ŻJARA PASTORALI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

F’LORETO

FL-OKKAŻJONI TAL-AGORÀ

TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TALJANI

 

BENEDITTU XVI

ANGELUS

 

Wied ta’ Montorso

Il-Ħadd 2 ta’ Settembru 2007

 

Fi tmien din iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika solenni, għeżież żgħażagħ, ejjew nitolbu l-Angelus, f’xirka spiritwali ma’ dawk kollha li huma magħqudin magħna permezz tar-radju u t-televiżjoni. Wara Nazaret, Loreto hu l-post ideali biex nitolbu billi nimmeditaw il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Għalhekk, f’dan il-mument, l-istedina tiegħi hi li ninġabru lkoll flimkien, bil-ħsieb u bil-qalb tagħna, fis-Santwarju tad-Dar Imqaddsa, bejn dawk il-ħitan li skont it-tradizzjoni ġejjin minn Nazaret, il-post fejn il-Verġni lissnet “iva” lil Alla u nisslet f’ġufha l-Verb etern inkarnat.

 

Qabel ma ntemmu din il-laqgħa tagħna, ejjew għalhekk inħallu għal ftit l-“agorà”, il-pjazza, u nidħlu bix-xewqa tagħna fid-Dar Imqaddsa. Hemm rabta reċiproka bejn il-pjazza u d-dar. Il-pjazza hi kbira, hi miftuħa, hija l-post tal-laqgħa mal-oħrajn, tad-djalogu, tal-konfront; id-dar, mill-banda l-oħra, hija l-post tal-ġabra u tas-skiet interjuri, fejn il-Kelma tista’ tiġi milqugħa b’mod profond. Biex nieħdu lil Alla fil-pjazza, hemm bżonn li qabel inkunu interjorizzajnieh fid-dar, bħal Marija fit-Tħabbira. U bil-maqlub, id-dar hi miftuħa fuq il-pjazza: dan jissuġġerih ukoll il-fatt li d-Dar Imqaddsa ta’ Loreto għandha tliet ħitan, mhux erbgħa: hija Dar miftuħa, miftuħa fuq id-dinja, fuq il-ħajja, anki fuq din l-Agorà taż-żgħażagħ Taljani.

 

Għeżież ħbieb, hu privileġġ kbir għall-Italja li qed tospita, f’din ir-rokna wisq ħelwa tal-Marche, is-Santwarju tad-Dar Imqaddsa. Bir-raġun kollu kunu kburin, u approfittaw! Fil-mumenti l-iżjed importanti tal-ħajja tagħkom ejjew hawn, almenu b’qalbkom, biex tinġabru spiritwalment qalb il-ħitan tad-Dar Imqaddsa. Itolbu lill-Verġni Marija, biex taqlgħalkom id-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, biex twieġbu b’mod sħiħ u ġeneruż għal-leħen ta’ Alla. Hekk issiru xhieda veri tiegħu fil-“pjazza”, fis-soċjetà, wassala ta’ Vanġelu mhux fl-arja, imma mlaħħam fil-ħajja tagħkom.

 

Angelus Domini…

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard