
Il-Papa Benedittu XVI
L-imħabba ta’ Alla ma tagħżilx
bejn dak li għadu kemm tnissel
fil-ġuf ta’ ommu, u t-tarbija,
jew iż-żagħżugħ, jew ir-raġel
matur, jew l-anzjan.
Malli
r-raġuni tasal li tissupera
limitu meqjus insuperabbli,
issib jisfidawha limiti oħra li
qabel ma kinitx taf bihom.
Il-bniedem dejjem se jibqa’
enigma profond u impenetrabbli.
Riċerkaturi li jeżaminaw
ir-realtà bit-tħabrik tagħkom,
imma anki jikkontemplawha b’tali
mod li, flimkien mal-iskoperti
tagħhom, jitqanqlu wkoll dawk
il-mistoqsijiet li jwassluhom
jiskopru fil-ġmiel kollu tiegħu
r-rifless tal-Ħallieq. |
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
BENEDITTU XVI
LILL-PARTEĊIPANTI FL-ASSEMBLEA
ĠENERALI
TAL-AKKADEMJA PONTIFIĊJA
GĦALL-ĦAJJA
U FIL-KUNGRESS INTERNAZZJONALI
“L-EMBRIJUN UMAN FIL-FAŻI
TAL-PREIMPJANTAZZJONI”
Sala Clementina
It-Tnejn 27 ta’ Frar
2006
Għeżież Ħuti fl-Episkopat u
fis-Saċerdozju,
Illustri Sinjuri!
Minn qalbi nsellem lil kulħadd
fl-okkażjoni tal-Assemblea
Ġenerali tal-Akkademja
Pontifiċja għall-Ħajja u
tal-Kungress internazzjonali, li
għadu kemm beda, fuq
“L-embrijun uman fil-fażi
tal-preimpjantazzjoni”.
Insellem b’mod speċjali
lill-Kardinal Javier Lozano
Barragán,
President tal-Kunsill Pontifiċju
għall-Pastorali tas-Saħħa, kif
ukoll lil Mons. Elio Sgreccia,
President tal-Akkademja
Pontifiċja għall-Ħajja, li
rroddlu ħajr tal-kelmtejn
ġentili li bihom xeħet dawl fuq
l-interess partikulari
tat-tematiċi li qed jiġu
affrontati f’din iċ-ċirkustanza.
Fil-fatt, l-argument ta’ studju
magħżul għall-Assemblea tagħkom,
“L-embrijun uman fil-fażi
tal-preimpjantazzjoni”,
jiġifieri fl-ewwel jiem wara
t-tnissil, hu kwistjoni
estremament importanti llum,
kemm minħabba
r-riperkussjonijiet ċari fuq
ir-riflessjoni
filosofika-antropoloġika u
etika, u kemm minħabba dawk li
jistgħu jkunu
l-applikazzjonijiet fil-qasam
tax-xjenzi bijomediċi u
ġuridiċi. Bla dubju hawn qed
nittrattaw argument
affaxxinanti, imma diffiċli u
impenjattiv, minħabba fin-natura
delikata tas-suġġett li qed
niflu u l-kumplessità
tal-problemi epistemoloġiċi li
jolqtu r-rabta bejn
ir-rivelazzjoni tal-fatti fuq
livell ta’ xjenzi sperimentali u
r-riflessjoni li jeħtieġ issir
wara dwar il-valuri fuq livell
antropoloġiku.
Kif nistgħu nifhmu tajjeb, la
fl-Iskrittura Mqaddsa u lanqas
fit-Tradizzjoni Nisranija
l-iżjed antika ma nistgħu nsibu
ttrattata b’mod espliċitu t-tema
tagħkom. Madankollu, San Luqa
fir-rakkont tal-laqgħa ta’ Omm
Ġesù, li kienet għadha kemm
nisslitu fil-ġuf verġinali
tagħha ftit tal-jiem biss qabel,
ma’ omm Ġwanni l-Battista, li
kienet diġà fis-sitt xahar
tat-tqala, jagħti xhieda
tal-preżenza attiva, imqar jekk
moħbija, taż-żewġ trabi: “Malli
Eliżabetta semgħet lil Marija
ssellmilha, it-tarbija qabżet
fil-ġuf tagħha” (Lq 1:41).
Sant’Ambroġ jikkummenta:
Eliżabetta “ħasset il-wasla ta’
Marija, u hu (Ġwanni) il-wasla
tal-Mulej; il-mara l-wasla
tal-mara, it-tarbija l-wasla
tat-tarbija” (Comm.
in Luc.,
2,19.22-26).
Minkejja dan, imqar fin-nuqqas
ta’ tagħlim espliċitu fuq
l-ewwel jiem tal-ħajja
tat-tarbija li għadha trid
titwieled, nistgħu nsibu
fl-Iskrittura Mqaddsa ħjiel
prezzjuż li jqanqal sentimenti
ta’ ammirazzjoni u ta’
attenzjoni fil-konfront
tal-bniedem li għadu kemm
tnissel, speċjalment f’min,
bħalkom, irid jistudja l-misteru
tat-tnissil uman. Fil-fatt,
il-Kotba Mqaddsa jridu juru
l-imħabba ta’ Alla lejn kull
essri uman diġà sa minn qabel
jieħu sura fil-ġuf tal-omm.
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf,
għaraftek; qabel ma ħriġt minn
ħdan ommok, ikkonsagrajtek” (Ġer
1:5), jgħid Alla lill-profeta
Ġeremija. U s-Salmista jagħraf
bi gratitudni: “Għax int sawwart
il-ġewwieni tiegħi, u f’ġuf ommi
inti nsiġtni. Irroddlok ħajr,
għax b’mod tal-għaġeb għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel
tiegħek. U ’l ruħi inti tafha
tajjeb” (Salm 139:13-14). Dawn
huma kelmiet li jiksbu l-għana
kollu tat-tifsira tagħhom meta
wieħed jaħseb li Alla jindaħal
hu stess fil-ħolqien tar-ruħ ta’
kull essri uman ġdid.
L-imħabba ta’ Alla ma tagħżilx
bejn dak li għadu kemm tnissel
fil-ġuf ta’ ommu, u t-tarbija,
jew iż-żagħżugħ, jew ir-raġel
matur, jew l-anzjan. Ma tagħmilx
din id-differenza għax f’kull
persuna tara l-marka tas-sura u
x-xbieha tagħha nfisha (Ġen
1:26). Ma tagħmilx differenza
għax f’kulħadd tagħraf il-wiċċ
tal-Iben Waħdieni tagħha, li
“għażilna fih, sa minn qabel
il-ħolqien tad-dinja
…iddestinana minn qabel li nkunu
għalih ulied adottivi… hekk
għoġob lir-rieda tajba tiegħu”
(Efes 1:4-6). Din l-imħabba bla
qies u li kważi ma nistgħux
nifhmuha, li għandu Alla
għall-bniedem, tikxef sa fejn
il-persuna umana jistħoqqilha li
tiġi maħbuba fiha nfisha,
indipendentement minn kull
kunsiderazzjoni oħra –
intelliġenza, ġmiel, saħħa,
żgħożija, integrità u l-bqija.
Bla dubju ta’ xejn, il-ħajja
umana hi dejjem ġid fih innifsu,
għax “hi fid-dinja
manifestazzjoni ta’ Alla, sinjal
tal-preżenza tiegħu, sinjal
tal-glorja tiegħu” (ara
Evangelium vitæ, 34).
Fil-fatt, il-bniedem ġie mżejjen
bl-iktar dinjità għolja, li
għandha għeruqha fir-rabta
qawwija li xxierku mal-Ħallieq
tiegħu: fil-bniedem, f’kull
bniedem, f’kull fażi jew qagħda
ta’ ħajtu, jilma r-rifless
tal-istess realtà ta’ Alla.
Għalhekk il-Maġisteru tal-Knisja
dejjem xandar il-karattru sagru
u invjolabbli ta’ kull ħajja
umana, mit-tnissil sat-tmiem
naturali tagħha (ara
Evangelium vitæ, 57). Dan
il-ġudizzju morali jgħodd diġà
sa mill-bidu tal-ħajja ta’
embrijun, diġà qabel ma hu
impjantat fil-ġuf matern, li
mbagħad iħarsu u jitimgħu għal
disa’ xhur sħaħ sal-mument
tat-twelid: “Il-ħajja
tal-bniedem hi qaddisa u ma
tistax tittiefes f’kull waqt
tal-eżistenza tagħha, ukoll
fil-waqt tal-bidu tagħha qabel
it-twelid” (ibid., n.
61).
Għeżież studjużi, jiena naf
tajjeb b’liema sentimenti ta’
stagħġib u ta’ rispett profond
għall-bniedem intom qed twettqu
l-ħidma impenjattiva u għammiela
ta’ riċerka proprju dwar
l-istess bidu tal-ħajja umana:
misteru li t-tifsira tiegħu
x-xjenza sa tkun tista’ ddawwal
dejjem iżjed, anki jekk
diffiċilment tasal biex
tiddeċifraha għalkollox.
Fil-fatt, malli r-raġuni tasal
li tissupera limitu meqjus
insuperabbli, issib jisfidawha
limiti oħra li qabel ma kinitx
taf bihom. Il-bniedem dejjem se
jibqa’ enigma profond u
impenetrabbli. Diġà fis-seklu
erbgħa, San Ċirillu ta’
Ġerusalemm ippreżenta
lill-katekumeni li kienu qed
jitħejjew għall-magħmudija din
ir-riflessjoni: “Min hu dak li
ħejja qiegħ il-ġuf għat-tnissil
tal-ulied? Min ta l-ħajja ġewwa
fih lill-fetu bla ħajja? Min
tana n-nervaturi u l-għadam, u
mbagħad geżwirna bil-ġilda u
l-laħam (ara Ġob 10:11) u, meta
t-tarbija mank tkun għadha
twieldet, joħroġ mis-sider kotra
ta’ ħalib? B’liema mod
it-tarbija tikber u ssir
adolexxent, minn adolexxent
tinbidel f’żagħżugħ, u mbagħad
f’raġel u fl-aħħar fi xwejjaħ,
mingħajr ħadd jirnexxielu
jagħraf il-jum preċiż li fih
isseħħ il-bidla?”. U għalaq:
“Qed tara, o bniedem, min hu li
jagħmel dan kollu; qed tara
lill-Ħallieq għaref” (Katekeżi
tal-Magħmudija,
9,
15-16).
Fil-bidu tat-tielet millennju,
jibqgħu validi dawn
ir-riflessjonijiet, mhux tant
dwar il-fenomenu fiżiku jew
fiżjoloġiku, imma dwar
it-tifsira antropoloġika u
metafiżika tiegħu. Tejjibna
bil-kbir l-għarfien tagħna u
identifikajna aħjar liema huma
l-limitazzjonijiet tal-injoranza
tagħna; imma għall-intelliġenza
umana donnha saret ħaġa iebsa
wisq li nintebħu li, meta nħarsu
lejn il-ħolqien, qed niltaqgħu
mal-marka tal-Ħallieq.
Fir-realtà, min iħobb il-verità,
bħalkom, għeżież studjużi,
għandu jifhem li t-tiftix fuq
temi hekk profondi jqegħedna
fil-kundizzjoni li naraw u anki
kważi li mmissu l-id ta’ Alla.
Lil hemm mil-limiti tal-metodu
sperimentali, mill-konfini
tas-saltna li xi wħud isejħulha
meta-analiżi, hemm fejn mhumiex
biżżejjed jew mhumiex possibbli
l-għarfien sensjorali waħdu u
lanqas il-verifika xjentifika,
tibda l-avventura
tat-traxxendenza, l-impenn
tagħna li “mmorru iżjed lil
hemm”.
Għeżież riċerkaturi u studjużi,
nawguralkom li jirnexxielkom
dejjem iżjed mhux biss teżaminaw
ir-realtà bit-tħabrik tagħkom,
imma anki tikkontemplawha b’tali
mod li, flimkien mal-iskoperti
tagħkom, jitqanqlu wkoll dawk
il-mistoqsijiet li jwasslukom
tiskopru fil-ġmiel kollu tiegħu
r-rifless tal-Ħallieq. F’dan
il-kuntest, nixtieq nesprimi
apprezzament u ringrazzjament
lill-Akkademja Pontifiċja
għall-Ħajja għall-ħidma
prezzjuża tagħha ta’ “studju,
formazzjoni u informazzjoni” li
minnha qed igawdu d-Dikasteri
tas-Santa Sede, il-Knejjes
lokali u l-istudjużi attenti
għal dak li l-Knisja tipproponi
fil-qasam tar-riċerka xjentifika
u l-ħajja umana fir-relazzjoni
tagħha mal-etika u d-dritt.
Għall-urġenza u l-importanza ta’
dawn il-problemi, inħoss li hu
providenzjali t-twaqqif ta’ dan
l-Organiżmu min-naħa
tal-predeċessur meqjum tiegħi
Ġwanni Pawlu II. Għalhekk,
lilkom kollha, Presidenza,
personal u membri tal-Akkademja
Pontifiċja għall-Ħajja, nixtieq
nesprimi b’kordjalità sinċiera
l-qrubija u s-sostenn tiegħi.
B’dawn is-sentimenti, waqt li
nafda ħidmietkom lill-ħarsien
ta’ Marija, nagħti lilkom kollha
l-Barka Appostolika.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|