istess siegħa xi wħud qed jishru, oħrajn reqdin, oħrajn għadhom qed jistudjaw jew jaħdmu; hemm min qed jittama u hemm min qed jiddispra, min jemmen u min mhux jirnexxilu jemmen, min iħobb il-ħajja u min minflok qed jarmiha. Għandkom kollha nixtieq li tasal din il-kelma tiegħi: il-Papa jinsab qrib tagħkom, jaqsam fil-ferħ tagħkom u fin-niket tagħkom, fuq kollox jaqsam fit-tamiet l-aktar qawwija li hemm fil-qalb tagħkom u għal kull wieħed u waħda jitlob lill-Mulej id-don ta’ ħajja mimlija u hienja, ħajja b’tifsira għanja, ħajja vera.

 

B’xorti ħażina llum, mhux darba u tnejn, ħajja mimlija u hienja ħafna żgħażagħ jarawha bħala ħolma diffiċli – smajna tant xhieda – u xi drabi kważi li ma tistax titwettaq. Tant żgħażagħ tal-età tagħkom iħarsu lejn il-futur b’biża’ u jagħmlu ħafna mistoqsijiet. Jistaqsu mħassba: kif nistgħu ninserixxu ruħna f’soċjetà mmarkata minn għadd kbir ta’ inġustizzji serji u tbatijiet? Kif nirreaġixxu għall-egoiżmu u għall-vjolenza li xi kultant jidhru qed jirbħu? Kif nagħtu sens sħiħ lill-ħajja? Bi mħabba u konvinzjoni ntennilkom, żgħażagħ hawn preżenti, u permezz tagħkom, lil sħabkom tal-età tagħkom mid-dinja kollha: La tibżgħux, Kristu jista’ jimla x-xewqat l-aktar qawwija tal-qlub tagħkom! Hemm forsi ħolm li ma jistax jitwettaq jekk dak li jqanqlu u jxettlu fil-qalb tagħkom huwa l-istess Spirtu ta’ Alla? Hemm xi ħaġa li tista’ timblokka l-entużjażmu tagħna meta aħna magħqudin ma’ Kristu? Ħadd u xejn, kieku jgħidilna l-Appostlu Pawlu, ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla, fi Kristu Ġesù Sidna (ara Rum 8:35-39).

 

Ħalluni llejla ntennilkom: kull wieħed u waħda minnkom, jekk jibqa’ magħqud ma’ Kristu, jista’ jagħmel ħwejjeġ kbar. Dan għaliex, għeżież ħbieb tiegħi, ma għandkomx għax tibżgħu toħolmu b’għajnejkom miftuħa fi proġetti kbar ta’ ġid u m’għandkomx tħallu d-diffikultajiet jaqtgħulkom qalbkom. Kristu għandu fiduċja fikom u jixtieqkom twettqu kull ħolma nobbli u għolja tagħkom ta’ hena veru. Xejn ma hu impossibbli għal min jafda f’Alla u jafda ruħu f’idejn Alla. Ħarsu lejn ix-xebba Marija! L-Anġlu pproponielha xi ħaġa tassew inkonċepibbli: li tieħu sehem bl-aktar mod sħiħ fl-iktar grandjuż fost il-pjanijiet ta’ Alla, is-salvazzjoni tal-umanità. Quddiem din il-proposta, Marija, kif smajna fil-Vanġelu, titħawwad, għax tħoss iċ-ċokon kollu tagħha quddiem il-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox; u staqsiet: Kif ikun dan? Għaliex proprju jien? Imma kienet lesta li twettaq ir-rieda divina, u għalhekk lissnet minnufih l-“iva” tagħha, li bidlitilha ħajjitha u bidlet l-istorja tal-umanità kollha. Hu grazzi għall-“iva” tagħha li aħna wkoll ninsabu hawn illejla.

 

Nistaqsi lili nnifsi u lilkom: it-talbiet li jagħmlilna Alla, jidhru kemm jidhru impenjattivi għalina, jistgħu qatt joqorbu lejn dak li Alla talab miż-żagħżugħa Marija? Għeżież żgħażagħ, nitgħallmu minn Marija ngħidu l-“iva” tagħna, għax hi tabilħaqq taf xi jfisser twieġeb b’ġenerożità għat-talbiet tal-Mulej. Għeżież żgħażagħ, Marija taf x’inhuma x-xewqat l-aktar nobbli u qawwija tagħkom. Fuq kollox, hi taf tajjeb ix-xewqa kbira tagħkom għall-imħabba, il-bżonn tagħkom li tħobbu u tkunu maħbuba. Jekk tħarsu lejha, timxu warajha bi ħlewwa, tiskopru l-ġmiel tal-imħabba, imma mhux ta’ mħabba “uża u armi”, li tgħaddi u tqarraq, ilsira ta’ mentalità egoista u materjalista, imma tal-imħabba vera u qawwija. Fil-qiegħ nett tal-qalb tiegħu kull żagħżugħ u żagħżugħa, li jaffaċċja l-ħajja, għandu ħolma ta’ mħabba li tagħti sens sħiħ lill-ġejjieni tiegħu. Għal ħafna dan isib il-milja tiegħu fl-għażla taż-żwieġ u tal-formazzjoni ta’ familja fejn l-imħabba bejn raġel u mara tingħax bħala don reċiproku u fidil, bħala don għal dejjem, issiġillat mill-“iva” mlissna quddiem Alla fil-jum taż-żwieġ, “iva” għall-ħajja kollha. Naf tajjeb li din il-ħolm llum saret dejjem inqas faċli titwettaq. Kemm fallimenti fl-imħabba naraw madwarna! Kemm koppji jbaxxu rashom, iċedu u jisseparaw! Kemm familji jitfarrku! Kemm żgħażagħ, anki fostkom, raw is-separazzjoni u d-divorzju tal-ġenituri tagħhom! Lil min jinsab f’sitwazzjonijiet hekk delikati u kumplessi nixtieq ngħidlu llejla: l-Omm ta’ Alla, il-Komunità ta’ dawk li jemmnu, il-Papa, jinsabu qrib tagħkom u qed jitolbu biex il-kriżi li qed tolqot il-familji ta’ żmienna ma ssirx falliment irriversibbli. Jalla l-familji Nsara, imwieżna mill-Grazzja divina, iżommu fidili għal dak l-impenn solenni ta’ mħabba li daħlu għalih quddiem is-saċerdot u l-komunità Nisranija, fil-jum solenni taż-żwieġ.

 

Quddiem tant fallimenti spiss titqanqal din il-mistoqsija: Forsi jien aħjar minn sħabi u mill-ġenituri tiegħi li ppruvaw u fallew? Għaliex jien, proprju jien, għandu jirnexxili hemm fejn tant oħrajn qed iċedu? Dan il-biża’ uman jista’ jimblokka wkoll l-aktar spirti qalbiena, imma f’din il-lejla li qed tistenniena, f’riġlejn id-Dar Imqaddsa tagħha, Marija ttenni lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ, il-kelmiet li hi stess semgħet lill-Anġlu jgħidilha: La tibżgħux! La tibżgħux! L-Ispirtu s-Santu huwa magħkom u ma jitlaqkom qatt. Għal min jafda f’Alla xejn ma hu impossibbli. Dan jgħodd għal min hu ddestinat għall-ħajja taż-żwieġ, u iżjed u iżjed għal dawk li lilhom Alla qed jipproponilhom ħajja ta’ distakk totali mill-ġid tal-art biex ikunu mogħtija l-ħin kollu għas-Saltna tiegħu. Fostkom hemm xi wħud li mexjin lejn is-saċerdozju, lejn il-ħajja kkonsagrata; xi wħud li qed jaspiraw biex ikunu missjunarji, u jafu kemm riskji dan iġib miegħu. Jiġuni f’moħħi s-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi missjunarji li mietu fuq it-trunċiera tal-imħabba għall-qadi tal-Vanġelu. Nistgħu ngħidu tant affarijiet dwar Patri Giancarlo Bossi, li għalih tlabna tul il-perjodu tal-ħtif fil-Filippini, u llum nifirħu li jinsab f’nofsna. Miegħu nixtieq insellem u rrodd ħajr lil dawk kollha li jagħtu ħajjithom għal Kristu fuq il-fruntieri tal-evanġelizzazzjoni. Għeżież żgħażagħ, jekk il-Mulej qed isejħilkom biex tgħixu f’intimità ikbar għall-qadi tiegħu, wieġbu b’qalb kbira. Kunu żguri: il-ħajja ddedikata għal Alla qatt mhi moħlija.

 

Għeżież żgħażagħ, nagħlaq hawn dawn il-kelmiet tiegħi, imma mhux qabel ma nkun ħaddantkom ma’ qalbi ta’ missier; inħaddankom wieħed wieħed u waħda waħda miegħi u minn qalbi nsellmilkom. Insellem lill-Isqfijiet preżenti, ibda mill-Arċisqof Angelo Bagnasco, President taċ-CEI, u l-Arċisqof Gianni Danzi li qed jilqagħna fil-Komunità ekkleżjali tiegħu. Insellem lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, lill-animaturi li jgħinukom. Insellem lill-Awtoritajiet ċivili u lil dawk li ħadu ħsieb biex isseħħ din il-laqgħa. Se nkunu mill-ġdid magħqudin “virtwalment” iżjed tard u nerġgħu niltaqgħu għada, fi tmien dan il-lejl ta’ sahra, għall-ogħla mument ta’ din il-laqgħa tagħna, fejn l-istess Ġesù jiġi preżenti realment fil-Kelma tiegħu u fil-misteru tal-Ewkaristija. Madankollu, sa minn issa nixtieq nagħti appuntament lilkom iż-żgħażagħ għal Sydney, fejn fi żmien sena se jinżamm il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss. Naf, l-Awstralja hi mbiegħda u għaż-żgħażagħ Taljani hi litteralment in-naħa l-oħra tad-dinja… Nitolbu biex il-Mulej li jwettaq l-għeġubijiet jagħti lil ħafna minnkom li jattendu. Jagħti lili, u jagħti lilkom. Hi din waħda mill-ħafna ħolmiet tagħna li llejla, aħna u nitolbu flimkien, se nafdaw lil Marija. Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard