Riżorsi dwar L-Enċiklika Caritas in Veritate ...

ITTRA ENĊIKLIKA CARITAS IN VERITATE

TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

LILL-ISQFIJIET PRESBITERI U DJAKNI  LILL-PERSUNI KKONSAGRATI

FIDILI LAJĊI  U LILL-BNEDMIN KOLLHA TA’

 RIEDA TAJBA

DWAR

L-IŻVILUPP UMAN SĦIĦ FL-IMĦABBA U L-VERITÀ

 

29 Ġunju 2009

 

WERREJ

 

 1.        Daħla

10.       L-ewwel kapitlu: IL-MESSAĠĠ tal-POPULORUM PROGRESSIO 

17.       It-tieni kapitlu: L-IŻVILUPP UMAN FI ŻMIENNA

29.       It-tielet kapitlu: FRATERNITÀ, ŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJETÀ ĊIVILI

39.       Ir-raba’ kapitlu: L-IŻVILIPP tal-POPLI, JEDDIJIET U DMIRIJET, L-AMBJENT

48.       Il-ħames kapitlu: IL-KOLLABORAZZJONI tal-FAMILJA UMANA

61.       Is-sitt kapitlu: L-IŻVILUPP tal-POPLI U T-TEKNIKA

67.       Għeluq

69.       Referenzi

 

DAĦLA

1. L-imħabba fil-verità, li tagħha Ġesù Kristu sar xhud bil­-ħajja tiegħu fuq -art, u fuq kollox, bil-mewt u l-qawmien, hija l-qawwa ewlenija li tqanqal l-iżvilupp veru ta’ kull persuna u tal-umanità sħiħa. L-imħabba – “caritas”  – hija qawwa straordinarja, li timbotta l-persuni lejn l-­impenn b’kuraġġ u ġenerożità fil-qasam tal-ġustizzja u l-paċi. Hija qawwa li tibda minn Alla, Imħabba eterna u Verità assoluta. Kull wieħed isib il-ġid tiegħu meta jilqa’ l-proġett li Alla għandu għalih, biex iwettqu bis-sħiħ. F’dan il-proġett infatti wieħed isib il-verità tiegħu u meta jingħaqad ma’ din il-verità hu jsir ħieles (ara Ġw 8:22). Mela li wieħed jiddefendi l-verità, jipproponiha bl-umiltà u l-konvinzjoni u jixhed għaliha f’ħajtu huma l-għamliet insostitwibbli li titlob l-imħabba. Tant hu hekk, li din “tifraħ bil-verità” (1 Kor 13:6). Il-bnedmin kollha jħossu l-ġibda ġewwiena li jħobbu b’mod awtentiku: l-imħabba u l­-verità qatt ma jitilquhom għal kollox, għax dawn huma s-sejħa mqiegħda minn Alla fil-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem. Ġesù Kristu jsaffi u jeħles mill-faqar uman tagħna t-tiftix tal-imħabba u l-verità u jurina fis-sħuħija tagħha l-inizjattiva tal-imħabba u l-proġett ta’ ħajja vera li Alla ħejja għalina. Fi Kristu, l-imħabba fil-verità ssir il-Wiċċ tal-Persuna tiegħu, sejħa lilna biex inħobbu lil ħutna fil-­verità tal-proġett tiegħu. Hu nnifsu, infatti, huwa l-Verità (ara Ġw 14:6).

2. L-imħabba hi t-triq ewlenija tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Kull responsabbiltà u kull impenn mibnija fuq did-duttrina jiġu mill-karità, li skont it-tagħlim ta’ Ġesù, hija l-ġabra tal-Liġi kollha (ara Mt 22:36-40). Hija tagħti tifsira sustanzjali lir-relazzjoni personali ma’ Alla u mal-proxxmu; hija l-bidu mhux biss tar-relazzjonijiet iż-żgħar: ir-rapporti bejn il­-ħbieb, dawk familjari, dawk fi grupp ċkejken, imma wkoll tar-relazzjonijiet il-kbar: ir-rapporti soċjali, ekonomiċi, politiċi. Għall-Knisja – mgħallma mill-Vanġelu – l-imħabba hi kollox, għax kif jgħallem San Ġwann (ara 1 Ġw 4:8.16) u kif għidt jien fl-ewwel Ittra Enċiklika tiegħi, “Alla huwa mħabba” (Deus caritas est): mill-imħabba ta’ Alla joħroġ kollox, biha kollox jieħu s-sura tiegħu, lejha kollox jinsab miexi. L-imħabba hija l-akbar rigal li Alla ta lill-bnedmin, hija l-wegħda tiegħu u t-tama tagħna.

Naf li l-imħabba għaddiet u għadha għaddejja minn tifsir li ħareġ ’il barra mil-linji u sar fieragħ, bir-riskju li ma tibqax tiftiehem sew, u li titqiegħed barra mill-għajxien etiku, filwaqt li titlef il-valur korrett tagħha. Fil-qasam soċjali, ġuridiku, kulturali, politiku, ekonomiku, jew f’dawk il­-kuntesti li huma l-aktar imperrċin għal periklu bħal dan, malajr toħroġ l-irrilevanza tal-interpretazzjoni u t-tmexxija tar-responsabbiltajiet morali. Minn hawn il-ħtieġa li l-imħabba tissieħeb mal-verità mhux biss fid-direzzjoni, kif semmieha San Pawl, tal-“veritas in caritate”(Ef 4:15), iżda wkoll f’dik, bil-maqlub u kumplimentari, tal-“caritas in veritate”. Il-verità għandha titfittex, tinsab u titfisser fl-“ekonomija” tal-karità, iżda mbagħad l-imħabba għandha tiftiehem, tingħata valur u tingħax fid-dawl tal-verità. B’dan il-mod ma nkunux biss qed naqdu l-karità, imdawla bil-verità, iżda nkunu wkoll qed nagħtu kontribut biex il-verità titwemmen, filwaqt li nuru l-qawwa tal-awtentikazzjoni u l-persważjoni fil-konkret tal-għajxien soċjali. Din illum mhijiex ħaġa ta’ ftit siwi, f’kuntest soċjali u kulturali li jirrendi l-verità relattiva, u li sikwit juri nuqqas ta’ interess fiha filwaqt li jibqa’ lura minnha.

3. Minħabba f’din ir-rabta sfiqa mal-verità, l-imħabba jista’ wieħed iħares lejha bħala tifsira awtentika ta’ umanità u bħala element ta’ importanza fundamentali fir-relazzjonijiet umani, anki ta’ natura pubblika. Hu biss fil-verità li l-imħabba tiddi u tista’ tingħax b’mod awtentiku. Il-verità hija dawl u tagħti tifsira u valur lill-karità. Dan id-dawl hu, fl-istess ħin, dak tar-raġuni u dak tal-fidi, li bih l-intelliġenza tasal għall­verità naturali u soprannaturali tal-karità: tiġbor minnha t-tifsira tal-għotja, tal-akkoljenza u tal-għaqda. Mingħajr il-­verità, l-imħabba tiżżerżaq lejn is-sentimentaliżmu. L-imħabba ssir qoxra vojta, li trid timtela skont kif wieħed ikun jixtieq. Huwa r-riskju fatali tal-imħabba f’kultura bla verità. Issir suġġetta għall-emozzjonijiet u l-opinjonijiet li jitbiddlu tal-­bnedmin, issir kelma użata ħażin u bl-imgħawweġ, sakemm tibda tfisser bil-maqlub. Il-verità teħles lill-imħabba mid-djuq ta’ emottiviżmu li jċaħħadha mill-kontenuti relazzjonali u soċjali, u minn fideiżmu li jċaħħadha min-nifs uman u universali. Fil-verità l-imħabba turi d-dimensjoni personali u pubblika tal-fidi f’Alla tal-Bibbja, li hu f’ħin wieħed “Agápe” u “Lógos”: Karità u Verità, Imħabba u Kelma.

4. Billi hi mimlija bil-verità, il-bniedem jista’ jifhem l-imħabba fil-għana tal-valuri tagħha maqsumin u mwasslin għand ħaddieħor. Il-verità, infatti, hi “lógos ”li joħloq“ diá-logos”, mela komunikazzjoni u komunjoni. Il-verità, filwaqt li tbiegħed mill-bnedmin l-opinjonijiet u s-sensazzjonijiet suġġettivi, tgħinhom imorru lil hinn mid-determinazzjonijiet kulturali u storiċi u jiltaqgħu flimkien fil-qisien tal-valuri u tas-sustanza tal-ħwejjeġ. Il-verità tiftaħ u tgħaqqad l-imħuħ fil-lógos tal-­imħabba. Dan hu x-xandir u x-xhieda Nisranija tal-karità. Fil-­kuntest soċjali u kulturali attwali, li fih hi mxerrda t-tendenza lejn ir-relattivizzazzjoni ta’ dak li hu veru, l-għajxien tal-imħabba fil-verità jwassal għall-għarfien li ż-żamma mal-valuri tal-­Kristjaneżmu mhijiex biss utli, iżda indispensabbli għall-bini ta’ soċjetà tajba u ta’ żvilupp uman veru u sħiħ. Kristjaneżmu ta’ imħabba mingħajr verità wieħed malajr jista’ jitfixkilha ma’ ħażna ta’ sentimenti tajbin, utli għall-għajxien soċjali flimkien, iżda marġinali. B’dan il-mod ma jibqax aktar post veru u proprju għal Alla fid-dinja. Mingħajr il-verità, l-imħabba tidħol f’ambitu dejjaq u privat ta’ relazzjonijiet. Ma tidħolx fil-proġetti u l-proċessi ta’ bini u żvilupp uman ta’ xeħta universali, fid-djalogu bejn l-għarfien u l-ħidmiet.

5. L-imħabba hija mħabba meħuda u mogħtija. Hija “grazzja” (cháris). L-għajn tagħha hija l-imħabba li tgħaddi mill-Missier għall-Iben, fl-Ispirtu s-Santu. Hija mħabba li mill-Iben tinżel fuqna. Hija mħabba ħallieqa, li biha aħna neżistu; hija mħabba feddejja, li biha aħna nħalqna mill-ġdid. Imħabba rrivelata u mwettqa minn Kristu (ara Ġw 13:1) u “ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu” (Rum 5:5). Il-bnedmin, li għalihom hi l-imħabba ta’ Alla, huma maħtura suġġetti tal-karità, imsejħin biex huma stess isiru strumenti tal-grazzja, biex ixerrdu l-imħabba ta’ Alla u jinsġu xbieki ta’ karità. Għal din id-dinamika ta’ imħabba meħuda u mogħtija twieġeb id-duttrina soċjali tal-Knisja. Hija “caritas in veritate in re sociali”: bxara tal-verità tal-imħabba ta’ Kristu fis-soċjetà. Din id-duttrina hija qadi tal-karità, imma fil-verità. Il-verità taħżen u tfisser il-qawwa tal-ħelsien tal-imħabba fil-ġrajjiet dejjem ġodda tal-istorja. Hija, f’waqt wieħed, verità tal-fidi u tar-raġuni, fil-għażla kif ukoll fil-għaqda taż-żewġ ambiti konoxxittivi. L-iżvilupp, il-prosperità soċjali, soluzzjoni tajba tal-problemi soċjo­ekonomiċi kbar li jkiddu l-umanità, jeħtieġu din il-verità. U aktar u aktar jeħtieġu li din il-verità tkun maħbuba u mixhuda. Mingħajr verità, mingħajr fiduċja u mħabba lejn dak li hu veru, mhemmx kuxjenza u responsabbiltà soċjali, u l-għemil soċjali jispiċċa f’idejn interessi privati u raġunamenti tal-poter, b’effetti li jħarbtu s-soċjetà, aktar u aktar f’soċjetà riesqa lejn il-globalizzazzjoni, f’waqtiet diffiċli bħalma huma dawk attwali.

6. “Caritas in veritate” huwa prinċipju li madwaru ddur id-duttrina soċjali tal-Knisja, prinċipju li jitniżżel fil-prattika skont il-kriterji tal-imġiba morali. Nixtieq insemmi tnejn b’mod partikulari, li għandhom rilevanza għall-iżvilupp ta’ soċjetà riesqa lejn il-globalizzazzjoni: il-ġustizzja u l­ġid komuni.

L-ewwel u qabel xejn il-ġustizzja. Ubi societas, ibi ius: kull soċjetà tiżviluppa sistema ta’ ġustizzja. L-imħabba tmur lil hinn mill-ġustizzja, għax l-imħabba hi għotja, noffri minn dak li hu “tiegħi” lill-ieħor; iżda qatt mingħajr ġustizzja, li ġġegħelna nagħtu lill-ieħor dak li hu “tiegħu”, dak li jmiss lilu minħabba l-eżistenza u l-ħidma tiegħu. Ma nistax “nagħti” lill-ieħor minn dak li hu tiegħi, jekk qabel ma nagħtihx dak li jmiss lilu b’ġustizzja. Min iħobb lill-oħrajn bl-imħabba huwa qabel xejn ġust magħhom. Mhux biss il-ġustizzja mhijiex barranija għall-karità, mhux biss mhijiex triq oħra jew triq parallela għall-karità: il-ġustizzja “ma tistax tinfired mill-karità”2, hija ħaġa waħda magħha. Il-ġustizzja hija l-ewwel triq tal-karità, jew kif qal Pawlu VI, hija “l-iżgħar kejl” tagħha2, hija parti sħiħa minn dik l-imħabba “bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18), li għaliha jħeġġiġna l-Appostlu Ġwanni. Minn naħa, l-imħabba trid il-ġustizzja: l-għarfien u r-rispett tal-jeddijiet leġittimi tal-individwi u tal-popli. Hija titħaddem għall-bini tal-“belt tal-bniedem” skont id-dritt u l-ġustizzja. Minn naħa oħra, l-imħabba tmur lil hinn mill-ġustizzja u ttemmimha skont il-loġika tal-għotja u l-maħfra3. Il-“belt tal-bniedem” ma timxix ’il quddiem b’rapporti ta’ jeddijiet u dmirijiet biss, iżda aktar u fuq kollox b’relazzjonijiet mogħtija b’xejn, bi ħniena u għaqda. L-imħabba turi dejjem anki fir-relazzjonijiet umani l­imħabba ta’ Alla, hija tagħi valur teologali u salvifiku lil kull impenn bil-ġustizzja fid-dinja.

7. Imbagħad jeħtieġ li nagħtu importanza kbira lill-ġid komuni. Meta nħobbu lil xi ħadd inkunu nixtiqulu l­ġid u naħdmu b’mod effikaċi b’risq dan. Maġenb il-ġid individwali, hemm ġid marbut mal-għajxien soċjali tal-persuni: il-ġid komuni. Huwa l-ġid “tagħna lkoll” bħala grupp, iffurmat minn individwi, familji u gruppi oħrajn li jingħaqdu f’komunità soċjali4. Mhuwiex ġid imfittex għalih innifsu, imma għan-nies li jagħmlu parti mill-komunità soċjali u li biss fiha jistgħu tabilħaqq u b’mod aktar effikaċi jiksbu l-ġid tagħhom. Kull Nisrani huwa msejjaħ għal din il-karità, skont il-vokazzjoni tiegħu u kemm jista’ jkollu influwenza fil-pólis. Din hi t-triq istituzzjonali – nistgħu ngħidu wkoll politika – tal-karità, mhux anqas kwalifikata u influwenti minn kemm hi l-imħabba li tiltaqa’ mal-proxxmu direttament, lil hinn mill-indħil istituzzjonali tal-pólis. Meta tagħtih ir-ruħ il-karità, l-impenn favur il-ġid komuni għandu siwi ogħla mis-sempliċi impenn sekulari u politiku. Bħal kull impenn għall-ġustizzja, huwa jingħadd ma’ dik ix­xhieda tal-imħabba ta’ Alla, li hija u taħdem fiż-żmien, tħejji għall-eternità. L-għemil tal-bniedem fuq l-art, meta jkun imnebbaħ u msaħħaħ bil-karità, ikun jiswa għall-bini ta’ dik il-belt ta’ Alla universali li lejha riesqa l-istorja tal-familja umana. F’soċjetà fi triqitha lejn il-globalizzazzjoni, il-ġid komuni u l-impenn b’risqu ma jistgħux ma jilħqux il-qisien tal-familja kollha tal-bniedem, jiġifieri tal-komunità tal-popli u tal-Ġnus5, biex b’hekk jagħtu għamla ta’ għaqda u paċi lill-belt tal-bnedmin, u b’xi mod jagħmluha antiċipazzjoni u prefigura tal-belt bla konfini ta’ Alla.

8. Bil-pubblikazzjoni fl-1967 tal-Enċiklika Populorum Progressio, il-predeċessur miqjum tiegħi Pawlu VI dawwal it-tema tal-iżvilupp tal-popli bid-dija tal-verità u bid-dawl ħelu tal-imħabba ta’ Kristu. Huwa stqarr li x-xandir ta’ Kristu huwa l-ewwel fattur ewleni tal-iżvilupp6 u ħallielna x-xogħol li

nimxu fit-triq tal-iżvilupp b’qalbna kollha u bl-intelliġenza kollha tagħna7, jiġifieri bil-ħeġġa tal-imħabba u l-għerf tal-verità. Hija l-verità li tiġi mill-imħabba ta’ Alla, grazzja mogħtija lilna, li tiftħilna ħajjitna għad-don u tagħmel li aħna nkunu nistgħu nittamaw fi “żvilupp tal-bniedem kollu u tal-bnedmin kollha”8, billi ngħaddu “minn kundizzjonijiet anqas umani għal kundizzjonijiet aktar umani”9 u naslu għalih aħna u negħlbu x-xkilijiet li bilfors niltaqgħu magħhom fit-triq.

Wara aktar minn erbgħin sena mill-pubblikazzjoni tal-Enċiklika, nixtieq inweġġaħ it-tifkira tal-Papa kbir Pawlu VI, billi nerġa’ naqbad it-tagħlim tiegħu fuq l-iżvilupp uman sħiħ u nimxi fil-mogħdija li fetaħ hu, biex dak it-tagħlim inġibu fis-seħħ fis-siegħa preżenti. Dan il­-proċess ta’ attwalizzazzjoni beda bl-Enċiklika Sollicitudo rei socialis, li biha l-Qaddej ta’ Alla Ġann-Pawl II ried ifakkar il-pubblikazzjoni tal-Populorum Progressio f’għeluq l-għoxrin sena tagħha. Sa dak iż-żmien, tifkira bħalha kienet riservata biss għar-Rerum Novarum. Wara li għaddew għoxrin sena, nixtieq infisser il-konvinzjoni tiegħi li l-Populorum Progressio jistħoqqilha titqies bħala “r-Rerum Novarum ta’ żmienna”, li ddawwal il-mixja tal-­umanità fi triqitha lejn l-għaqda.

9. L-imħabba fil-verità – caritas in veritate – hija sfida kbira għall-Knisja f’dinja li riesqa lejn globalizzazzjoni progressiva bla waqfien. Fi żmienna hemm ir-riskju li l-interdipendenza bejn il-bnedmin u l-popli ma ssibx tweġiba fl-interazzjoni etika tal-kuxjenzi u l-intelligenzi, li minnha jista’ joħroġ bħala riżultat żvilupp tabilħaqq uman. Hu biss bil-karità, imdawla bid-dawl tar-raġuni u tal-fidi, li nistgħu nilħqu objettivi ta’ żvilupp mgħammrin b’siwi aktar uman u li jixraq lill-bniedem. Il-qsim tal-­ġid u tar-risorsi, li minnu jiġi l-iżvilupp veru, mhuwiex iggarantit biss bil-progress tekniku u b’relazzjonijiet ta’ konvenjenza, imma bis-setgħa tal-imħabba li tegħleb il-­ħażen bit-tajjeb (ara Rum 12:21) u tiftaħ it-triq lejn ir-reċiproċità tal-kuxjenzi u tal-libertajiet.

Il-Knisja ma għandhiex soluzzjonijiet tekniċi x’toffri10 u “xejn ma tippretendi li tindaħal fil-politika tal-Istati”11 . Iżda għandha missjoni ta’ verità x’taqdi, f’kull żmien u qagħda, favur soċjetà tixraq lill-bniedem, lid-dinjità tiegħu, lis-sejħa tiegħu. Mingħajr verità jkollna dehra empiristika u xettika tal-ħajja, li ma jkollhiex ħila togħla ’l fuq mill-prassi, għax ma tkunx interessata fil-valuri – kultant lanqas fit-tifsiriet – li bihom trid tiġġudikaha u tidderiġiha. Il-fedeltà lejn il-bniedem titlob il-fedeltà lejn il-verità, li hi biss hi garanzija ta’ libertà (ara Ġw 8:32) u tal-possibbiltà ta’ żvilupp uman sħiħ. Għalhekk il-Knisja tfittixha, ixxandarha bla waqfien u tagħrafha kull fejn tidher. Din il-missjoni tal-verità hija ħaġa li l-Knisja ma tistax tiċħadha. Id-duttrina soċjali tagħha hi waqt singulari ta’ dan ix-xandir: hija qadi tal-verità li tagħti l-ħelsien. Miftuħa għall-verità, tiġi minn liema qasam tal-għerf tiġi, id-duttrina soċjali tal-Knisja tilqagħha, tgħaqqad il-frak li ħafna drabi ssibha fih, u tidħol bħala medjatur fil-għajxien dejjem jitbiddel tas-soċjetà tal-bnedmin u tal-popli12 .

 

 

L-EWWEL KAPITLU

IL-MESSAĠĠ tal-POPULORUM PROGRESSIO

 

10. Il-qari mill-ġdid tal-Populorum Progressio, wara aktar minn erbgħin sena mill-pubblikazzjoni, tħeġġiġna nibqgħu fidili lejn il-messaġġ tagħha ta’ imħabba u verità, aħna u nikkunsidrawh fil-qafas tal-maġisteru speċifiku ta’ Pawlu VI, u b’mod aktar ġenerali, fit-tradizzjoni tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Imbagħad jeħtieġ li nagħtu valur lill-bosta termini li bihom illum, mhux bħal dak iż-żmien, tippreżenta ruħha l-problema tal-iżvilupp. Il-fehma korretta, mela, hi dik tat-Tradizzjoni tal-fidi appostolika13, patrimonju antik u ġdid, li jekk tinqara ’l barra minnha, il-Populorum Progressio tidher dokument bla għeruq u l-kustjonijiet tal-iżvilupp jirriduċu ruħhom biss għal dati soċjoloġiċi.

11. Il-Populorum Progressio ħarġet minnufih wara għeluq il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. L-Enċiklika fl-ewwel paragrafi turi r-rabta intima tagħha mal-Konċilju14. Ġann-Pawl II, għoxrin sena wara, fis-Sollicitudo rei socialis saħaq hu wkoll fuq ir-rabta għammiela ta’ dik l-Enċiklika mal-Konċilju, u b’mod partikulari, mal-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes15. Jiena wkoll nixtieq infakkar hawn l-importanza tal-Konċilju Vatikan II għall-Enċiklika ta’ Pawlu VI u għall-Maġisteru soċjali kollu tal-Papiet li ġie wara. Il-Konċilju daħal fil-fond ta’ dak li jappartjeni minn dejjem lill-verità tal-fidi, jiġifieri li l-Knisja, billi hi għall-qadi ta’ Alla, hi għall-qadi tad-dinja f’termini ta’ mħabba u verità. Hu sewwasew minn din il-viżjoni li telaq Pawlu VI biex jikkomunikalna żewġ veritajiet kbar. L-ewwel waħda hi li l-Knisja kollha, fil-kewn u fl-għemil kollu tagħha, meta xxandar, tiċċelebra u taħdem fil­-karità, tixħet ’il quddiem l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem. Hija għandha rwol pubbliku li ma jiqafx fl-attivitajiet tagħha ta’ għajnuna jew ta’ edukazzjoni, iżda jidher fl-enerġiji kollha tagħha b’risq il-qadi u l-promozzjoni tal-bniedem u tal-għaqda universali tal-aħwa meta taħdem fi klima ta’ libertà. F’bosta każijiet din il-libertà hija impedita bi projbizzjonijiet u persekuzzjonijiet jew hi wkoll limitata meta l-preżenza pubblika tal-Knisja tkun ridotta biss għall­ħidmiet karitattivi tagħha. It-tieni verità hi li l-iżvilupp awtentiku tal-bniedem jirrigwarda l-persuna sħiħa f’kull dimensjoni tagħha16. Mingħajr il-prospettiva tal-ħajja ta’ dejjem, il-progress tal-bniedem f’din id-dinja jibqa’ nieqes min-nifs. Magħluq fi ġrajjietu, hu jinsab miftuħ għar­-riskju li jirriduċi ruħu biss għat-tkattir tal-ġid; b’hekk l­umanità titlef il-kuraġġ li tkun disponibbli għall-ġid aktar għoli, għall-inizjattivi kbar u diżinteressati mitluba mill-­imħabba universali. Il-bniedem ma jiżviluppax bis-saħħa tiegħu biss, u l-iżvilupp ma jistax jingħatalu biss minn barra. Tul il-mixja tal-istorja, sikwit emminna li l-ħolqien tal-istituzzjonijiet kien biżżejjed biex jiggarantixxi lill-­bnedmin il-jedd għall-iżvilupp. B’xorti ħażina, rabbejna fiduċja żejda f’dawn l-istituzzjonijiet, bħallikieku huma jistgħu jaslu għall-għan mixtieq b’mod awtomatiku. Fis­sewwa, l-istituzzjonijiet waħedhom mhumiex biżżejjed, għax l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem huwa qabel xejn sejħa, u għalhekk jitlob teħid ħieles ta’ responsabbiltà minn kull wieħed. Barra minn dan, żvilupp bħal dan jeħtieġ viżjoni traxxendentali tal-persuna, jeħtieġ lil Alla: mingħajru l-iżvilupp jew ma jseħħx, jonkella jitħalla biss f’idejn il­-bniedem, li jaqa’ fix-xibka li jibda jaħseb li hu jista’ jġib is-salvazzjoni tiegħu nnifsu, u jispiċċa billi jaħdem favur għamla ta’ żvilupp diżumanizzanti. Hu biss permezz ta’ laqgħa ma’ Alla li aħna jseħħilna naraw fl-ieħor xi ħaġa aktar minn sempliċi ħliqa oħra17, nagħrfu x-xbieha ta’ Alla fl-ieħor, u b’hekk insiru nafu tabilħaqq lilu jew lilha u nikbru f’imħabba li “ssir interess u kura għall-oħrajn.”18

12. Ir-rabta bejn il-Populorum Progressio u l-Konċilju Vatikan II ma timmarkax qtugħ bejn il-Maġisteru soċjali ta’ Pawlu VI u dak tal-Papiet ta’ qablu, għaliex il-Konċilju huwa approfondiment ta’ dak il-maġisteru fit-tkomplija tal-ħajja tal-Knisja19. F’dan is-sens, mhuma ċari xejn dawk is-suddiviżjonijiet astratti tad-duttrina soċjali tal-Knisja li japplikaw lit-tagħlim soċjali tal-Papiet kategoriji li huma barranin għalih. Mhemmx żewġ tipi ta’ duttrina soċjali, waħda ta’ qabel il-Konċilju u oħra ta’ warajh, diversi minn xulxin, imma tagħlim wieħed, koerenti u fl-istess ħin dejjem ġdid20. Tajjeb li nixħtu l-attenzjoni fuq il-karatteristiċi ta’ xi Enċiklika jew oħra, fuq it-tagħlim ta’ xi Papa jew ieħor, iżda qatt ma għandna nneħħu minn quddiem għajnejna l-koerenza tal-korp duttrinali kollu22. Koerenza ma tfissirx għeluq f’sistema, iżda aktarx fedeltà dinamika lejn dawl li jiġina. Id-duttrina soċjali tal-Knisja ddawwal b’dawl li ma jinbidilx il-problemi dejjem ġodda li jinbtu22 . Dan iħares il-karattru kemm permanenti u kemm storiku ta’ dan il-­“patrimonju” duttrinali23, li bil-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, jagħmel parti mit-Tradizzjoni dejjem ħajja tal-Knisja24 . Id-duttrina soċjali hija mibnija fuq is-sies imxandar mill-Appostli u Missirijiet il-Knisja u mbagħad milqugħ u approfondit mid-Dutturi Nsara l-kbar. Din id-duttrina fl-aħħar mill-aħħar tħares lejn il-Bniedem il-ġdid, lejn “l-aħħar Adam li sar spirtu li jagħti l-ħajja” (1 Kor 15:45) li hu prinċipju ta’ mħabba li “ma tintemm qatt” (1 Kor 13: 8). Din jixhduha l-Qaddisin u dawk li taw ħajjithom għal Kristu Salvatur fil-qasam tal-ġustizzja u l-paċi. Biha tieħu tifsira l-ħidma profetika tal-Papiet li jmexxu bi stil appostoliku l-Knisja ta’ Kristu u li jagħrfu l-ħtiġijiet ġodda tal-evanġelizzazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Populorum Progressio, imdaħħla fil-kurrent il-kbir tat-Tradizzjoni, għadha tista’ tkellem lilna, illum.

13. Barra mir-rabta kbira tagħha mad-duttrina soċjali sħiħa tal-Knisja, il-Populorum Progressio hija marbuta sfiq mal­maġisteru kollu ta’ Pawlu VI, u b’mod partikulari, mal­maġisteru soċjali tiegħu. Tiegħu kien tabilħaqq tagħlim soċjali ta’ importanza kbira: huwa saħaq fuq l-importanza indispensabbli tal-Vanġelu għall-bini tas-soċjetà fuq il-­libertà u l-ġustizzja, fil-prospettiva ideali u storika ta’ ċiviltà animata bl-imħabba. Pawlu VI fehem tajjeb kif il­-kustjoni soċjali kienet saret waħda dinjija25 u laqa’ r-rabta li teżisti bejn l-għaqda tal-umanità u l-ideal Nisrani ta’ familja waħda tal-popli, fis-solidarjetà u l-għaqda bejn l­aħwa. Fl-iżvilupp, kif mifhum mil-lat uman u Nisrani, huwa wera l-qalb tal-messaġġ soċjali Nisrani u ppropona l-imħabba Nisranija bħala qawwa ewlenija għall-qadi tal-­iżvilupp. Imqanqal mix-xewqa li jagħmel li l-imħabba ta’ Kristu tkun tidher għall-bniedem tal-lum, Pawlu VI ħabbat wiċċu b’fermezza ma’ kustjonijiet etiċi importanti, bla ma waqa’ għad-dgħufijiet kulturali ta’ żmienu.

14. Bl-Ittra appostolika Octogesima adveniens tal-1971, imbagħad, Pawlu VI ttratta t-tifsira tal-politika u tal-periklu li jiġi minn viżjonijiet utopistiċi u idealoġiċi li kienu qegħdin iħassru l-kwalità etika u umana. B’xorti ħażina l­-ideoloġiji negattivi għadhom iwarrdu bla waqfien. Pawlu VI kien ġa widdeb kontra l-ideoloġija teknokratika, li xenxlet għeruqha l-aktar nett illum26, għax kien għaraf il-periklu kbir li nħallu l-proċess kollu tal-iżvilupp f’idejn it-teknika waħedha, għax b’dan il-mod dan jibqa’ bla orjentament. It-teknika, fiha nfisha, hija ambivalenti. Jekk illum, minn naħa, hemm min hu mxaqleb li jħalli dan il-proċess tal-iżvilupp f’idejn it-teknika, minn oħra qed naraw il-qawmien ta’ ideoloġiji li jiċħdu għal kollox l-utilità nfisha tal-iżvilupp, għax iħarsu lejh bħala anti-uman u jġib miegħu biss id-degradazzjoni. U hekk nispiċċaw biex nikkundannaw mhux biss il-mod mgħawweġ u inġust li bih kultant il-bnedmin jorjentaw il-progress, iżda wkoll lill-istess kixfiet xjentifiċi, li jekk ninqdew bihom sewwa, jagħtu lil kulħadd l-opportunità li jikber. L-idea ta’ dinja mingħajr żvilupp tfisser sfiduċja tal-bniedem f’Alla. Hu mela żball kbir li ma napprezzawx il-ħiliet tal-bniedem li jrażżan id-devjazzjonijiet tal-iżvilupp jew li saħansitra ma nagħrfux li l-bniedem huwa miġbud min-natura tiegħu stess li “jkun aħjar”. Li nagħmlu mill-progress tekniku ideoloġija jew noħolmu bl-utopija ta’ umanità li terġa’ lejn l-istat oriġinali tan-natura huma żewġ modi opposti li jifirdu l-progress mill-valutazzjoni morali tiegħu, u għalhekk mir-responsabbiltà tagħna.

15. Żewġ dokumenti oħra ta’ Pawlu VI li ma għandhomx rabta mill-qrib mad-duttrina soċjali – l-Enċiklika Humanae Vitae, tal-25 ta’ Lulju 1968, u l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii Nuntiandi, tat-8 ta’ Diċembru 1975 – huma importanti ħafna biex ifissru s-sens uman sħiħ tal-iżvilupp kif propost mill-Knisja. U għalhekk hu f’waqtu li jinqraw ukoll dawn it-testi f’rabta mal-Populorum Progressio.

L-Enċiklika Humanae Vitae tisħaq fuq it-tifsira unittiva u prokreattiva tas-sesswalità, u b’hekk tqiegħed fis-sisien tas­soċjetà l-koppja tal-miżżewġin, raġel u mara, li jilqgħu lil xulxin fid-distinzjoni u l-komplementarjetà; mela koppja miftuħa għall-ħajja27 . Mhijiex biss morali individwali: l-Humanae Vitae turi r-rabtiet b’saħħithom li jeżistu bejn l-etika tal-ħajja u l-etika soċjali, filwaqt li tiftaħ tematika maġisterjali li żviluppat bil-mod il-mod f’dokumenti varji, sakemm fl-aħħar waslet l-Enċiklika Evangelium Vitae ta’ Ġann-Pawl II28. Il-Knisja tipproponi bis-saħħa din ir-rabta bejn l-etika tal-ħajja u l-etika soċjali għax taf li ma jistax “ikollha bażi solida dik is-soċjetà li, filwaqt li temmen f’valuri bħad-dinjità tal-persuna, il-ġustizzja u l-paċi, imbagħad tikkontradiċi lilha nfisha mill-qiegħ meta taċċetta u tittollera l-aktar modi diversi kif il-ħajja tal-bniedem tkun imkażbra u vjolentata, l-aktar nett jekk hi dgħajfa u mwarrba”29 .

L-Eżortazzjoni appostolika Evangelii Nuntiandi, min-naħa tagħha, għandha rabta sfiqa ħafna mal-iżvilupp, għaliex “l­evanġelizzazzjoni – kiteb Pawlu VI – ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix kas tal-appell reċiproku, li jagħmlu l-ħin kollu ’l xulxin il-Vanġelu u l-ħajja konkreta, personali u soċjali, tal-bniedem”30. “Bejn l-evanġelizzazzjoni u l-promozzjoni umana – żvilupp u liberazzjoni – fis-sewwa hemm rabtiet profondi”31: filwaqt li jitlaq minn dan l-għarfien, Pawlu VI qiegħed b’mod ċar ir-rabta bejn ix-xandir ta’ Kristu u l­promozzjoni tal-persuna fis-soċjetà. Ix-xhieda tal-imħabba ta’ Kristu permezz ta’ għemejjel ta’ ġustizzja, paċi u żvilupp tagħmel parti mill-evanġelizzazzjoni, għax Ġesù Kristu, li jħobbna, għandu għal qalbu l-bniedem sħiħ. Fuq dan it-tagħlim importanti huwa msejjes l-aspett missjunarju32 tad-duttrina soċjali tal-Knisja bħala element essenzjali ta’ evanġelizzazzjoni33. Id-duttrina soċjali tal-Knisja hija bxara u xhieda ta’ fidi. Hija strument u ambjent indispensabbli għall-formazzjoni fil-fidi.

16. Fil-Populorum Progressio, Pawlu VI ried jgħidilna, qabel xejn, li l-progress fl-oriġni u fl-essenza tiegħu huwa sejħa: “Fil-pjan ta’ Alla, kull bniedem hu msejjaħ għal xi żvilupp, għaliex kull ħajja hija sejħa”34. Hu sewwasew dal-fatt li jiġġustifika l-indħil tal-Knisja fil-problematika tal-iżvilupp. Kieku dan kellu x’jaqsam biss ma’ aspetti tekniċi ta’ ħajjet il-bniedem, u mhux mat-tifsira tal-mixja tiegħu fl-istorja flimkien ma’ ħutu l-oħrajn u lanqas mal­-għarfien tal-għan ta’ din il-mixja, il-Knisja ma kienx ikollha jedd titkellem. Pawlu VI, bħal Iljun XIII qablu fir-Rerum Novarum35 kien jaf li kien qed iwettaq dmir tal-uffiċċju tiegħu meta xeħet id-dawl tal-Vanġelu fuq il-kustjonijiet soċjali ta’ żmienu36 .

Meta ngħidu li l-iżvilupp huwa sejħa, minn naħa nkunu qed nagħrfu li hu tnissel minn appell traxxendenti, u minn naħa oħra, li hu ma jistax jagħti lilu nnifsu t­tifsira aħħarija tiegħu. Mhux mingħajr skop il-kelma “sejħa” niltaqgħu magħha f’silta oħra tal-Enċiklika fejn jingħad: “Mhemmx għalhekk umaneżmu veru jekk mhux dak miftuħ għall-Assolut, fil-għarfien ta’ sejħa, li tagħti l-idea vera tal-ħajja umana”37. Din il-viżjoni tal-iżvilupp hija l-qalba tal-Populorum Progressio u hi l-kawża tar­riflessjonijiet kollha ta’ Pawlu VI fuq il-libertà, il-verità u l-imħabba fl-iżvilupp. Hi wkoll ir-raġuni ewlenija li għaliha dik l-Enċiklika għadha attwali sa żmienna.

17. Is-sejħa hija appell li jrid tweġiba ħielsa u responsabbli. L-iżvilupp uman sħiħ jitlob il-libertà responsabbli tal-­persuna u tal-popli: ebda struttura ma tista’ tiggarantixxi żvilupp bħal dan ’il barra u ’l fuq mir-responsabbiltà umana. Il-“messjaniżmi mgħobbijin bil-wegħdiet, iżda ħallieqa tal-illużjoni”38 dejjem isejsu l-proposti tagħhom fuq iċ-ċaħda tad-dimensjoni traxxendenti tal-iżvilupp, għax jinsabu żguri li dan hu kollu għad-dispożizzjoni tagħhom. Din is-sigurezza falza tinbidel fi dgħufija, għax tirruduċi lill-bniedem għall-qadi tal-iżvilupp, filwaqt li l­umiltà ta’ min jilqa’ sejħa tinbidel f’awtonomija vera, għax din tagħmel lill-persuna ħielsa. Pawlu VI ma għandux dubji li xkilijiet u kundizzjonamenti jwaqqfu l-iżvilupp, imma jinsab ċert ukoll li “kull wieħed jibqa’ l-aġent tas-suċċess jew il-falliment tiegħu, ikunu x’ikunu dawk l-elementi li jinfluwenzawh”39. Din il-libertà tirrigwardja l-iżvilupp li għandna quddiemna, fl-istess waqt, tirrigwardja wkoll il-­qagħdiet ta’ sottożvilupp, li ma ġewx b’kumbinazzjoni jew bi ħtieġa storika, iżda jiddependu mir-responsabbiltà tal-­bniedem. U hu għalhekk li “l-popli bil-ġuħ isejħu għall­għajnuna llum b’mod drammatiku lill-popli għonja”40. Din ukoll hi sejħa, appell mill-bnedmin ħielsa lill-bnedmin ħielsa biex tittieħed responsabbiltà komuni. Kienet ħajja f’Pawlu VI l-perċezzjoni tal-importanza tal-istrutturi ekonomiċi u tal-istituzzjonijiet, iżda daqstant ieħor ċara fih il-perċezzjoni tan-natura tagħhom bħala għodda tal-­ħelsien tal-bniedem. L-iżvilupp jista’ jkun kollu kemm hu uman biss jekk ikun ħieles; u biss f’reġim ta’ libertà jista’ jikber b’mod tajjeb.

18. Barra milli jitlob il-libertà, l-iżvilupp uman sħiħ bħala sejħa jitlob ukoll ir-rispett tal-verità. Is-sejħa għall-progress iġġiegħel lill-bnedmin “jagħmlu, jagħrfu u jkollhom iżjed biex ikunu iżjed”41. Imma din hi l-problema: x’ifisser  “ikunu iżjed”? Għal dil-mistoqsija Pawlu VI jwieġeb billi juri l-konnotazzjoni essenzjali tal-“iżvilupp awtentiku”: dan “għandu jkun sħiħ, jiġifieri jsir b’risq kull bniedem u b’risq il-bniedem sħiħ”42 . Fost il-ħafna viżjonijiet tal-­bniedem, li qed ikunu proposti llum aktar milli fi żmien Pawlu VI, il-viżjoni Nisranija għandha l-karatteristika li tistqarr u tiġġustifika l-valur bla kundizzjoni tal-persuna umana u t-tifsira tal-kobor tiegħu. Is-sejħa Nisranija għall-­iżvilupp tgħin biex iġġib il-promozzjoni tal-bnedmin kollha u tal-bniedem kollu. Hekk kiteb Pawlu VI: “Dak li jiswa għalina huwa l-bniedem, kull bniedem, kull grupp ta’ bnedmin, sa ma nħaddnu l-umanità kollha kemm hi”43. Il-fidi Nisranija tħares lejn l-iżvilupp bla ma tqis il-­privileġġi jew il-qagħdiet tas-setgħa u lanqas il-merti tal-Insara, li kienu u għadhom hemm sal-lum flimkien mal­limitazzjonijiet naturali tagħhom44, imma tqis biss lil Kristu, li minnu ġejja kull sejħa awtentika għall-iżvilupp uman sħiħ. Il-Vanġelu huwa element fundamentali tal-iżvilupp, għax fih Kristu, “huwa u jirrivela l-misteru tal-Missier u ta’ mħabbtu, juri wkoll bis-sħiħ lill-umanità lilha nfisha”45. Mgħallma minn Sidha, il-Knisja tifli s-sinjali taż-żminijiet u tfissirhom u tagħti lid-dinja “minn dak li hu tagħha: viżjoni globali tal-bniedem u tal-umanità”46. Sewwasew għaliex Alla jlissen “iva” kbira lill-bniedem47, dan ma jistax ma jinfetaħx għas-sejħa ta’ Alla biex iwettaq l-iżvilupp tiegħu. Il-verità tal-iżvilupp qiegħda fis-sħuħija tiegħu: jekk ma jkunx tal-bniedem kollu u ta’ kull bniedem, l-iżvilupp mhuwiex żvilupp veru. Dan hu l-messaġġ ċentrali tal-Populorum Progressio, li jiswa għal-lum u għal dejjem. L-iżvilupp uman sħiħ fil-pjan naturali, tweġiba lil sejħa ta’ Alla l-ħallieq48, irid li jseħħ f’“umaneżmu traxxendenti, li... jagħti (lill-bniedem) l-akbar sħuħija tiegħu: dan hu l-għan aħħari tal-iżvilupp personali”49. Is-sejħa Nisranija għal dan l-iżvilupp għalhekk tirrigwardja kemm il-pjan naturali u kemm dak soprannaturali; għaldaqstant, “meta Alla jitwarrab, il-ħila tagħna li nagħrfu l-ordni naturali, l-għan u l-“ġid” tibda tgħib”50 .

19. Fl-aħħar nett, il-viżjoni tal-iżvilupp bħala sejħa trid li jkollha fiċ-ċentru tagħha l-karità. Pawlu VI fl-Enċiklika Populorum Progressio jgħid li l-kawżi tas-sottożvilupp mhumiex qabel xejn ta’ ordni materjali. Huwa stedinna biex infittxuhom f’dimensjonijiet oħrajn tal-bniedem. L­-ewwel nett fir-rieda li sikwit ma taqdix id-dmirijiet tas­solidarjetà. It-tieni fil-ħsieb, li mhux dejjem jagħraf imexxi tajjeb ir-rieda. Għalhekk, fil-mixja tal-iżvilupp, jeħtieġu “nies tal-ħsieb kapaċi jagħmlu riflessjoni profonda, li jaħtru lilhom infushom għat-tiftix ta’ umaneżmu ġdid, li jħalli lill-bniedem tal-lum isib lilu nnifsu”51. Iżda dan mhux kollox. Is-sottożvilupp għandu kawża aktar importanti min-nuqqas ta’ ħsieb: huwa “nuqqas ta’ fraternità bejn il-bnedmin u l-popli”52. Imma dil-fraternità, jistgħu qatt il-bnedmin jiksbuha waħedhom? Is-soċjetà globalizzata tressaqna qrib xulxin, iżda ma tagħmilniex aħwa. Ir-raġuni, waħedha, tista’ ġġib l-ugwaljanza bejn il-bnedmin u twaqqaf konvivenza ċivika bejniethom, iżda ma jseħħilhiex tibni l-fraternità. Din titnissel minn sejħa traxxendenti ta’ Alla l-Missier, li ħabbna hu l-ewwel, filwaqt li permezz ta’ Ibnu għallimna x’inhi l-imħabba tal-aħwa. Pawlu VI, huwa u jippreżenta l-ħafna livelli tal-proċess tal-iżvilupp tal-bniedem, qiegħed fil-quċċata, wara li semma l-fidi, “l-għaqda fl-imħabba ta’ Kristu li sejħilna biex nieħdu sehem bħala wlied fil-ħajja ta’ Alla l-ħaj, Missier il-bnedmin kollha”53 .

20. Dawn il-prospettivi li fetħet il-Populorum Progressio, jibqgħu fundamentali biex nagħtu nifs u orjentament lill­-impenn tagħna favur l-iżvilupp tal-popli. Il-Populorum Progressio, imbagħad, tisħaq bla waqfien fuq l-urġenza tar-riformi54 u titlob li quddiem il-problemi l-kbar tal-­inġustizzja fl-iżvilupp tal-popli wieħed jimxi bi qlubija u bla tlajjar. Din l-urġenza hi mitluba wkoll mill-imħabba fil­-verità. Hi l-imħabba ta’ Kristu li ssuqna: “caritas Christi urget nos” (2 Kor 5:14). L-urġenza tinsab minquxa mhux biss fil-ħwejjeġ, ma tiġix biss mill-mixja tal-ġrajjiet u tal­problemi, imma wkoll mill-istess argument ewlieni: it-twettiq ta’ fraternità awtentika. L-importanza ta’ dan l­objettiv hi hekk kbira li titlob il-ftuħ tagħna biex nifhmuh sal-qiegħ nett u biex nitħarrku b’mod konkret b’“qalbna”, biex inġagħlu l-proċessi ekonomiċi u soċjali attwali jersqu lejn riżultati tabilħaqq umani f’kollox.

 

 

IT-TIENI KAPITLU

L-IŻVILUPP UMAN FI ŻMIENNA

21. Pawlu VI kellu viżjoni ċara tal-iżvilupp. Bil-kelma “żvilupp” ried juri l-obbjettiv li bih il-popli joħorġu l­ewwel nett mill-ġuħ, mill-miżerja, mill-mard endemiku u mill-analfabetiżmu. Min-naħa tal-ekonomija, dan kien ifisser is-sehem attiv tagħhom b’mod indaqs fil-proċess ekonomiku internazzjonali; min-naħa tal-politika, it-tisħiħ tar-reġimi demokratiċi biex ikunu jistgħu jassiguraw il-ħelsien u l-paċi. Wara ħafna snin, aħna u nħarsu bi preokkupazzjoni lejn l-iżviluppi u l-prospettivi tal-kriżijiet li f’dawn iż-żminijiet qed jaħbtu fuqna wara xulxin, nistaqsu kemm dak li stenna Pawlu VI seħħx fil-mudell ta’ żvilupp li tħaddem f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Għaldaqstant aħna nagħrfu li l-preokkupazzjonijiet tal-Knisja bil-ħiliet tal-bniedem teknoloġiku li jagħraf jagħti objettivi lilu nnifsu u li jkun jaf iħaddem dejjem tajjeb l-għodod li jkollu f’idejh kienu mibnija fuq is-sod. Il­qligħ ikun utli jekk, bħala mezz, ikun dirett lejn għan li jagħtih tifsira sew fuq kif jipproduċih kif ukoll kif jinqeda bih. L-objettiv għall-qligħ waħdu, jekk jissawwar ħażin u mingħajr il-ġid komuni bħala l-aħħar għan, jirriskja li jeqred il-għana u joħloq il-faqar. L-iżvilupp ekonomiku kif xtaqu Pawlu VI kellu jsir b’mod li joħloq kobor reali, li jitwessa’ biex iħaddan lil kulħadd u sostenibbli b’mod konkret. Hu minnu li l-iżvilupp kien u għadu fattur pożittiv li qala’ mill-miżerja lil biljuni ta’ persuni, u fl-aħħar mill-aħħar, ta lil ħafna pajjiżi l-possibbiltà li jsiru atturi effikaċi fil-politika internazzjonali. B’danakollu jeħtieġ nagħrfu li l­istess żvilupp ekonomiku kien u għadu mgħobbi b’difetti u problemi drammatiċi, li l-kriżi attwali aktar kabbrithom. Din tqegħedna quddiem għażliet li ma jistgħux jitħallew għal xi darb’oħra u jirrigwardjaw dejjem aktar id-destin tal-bniedem innifsu, li dan, ukoll, ma jistax imur lilhinn min-natura tiegħu. Il-qawwiet tekniċi li hemm fin-nofs, l­interrelazzjonijiet globali, l-effetti ħżiena għall-ekonomija reali ta’ attività finanzjarja li qed titħaddem ħażin u hi fuq kollox spekulattiva, l-immigrazzjoni fuq skala kbira, li ħafna drabi tkun ipprovokata imma mbagħad titħalla bla kontroll tajjeb, l-isfruttament bla rażan tar-riżorsi tal-art, iġagħluna llum nagħmlu riflessjoni fuq il-miżuri meħtieġa għal soluzzjoni ta’ problemi li huma mhux biss ġodda, jekk jitqabblu ma’ dawk li ħabbat wiċċu magħhom Papa Pawlu VI, imma wkoll, u fuq kollox, li jkollhom impatt deċiżiv għall-ġid preżenti u ġejjieni tal-umanità. L-aspetti tal-kriżi u tas-soluzzjonijiet, flimkien ma’ żvilupp ġdid li jista’ jseħħ fil-ġejjieni, huma dejjem aktar marbutin flimkien, jimplikaw lil xulxin, jeħtieġu sforzi ġodda għal fehma olistika u sintesi umanistika ġdida. Il-kumplessità u l-gravità tal-qagħda ekonomika attwali bilfors tinkwetana, iżda b’realiżmu, fiduċja u tama irridu nidħlu għar-responsibbtajiet ġodda li għalihom qed isejħilna x-xenarju ta’ dinja li teħtieġ tiġdid kulturali profond u sejbien mill-ġdid ta’ valuri baziċi biex fuqhom nibnu ġejjieni aħjar. Il-kriżi ġġegħelna nerġgħu nipproġettaw mixjitna, noħolqu regoli ġodda u nfittxu għamliet ġodda ta’ impenn, nibbażaw fuq l-esperjenzi pożittivi u niċħdu dawk negattivi. B’hekk il-kriżi ssir okkażjoni ta’ dixxerniment u ta’ proġettwalità ġdida. B’dan il-muftieħ, fiduċjużi aktar milli rassenjati, jeħtieġ li nħabbtu wiċċna mad-diffikultajiet tal-preżent.

22. Illum il-kwadru tal-iżvilupp għandu ħafna safef. L-atturi u l-kawżi kemm tas-sottożvilupp kif ukoll tal-­iżvilupp huma ħafna, il-ħtijiet u l-merti huma differenti. Dal-fatt għandu jħeġġiġna biex neħilsu lilna nfusna mill­-ideoloġiji, li jissimplifikaw ħafna drabi b’mod artifiċjali r-realtà, u nwassalna biex neżaminaw b’mod oġġettiv id-dimensjoni umana tal-problemi. Kif kien qal Ġann-Pawl II, il-linja tal-konfini bejn pajjiżi għonja u foqra ma għadhiex daqshekk ċara bħal fi żmien il-Populorum Progressio55 . L-għana tad-dinja qed jikber b’mod assolut, iżda qed jikbru d-diżugwaljanzi. Fil-pajjiżi għonja xi kategoriji soċjali ġodda qed jiftaqru u qed jitwieldu għamliet ġodda ta’ faqar. F’inħawi aktar foqra xi gruppi jgawdu minn superżvilupp ħali u konsumistiku li joħloq kuntrast mhux aċċettabbli ma’ qagħdiet permanenti ta’ miżerja li ma tixraqx lill-bniedem. “L-iskandlu ta’ diżugwaljanzi li jispikkaw bil-kbir”56 għadu għaddej. Il­korruzzjoni u l-illegalità, b’xorti ħażina, jinsabu kemm fl­imġiba tal-klassijiet ekonomiċi u politiċi tal-pajjiżi għonja, qodma u ġodda, kemm fl-istess pajjiżi foqra. Dawk li ma jirrispettawx id-drittijiet umani tal-ħaddiema kultant huma xi impriżi kbar transnazzjonali imma anki gruppi li jipproduċu għal-lokal. L-għajnuniet internazzjonali sikwit kienu żvijjati mill-għan tagħhom, minħabba l-għemil ir-responsabbli sew fil-katina ta’ dawk li jagħtu u sew f’dik ta’ dawk li jieħdu. Anki fl-oqsma tal-kawżi immaterjali jew kulturali tal-iżvilupp u tas-sottożvilupp nistgħu nsibu l-istess mudell ta’ responsabbiltà. Hemm forom eċċessivi ta’ ħarsien tal-għarfien min-naħa tal-pajjiżi għonja, permezz ta’ tħaddim riġidu żżejjed tal-jedd tal-proprjetà intellettwali, l-aktar nett fil-qasam sanitarju. Fl-istess ħin. F’xi pajjiżi foqra għad hemm mudelli kulturali u normi soċjali ta’ mġiba li jtaqqlu l-pass tal-iżvilupp.

23. Ħafna nħawi tad-dinja, illum,għadlib’modproblematiku u mhux bl-istess mod, evolvew ruħhom, u daħlu fil-ġemgħa tal-potenzi l-kbar iddestinati li jieħdu sehem importanti fit-tiswir tal-ġejjieni. B’danakollu jeħtieġ nagħrfu li l-progress li jsir biss mil-lat ekonomiku u tekoloġiku mhux biżżejjed. Jeħtieġ li l-iżvilupp ikun qabel xejn veru u sħiħ. Il-ħruġ min­nuqqas ta’ progress ekonomiku, ħaġa fiha nfisha pożittiva, ma jsolvix il-problematika kumplessa tal-promozzjoni tal-bniedem, la fil-pajjiżi li huma l-protagonisti ta’ din il­-mixja, la fil-pajjiżi li huma ġa żviluppati ekonomikament, u lanqas f’dawk li għadhom foqra, li jistgħu jbatu, mhux biss minħabba l-forom qodma ta’ sfruttament, imma wkoll minħabba l-konsegwenzi negattivi ġejjin minn kobor immarkat b’irregolaritajiet u nuqqas ta’ ekwilibriju.

Wara l-waqgħa tas-sistemi ekonomiċi u politiċi tal-Pajjiżi Komunisti tal-Ewropa tal-Lvant u t-tmiem tal-hekk imsejħa “blokki opposti”, inħasset il-ħtieġa ta’ eżami kumplessiv mill-ġdid tal-iżvilupp. Dan kien talbu Ġann-Pawl II, li fl­1987 kien indika l-eżistenza ta’ dawn il-“blokki” bħala waħda mill-kawżi ewlenin tas-sottożvilupp57, għaliex il­-politika kienet tnaqqas ir-riżorsi lill-ekonomija u lill-kultura u l-ideoloġija kienet iżomm lura l-libertà. Fl-1991, wara l­ġrajjiet tal-1989, huwa talab ukoll li ma’ tmiem il-“blokki” ssir proġettazzjoni globali mill-ġdid tal-iżvilupp, mhux biss f’dawk il-pajjiżi, imma wkoll fil-Punent u f’dawk l-inħawi tad-dinja li kienu qed jiżviluppaw58. Dan seħħ biss f’parti minnu u għadu dmir reali li jeħtieġ jitwettaq, forsi b’mezzi meħtieġa biex jingħelbu l-problemi ekonomiċi attwali.

24. Id-dinja li Pawlu VI kellu quddiemu, għad li l­proċess ta’ soċjalizzazzjoni kien ġa mexa biċċa sew tant li hu seta’ jitkellem fuq kustjoni soċjali dinjija, kienet għadha wisq anqas magħquda milli hi llum. L-attività ekonomika u l-proċess politika kienu jseħħu fil-biċċa l­kbira fl-istess naħa tad-dinja u għalhekk setgħu jistrieħu fuq xulxin. Il-produzzjoni kienet issir fil-biċċa l-kbira fil­-konfini nazzjonali u l-investimenti finanzjarji kellhom ċirkolazzjoni aktarx limitata barra mill-pajjiż, għalhekk il-politika ta’ ħafna Stati kienet għadha tista’ tiffissa l­prijoritajiet tal-ekonomija, u b’xi mod, taħkem il-ħidma tagħha bil-għodod li kien għad kellha f’idejha. Għalhekk il-Populorum Progressio ħatret sehem ċentrali, anki jekk mhux esklusiv, lill-“awtoritajiet pubbliċi”59 .

Fi żmienna, l-Istat jinsab f’qagħda li jkollu jħabbat wiċċu mal-limitazzjonijiet tas-sovranità tiegħu li qed jagħmilhomlu l-kuntest ekonomiku-kummerċjali u finanzjarju internazzjonali ġdid, li hu wkoll ikkaratterizzat minn mobbiltà, li qiegħda dejjem tiżdied, tal-kapitali finanzjarji u tal-mezzi tal-produzzjoni materjali u immaterjali. Dan il-kuntest il-ġdid biddel il-mixja tas­setgħa politika tal-Istati.

Illum, aħna u nitgħallmu mill-kriżi ekonomika attwali li qed tara lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat jimpenjaw ruħhom direttament biex jikkoreġu żbalji u difetti, tidher ħaġa aktar realistika li ssir valutazzjoni mġedda tas­sehem tagħhom u tas-setgħa tagħhom, li għandhom ikunu kkunsidrati u valutati mill-ġdid biex ikunu jistgħu, anki permezz ta’ metodi ġodda ta’ taħriġ, jidħlu għall-isfidi tad-dinja tal-lum. Wara li s-setgħat pubbliċi jkunu definiti aħjar, wieħed ibassar li jissaħħu dawk il-forom ġodda ta’ parteċipazzjoni fil-politika nazzjonali u internazzjonali li jseħħu permezz tal-ħidma tal-Organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-soċjetà ċivili. Wieħed jittama li b’dan il-mod l-attenzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fir-res publica jibdew jinħassu aktar.

25. Mil-lat soċjali, is-sistemi ta’ protezzjoni u previdenza, li kienu diġà jeżistu f’ħafna pajjiżi fi żmien Pawlu VI, qed isibuha diffiċli u jistgħu jsibuha aktar diffiċli fil­ġejjieni li jilħqu l-għanijiet tagħhom ta’ ġustizzja soċjali vera f’ambjent li llum inbidel għal kollox. Is-suq globali qabel xejn, ħajjar lill-Pajjiżi għonja għat-tiftix ta’ żoni fejn il-produzzjonijiet jitħallsu anqas biex b’hekk ikunu jistgħu jraħħsu l-prezzijiet ta’ ħafna oġġetti, ikunu jistgħu jbigħu aktar u b’hekk iħaffu r-rata ta’ żvilupp imsejjes fuq konsumi akbar għas-suq intern tagħhom. B’riżultat ta’ dan, is-suq qajjem forom ġodda ta’ kompetizzjoni bejn l-Istati bil-għan li jiġbdu lejhom ċentri ta’ produzzjoni barranin, permezz ta’ għodod varji, fosthom reġimi fiskali favorevoli u t-tneħħija ta’ regolamenti tas-suq tax-xogħol. Dawn il-proċessi wasslu għal tnaqqis fis-sistemi tas-sigurtà soċjali bħala prezz li kellu jitħallas għat-tiftix ta’ vantaġġi kompetittivi akbar fis-suq globali, b’hekk inħoloq periku kbir għall-jeddijiet tal-ħaddiema, għad-drittijiet umani fundamentali u għas-solidarjetà marbuta mal-forom tradizzjonali tal-Istat soċjali. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali jistgħu jitilfu s-setgħa li jissoktaw ħidmithom, kemm f’pajjiżi emerġenti u f’dawn li ilhom li żviluppaw, kif ukoll fil-pajjiżi foqra. B’dan il-mod il-provvedimenti għall-baġit, bit-trażżin fl-infiq soċjali, li ħafna drabi jsir taħt pressjoni minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jista’ jħalli liċ-ċittadini bla setgħa quddiem riskji qodma u ġodda. Dan in-nuqqas ta’ setgħa jiżdied bin-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva min-naħa tal-għaqdiet tal-ħaddiema. Minħabba l­bidla soċjali u ekonomika, it-trade unions iħossuha aktar diffiċli jirrapreżentaw l-interessi tal-ħaddiema, għaliex sa ċertu punt il-Gvernijiet, għal raġunijiet ekonomiċi, sikwit jillimitaw il-ħelsien jew il-kapaċità tan-negozjar tal-­għaqdiet tal-ħaddiema. Għalhekk ix-xbieki tradizzjonali ta’ solidarjetà għandhom aktar xkilijiet x’jegħlbu. Is-sejħat ripetuti tad-duttrina soċjali tal-Knisja, ibda mir-Rerum Novarum60, favur il-promozzjoni tal-għaqdiet tal-ħaddiema jistgħu jiddefendulhom jeddijiethom għandhom għalhekk illum jitqiegħdu fil-prattika ħafna aktar milli fl-imgħoddi, bħala tweġiba pronta li tħares fil-bogħod għall-ħtieġa urġenti ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni fil-­livell internazzjonali u f’dak lokali.

Il-mobbiltà tax-xogħol, flimkien mat-tneħħija ta’ regolamenti, hija fenomenu importanti b’xi aspetti pożittivi, għax din tista’ tistimula l-produzzjoni tal-ġid u l-bdil kulturali. B’danakollu, kundizzjonijiet inċerti tax-xogħol minħabba l-mobbiltà u t­tneħħija ta’ regolamenti, meta ssir ħaġa regolari, għandhom mnejn joħolqu forom ġodda ta’ instabbiltà psikoloġika li xxekkel it-tiswir ta’ pjanijiet koerenti tal-ħajja, inkluż dak taż-żwieġ. Dan iwassal għal sitwazzjonijiet ta’ taħsir uman, biex ma nsemmux il-ħela ta’ riżorsi soċjali. Meta mqabbel mad-diżgrazzji tas-soċjetà industrijali tal-imgħoddi, il-qgħad illum joħloq forom ġodda ta’ emarġinazzjoni ekonomika, u bil-kriżi attwali dil-qagħda tista’ biss tmur għall-agħar. Bniedem bla xogħol jew jiddependi mill-għajnuna pubblika jew privata għal żmien twil jitnaqqsulu l-libertà u l-kreattività tiegħu u tal-familja u r-relazzjonijiet soċjali, u dan joħloq tbatija psikoloġika u spiritwali kbira. Nixtieq infakkar lil kulħadd, l-aktar nett lill-gvernijiet impenjati fit-tkabbir tal-­ġid ekonomiku u soċjali tad-dinja, li l-kapital ewlieni li għandhom iħarsu u jivvalutaw huwa l-bniedem, il-persuna umana fis-sħuħija tagħha: “Il-bniedem huwa l-għajn, it-tokk u l-għan tal-ħajja ekonomika u soċjali kollha”61 .

26. Mil-lat kulturali, meta nqabblu żmienna ma’ żmien Pawlu VI, id-differenza hi akbar. F’dak iż-żmien il-kulturi kienu relattivament definiti tajjeb u kellhom opportunità akbar li jiddefendu lilhom infushom mit-tentattivi li jingħaqdu lkoll f’waħda. Illum il-possibbiltajiet ta’ interazzjoni bejn il-kulturi kibru sewwa u taw lok għal opportunitajiet ġodda ta’ djalogu interkulturali: djalogu, li jekk irriduh ikun effettiv, għandu jitlaq minn għarfien profond tal-identità speċifika tal-bosta sħab li magħhom isir id-djalogu. Ejjew ma ninsewx li fil­-kummerċjalizzazzjoni dejjem tikber tal-iskambju kulturali llum hemm periklu doppju. L-ewwel nett, wieħed jista’ josserva eklettiżmu kulturali li sikwit qed jittieħed b’nuqqas ta’ kritika: il-kulturi qed jitqiegħdu sempliċiment waħda maġenb l­oħra u qed jintwerew daqslikieku kienu sustanzjalment indaqs u li jistgħu jinbidlu ma’ xulxin. Dan malajr iwassal għal relattiviżmu li ma jaqdix tajjeb lid-djalogu interkulturali veru; mill-lat soċjali, ir-relattiviżmu kulturali jħalli l-effett li gruppi kulturali jibdew jeżistu spalla ma’ spalla, iżda jibqgħu mifrudin, mingħajr djalogu awtentiku u għalhekk mingħajr integrazzjoni vera. It-tieni, jeżisti l-periklu oppost, dak tal-­livellar kulturali u l-aċċettazzjoni bla għażla ta’ tipi ta’ mġiba u stili ta’ ħajja. B’dan il-mod wieħed jitlef il-viżjoni tat-tifsir profond tal-kultura ta’ nazzjonijiet differenti, tat-tradizzjonijiet tal-ħafna popli, li bihom l-individwu jara lilu nnifsu f’rabta mal-mistoqsijiet fundamentali tal-ħajja62. Dak li l-eklettiżmu u l-livellar kulturali għandhom komuni huwa l-firda tal-kultura min-natura tal-bniedem. Għalhekk, il-kulturi ma jistgħux jibqgħu ifissru lilhom infushom f’natura li tinsab ’il fuq minnhom63, u l-bniedem jispiċċa statistika kulturali. Meta jiġri dan, l-umanità tidħol f’riskji ġodda ta’ jasar u manipulazzjoni.

27. Il-ħajja f’ħafnapajjiżifoqragħadhamhixejnżgurab’riżultat ta’ nuqqas ta’ ikel, u l-qagħda tista’ tmur għall-agħar: il-ġuħ għadu jaħsad għadd kbir ħafna ta’ vittmi fost dawk li, bħal Lazzru, ma jitħallewx jieħdu posthom mal-mejda tal-għani, kontra t-tamiet li kellu Pawlu VI64 . Itma’ lil min hu bil-ġuħ (ara Mt 25:35,37,42) hu amar etiku għall-Knisja universali, hija u twieġeb għat-tagħlim tal-Fundatur tagħha, il-Mulej Ġesù, dwar is-solidarjetà u l-qsim tal-ġid. Barra minn dan, it-tixjin tal-ġuħ mid-dinja, f’dan iż-żmien globali, sar meħtieġ għall-ħarsien tal-paċi u l-istabbiltà fid-dinja. Il-ġuħ ma jiddependix tant minn nuqqas ta’ ħwejjeġ materjali daqskemm minn nuqqas ta’ riżorsi soċjali, li l-aktar importanti fosthom huma istituzzjonali. Fi kliem ieħor, mhemmnx xibka ta’ istituzzjonijiet ekonomiċi bis-setgħa li tiggarantixxi l-aċċess regolari għal ikel u ilma biżżejjed għall-ħtiġijiet nutrizjonali, kif ukoll li taħseb għall­ħtiġijiet primarji u n-neċessitajiet fi żmien kriżijiet ġenwini tal-­ikel, li jseħħu kemm minħabba kawżi naturali jew minħabba ir-responsabbiltà politika, fuq il-livell nazzjonali u fuq dak internazzjonali. Il-problema ta’ nuqqas ta’ ikel jeħtieġli wieħed jaħsbilha permezz ta’ perspettiva li tħares fit-tul, filwaqt li jinqerdu l-kawżi strutturali li jġagħluha sseħħ u jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp tal-agrikultura fil-pajjiżi foqra. Dan jista’ jseħħ b’investiment fl-infrastrutturi rurali, sistemi ta’ tisqija, trasport, organizzazzjoni tas-swieq, u fl-iżvilupp u t-tixrid ta’ teknoloġija li tista’ tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi umani, naturali u soċjo-ekonomiċi li jinkisbu aktar bil-ħeffa fil-livell lokali, filwaqt li jiggarantixxu wkoll is-sostenibbiltà tagħhom għal żmien twil. Dan kollu jeħtieġ li jseħħ bl-involviment tal-­komunitajiet lokali b’għażliet u deċiżjonijiet li jolqtu l-użu tal-art agrikola. F’din il-perspettiva, jista’ jkun meħtieġ li wieħed iqis il-possibbiltajiet ġodda li qed jinbtu permezz tal-użu tajjeb ta’ tekniki agrikoli sew tradizzjonali u sew ġodda, filwaqt li dejjem nassumu li dawn ikunu ġġudikati, wara li jiġġarrbu sewwa, li huma approprjati, jirrispettaw l-ambjent u jagħtu attenzjoni lill-ħtiġijiet tal-aktar popli neqsin minn dak li hu essenzjali. Fl-istess ħin, il-kustjoni ta’ riforma agrarja ġusta fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandhiex tkun injorata. Il­jedd għall-ikel, bħall-jedd għall-ilma, għandu post importanti fit-tfittxija ta’ jeddijiet oħra, ibda bil-jedd fundamentali għall­ħajja. Hu għalhekk meħtieġ li titqajjem kuxjenza pubblika li tqis l-ikel u l-aċċess għall-ilma bħala jeddijiet universali tal-­bnedmin kollha, mingħajr distinzjoni jew għażla65 . Barra minn dan, huwa importanti li nisħqu fuq il-fatt li s-solidarjetà mal-pajjiżi foqra fil-proċess tal-iżvilupp tista’ twassal lejn soluzzjoni tal-kriżi globali attwali, kif xi politiċi u diretturi ta’ istituzzjonijiet internazzjonali bdew iħossu dan l-aħħar. Bil-waqfien mal-pajjiżi foqra ekonomikament permezz ta’ pjanijiet finanzjarji mnebbħin bis-solidarjetà – biex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex jissodisfaw id-domanda taċ-ċittadini tagħhom għal oġġetti ta’ konsum u għall-iżvilupp – mhux biss tista’ tikber l-ekonomija, iżda tkun tista’ tingħata kontribuzzjoni favur il-ħiliet produttivi tal-pajjiżi għonja li qed jirriskjaw il-falliment minħabba l-kriżi.

28. Wieħed mill-aktar aspetti impressjonanti tal-iżvilupp illum huwa l-kustjoni importanti tar-rispett għall-ħajja, li ma tista’ bl-ebda mod tinqata’ minn kustjonijiet li jirrigwardjaw l-iżvilupp tal-popli. Huwa aspett li kiseb prominenza dejjem tikber fiż-żminijiet reċenti, filwaqt li ġagħalna nwessgħu il­-kunċett tagħna ta’ faqar66 u sottożvilupp biex fih indaħħlu kustjonijiet marbuta mal-aċċettazzjoni tal-ħajja, l-aktar nett f’każijiet fejn hi impedita b’modi varji.

Mhux biss din il-qagħda ta’ faqar għadha tgħolli r-rata ta’ mwiet ta’ tfal f’ħafna reġjuni, iżda f’xi nħawi tad-dinja għadhom qed isiru prattiki ta’ kontroll demografiku, min­naħa ta’ gvernijiet li sikwit jippromovu l-kontraċezzjoni u saħansitra jaslu biex jimponu l-abort. F’pajjiżi żviluppati ekonomikament, il-leġiżlazzjoni kontra l-ħajja hi mxerrda ħafna, u ġa sawret attitudnijiet morali u prattiki, u għenet fit-tixrid ta’ mentalità kontra t-twelid; sikwit qed isiru attentati biex dil-mentalità tixtered fi Stati oħrajn bħallikieku kienet xi għamla ta’ progress kulturali.

Xi Organizzazzjonijiet mhux tal-gvern jaħdmu attivament biex ixerrdu l-abort, u kultant fil-pajjiżi foqra jippromovu l-isterilizzazzjoni, f’xi każijiet mingħajr ma lanqas biss jgħarrfu lin-nisa nfushom. Barra minn dan, għandna għaliex nissusspettaw li l-għajnuna għall-iżvilupp kultant tintrabat ma’ politika speċifika fil-qasam tal-kura tas-saħħa li fil-fatt tkun tinvolvi miżuri ibsin ta’ kontroll tat-twelid. Ħwejjeġ oħra li jħassbuna huma l-liġijiet li jippermettu l-ewtanasja kif ukoll l-insistenza minn gruppi ta’ azzjonisti, fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, favur l-għarfien ġuridiku tagħha.

Il-ftuħ għall-ħajja jinsab fit-tokk tal-iżvilupp veru. Meta soċjetà tersaq lejn iċ-ċaħda jew il-qerda tal-ħajja, ma tibqax tfittex il-mottivazzjoni meħtieġa u l-enerġija biex titħabat għall-ġid veru tal-bniedem. Jekk is-sensibbiltà personali u soċjali favur l-aċċettazzjoni ta’ ħajja ġdida tintilef, imbagħad jinxfu wkoll l-għamliet l-oħra ta’ aċċettazzjoni li jiswew għas-soċjetà67. L-aċċettazzjoni tal-­ħajja ssaħħaħ il-fibra morali u tagħti lill-popli l-ħila li jgħinu lil xulxin. Jekk ikunu miftuħin għall-ħajja, il-popli għonja jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ dawk foqra, ikunu jistgħu jaħarbu mit-tħaddim ta’ riżorsi ekonomiċi u intellettwali kbar biex jissodisfaw ix-xewqat egoistiċi taċ-ċittadini tagħhom, u flok dan, ikunu jistgħu jmexxu ’l quddiem azzjonijiet virtużi fil-perspettiva ta’ produzzjoni li hi moralment tajba u solidali, filwaqt li jirrispettaw il­-jedd fundamentali ta’ kull poplu u individwu għall-ħajja.

29. Hemm aspett ieħor tal-ħajja moderna li hu marbut mill-qrib ħafna mal-iżvilupp: iċ-ċaħda tal-jedd għal­libertà reliġjuża. M’iniex nirreferi biss għat-taqbid u l­ġlied li għadhom sejrin fid-dinja għal mottivi reliġjużi, anki jekk kultant il-mottiv reliġjuż hu biss qoxra għal raġunijiet oħra, bħalma hi l-kilba għall-ħakma u għall­ġid. Fis-sewwa, illum in-nies sikwit joqtlu fl-isem qaddis ta’ Alla, kif sew il-predeċessur tiegħi Ġann-Pawl II u sew jien innifsi sikwit stqarrejna u lmentajna pubblikament68 . Il-vjolenza twaqqaf l-iżvilupp awtentiku u żżomm lura l-evoluzzjoni tal-popli lejn ġid soċjo-ekonomiku u spiritwali akbar. Dan jgħodd l-aktar nett għat-terroriżmu mkebbes mill-fundamentaliżmu69, li jnissel niket, qerda u mewt, ifixkel id-djalogu bejn in-nazzjonijiet u jħarbat riżorsi estensivi mill-użu paċifiku u ċivili tagħhom.

B’danakollu irridu nżidu, li bħalma l-fanatiżmu reliġjuż f’xi kuntesti jċaħħad il-jedd għal-libertà reliġjuża, hekk ukoll il-promozzjoni deliberata tal-bruda reliġjuża jew tal-­ateiżmu prattiku min-naħa ta’ ħafna pajjiżi żżomm lura l-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-popli, filwaqt li ċċaħħadhom minn riżorsi spiritwali u umani. Alla huwa dak li jagħti r-rahan tal-iżvilupp veru tal-bniedem, għax billi hu ħalqu xbieha tiegħu, huwa wkoll iwaqqaf id-dinjità traxxendentali tal-irġiel u n-nisa u jsinn ix-xenqa innata tagħhom li “jkunu iżjed”. Il-bniedem mhuwiex atomu mitluf b’univers li sar bl-addoċċ70: huwa ħliqa ta’ Alla, li lilu Alla għażel biex jagħnih b’ruħ immortali u li lilu dejjem ħabb. Kieku l-bniedem kien biss il-frott ta’ xi kumbinazzjoni jew tal-ħtieġa, jew kieku kellu jbaxxi l­aspirazzjonijiet tiegħu għax-xefaq limitat tad-dinja fejn jgħix, kieku r-realtà kollha kienet biss storja u kultura, u l-bniedem ma kellux natura ddestinata biex togħla ’l fuq minnha nfisha f’ħajja soprannaturali, wieħed kien jista’ jitkellem fuq kobor, jew evoluzzjoni, imma mhux żvilupp. Meta l-Istat jippromovi, jgħallem, jew jimponi għamliet ta’ ateiżmu prattiku, hu jċaħħad liċ-ċittadini

tiegħu mis-saħħa morali u spiritwali li hi indispensabbli biex jinkiseb żvilupp uman sħiħ u ma nħallihomx jimxu ’l quddiem b’dinamiżmu mġedded huma u jitħabtu biex jagħtu tweġiba umana aktar ġeneruża lill-imħabba ta’ Alla71. Fil-kuntest tar-relezzjonijiet kulturali, kummerċjali jew politiċi, kultant jiġri wkoll li pajjiżi b’ekonomija żviluppata jew emerġenti jesportaw din il-viżjoni mnaqqsa tal-persuna u d-destin tagħha lejn pajjiżi foqra. Din hija l­ħsara li s-“superżvilupp”72 jagħmel lill-iżvilupp awtentiku meta jkun imsieħeb minn “sottożvilupp morali”73 .

30. F’dal-kuntest, it-tema tal-iżvilupp uman sħiħ titwessa’ biex tħaddan fiha skala akbar ta’ tifsiriet: il-korrelazzjoni bejn il-ħafna elementi tagħha titlob impenn lejn l-għożża tal-interazzjoni tal-livelli differenti tal-għarfien tal-bniedem

biex tippromovi l-iżvilupp awtentiku tal-popli. Sikwit wieħed jaħseb li l-iżvilupp u l-miżuri soċjo-ekonomiċi li jmorru miegħu, iridu biss li jseħħu b’azzjoni komuni. Iżda din l-azzjoni komuni teħtieġ li tingħata direzzjoni, għaliex “l-azzjoni soċjali kollha tinvolvi duttrina”74 . Meta wieħed iżomm f’moħħu l-kumplessità tal-kustjonijiet, jidher biċ-ċar li d-dixxiplini varji għandhom jaħdmu flimkien permezz ta’ skambju interdixxiplinari ordnat. L-imħabba ma teskludix l-għarfien, anzi titolbu, tippromovih, u tanimah minn ġewwa. L-għarfien qatt mhu biss ix-xogħol tal-intellett. Jista’ tabilħaqq jirriduċi ruħu għal kalkulazzjoni u esperiment, iżda jekk jaspira li jkun għerf kapaċi jmexxi lill-bniedem fid-dawl tal­ewwel bidu tiegħu u ta’ tmiemu, għandu jkun “imħawwar” bil-“melħ” tal-karità. Għemejjel bla għarfien huma għomja, u għarfien bla mħabba huwa sterili. Tabilħaqq, “l-individwu li hu animat b’imħabba vera jaħdem bil-għaqal biex jikxef il-­kawżi tal-miżerja, isib il-mezzi biex jiġġildilha, u jirbħilha darba għal dejjem”75. Aħna u nħabbtu wiċċna mal-fenomeni li għandna quddiemna, l-imħabba titlob l-ewwel nett li aħna nkunu nafu u nifhmu, nagħrfu u nirrispettaw il-kompetenza speċifika ta’ kull livell ta’ għarfien. L-imħabba mhijiex xi ħaġa miżjuda, bħallikieku żjieda ta’ xogħol li ġa sar f’kull waħda mid-dixxiplini varji: hija timpenjahom fi djalogu sa mill-bidu nett. Id-domandi tal-imħabba mhumiex kontradittorji għal dawk tar-raġuni. L-għarfien tal-bniedem mhuwiex biżżejjed u l-konklużjonijiet tax-xjenza waħedhom ma jistgħux juru t-triq lejn l-iżvilupp uman sħiħ. Hemm dejjem il-ħtieġa li nimxu aktar ’il quddiem: dan hu li titlob l-imħabba fil-verità76 . Il-mixi ’l quddiem, b’danakollu, qatt ma jfisser li nipprexindu mill-konklużjonijiet tar-raġuni, lanqas li nikkontradixxu r-riżultati tagħha. L-intelliġenza u l-imħabba ma jinsabux f’kompartimentimifrudin: l-imħabba hi għanja fl-intelliġenza u l-intelliġenza hi mimlija bl-imħabba.

31. Dan ifisser li l-evalwazzjoni morali u t-tiftix xjentifiku għandhom jimxu id f’id, u li l-imħabba għandha tanimahom fi sħuħija interdixxiplinari armonjuża, immarkata bil­-għaqda u l-għażla. Id-duttrina soċjali tal-Knisja, li għandha “dimensjoni interdixxiplinari importanti77, tista’ taħdem, f’din il-perspettiva, b’effikaċja straordinarja. Hija tgħaqqad flimkien il-fidi, it-teoloġija, il-metafiżika u x-xjenza fi sforz kollaborattiv fil-qadi tal-umanità. Huwa hawn li fuq kollox id-duttrina soċjali tal-Knisja turi d-dimensjoni tagħha tal-­għerf. Pawlu VI kien ra b’mod ċar li fost il-kawżi tas­sottożvilupp hemm in-nuqqas ta’ għerf u riflessjoni, nuqqas ta’ ħsieb kapaċi jifformula sinteżi ta’ gwida78, li għaliha hemm ħtieġa ta’ “viżjoni ċara tal-aspetti ekonomiċi, soċjali, kulturali u spiritwali kollha”79 . Il-qsim żejjed tal-għarfien f’partijiet80, iċ-ċaħda tal-metafiżika mix-xjenzi umani81, id­diffikultajiet li qed isib ruħu fihom id-djalogu bejn ix-xjenza u t-teoloġija qed jagħmlu ħsara mhux biss lill-iżvilupp tal-għaefien, iżda wkoll lill-iżvilupp tal-popli, għax dawn il-ħwejjeġ jagħmluha aktar ħaġa iebsa li wieħed jara t­tajjeb kollu tal-bniedem fid-dimensjonijiet varji tiegħu. It­“twessigħ tal-kunċett li għandna tar-raġuni u l-applikazzjoni tagħha”82 huwa indispensabbli jekk irridu niżnu tajjeb u b’suċċess l-elementi kollha li jsawru l-kustjoni tal-iżvilupp u s-soluzzjoni tal-problemi soċjo-ekonomiċi.

32. L-elementi ġodda sinifikanti fl-istampa tal-iżvilupp tal-popli llum f’ħafna każijiet jitolbu soluzzjonijiet ġodda. Dawn għandhom bżonn jinstabu kollha flimkien, filwaqt li jkunu rrispettati l-liġijiet proprji ta’ kull element fid-dawl ta’ viżjoni sħiħa tal-bniedem, u jintwerew l-aspetti differenti tal-persuna umana, muri permezz ta’ lenti msoffija bil­-karità. Imbagħad joħorġu fid-dawl konverġenzi tal­għageb u soluzzjonijiet possibbli, bla ma jiddallam ebda komponent fundamentali ta’ ħajjet il-bniedem.

Id-dinjità tal-individwu u l-esiġenzi tal-ġustizzja jeħtieġu, l-aktar nett illum, li l-għażliet ekonomiċi ma joħolqux disparitajiet fit-tkattir tal-ġid b’mod eċċessiv u moralment inaċċettabbli83, u li aħna nissoktaw nagħtu prijorità lill­-aċċess lejn xogħol stabbli għal kulħadd. Meta nqisu kollox, dan tridu wkoll il-“loġika ekonomika”. Bit-tkattir sistematiku tal-inugwaljanza soċjali, kemm f’pajjiż wieħed u bejn il­-popolazzjonijiet ta’ pajjiżi differenti (jiġifieri t-tkattir massiv tal-faqar relattiv), mhux biss tbati l-koeżjoni soċjali, u b’hekk id-demokrazija titqiegħed fil-periklu, iżda jiġrilha hekk ukoll l-ekonomija, minħabba t-tgħawwir progressiv tal-“kapital soċjali”: ix-xibka ta’ rabtiet mibnija fuq il-fiduċja, is-serħan tal-moħħ, u r-rispett tar-regoli, li lkoll huma indispensabbli għal kull għamla ta’ koeżistenza ċivili.

Ix-xjenza tal-ekonomija tgħidilna li l-insigurtà strutturali tnissel attitudnijiet anti-produttivi li jaħlu r-riżorsi umani, daqskemm il-ħaddiema għandhom it-tendenza li jadattaw ruħhom passivament għall-mekkaniżmi awtomatiċi, aktar milli jkunu kreattivi. Fuq dan il-punt ukoll, hemm qbil bejn ix-xjenza ekonomika u l-evalwazzjoni morali. Il-valuri umani dejjem jinkludu valuri ekonomiċi, u disfunzjonijiet ekonomiċi dejjem jinvolvu l-valuri umani.

Wieħed għandu jiftakar li jekk il-kulturi nirriduċuhom għad­dimensjoni teknoloġika, anki jekk dan jiffavorixxi l-profitt immedjat, maż-żmien jimpedixxi l-arrikkiment reċiproku u d-dinamika tal-kooperazzjoni. Hu importanti li nagħżlu bejn konsiderazzjonijiet ekonomiċi jew soċjali li jiswew għal żmien qasir u oħrajn li jiswew għal żmien twil. Jekk jitbaxxa l-livellta’ protezzjonital-jeddijiettal-ħaddiema,jewjitneħħew il-mekkaniżmi tat-tqassim tal-ġid biex toktor il-kompetittività internazzjonali tal-pajjiż, l-iżvilupp dejjiemi ma jseħħx. Barra minn dan, il-konsegwenzi umani tat-tendenzi attwali lejn ekonomija b’siwi għal żmien qasir – kultant iż-żmien ikun qasir qatigħ – jeħtieġ li wieħed jevalwahom bir-reqqa. Dan jitlob aktar riflessjoni profonda fuq it-tifsir tal-ekonomija u l-għanijiet tagħha84, kif ukoll viżjoni profonda u li tħares fil­-bogħod tal-mudell attwali ta’ żvilupp, biex jissewwew id-disfunzjonijiet u d-devjazzjonijiet tiegħu. Dan, fis-sewwa, titolbu l-qagħda tas-saħħa ekoloġika tad-dinja; fuq kollox dan titolbu l-kriżi kulturali u morali tal-bniedem, li s-sintomi tagħha ilhom jidhru żmien madwar id-dinja kollha.

33. Aktar minn erbgħin sena wara l-Populorum Progressio, it-tema li fuqha hi msejsa, jiġifieri l-progress, baqgħet kustjoni miftuħa,uissasaret aktar akutauurġenti bil-kriżi ekonomika u finanzjarja li għaddejjin minnha bħalissa. Jekk xi nħawi tad-dinja, bi storja ta’ faqar, għaddew minn esperjenza qawwija ta’ bidla fil-kobor ekonomiku tagħhom u s-sehem li qed jieħdu mill-produzzjoni dinjija, inħawi oħra għadhom jgħixu f’qagħda ta’ privazzjoni bħal dik li kienet teżisti fi żmien Pawlu VI, u f’xi każijiet wieħed jista’ wkoll jgħid li din marret għall-agħar. Hi ħaġa sinifkanti li xi wħud mill-kawżi ta’ qagħda bħal din kienu murija fil-Populorum Progressio, bħalma huma t-tariffi għolja imposti mill-pajjiżi żviluppati, li għadhom jagħmluha diffiċli għall-prodotti tal-pajjiżi l-foqra li jaqbdu fis-swieq tal-pajjiżi l-għonja. B’danakollu, kawżi oħrajn imsemmija fuq fuq fl-Enċiklika, issa mal-mogħdija taż-żmien bdew jidhru b’mod aktar ċar. Każ minnhom hu dak tal-evalwazzjoni tal-proċess ta’ dekolonizzazzjoni, li dak iż-żmien kien fl-aqwa tiegħu. Pawlu VI ttama li jara l-mixja lejn l-awtonomija tinfetaħ b’mod ħieles u fil-paċi. Aktar minn erbgħin sena wara, jeħtiġilna nagħrfu kemm dil-mixja kienet diffiċli, kemm minħabba għamliet ġodda ta’ kolonjaliżmu u dipendenza bla waqfien minn qawwiet barranin qodma u ġodda, kif ukoll minħabba nuqqas gravi ta’ responsabbiltà fl-istess pajjiżi li kisbu l-indipendenza.

Fattur ewlieni ġdid kien l-esplużjoni ta’ interdipendenza dinjija, magħrufa minn kulħadd bħala globalizzazzjoni. Pawlu VI din raha parzjalment minn qabel, imma l-pass feroċi li bih evolviet ma setax jingħaraf minn qabel. Filwaqt li beda fil-pajjiżi b’ekonomija żviluppata, il-proċess min-natura tiegħu nfirex u ħaddan miegħu l-ekonomiji kollha. Kienet il-qawwa ewlenija li ħarġet reġjuni sħaħ mis-sottożvilupp, u fiha nfisha hija opportunità kbira. B’danakollu, mingħajr il-gwida tal-­imħabba fil-verità, din il-qawwa globali tista’ tagħmel ħsara li bħalha qatt ma kellna u toħloq firdiet ġodda fil-familja umana. Għalhekk l-imħabba u l-verità jġibuna wiċċ imb wiċċ ma’ sfida ġdida u kreattiva għal kollox, waħda li hi tabilħaqq wiesgħa u komplessa. Irridu nwessgħu r-raġuni u nagħtuha l-ħila tagħraf u tidderieġi dawn il-qawwiet ġodda u b’saħħithom, filwaqt li nanimawhom fil-perspettiva ta’ dik iċ-“ċiviltà tal-­imħabba” li ż-żerriegħa tagħha Alla żeragħha f’kull poplu, f’kull kultura.

 

 

IT-TIELET KAPITLU

FRATERNITÀ, ŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJETÀ ĊIVILI

34. Il-Karità fil-verità tqiegħed lill-bniedem quddiem l­esperjenza tal-għaġeb tad-don. Il-gratwità tinsab f’ħajjitna f’ħafna għamliet differenti, li meta nħarsu lejn il-ħajja biss min-naħa tal-konsumiżmu u b’mentalità utilitarja, sikwit ma nagħrfuhomx. Il-bniedem huwa magħmul għad-don, li jfisser u jattwa d-dimensjoni traxxendentali tiegħu. Kultant il-bniedem modern għandu l-konvinzjoni ħażina li hu l-awtur waħdieni tiegħu nnifsu, ta’ ħajtu u tas-soċjetà. Din hija preżunzjoni li tiġi mill-għeluq egoistiku fih innifsu, u hija riżultat – biex infissruha b’termini tal-fidi – tad-dnub tan-nisel. L-għerf tal-Knisja dejjem wera l-preżenza tad-dnub tan-nisel fil-qagħdiet soċjali u fl-istruttura tas-soċjetà: “L-injoranza tal-fatt li l­bniedem għandu natura miġruħa miġbuda lejn il-ħażen twassal għal żbalji kbar fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-­politika, tal-azzjoni soċjali u tal-morali”85 . Fil-lista ta’ oqsma fejn jidhru l-effetti ħżiena tad-dnub, l-ekonomija issa ilha żmien inkluża. Għandna prova ċara ta’ dan fiż-żmien t’issa. Il-konvinzjoni li l-bniedem huwa awto­suffiċjenti u jista’ jeqred b’suċċess il-ħażen preżenti fl­istorja bil-ħidma tiegħu biss wasslitu biex iħallat l-hena u s-salvazzjoni ma’ għamliet immanenti ta’ prosperità materjali u azzjoni soċjali. Imbagħad, il-konvinzjoni li l-ekonomija għandha tkun awtonoma, li għandha tkun imħarsa minn “influwenzi” ta’ karattru morali, wasslet lill-bniedem biex jabbuża bil-proċess ekonomiku b’mod kollu kemm hu distruttiv. Mal-medda taż-żmien, dawn il­-konvinzjonijiet wasslu għal sistemi ekonomiċi, soċjali u politiċi li jkażbru l-libertà personali u soċjali, u għalhekk ma għandhomx ħila jġibu l-ġustizzja li jwiegħdu. Kif għidt fl-Ittra Enċiklika tiegħi Spe Salvi, l-istorja hi b’hekk imċaħħda mit-tama Nisranija86, imċaħħda minn riżorsa soċjali qawwija għall-qadi tal-iżvilupp uman sħiħ, imfittex fil-libertà u l-ġustizzja. It-tama tqawwi qalb ir­raġuni u tagħtiha s-saħħa li tmexxi lir-rieda87. Hija diġà preżenti fil-fidi, anzi hija l-fidi li tqajjimha. L-imħabba fil­-verità titmantna bit-tama, u fl-istess ħin, turiha. Bħala don mogħti assolutament b’xejn minn Alla, it-tama tidħol b’saħħa f’ħajjitna bħala xi ħaġa mhix dovuta lilna, xi ħaġa li togħla ’l fuq minn kull liġi tal-ġustizzja. Id-don min-natura tiegħu jmur lil hinn mill-mertu, ir-regola tiegħu hija s-soprabbundanza. Huwa jieħu l-ewwel post f’ruħna bħala sinjal tal-preżenza ta’ Alla fina, sinjal ta’ dak li jistenna minna. Il-verità, li hi wkoll don bħalma hi l-karità, hi akbar minna, kif jgħallem Santu Wistin88 . Hekk ukoll il-verità tagħna nfusna, tal-kuxjenza tagħna personali, hija l-ewwel u qabel xejn mogħtija lilna. F’kull proċess konjittiv, il-verità mhijiex ħaġa li nipproduċuha aħna, hija dejjem misjuba, jew aħjar, milqugħa. Il-verità, bħall-imħabba, “la nippjanawha u lanqas ma rriduha, iżda b’xi mod hija timponi ruħha fuq il-bnedmin”89 .

Billi hu don li jieħdu kulħadd, l-imħabba fil-verità hi qawwa li tibni l-komunità, tgħaqqad il-popli flimkien bla ma timponi konfini u limiti. Il-komunità umana li nibnuha waħedna qatt ma tista’, bis-saħħa tagħha biss, tkun komunità tabilħaqq ta’ aħwa, lanqas ma tista’ tegħleb kull firda u ssir komunità tabilħaqq universali. L-għaqda tar-razza umana, komunjoni fraterna li togħla ’l fuq minn kull konfini, tinħalaq bil-­kelma ta’ Alla li hu Mħabba. Aħna u nittrattaw dil-kustjoni, għandna nagħmluha ċara li, minn naħa, il-loġika tad-don ma teskludix il-ġustizzja, lanqas ma toqgħod maġenbha bħala element ieħor miżjud minn barra; minn naħa oħra, l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku, jekk irid ikun tabilħaqq uman, għandu jagħti spazju lill-prinċipju tal-­gratwità bħala espressjoni ta’ fraternità.

35. Fi klima ta’ fiduċja reċiproka, is-suq huwa l-istituzzjoni ekonomika li tħalli lill-persuni jiltaqgħu bħala suġġetti ekonomiċi li jagħmlu użu minn kuntratti biex jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom huma u jibdlu bejniethom merkanzija u servizzi tal-istess valur, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom. Is-suq huwa suġġett għall-prinċipji tal-hekk imsejħa ġustizzja kumulattiva, li tirregola r-relazzjonijiet ta’ min jagħti u jieħu fi transazzjoni. Iżda d-duttrina soċjali tal-Knisja dejjem uriet bla ma qatt waqfet l-importanza tal-ġustizzja distributtiva u tal-­ġustizzja soċjali għall-ekonomija tas-suq, mhux biss għax hi parti minn kuntest soċjali u politiku usa’, iżda wkoll minħabba x-xibka usa’ ta’ relazzjonijiet li taħdem fiha. Tant hu hekk, li jekk is-suq hu mmexxi biss mill-prinċipju tal-ekwivalenza fil-valur tal-oġġetti mibdula, ma jistax jipproduċi l-koeżjoni soċjali li jeħtieġ biex jaħdem tajjeb.

Mingħajr forom interni ta’ solidarjetà u fiduċja reċiproka, is-suq ma jistax iwettaq bis-sħiħ il-funzjoni ekonomika tiegħu. U llum hi dil-fiduċja li ma għadhiex teżisti, u n­nuqqas ta’ fiduċja hi telfa kbira. Kien f’waqtu meta Pawlu VI fil-Populorum Progressio saħaq fuq il-fatt li s-sistema ekonomika nfisha tirbaħ bi prattiki aktar imwessgħin ta’ ġustizzja, bħalma l-ewwel li jgawdu mill-iżvilupp tal-pajjiżi l-foqra huma dawk għonja90. Kif qal il-Papa, ma kinitx biss kustjoni ta’ tiswija ta’ dak li kien sejjer ħażin permezz tal-­għajnuna. Il-foqra ma għandhomx jitqiesu bħala “piż”91 , imma bħala riżorsa, anki mil-lat purament ekonomiku. Hu b’danakollu żbaljat li nżommu li l-ekonomija tas-suq għandha min-natura tagħha l-ħtieġa ta’ kwota ta’ faqar u sottożvilupp biex taħdem fl-aqwa tagħha. Hu fl-interess tas-suq li jippromovi l-emanċipazzjoni, iżda biex jagħmel dan b’mod effettiv, ma jistax jistrieħ fuqu nnifsu, għax ma jistax jipproduċi waħdu xi ħaġa li qiegħda ’l barra mill-kompetenza tiegħu. Għandu jiġbed l-enerġiji morali tiegħu minn suġġetti oħra li jistgħu jiġġenerawhom.

36. L-attività ekonomika ma tistax issolvi l-problemi soċjali kollha billi sempliċement tapplika l-loġika kummerċjali. Din teħtieġ li tkun diretta lejn il-kisba tal-ġid komuni, li għalih il-komunità politika għandha tidħol responsabbli. Għalhekk wieħed għandu jżomm f’moħħu li meta l-azzjoni ekonomika, meqjusa biss bħala magna għall-ħolqien tal-­ġid, tinfired mill-azzjoni politika, meqjusa bħala mezz biex tinkiseb il-ġustizzja permezz tar-ridistribuzzjoni, jinħolqu żbilanċi kbar.

Il-Knisja dejjem żammet li l-azzjoni ekonomika qatt ma għandha titqies bħala xi ħaġa opposta għas-soċjetà. Is­suq fih innifsu mhuwiex u ma għandux isir il-post fejn il-qawwijin irażżnu lid-dgħajfin. Is-soċjetà ma għandhiex tħares lilha nfisha mis-suq, bħallikieku l-iżvilupp ta’ dan tal-aħħar iġib minnufih il-mewt tar-relazzjonijiet umani awtentiċi. Hu minnu li s-suq jista’ jkun qawwa negattiva, mhux għax hu hekk min-natura, iżda għax ċerta ideoloġija tista’ tagħmlu hekk. Ma ninsewx li s-suq ma jeżistix fl-istat pur. Huwa msawwar mill-konfigurazzjonijiet kulturali li jfissruh u jagħtuh direzzjoni. L-ekonomija u l-finanzi, bħala għodda, jistgħu jintużaw ħażin meta dawk li jmexxu jkollhom għanijiet purament egoistiċi. L-għodod li huma tajbin fihom infushom, jistgħu għaldaqstant jinbidlu f’għodod ta’ ħsara. Iżda dawn il-konsegwenzi jitnisslu mir-raġuni mdallma tal-bniedem, mhux mill-għodda fiha nfisha. Għalhekk ma għandniex nixlu lill-għodda, imma lill-individwi, lill-kuxjenza morali tagħhom u lir-responsabbiltà personali u soċjali tagħhom.

Id-duttrina soċjali tal-Knisja żżomm li r-relazzjonijiet soċjali umani ta’ ħbiberija, solidarjetà u reċiproċità jistgħu jseħħu ukoll fuq ġewwa tal-attività ekonomika, u mhux biss ’il barra minnha jew “warajha”. L-isfera ekonomika fiha nfisha la hi etikament newtrali, u lanqas mhi inumana u opposta għas­soċjetà. Hi parti sħiħa mill-attività umana u sewwasew għax hi umana, għandha tkun strutturata u mmexxija b’mod etiku.

L-isfida kbira li għandna quddiemna, mgħobbija bil­-problemi f’din l-era globali u li saret aktar urġenti minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, hi li nuru, fil-ħsieb u fl­imġiba, mhux biss li l-prinċipji tradizzjonali tal-etika soċjali bħalma huma t-trasparenza, l-onestà u r-responsabbiltà ma nistgħux ninjorawhom jew innaqqsulhom il-gravità, iżda wkoll li fir-relazzjonijiet kummerċjali l-prinċipju tal­gratwità u l-loġika tad-don bħala tifsira ta’ fraternità jistgħu u għandhom isibu posthom fl-attività ekonomika normali. Din bħalissa hija talba li qed jagħmilha l-bniedem, imma hi wkoll talba li ssir mil-loġika ekonomika. Hija talba kemm tal-imħabba kif ukoll tal-verità.

37. Id-duttrina soċjali tal-Knisja dejjem żammet li l-ġustizzja għandha ssir f’kull fażi tal-attività ekonomika, għax din dejjem għandha x’taqsam mal-bniedem u l-ħtiġijiet tiegħu. It-tqegħid ta’ riżorsi, finanzjar, produzzjoni, konsum u l­fażijiet l-oħra kollha fiċ-ċiklu ekonomiku bilfors għandu implikazzjonijiet morali. Għaldaqstant kull deċiżjoni ekonomika għandha konsegwenza morali. Ix-xjenzi soċjali u d-direzzjoni li ħadet l-ekonomija kontemporanja jaslu għall­istess konklużjoni. Forsi xi darba wieħed kien jista’ jifhem li l­ewwel il-ħolqien tal-ġid seta’ jitħalla fil-qasam tal-ekonomija, imbagħad it-tqassim tieħdu f’idejha l-politika. Illum ħaġa bħal din tkun aktar diffiċli, la darba l-attività ekonomika ma għadhiex magħluqa f’limiti territorjali, filwaqt li s-setgħa tal-­gvernijiet baqgħet prinċipalment lokali. Għalhekk il-kanoni tal-ġustizzja għandhom ikunu rrispettati sa mill-bidu, hekk kif il-proċess ekonomiku jibda miexi, mhux wara jew b’mod superfiċjali. Għandu wkoll jinħalaq spazju fis-suq għal attività ekonomika magħmula minn suġġetti li jagħżlu, bir-rieda ħielsa tagħhom, li jaħdmu bi prinċipji differenti minn dawk tal-qligħ biss, bla ma jissagrifikaw, fil-proċess, il­-produzzjoni b’siwi ekonomiku. Il-ħafna entitajiet ekonomiċi li jafu l-bidu tagħhom lil inizjattivi reliġjużi u lajċi juru li dan fil-konkret hu possibbli.

Fl-era globali, l-ekonomija hi influwenzata minn mudelli kompetittivimarbutinma’ kulturili humadifferentiħafnaminn xulxin.L-għamlie differentita’ intraprizaekonomikalijoħolqu jsibu l-post ewlieni fejn jiltaqgħu fil-ġustizzja kumulattiva. Bla dubju il-ħajja ekonomika titlob li jsiru l-kuntratti, biex jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ bdil ta’ valur indaqs. Iżda teħtieġ ukoll liġijiet ġusti u għamliet ta’ ridistribuzzjoni mmexxija mill-politika, u aktar minn hekk, teħtieġ ħidmiet immarkati bl­ispirtu tad-don. L-ekonomija fl-era globali tidher li tiffavorixxi l-loġika ta’ qabel, dik tal-bdil kuntrattwali, imma direttament jew indirettament hija turi wkoll il-ħtieġa tagħha għat­tnejn l-oħra: il-loġika politika, u l-loġika tad-don bla ebda kundizzjoni.

38. Il-predecessur tiegħi Ġann-Pawl II ġibed l-attenzjoni għal dil-kustjoni fiċ-Centesimus Annus, meta tkellem fuq il-ħtieġa ta’ sistema bi tliet suġġetti: is-suq, l-Istat u s-soċjetà ċivili 92. Huwa ra s-soċjetà ċivili bħala l-post l-aktar naturali għal ekonomija ta’ gradwità u fraternità, imma ma fehemx li jiċħdilha post fit-tnejn l-oħra. Illum nistgħu ngħidu li l-ħajja għandna nħarsu lejha bħala fenomenu b’ħafna safef: f’kull saff, bi gradi li jvarjaw u b’modi li jixirqu lil kull wieħed, l-aspett tar-reċiproċità fraterna għandu jkun preżenti. Fl-era globali, l-attività ekonomika ma tistax ma tagħtix kas tal-gratwità, li tgħożż u xxerred is-solidarjetà u r-responsabbiltà għall-ġustizzja u l-ġid komuni fost dawk kollha li jieħdu sehem. Hi żġur għamla speċifika u profonda ta’ demokrazija ekonomika. Is-solidarjetà hi l­ewwel u qabel xejn sens ta’ responsabbiltà min-naħa ta’ kulħadd lejn kulħadd93, u għalhekk ma tistax titħalla biss f’idejn l-Istat. Filwaqt li fl-imgħoddi stajna ngħidu li l-ewwel kellha sseħħ il-ġustizzja, imbagħad tiġi warajha l-gratwità, bħal xi żjieda, illum hi ħaġa ċara li mingħajr gratwità, ma jistax ikun hemm ġustizzja. Mela dak li hu meħtieġ huwa suq li jippermetti l-ħidma ħielsa, f’kundizzjonijiet ta’ opportunitajiet indaqs, ta’ intrapriżi li jfittxu għanijiet istituzzjonali differenti. Maġenb intrapriżi privati orjentati għall-qligħ u t-tipi differenti ta’ intrapriża pubblika, għandu jkun hemm spazju għal entitajiet kummerċjali mibnija fuq prinċipji mutwalisti u soċjali biex dawn irabbu l-għeruq u jesprimu ruħhom. Huwa mil-laqgħat reċiproku tagħhom fis-suq li wieħed jistenna l-qawmien ta’ forom imħallta ta’ mġiba kummerċjali, u għaldaqstant attenzjoni sensibbli għaċ-ċivilizzazzjoni tal-ekonomija. L-imħabba fil-verità, f’dal-każ, titlob li għamla u struttura jingħataw lil dawk it-tipi ta’ inizjativa ekonomika, li bla ma jiċċaħħdu mill­qligħ, jimmiraw lejn għan ogħla mil-loġika tal-bdil ta’ valur indaqs, mill-qligħ bħala għan fih innifsu.

39. Pawlu VI fil-Populorum Progressio għamel sejħa għall­ħolqien ta’ mudell ta’ ekonomija tas-suq kapaċi tħaddan fiha lill-popli kollha u mhux biss lil dawk li jistgħu. Sejjaħ biex isiru sforzi għall-bini ta’ dinja aktar umana għal kulħadd, dinja li fiha “kulħadd ikun jista’ jagħti u jieħu, mingħajr ma xi grupp jagħmel progress minn fuq dahar ieħor”94. B’dal-mod hu kien qiegħed japplika fuq skala globali l-aspirazzjonijiet tar-Rerum Novarum, miktuba meta, b’riżultat tar-Rivoluzzjoni Industrijali, kienet proposta għall-ewwel darba l-idea – aktarx qabel iż­żmien – li l-ordni ċivili, biex iżomm fuq saqajh, jeħtieġ ukoll l-intervent tal-Istat għar-ridistribuzzjoni. Illum dil-viżjoni mhux biss hi mhedda bil-mod li bih is-swieq u s-soċjetajiet qegħdin jiftħu, iżda ninsabu żguri li din mhijiex biżżejjed biex tissodisfa t-talbiet għal ekonomija kollha kemm hi umana. Dak li d-duttrina soċjali tal-Knisja dejjem żammet, imnebbħa mill-viżjoni tagħha tal-bniedem u s-soċjetà, illum hu msaħħaħ bid-dinamika tal-globalizzazzjoni.

Meta sew il-loġika tas-suq u sew il-loġika tal-Istat jaslu għal ftehim li kull wieħed sa jissokta jeżerċita monopolju fuq il-qasam taħt l-influwenza tiegħu, fl-aħħar mill-aħħar jintilef ħafna: is-solidarjetà fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini, il-parteċipazzjoni u l-aderenza, l-azzjonijiet ta’ gratwità, li huma differenti minn meta wieħed jagħti biex jieħu (il-loġika tal-bdil) u jagħti bi dmir (il-loġika tal-obbligazzjoni pubblika imposta bil-liġi tal-Istat). Biex jingħeleb is-sottożvilupp, jeħtieġ tittieħed azzjoni mhux biss fit-titjib tat-transazzjonijiet ta’ bdil u fit-trasferiment tal-istrutturi assistenzjali pubbliċi, iżda fuq kollox fil-ftuħ progressiv, fil-kuntest dinji, għal għamliet ta’ ekonomija mmarkata attivament bi kwoti ta’ grawità u komunjoni. Il-binomju suq-Stat jherri lis-soċjetà, filwaqt li forom ekonomiċi msejsin fuq is-solidarjetà, li jsibu l-ambjent naturali tagħhom fis-soċjetà ċivili bla ma jieqfu fuqha biss, jibnu lis-soċjetà. Is-suq tal-gratwità ma jeżistix, u l­attitudnijiet ta’ għoti b’xejn ma jistgħux jitwaqqfu b’liġi. B’danakollu kemm is-suq kif ukoll il-politika jeħtieġu persuni miftuħin għad-don reċiproku.

40. Ix-xena ekonomika internazzjonali tal-lum, mgħobbija b’devjazzjonijiet u fallimenti kbar, teħtieġ mod tabilħaqq ġdid kif tifhem l-impriża tan-negozju. Il-mudelli l-qodma qegħdin jgħibu, imma fuq ix-xefaq qed jieħdu forma oħrajn ġodda li jippromettu. Bla dubju, wieħed mill-akbar riskji għan-negozji hu li jridu jwieġbu biss għall-investituri tagħhom, u b’hekk jillimitaw il-valur soċjali tagħhom. Minħabba t-tkabbir tagħhom u l-ħtieġa ta’ aktar u aktar kapital, dejjem qed issir ħaġa rari għall-intrapriżi tan-negozji li jkunu f’idejn direttur stabbli li jidħol responsabbli għal żmien twil, mhux għal żmien qasir biss, għall-ħajja u r-riżultati tal-kumpanija tiegħu, u qed issir ħaġa dejjem aktar rari għan-negozji li jiddependu minn territorju wieħed. Barra minn dan, l-hekk imsejħa delokalizzazzjoni tal­produzzjoni tista’ ddgħajjef is-sens ta’ responsabbiltà tal-­kumpanija lejn min għandu interess, jiġifieri l-ħaddiema, il-fornituri, il-konsumaturi, l-ambjent naturali u l-bqija tas-soċjetà, filwaqt li tiffavorixxi lil dawk li għandhom l­ishma, li mhumiex marbutin ma’ żona ġeografika speċifika u għalhekk igawdu minn mobbiltà straordinarja. Illum is-suq internazzjonali tal-kapitali joffri libertà kbira ta’ azzjoni. B’danakollu qiegħda tinħass dejjem aktar il-ħtieġa ta’ responsabbiltà soċjali kbira fin-negozju. Anki jekk il­-konsiderazzjonijiet etiċi li daż-żmien qed imexxu d-dibattitu fuq ir-responsabbiltà soċjali tal-impriża mhumiex kollha aċċettabbli mill-perspettiva tad-duttrina soċjali tal-Knisja, b’danakollu qed tikber il-konvinzjoni li t-tmexxija tan­negozjumatistaxtikkonċentrabissfuql-interessi tas-sidien, iżda għandha tidħol ukoll responsabbli għal kull min hu mdaħħal fil-ħajja tan-negozju: il-ħaddiema, il-klijenti, il-­fornituri tal-elementi tal-produzzjoni, il-komunità. F’dawn l-aħħar snin ħarġet fil-beraħ klassi ġdida kosmopolitana ta’ managers, li sikwit iwieġbu biss lil dawk li għandhom l-ishma li ġeneralment jikkonsistu f’fondi anonimi li fis­sewwa jiddeterminaw ħlashom. B’danakollu, b’kuntrast ma’ dan, ħafna managers li jħarsu fil-bogħod illum qed jargħfu dejjem aktar ir-rabtiet bejn l-intrapriża tagħhom u t­territorju jew territorji li fihom topera. Pawlu VI stieden lin­nies jieħdu bis-serjetà kbira l-ħsara li tista’ ssir lil pajjiżhom stess bit-trasferiment barra ta’ kapital għall-vantaġġ personali95. Ġann-Pawl II għallem li l-investiment għandu dejjem tifsira morali, barra dik ekonomika96. Jeħtieġ issir enfasi li dan kollu għadu jiswa sal-lum, minkejja l-fatt li s­suq tal-kapitali kien liberalizzat b’mod sinifikanti, u l-ħsieb teknoloġiku modern jista’ jissuġġerixxi li l-investiment huwa biss azzjoni teknika, u mhux waħda umana u etika. Mhemmx raġuni biex niċħdu li ċertu ammont ta’ kapital jista’ jkun ta’ ġid, jekk ikun investit barra mhux fil-pajjiż. B’danakollu t-talbiet tal-ġustizzja għandhom ikunu mħarsa, b’konsiderazzjoni għall-mod kif tnissel il-kapital u għall­ħsara li ssir lill-individwi jekk ma jitħaddimx fil-post fejn tnissel97 . Dak li rridu naħarbu hu l-użu spekulattiv tar­riżorsi li jwassalna għat-tentazzjoni li nfittxu biss qligħ għal żmien qasir, bla ma nagħtu kas is-sostenibbiltà għal żmien twil tal-intrapriża, il-ġid li din tagħmel lill-ekonomija reali u l-attenzjoni lill-promozzjoni, b’mod adegwat u f’waqtu, ta’ inizjattivi ekonomiċi anki f’pajjiżi fil-bżonn ta’ żvilupp. Hu minnu li l-esportazzjoni tal-investimenti u l­-ħiliet jistgħu jgawdu minnhom il-popolazzjonijiet tal-pajjiż li jilqagħhom. Ix-xogħol u l-għarfien tekniku huma ġid universali. Iżda mhux sewwa li dawn ikunu esportati biex jinkisbu biss kundizzjonijiet vantaġġużi, jew agħar, għal għanijiet ta’ esplojtazzjoni, bla ma tingħata kontribuzzjoni reali lis-soċjetà lokali f’għajnuna biex tissawwar sistema produttiva u soċjali b’saħħitha, li hi fattur essenzjali għal żvilupp stabbli.

41. Fil-kuntest ta’ din id-diskussjoni, hi ħaġa utli nosservaw li intrapriza tan-negozju għandha, u għandu dejjem ikollha, sensiela wiesgħa ta’ valuri. Dak il-binomju dejjem isaltan li jsawwar il-mudell suq-Stat darriena naħsbu biss f’imprenditur privat li hu kapitalist minn naħa, u l­mexxej tal-Istat minn oħra. Fir-realtà, in-negozju għandu jinftehem b’mod ċar. Dan ġej minn għadd ta’ raġunijiet, ta’ karattru metaekonomiku. L-attività imprenditorjali qabel tifsira professjonali għandha tifsira umana98. Hija tinsab mitbugħa f’kull xogħol, mifhum bħala att personali, “actus personae99, u hi r-raġuni għaliex kull ħaddiem għandu jkollu l-opportunità li jikkontribwixxi għax jaf li b’xi mod “hu qiegħed jaħdem ‘għalih innifsu’”100. Bil-ħaqq kollu, Pawlu VI għallem li “kull min jaħdem huwa ħallieq”101 . Hu bi tweġiba għall-ħtiġijiet u d-dinjità tal-ħaddiem, u għall-ħtiġijiet tas-soċjetà, li jezistu tipi varji ta’ intrapriżi tan-negozju, ’il fuq u lil hinn mis-sempliċi distinzjoni bejn “privat” u “pubbliku”. Kull waħda minnhom titlob u tesprimi ħila speċifika fin-negozju. Biex tinbena ekonomija li malajr tkun f’pożizzjoni li taqdi l-ġid komuni nazzjonali u globali, ikun xieraq li jingħata kas ta’ din it-tifsira usa’ ta’ attività impreditorjali. Din tiffavorixxi l-bdil ta’ ideat bejn tipi differenti ta’ attivitajiet impreditorjali, bis-sostituzzjoni ta’ kompetenzi minn dawk ta’ “bla qligħ” għal dawk “bil-qligħ” u bil-maqlub, mid-dinja pubblika għal dik tas-soċjetà ċivili, minn ekonomiji avvanzati għal dawk ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Is-setgħa politika” wkoll għandha sensiela wiesgħa ta’ valuri, li ma għandhomx jintesew fil-proċess tal-bini ta’ ordni ġdid ta’ produttività ekonomika, li tkun soċjalment responsabbli u tixraq lill-bniedem. Flimkien mal-kultivazzjoni ta’ għamliet differenti ta’ attività impreditorjali fuq skala globali, għandna nippromovu wkoll setgħa politika mifruxa, li tkun effettiva f’livelli differenti. L­ekonomija integrata tal-lum ma ġġibx fix-xejn is-sehem tal-Istati, anzi hija timpenja l-gvernijiet f’kollaborazzjoni akbar ma’ xulxin. L-għerf u l-prudenza jagħtunal-parir li ma niġrux wisq biex inxandru t-tmiem tal-Istat. F’rabta mas-soluzzjoni tal-kriżi attwali, sehem l-Istat hu ddestinat li jikber, huwa u jerġa’ jikseb ħafna mill-kompetenzi tiegħu. Barra minn dan, f’xi nazzjonijiet il-kostruzzjoni jew rikostruzzjoni tal-Istat tibqa’ fattur ewlieni fl-iżvilupp tagħhom. L-għajnuna internazzjonali fi ħdan pjan ta’ solidarjetà biex jissolvew il-problemi ekonomiċi tal-lum, għandha aktarx tkun fit-tisħiħ tas-sistemi kostituzzjonali, ġuridiċi u amministrattivi ta’ dawk il-pajjiżi li għadhom mhumiex igawdu dan il-ġid. Flimkien mal-għajnuna ekonomika, għandu jkun hemm dawk li jingħataw biex jissaħħu l-garanziji tal-Istat tal-liġi: sistema ta’ ordni pubbliku u priġunerija effikaċi li tirrispetta d-drittijiet umani, istituzzjonijiet tabilħaqq demokratiċi. L-Istat ma jeħtieġx l-istess karatteristiċi kullimkien: l-appoġġ immirat biex jissaħħu sistemi kostituzzjonali dgħajfa jista’ jissieħeb tajjeb ħafna minn żvilupp ta’ suġġetti politiċi oħrajn ta’ natura kulturali, soċjali, territorjali jew reliġjuża, li jaħdmumaġenbl-istat.Il-ħidmagħalenijatas-setgħapolitika fil-livelli nazzjonali u internazzjonali hija waħda mill-aqwa modi kif tingħata direzzjoni lill-proċess ta’ globalizzazzjoni ekonomika. Hija wkoll il-mod biex wieħed jaċċerta ruħu li din ma ddgħajjifx is-sisien tad-demokrazija.

42. Kultant il-globalizzazzjoni wieħed iħares lejha b’mentalità fatalistika, bħallikieku d-dinamika involuta hija l-prodott ta’ qawwiet anonimi u impersonali jew strutturi maħlulin mir-rieda tal-bniedem102 . Dwar dan tajjeb li niftakru li filwaqt li l-globalizzazzjoni għandha tabilħaqq tkun mifhuma bħala proċess soċjo-ekonomiku, din mhijiex l-unika dimensjoni tagħha. Taħt il-proċess li jidher l-aktar, l-umanità nfisha qed issir dejjem aktar marbuta flimkien; hija magħmula minn individwi u popli li lilhom dal-proċess għandu joffri benefiċċji u żvilupp103 , huma u jidħlu għar-responsabbiltajiet tagħhom, kemm bħala individwi u kemm bħala grupp. It-tneħħija tal-­fruntieri mhijiex biss fatt materjali: hija wkoll ġrajja kulturali kemm fil-kawżi u kemm fl-effetti tagħha. Jekk il-globalizzazzjoni tittieħed bħala ħaġa determinata, il­-kriterji li bihom wieħed irid jevalwaha u jiddiriġiha jintilfu. Bħala realtà umana, hija l-prodott ta’ tendenzi kulturali diversi, li jeħtieġ jgħaddu minn proċess ta’ dixxerniment. Il-verità tal-globalizzazzjoni bħala proċess u l-kriterju etiku fundamentali tagħha jingħataw mill-għaqda tal-familja umana u l-iżvilupp tagħha lejn dak li hu tajjeb. Għalhekk jeħtieġ impenn bla waqfien biex issir ħidma favur direzzjoni kulturali msejsa fuq il-persuna u l-komunità, miftuħa għat-traxxendenza, li twassal għal integrazzjoni dinjija.

Minkejja wħud mill-elementi strutturali tagħha, li la għandhom jiċċaħħdu u lanqas jitkabbru, “globalizzazzjoni a priori la hi tajba u lanqas ħażina. Hi sa tkun dak li jagħmluha n-nies”104. Aħna ma għandniex inkunu l-vittmi tagħha, iżda l-protagonisti, filwaqt li naħdmu fid-dawl tar-raġuni, immexxijin mill-imħabba u l-verità. Oppożizzjoni għamja hi attitudni żbaljata u ppreġudikata, li ma tkunx kapaċi tagħraf l-aspetti pożittivi tal-proċess, bir-riskju li jintilef iċ-ċans li jittieħed vantaġġ mill-ħafna opportunitajiet u l-iżvilupp li ġġib magħha. Il-proċessi tal-globalizzazzjoni, mifhuma u mmexxija tajjeb, jiftħu l-opportunità, li qatt ma kellna qabel, ta’ ridistribuzzjoni wiesgħa tal-ġid fuq skala dinjija. Iżda jekk ma jitmexxux tajjeb, jistgħu jwasslu għal żjieda fil-faqar u inugwaljanza, u jistgħu wkoll joħolqu kriżi globali. Hu meħtieġ li jissewwew id-difetti, uħud minnhom serji, li joħolqu firdiet ġodda bejn il-popli u fil-popli, u li ssir aċċertazzjoni li r-ridistribuzzjoni tal-ġid ma sseħħx bir-ridistribuzzjoni jew it-tkattir tal-faqar. Dan hu periklu reali jekk il-qagħda li ninsabu fiha issa tkun ikkontrollata ħażin. Għal żmien twil konna naħsbu li l­popli foqra għandhom jibqgħu fi stadju fiss ta’ żvilupp, u għandhom jikkuntentaw bl-għajnuna li jingħataw mill-­filantropija tal-popli żviluppati. Pawlu VI oppona din il­-mentalità bil-kbir fil-Populorum Progressio. Illum ir-riżorsi materjali li għandna biex neħilsu lil dawn il-popli mill­-faqar huma potenzjalment akbar minn qabel, iżda fil-biċċa l-kbira spiċċaw f’idejn nies minn pajjiżi żviluppati, li aktar sfruttaw il-liberalizzazzjoni li seħħet fil-mobbiltà tal-kapital u x-xogħol. It-tixrid madwar id-dinja kollha ta’ għamliet ta’ prosperità ma għandux għalhekk jitwaqqaf bi proġetti egoistiċi, protezzjonijstiċi jew li jkunu f’idejn interessi privati. Bl-involviment ta’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw aħna nkunu nistgħu rrażżnu aħjar il-kriżi tal-lum. It-tranżizzjoni marbuta mal-proċess ta’ globalizzazzjoni ġġib magħha diffikultajiet kbar u perikli li jistgħu biss jingħelbu jekk ikollna ħila nagħrfu l-ispirtu antropoloġiku u etiku li mill­-qiegħ imexxi l-globalizzazzjoni lejn l-għan tas-solidarjetà li jixraq lill-bniedem. B’xorti ħażina dan l-ispirtu hu sikwit megħlub jew imxejjen b’konsiderazzjonijiet ta’ natura individwalistika u utilitarja. Il-globalizzazzjoni għandha ħafna wċuħ u hi fenomenu kumpless li għandu jinħataf fid-diversità u l-unità tad-dimensjonijiet differenti kollha tiegħu, ngħoddu magħhom id-dimensjoni teoloġika. B’dan il-mod inkunu nistgħu ngħaddu mill-globalizzazzjoni tal-­umanità u mmexxuha lejn il-komunjoni u l-qsim tal-ġid.

 

 

IR-RABA’ KAPITLU

L-IŻVILUPP tal-POPLI, JEDDIJIET U DMIRIJIET, L-AMBJENT

43. “Ir-realtà tas-solidarjetà umana, li għalina hi benefiċċju, tixħet ukoll dmir fuqna”105. Ħafna nies illum jgħidu li mhuma midjunin ma’ ħadd, ħlief magħhom infushom. Moħħhom biss fil-jeddijiet tagħhom, u sikwit ikollhom diffikultà kbira biex jidħlu responsabbli għall-iżvilupp sħiħ tagħhom infushom u ta’ nies oħra. Għalhekk hu importanti li ssir sejħa għal riflessjoni mġedda fuq kif il-jeddijiet jippresupponu d­dmirijiet, li mingħajrhom isiru abbuż106 . Illum qegħdin naraw inkonsistenza kbira. Fuq naħa, qed isiru appelli għal jeddijiet allegati, arbitrarji u mhux essenzjali, imseħbin mat­talba li jkunu magħrufin u promossi minn strutturi pubbliċi; fuq oħra, jeddijiet elementari u bażiċi qed jibqgħu mhux magħrufin u jinkisru f’parti kbira tad-dinja107 . Sikwit rajna rabta bejn talba għal “jedd ta’ eċċess”, u saħansitra għal transgressjoni u vizzju, fi ħdan soċjetajiet li qegħdin tajjeb, u nuqqas ta’ ikel, ilma tajjeb għax-xorb, struzzjoni bażika u kura tas-saħħa elementari f’żoni tad-dinja sottożviluppata u fil-periferiji ta’ bliet kbar metropolitani. Ir-rabta qiegħda f’dan: il-jeddijiet individwali, meta jkunu maqtugħin minn qafas ta’ dmirijiet li jagħtuhom it-tifsira sħiħa tagħhom, jistgħu bħal jiġġennu u jwasslu għal eskalazzjoni ta’ talbiet bla limiti u bla kriterji. Enfasi żejda fuq il-jeddijiet twassal għal nuqqas ta’ rigward lejn id-dmirijiet. Id-dmirijiet iqiegħdu limitu għall­jeddijiet għaliex jippuntaw lejn il-qafas antropoloġiku u etiku li l-jeddijiet jagħmlu parti minnu. B’hekk jassiguraw li dawk ma jsirux abbużi. Id-dmirijiet għalhekk isaħħu l-jeddijiet u jsejħu għad-difiża u l-promozzjoni tagħhom bħala ħidma li għandha ssir fil-qadi tal-ġid komuni. Inkella, jekk l-unika bażi għall-jeddijiet tal-bniedem tkun tinsab fid-deliberazzjonijiet ta’ assemblea ta’ ċittadini, dawk il-jeddijiet ikunu jistgħu jinbidlu f’kull ħin, u għalhekk id-dmir li nirrispettawhom u nimxu magħhom jiddallam fil-kuxjenza komuni. Il-gvernijiet u l-korpi internazzjonali jistgħu ma jarawx l-oġġettività u l­“invjolabbiltà” tal-jeddijiet. Meta dan jiġri, l-iżvilupp awtentiku tal-popli jsib ruħu fil-periklu108 . Dal-mod ta’ ħsieb u aġir jikkomprometti l-awtorità tal-korpi internazzjonali, l-aktar nett f’għajnejn dawk il-pajjiżi li l-aktar jeħtieġu żvilupp. Tabilħaqq, dawn tal-aħħar jitolbu li l-komunità internazzjonali tidħol għad-dmir li tgħinhom “isawru d-destin tagħhom stess”109 , jiġifieri li jidħlu għal dmirijiet li huma tagħhom. Il-qsim ta’ dmirijiet reċiproċi huwa inċentiv għall-azzjoni aqwa mis­sempliċi asserzjoni tal-jeddijiet.

44. In-nozzjonijiet ta’ jeddijiet u dmirijiet fi żvilupp trid ukoll tagħti kas tal-problemi marbutin mat-tkattir tal-­popolazzjoni. Dan hu aspett importanti ħafna tal-iżvilupp awtentiku, għax għandu x’jaqsam mal-valuri inaljenabbli tal-ħajja u l-familja110. Ikun żball jekk inqisu t-tkattir tal-­popolazzjoni bħala l-kawża ewlenija tas-sottożvilupp, anki mill-qasam tal-ekonomija. Biżżejjed inqisu, minn naħa, it-tnaqqis sinifikanti ta’ mwiet tat-tfal u t-tlugħ tal-­età kemm hu mistenni li wieħed jgħix li nsibu f’pajjiżi ekonomikament żviluppati, u minn oħra, is-sinjali ta’ kriżi li naraw f’soċjetajiet li qed ikollhom tnaqqis allarmanti fir-rata tat-twelidijiet. Hi ħaġa ċara li għandha tingħata attenzjoni f’waqtha lill-prokreazzjoni responsabbli, li fost ħwejjeġ oħra tagħti kontribuzzjoni pożittiva lill-iżvilupp sħiħ tal-bniedem. Il-Knisja, fl-attenzjoni tagħha għall-­iżvilupp awtentiku tal-bniedem, tħeġġu jirrispetta bis­sħiħ il-valuri umani fl-eżerċizzju tas-sesswalità tiegħu. Din ma tistax tirriduċi ruħha biss għall-pjaċir jew gost, lanqas ma tista’ l-edukazzjoni sesswali tirriduċi ruħha għal istruzzjoni teknika bil-għan waħdieni li tħares lill-partijiet interessati minn xi mard li jista’ jittieħed jew mir-“riskju” tal-prokeazzjoni. B’dan inkunu nfaqqru u ninjoraw it­tifsir aktar profond tas-sesswalità, tifsir li jeħtieġ jingħaraf u jittieħed b’responsabbiltà kemm mill-individwi iżda wkoll mill-komunità. Inkunu irresponsabbli jekk inħarsu lejn is-sesswalità biss bħala għajn ta’ pjaċir, hekk ukoll jekk nirregolawha bi strateġiji ta’ kontroll mandatorju tat­twelid. Fiż-żewġ każijiet hemm jaħdmu ideat u politika materjalistiċi, u l-individwi fl-aħħar mill-aħħar huma suġġetti għal għamliet varji ta’ vjolenza. Quddiem politika bħal din, jeħtieġ niddefendu l-kompetenza ewlenija tal-familja fil-qasam tas-sesswalità110, kontra l-Istat u l-politika ristrettiva tiegħu, u nassiguraw li l-ġenituri jkunu mħejjija kif jixraq biex jidħlu għar-responsabbiltajiet tagħhom.

Il-ftuħ moralment responsabbli għall-ħajja huwa riżors soċjali u ekonomiku għani. Nazzjonijiet b’popolazzjonijiet numerużi kellhom ħila joħroġu mill-faqar bis-saħħa mhux anqas tal-kotra tal-popolazzjoni tagħhom u tat-talenti tal-poplu tagħhom. Min-naħa l-oħra, nazzjonijiet li fl­imgħoddi kienu sinjuri bħalissa jinsabu għaddejjin minn fażi ta’ inċertezza u f’xi każijiet ta’ deklin, sewwasew minħabba t-tnaqqis tar-rati tat-twelid; din saret problema kruċjali għal soċjetajiet għonja ħafna. It-tnaqqis fit-twelidijiet, li kultant qed jaqa’ taħt l-hekk imsejjaħ “indiċi ta’ sostituzzjoni”, qiegħed ukoll jixħet piż fuq is-sistemi tal-assistenza soċjali, jgħolli n-nefqa tagħhom, jiekol l-imġemma’ u r-riżorsi meħtieġa għall-investiment, inaqqas il-għadd ta’ ħaddiema kkwalifikati, u jdejjaq l-għażla tal-­aħjar imħuħ li minnhom in-nazzjonijiet jistgħu jieħu skont il-ħtiġiet tagħhom. Barra minn dan, familji iżgħar u kultant żgħar ħafna jirriskjaw li jfaqqru r-relazzjonijet soċjali, bla ma jseħħilhom jiżguraw għamliet effettivi ta’ solidarjetà. Dawn il-qagħdiet juru kunfidenza skarsa fil-ġejjieni u għaja morali. Qed terġa’ tinħass il-ħtieġa soċjali kif ukoll ekonomika li jitqiegħed quddiem il-ġenerazzjonijiet tal-­ġejjieni l-ġmiel taż-żwieġ u tal-familja, u l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet iwieġbu għall-ħtiġijiet l-aktar profondi u d-dinjità tal-persuna. B’dan quddiem għajnejhom, l­-istati huma msejħin biex isawru politika li tippromovi ċ-ċentralità u l-integrità tal-familja msejsa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, iċ-ċellola vitali ewlenija tas-soċjetà111, u jidħlu responsabbli tal-ħtiġijiet ekonomiċi u fiskali tagħha, huma u jirrispettaw in-natura relazzjonali tagħha.

45. L-isforz li wieħed jagħmel biex iwieġeb għall-ħtiġijiet morali l-aktar profondi tal-persuna jwassal ukoll għal riperkussjonijiet importanti u tajbin fil-livell tal-ekonomija. L-ekonomija teħtieġ l-etika biex taħdem tajjeb – mhux kull etika, iżda etika li ddur madwar in-nies. Illum nisimgħu ħafna diskors fuq l-etika fid-dinja tal-ekonomija, il-finanzi u n-negozju. Ċentri ta’ tiftix u seminarji fl-etika tan-negozju qed joktru; is-sistema taċ-ċertifikazzjoni etika qed tinfirex madwar id-dinja żviluppata bħala parti mill-moviment ta’ ideat marbutin mar-responsabbiltajiet tan-negozju lejn is-soċjetà. Il-banek qed jipproponu kontijiet u fondi ta’ investiment “etiċi”. Il-“finanzjament etiku” qed jiżviluppa, l-aktar nett permezz tal-mikro-kreditu, u b’mod aktar ġenerali, tal-mikro-finanza. Dawn huma proċessi ta’ min ifaħħarhom u jistħoqqilhom l-appoġġ. L-effetti pożittivi tagħhom qegħdin jinħassu wkoll fiż-żoni anqas żviluppati tad-dinja. B’danakollu tajjeb li wieħed jiżviluppa kriterju sod ta’ dixxerniment, għax l-aġġettiv “etiku” jista’ jkun abbużat. Meta l-kelma tintuża b’mod ġeneriku, jista’ jkollha għadd ta’ tifsiriet, saħansitra fejn jidħlu deċiżjonijiet u għażliet kuntrarji għall-ġustizzja u l-ġid awtentiku tal-bniedem.

Fis-sewwa ħafna jiddependi mis-sistema tal-morali li wieħed jirreferi għaliha. Fuq das-suġġett id-duttrina soċjali tal-Knisja tista’ tikkontribwixxi b’mod speċifiku, għaliex hija msejsa fuq il-ħolqien tal-bniedem “fuq ix­xbieha ta’ Alla” (Ġen 1:27), fatt li minnu ħarġet id-dinjità invjolabbli tal-persuna umana u l-valur traxxendentali ta’ normi naturali morali. Meta l-etika tan-negozju ma tqisx dawn iż-żewġ pilastri, bilfors tirriskja li titlef in-natura distinta tagħha u ssir vittma ta’ għamliet ta’ esplojtazzjoni; b’mod aktar preċiż, tirriskja li ssir il-qaddejja ta’ sistemi ekonomiċi u finanzjarji eżistenti aktar milli ssewwi d­difetti tagħhom. Fost l-oħrajn, tirriskja li tintuża biex ikun iġġustifikat il-finanzjar ta’ proġetti li fir-realtà mhumiex etiċi. Il-kelma “etiku”, imbagħad, ma għandhiex tintuża biex isiru distinzjonijiet ideoloġiċi, bħallikieku dawk l­inizjattivi ma jkollhomx din il-kwalifika ma jkunux etiċi. Jeħtieġ isiru sforzi – u hu essenzjali li dan jingħad – mhux biss biex jinħolqu setturi jew segmenti “etiċi” tal-­ekonomija jew tal-finanza dinjija, imma biex naċċertaw li l-ekonomija kollha – il-finanza sħiħa – tkun etika, mhux biss b’tikketta li tidher, iżda permezz tar-rispett lejn il­-ħtiġijiet intrinsiċi tan-natura tagħha. Id-duttrina soċjali tal-Knisja titkellem ċar dwar das-suġġett, filwaqt li tfakkarna li l-ekonomija, fil-fergħat kollha tagħha, hija settur ta’ attività umana113 .

46. Meta nqisu l-kustjonijiet marbutin mar-relazzjoni bejn in-negozju u l-etika, kif ukoll l-evoluzzjoni li qed isseħħ bħalissa fil-metodi tal-produzzjoni, jidher li l-għażla valida li kienet issir bi tradizzjoni bejn kumpaniji mibnija fuq il-qligħ u organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ ma tistax tibqa’ tkun reali, jew toffri tmexxija prattika għall-ġejjieni. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin bejn iż­żewġ tipi ta’ intrapriżi ħarġet żona wiesgħa intermedja. Hija magħmula minn kumpaniji tradizzjonali li, minkejja dan, jaħsbu biex jidħlu fi ftehimiet ta’ għajnuna soċjali b’risq il-pajjiżi sottożviluppati; minn fundazzjonijiet karitatevoli marbutin ma’ kumpaniji individwali; minn gruppi ta’ kumpaniji diretti lejn l-għajnuna soċjali; u mid-dinja diversifikata tal-hekk imsejħa “ekonomija ċivili” u “ekonomija ta’ komunjoni”. Din mhijiex biss kustjoni ta’ “tielet settur”, iżda ta’ realtà wiesgħa ġdida mżewqa li tħaddan l-isfera privata u pubblika, realtà li ma teskludix il-qligħ, iżda tqisu bħala mezz biex jinkisbu għanijiet umani u soċjali. Jekk kumpaniji bħal dawn iqassmux ishma mill-qligħ jew le, jekk l-istatura ġuridika tagħhom tkunx tikkorrispondi ma’ għamla jew oħra minn dawk stabbiliti, hi ħaġa sekondarja meta titqies ir-rieda tagħhom li jgħoddu l-qligħ bħala mezz biex jintlaħaq il-għan ta’ suq u soċjetà aktar umani. Wieħed għandu jittama li intrapriżi ġodda ta’ din l-għamla jirnexxilhom isibu struttura ġuridika u fiskali xierqa f’kull pajjiż. Bla ma jnaqqsu l-importanza u l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-għamliet ta’ negozju aktar tradizzjonali, dawn imexxu s-sistema lejn assunzjoni tad-dmirijiet b’mod aktar ċar u sħiħ min-naħa tas-suġġetti ekonomiċi. Mhux hekk biss.

Il-pluralità nfisha ta’ għamliet istituzzjonali ta’ negozju toħloq suq li mhux biss ikun aktar ċivilizzat imma wkoll aktar kompetittiv.

47. It-tisħiħ ta’ tipi differenti ta’ negozju, l-aktar nett dawk li jħarsu lejn il-qligħ bħala mezz biex jintlaħaq l-għan ta’ suq u soċjetà aktar umani, għandu jkun ukoll segwit minn dawk il-pajjiżi li jinsabu ’l barra jew fil-periferija miċ-ċirkli li jinfluwenzaw l-ekonomija globali. F’dawn il­-pajjiżi hu importanti ħafna li wieħed jimxi ’l quddiem bi proġetti msejsin fuq is-sussidjarjetà, imfasslin u mmexxijin b’mod xieraq, bil-għan li jinkisbu jeddijiet iżda wkoll li jittieħdu r-responsabbiltajiet rispettivi. Fi programmi ta’ żvilupp, il-prinċipju taċ-ċentralità tal-persuna umana, bħala s-suġġett responsabbli ewlieni għall-iżvilupp, għandu jitħares. L-interess prinċipali għandu jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet attwali ta’ ħajjet il-poplu f’reġjun, biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu dawk id-dmirijiet li l-faqar bħalissa mhux qed iħallihom jagħmlu. L-interess soċjali ma għandu qatt attitudni astratta. Il-programmi ta’ żvilupp, jekk ikun meħtieġ li jkunu adattati għal sitwazzjonijiet individwali, jeħtieġ ikunu flessibbli; u n­nies li jibbenefikaw minnhom għandhom ikunu involuti direttament fl-ippjanar u l-implementazzjoni. Hu meħtieġ ukoll li wieħed japplika kriterji ta’ progressjoni u tisħib – b’monitoraġġ attent tar-riżultati – għaliex mhemmx soluzzjonijiet validi dejjem. Jiddependi ħafna mill-mod kif il-programmi jitmexxu fil-prattika. “Il-popli nfushom għandhom l-ewwel responsabbiltà li jaħdmu għall-­iżvilupp tagħhom infushom. Iżda dan ma jseħħx jekk jibqgħu waħedhom”114. Dawn il-kelmiet ta’ Pawlu VI huma aktar f’waqthom fi żmienna, kif id-dinja tagħna qed issir dejjem aktar magħquda. Id-dinamika tal-inklużjoni mhijiex awtomatika. Is-soluzzjonijiet iridu jitfasslu bil-għaqal biex ikunu jaqblu mal-ħajjiet konkreti tan-nies, u jinbnew fuq evalwazzjoni prudenti ta’ kull sitwazzjoni. Maġenb il-­proġetti l-kbar, hemm post għall-proġetti ż-żgħar, u fuq kollox teħtieġ mobilizzazzjoni attiva ta’ kull min isawwar is-soċjetà ċivili, sew persuni ġuridiċi sew fiżiċi.

Il-kooperazzjoni internazzjonali titlob nies li jistgħu jieħdu sehem fil-proċess tal-iżvilupp ekonomiku u uman bis-solidarjetà tal-preżenza tagħhom, bis-superviżjoni, bit-taħriġ u bir-rispett. Minn dan il-punt, l-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jeżaminaw l-effettività tal-makkinarju burokratiku u amministrattiv tagħhom, li sikwit ikun għali żżejjed. Kultant jiġri li dawk li jieħdu l-għajnuna jissottomettu ruħhom għal min jagħti l-għajnuna, u l-foqra jservu biex jibqgħu fuq saqajhom għal dejjem burokraziji għaljin li jieklu perċentwal għoli żżejjed tal-fondi li jkunu mwarrbin għall-iżvilupp. Għalhekk wieħed għandu jittama li l-aġenziji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi kollha jimpenjaw ruħhom fi trasparenza sħiħa, u jgħarrfu lid-donaturi u lill-pubbliku bil-perċentwal tad-dħul tagħhom imwarrab għal programmi ta’ kooperazzjoni, il-kontenut innifsu ta’ dawk il-programmi, u fl-aħħar nett l-infiq dettajat tal-istituzzjoni nfisha.

48. Illum l-iżvilupp huwa wkoll marbut mill-qrib mad­dmirijiet ġejjin mir-relazzjoni tagħna mal-ambjent naturali. L-ambjent hu d-don ta’ Alla lil kull wieħed, u fl­użu li nagħmlu minnu għandna responsabbiltà lejn il-fqar, lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni u lejn l-umanità sħiħa. Meta n-natura, għodd magħha lill-bniedem, inħarsu lejha bħala riżultat ta’ kumbinazzjoni jew ta’ determiniżmu evoluttiv, is-sens ta’ responsabbiltà tagħna jonqos. Fin­natura, il-bniedem li jemmen jagħraf ir-riżultat tal-għaġeb tal-att ħallieq ta’ Alla, li aħna nistgħu nużawh b’mod responsabbli biex nissodisfaw il-ħtiġijiet leġġittimi tagħna, sew materjali sew oħrajn, filwaqt li nirrispettaw il-bilanċ intrinsiku tal-ħolqien. Jekk dil-viżjoni tintilef, nispiċċaw jew inqisu n-natura bħala tabù li ma jintmessx, jew bil-­maqlub, ninqdew biha ħażin. Ebda attitudni minn dawn ma taqbel mal-viżjoni Nisranija tan-natura bħala l-frott tal-ħolqien ta’ Alla.

In-natura turi pjan ta’ mħabba u verità. Hi kienet qabilna, u Alla tahielna bħala ambjent għal ħajjitna. In-natura tkellimna fuq il-Ħallieq (ara Rum 1:20) u fuq imħabbtu għall-bniedem. Hija ddestinata biex tinġabar fi Kristu fi tmiem iż-żmien (ara Ef 1:9-10; Kol 1-19-20). Għalhekk hi wkoll “sejħa”115. In-natura qiegħda għad-dispożizzjoni tagħna mhux bħala “munzell żibel imxerred”116, iżda bħala don tal-Ħallieq li taha ordni intrinsiku, u ta lill-bniedem il-ħila li jieħu minnha l-prinċipji meħtieġa biex “jaħdmu u jħarsu” (Ġen 2:15). Iżda jeħtieġ li ssir enfasi li l-ħarsien lejn in-natura bħala xi ħaġa aktar importanti mill-bniedem huwa kontra l-iżvilupp awtentiku. Dil-pożizzjoni twassal għal attitudnijiet ta’ neo-paganiżmu jew lejn panteiżmu ġdid. Is-salvazzjoni tal-bniedem ma tistax tiġi min-natura waħedha, fis-sens purament naturalistiku. Barra minn dan, jeħtieġ ukoll niċħdu l-pożizzjoni opposta, li għandha l-għan li taħkem in-natura b’mod tekniku għal kollox, għaliex l-ambjent naturali huwa aktar minn materjal li nistgħu nbagħbsuh kif irridu; huwa xogħol tal-għaġeb tal-Ħallieq li fih għandu “grammatika” li tfassal għanijiet u kriterji għall-użu tagħha bil-għaqal, mhux għall-isfruttar tagħha bla ħsieb. Illum qed issir ħafna ħsara lill-iżvilupp sewwasew minħabba dawn l-ideat mgħawġin. Jekk in­natura nagħmluha ġabra ta’ data kontinġenti nispiċċaw biex nivvjolentaw l-ambjent u ninkoraġġixxu attività li ma jseħħilhiex tirrispetta n-natura umana nfisha. In-natura tagħna, magħmula mhux biss mill-materja imma wkoll mill-ispirtu, u għalhekk mogħnija b’tifsira traxxendentali u aspirazzjonijiet, hija wkoll normattiva għall-kultura. Il-bnedmin jinterpretaw u jsawru l-ambjent naturali permezz tal-kultura, li mbagħad tingħata direzzjoni bl­użu responsabbli tal-ħelsien, bi qbil mad-dettati tal-liġi morali. Għalhekk il-proġetti għal żvilupp uman sħiħ ma jistgħux jinjoraw lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin, iżda jeħtieġ li jkunu mmarkati bis-solidarjetà u l-ġustizzja inter­ġenerazzjonali, filwaqt li jagħtu kas tal-kuntesti varji: ekoloġiku, ġuridiku, ekonomiku, politiku u kulturali117 .

49. Illum il-kustjonijiet marbutin mal-kura u ż-żamma tal-ambjent jeħtieġ li jagħtu importanza lill-problema tal-­enerġija. Il-fatt li xi Stati, gruppi setgħana u kumpaniji ħadu f’idejhom riżorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli huwa ta’ xkiel kbir għall-iżvilupp tal-pajjiżi foqra. Dawk il-pajjiżi ma għandhomx mezzi ekonomiċi la biex jiksbu aċċess għal riżorsi eżistenti ta’ enerġija mhux rinnovabbli u lanqas biex jiffinanzjaw tiftix għal alternattivi ġodda. Il-ħażna tar-riżorsi naturali, li f’ħafna każijiet wieħed isib fil-pajjiżi foqra, iġibu magħhom l-isfruttament u sikwit iqajmu konflitti bejn in-nazzjonijiet u fi ħdanhom. Dawn il-konflitti sikwit iseħħu fuq l-art ta’ dawk l-istess pajjiżi, b’għadd kbir ta’ mejtin, qerda u aktar taħsir. Il-komunità internazzjonali għandha d-dmir urġenti li ssib mezzi istituzzjonali biex trażżan l-isfruttament tar-riżorsi mhux rinnovabbli, filwaqt li fil-proċess iddaħħal lill-pajjiżi foqra, biex flimkien ifasslu l-ġejjieni.

Fuq dan il-front ukoll, hemm ħtieġa morali kbira għal solidarjetà mġedda, l-aktar nett fir-relazzjonijiet bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk industrijalizzati bil-kbir118. Is­soċjetajiet b’teknoloġija avvanzata jistgħu u għandhom ibaxxu l-konsum tal-enerġija domestika, jew permezz ta’ evoluzzjoni fil-metodi tal-manifattura jonkella permezz tat-tkattir tas-sensibbiltà ekoloġika taċ-ċittadini. Inżidu li bħalissa tista’ tinkiseb effikaċja enerġetika aħjar u fl-istess ħin isir tħajjir għal tiftix ta’ għamliet alternattivi ta’ enerġija. Iżda jeħtieġ ukoll li jkun hemm ridistribuzzjoni madwar id-dinja ta’ riżorsi enerġetiċi, biex il-pajjiżi b’nuqqas ta’ dawk ir-riżorsi jkollhom aċċess għalihom. Id-destin ta’ dawk il­-pajjiżi ma jistax jitħalla f’idejn min jilħaq l-ewwel, jew min għandu l-ħila jogħla fuq l-oħrajn. Għandna quddiemna kustjonijiet kbar; jekk irridu nittrattawhom b’mod xieraq, kull wieħed għandu jagħraf b’responsabbiltà l-impatt li dawn sa jkollhom fuq il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, l­aktar nett fuq il-ħafna żgħażagħ fil-pajjiżi l-foqra, li “qed jitolbu li jieħdu sehem attiv fil-bini ta’ dinja aħjar”119 .

50. Din ir-responabbiltà hija waħda globali, għax ma tmissx biss l-enerġija iżda lill-ħolqien kollu, li ma għandux jgħaddi f’idejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni mneżża’ mir-riżorsi tiegħu. Il-bnedmin b’mod leċitu jiggvernaw in­natura bir-responsabbiltà, biex iħarsuha, biex igawdu l­frott tagħha u jikkultivawha b’metodi ġodda, bil-għajnuna ta’ teknoloġiji avvanzati, biex hi tkun tista’ taqdi u titma’ kif jixraq lill-popolazzjoni tad-dinja. Fuq din l-art hawn post għal kulħadd: hawn il-familja kollha tal-bnedmin għandha ssib ir-riżorsi biex tgħix bid-dinjità, bil-għajnuna tan-natura nfisha, li hi r-rigal ta’ Alla għal uliedu, u b’ħidma sfiqa u kreattività. Fl-istess ħin għandna nagħrfu d-dmir gravi tagħna li ngħaddu l-art lill-ġenerazzjonijiet tal-­ġejjieni f’qagħda li huma wkoll ikunu jistgħu jgħammru fiha b’mod xieraq u jissoktaw jikkultivawha. Dan ifisser impenn li nieħdu deċiżjonijet flimkien “wara li naħsbu b’responsabbiltà liema triq għandna naqbdu, deċiżjonijiet bil-għan li jissaħħaħ dak il-patt bejn il-bnedmin u l-ambjent, li għandu jkun mera tal-imħabba ħallieqa ta’ Alla, li minnu ġejjin u lejh qegħdin interrqu”120. Nittamaw li l-komunità internazzjonali u l-gvernijiet individwali jseħħilhom jieqfu kontra modi li jagħmlu l-ħsara fit-trattament tal-ambjent. Hu wkoll dmir tal-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu kull sforz biex jaċċertaw li l-ekonomija u l-prezzijiet soċjali tal-użu msieħeb tar-riżorsi ambjentali jkunu magħrufin bi trasparenza u jkunu jifilħuhom dawk li jagħmlu użu minnhom, mhux popli oħrajn jew il-ġenerazzjonijiet tal-­ġejjieni: il-ħarsien tal-ambjent, tar-riżorsi u tal-klima jorbtu lill-mexxejja internazzjonali kollha li jaħdmu flimkien u jkunu pronti li jaħdmu b’intenzjoni tajba, huma u jirrispettaw il-liġi u jippromovu s-solidarjetà mal-aktar reġjuni dgħajfa tad-dinja222. Waħda mill-akbar sfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-ekonomija hi l-aktar użu effiċjenti – mhux l­abbuż – tar-riżorsi naturali, imsejjes fuq il-fehma reali li n-nozzjoni ta’ “effiċjenza” mhijiex bla valur.

51. Il-mod li bih il-bniedem jittratta l-ambjent jinfluwenza l-mod kif hu jittratta lilu nnifsu, u bil-maqlub. Dan jistieden lis-soċjetà kontemporanja tagħmel reviżjoni serja ta’ l-istil ta’ ħajjitha, li f’ħafna nħawi tad-dinja, għandu tendenza lejn l-edoniżmu u l-konsumiżmu, bla ħsieb fil­-konsegwenzi ħżiena tagħhom222 . Hemm ħtieġa ta’ bdil effettiv fil-mentalità li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ stili ġodda ta’ ħajja “li fihom it-tiftix tal-verità, tal-ġmiel, tat-tjieba u tal-għaqda mal-oħrajn b’risq il-kobor komuni huma fatturi li jiddeterminaw l-għażliet fil-konsum, it-tfaddil u l-investimenti”123. Kull vjolazzjoni tas-solidarjetà u l-ħbiberija ċivili tagħmel ħsara lill-ambjent, bħalma t­taħsir ambjentali wkoll jaqleb ta’ taħt fuq ir-relazzjonijiet fis-soċjetà. In-natura, l-aktar nett fi żmienna, hija daqshekk marbuta mad-dinamika tas-soċjetà u l-kultura li issa bilkemm għadha titqies fattur għalih. Id-deżertifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ produttività f’xi żoni agrikoli huma wkoll ir-riżultat ta’ faqar u sottożvilupp fost in-nies li jgħammru fihom. Meta jingħataw inċentivi għall-iżvilupp tal-­ekonomija u l-kultura tagħhom, in-natura nfisha tkun imħarsa. Barra minn dan, kemm jinħlew riżorsi naturali bil-gwerer! Il-paċi fost il-popli u fihom tipprovdi wkoll ħarsien akbar għan-natura. Il-ħtif tar-riżorsi, l-aktar nett tal-ilma, jista’ joħloq konflitti serji fost il-popli involuti. Ftehim paċifiku fuq l-użu tar-riżorsi jista’ jħares lin-natura, u fl-istess ħin, ir-risq tas-soċjetajiet.

Il-Knisja għandha responsabbiltà għall-ħolqien u għandha ssostni din ir-responsabbiltà fl-isfera pubblika. Hi u tagħmel hekk, għandha tiddefendi mhux biss l-art, l-ilma u l-arja bħala doni tal-ħolqien li huma ta’ kulħadd. Għandha fuq kollox tħares lill-bniedem mill-qerda tiegħu nnifsu. Hemm ħtieġa ta’ dik li nistgħu nsejħulha ekoloġija umana, mifhuma tajjeb. It-taħsir tan-natura hu fis-sewwa marbut sfiq mal-kultura li ssawwar il-koeżistenza tal-­bnedmin: meta l-“ekoloġija umana”124 hi rispettata fis­soċjetà, l-ekoloġija ambjentali tirbaħ ukoll. Bħalma l­virtujiet umani huma marbutin bejniethom, b’mod li jekk tiddgħajjef waħda l-oħrajn isibu ruħhom fil-periklu, hekk ukoll is-sistema ekoloġika hija msejsa fuq ir-rispett lejn pjan li jaffettwa kemm lis-saħħa tas-soċjetà u kemm lir-relazzjoni tajba tagħha man-natura.

Biex inħarsu lin-natura, mhux biżżejjed nintervjenu b’inċentivi ekonomiċi jew b’deterrenti; lanqas mhi biżżejjed edukazzjoni adekwata. Dawn huma kollha passi fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-qofol tal-problema hu x-xejra sħiħa ta’ ħajjet is-soċjetà. Jekk hemm nuqqas ta’ rispett lejn il-jedd għall-ħajja u għal mewt naturali, jekk it-tnissil tal-bniedem, it-tqala u t-twelid isiru artifiċjali, jekk l-embrijoni umani jkunu ssagrifikati għat-tiftix, il­-kuxjenza tas-soċjetà tasal biex titlef il-kunċett ta’ ekoloġija umana, u flimkien magħha, dik ta’ ekoloġija ambjentali. Naqgħu f’kontradizzjoni jekk ninsistu li l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni sa jirrispettaw l-ambjent naturali jekk is-sistemi edukattivi tagħna u l-liġijiet ma jgħinuhomx jirrispettaw lilhom infushom. Il-ktieb tan-natura hu wieħed u indiviżibbli: iħaddan fih mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-ħajja, is-sesswalità, iż-żwieġ, il-familja, ir-relazzjonijiet soċjali: f’kelma waħda, l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem. Dmirijietna lejn l-ambjent huma marbuta ma’ dmirijietna lejn il-persuna umana fiha nfisha u f’relazzjoni ma’ oħrajn. Nagħmlu ħażin jekk niddefendu xi dmirijiet filwaqt li nkażbru l-oħrajn. Hemm kontradizzjoni kbira fil-mentalità u l-prattika tagħna llum, li twaqqa’ fil-għajb lill-persuna, tħarbat l-ambjent u tagħmel ħsara lis-soċjetà.

52. Il-verità, u l-imħabba li turi, ma nistgħux nipproduċuhom: nistgħu biss nirċevuhom bħala rigal. L-għajn aħħarija tagħhom mhijiex, u ma tistax tkun, il-bniedem, iżda Alla waħdu, li hu nnifsu Verità u Mħabba. Dal-prinċipju hu importanti ħafna għas-soċjetà u għall-iżvilupp, għax il-bniedem ma jista’ jipproduċi la l-waħda u lanqas l-ieħor. Is-sejħa għall-iżvilupp min-naħa ta’ individwi u popli mhijiex imsejsa biss fuq għażla li jagħmel il-bniedem, iżda hija miktuba fi pjan li jimxi qabilna u li hu għalina lkoll dmir li għandna naċċettawh liberament. Dak li jimxi qabilna u jsawwarna – l-Imħabba u l-Verità sussistenti – jurina x’inhi t-tjieba u fiex jikkonsisti l-ferħ veru tagħna. Jurina t-triq lejn l-iżvilupp veru.

 

 

IL-ĦAMES KAPITLU

IL-KOLLABORAZZJONI tal-FAMILJA UMANA

53. Waħda mill-agħar għamliet ta’ faqar li bniedem jista’ jduq hija s-solitudni. Jekk inħarsu mill-qrib lejn l-għamliet l-oħra ta’ faqar, għodd magħhom dawk materjali, naraw li dawn jitnisslu mis-solitudni, meta bniedem ma jħossux maħbub jew minn diffikultà li jsib biex iħobb. Il-faqar ħafna drabi jiġi miċ-ċaħda tal-imħabba ta’ Alla, mit-tendenza traġika tal-bniedem li jingħalaq fih innifsu, għax jaħseb li hu awto-suffiċjenti jew li hu biss fatt insinifikanti li jgħaddi, “barrani” f’dinja li saret b’kumbinazzjoni. Il­bniedem ikun aljenat meta jkun waħdu, meta jinqata’ mir-realtà, meta ma jibqax jaħseb u jemmen f’bażi solida125. L­umanità kollha tkun aljenata meta titqiegħed tama żejda fi proġetti umani, f’ideoloġiji u f’utopiji foloz126. Illum l­umanità tidher ħafna aktar interattiva mill-imgħoddi: dan is-sens ta’ qrubija lejn xulxin għandu jinbidel f’għaqda vera. L-iżvilupp tal-popli jiddependi, fuq kollox, minn għarfien li r-razza umana hija familja waħda li taħdem flimkien f’għaqda vera, u mhux biss grupp ta’ nies li jinzertaw qegħdin jgħixu maġenb xulxin127 .

Papa Pawlu VI nnota li “d-dinja tinsab fl-inkwiet minħabba nuqqas ta’ ħsieb”128 . Kien qed jagħmel osservazzjoni, iżda kien ukoll qed juri xewqa: neħtieġu trajettorja ġdida ta’ ħsieb biex nifhmu aħjar xi jfisser li nkunu familja waħda; l-interazzjoni fost il-popli tad-dinja ssejħilna lejn din it-trajettorja l-ġdida, biex l-integrazzjoni tkun tfisser solidarjetà129 aktar minn marġinalizzazzjoni. Ħsieb bħal dan jitlob evalwazzjoni kritika aktar profonda tal-kategorija tar-relazzjoni. Din hi biċċa xogħol li ma tistax issir mix­xjenzi soċjali waħedhom, għaliex il-kontribuzzjoni ta’ dixxiplini bħalma huma l-metafiżika u t-teoloġija huma meħtieġa jekk id-dinjità traxxendentali tal-bniedem tkun mifhuma kif jixraq.

Bħala ħliqa spiritwali, il-bniedem jirrealizza ruħu permezz ta’ relazzjonijiet interpersonali. Aktar ma jgħix dawn ir-relazzjonijiet b’mod awtentiku, aktar timmatura l-identità personali tiegħu. Il-bniedem juri kemm jiswa mhux billi jinqata’ għalih waħdu, imma billi jqiegħed lilu nnifsu f’relazzjoni mal-oħrajn u ma’ Alla. Għalhekk dawn ir­-relazzjonijiet għandhom importanza fundamentali. L-istess jingħad għall-popli. Tifsira metafiżika tar-relazzjonijiet bejn in-nies hi għalhekk ta’ ġid kbir għall-iżvilupp tagħhom. Dwar dan, ir-raġuni titnebbaħ u ssib direzzjoni fir-rivelazzjoni Nisranija, li tgħid li l-komunità tal-bnedmin ma għandhiex tifga lill-individwu u xxejjen l-awtonomija tiegħu, kif jiġri fil-ħafna għamliet ta’ totalitarjaniżmu, iżda tagħtih valur akbar għaliex ir-relazzjoni bejn l-individwu u l-komunità hija relazzjoni bejn totalità u oħra130. Bħalma familja ma tifgax l-identitajiet tal-membri individwali, bħalma l-Knisja tifraħ b’kull “ħolqien ġdid” (Gal 6:15; 2 Kor 5:17) li jingħaqad bil-Magħmudija mal-Ġisem ħaj tagħha, hekk ukoll l-għaqda tal-familja umana ma tifgax l-identitajiet tal-individwi, tal-popli u tal-kulturi, iżda tagħmilhom jidhru aktar lil xulxin u tgħaqqadhom aktar mill-qrib fid-diversitajiet leġittimi tagħhom.

54. It-tema tal-iżvilupp tidħol f’dik tat-tħaddin relazzjonali tal-individwi u l-popli kollha fil-komunità waħda tal-familja umana, mibnija b’solidarjetà fuq is-sies tal-valuri fundamentali tal-ġustizzja u l-paċi. Din il-perspettiva hi mdawla b’mod tal-għaġeb bir-relazzjoni bejn il-Persuni tat-Trinità fis-Sustanza divina waħdanija. It-Trinità hi għaqda assoluta għaliex it-tliet Persuni divini huma relazzjonalità safja. It-trasparenza reċiproka bejn il-Persuni divini hija totali u r-rabta bejn kull wieħed minnhom hija sħiħa, għax huma jikkostitwixxu għaqda unika u assoluta. Alla jixtieq jgħaqqadna wkoll f’din ir-realtà ta’ komunjoni: “biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda” (Ġw 17:22). Il-Knisja hija sinjal u strument ta’ din l-għaqda131. Ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin matul l­istorja ma jistgħux ma jistagħnux b’referenza għal dan il-mudell divin. B’mod partikulari, fid-dawl tal-misteru tat-Trinità, nifhmu li ftuħ veru ma jfissirx telfien tal-­identità individwali izda interpenetrazzjoni profonda. Dan joħroġ ukoll mill-esperjenzi umani komuni tal­imħabba u l-verità. Bħalma l-imħabba sagramentali tal-­għarajjes tgħaqqadhom spiritwalment f’“ġisem wieħed” (Ġen 2:24; Mt 19:5; Ef 5:31) u tagħmel mit-tnejn unità reali u relazzjonali, hekk ukoll b’mod analogu l-verità tgħaqqad l-ispirti u ġġagħalhom jaħsbu fi qbil perfett, hija u tiġbidhom lejha bħala unità.

55. Ir-rivelazzjoni Nisranija tal-għaqda tar-razza umana titlob minn qabel interpretazzjoni metafiżika tal-­“humanum” li fih ir-relazzjonalità hija element essenzjali. Kulturi u reliġjonijiet oħra jgħallmu l-għaqda bejn l-aħwa u l-paċi u għaldaqstant għandhom importanza kbira ħafna għall-iżvilupp sħiħ tal-bniedem. B’danakollu, xi attitudnijiet reliġjużi u kulturali ma jħaddnux bis-sħiħ il-prinċpju tal-imħabba u l-verità u għalhekk jispiċċaw jixħtu lura jew ukoll ifixklu l-iżvilupp awtentiku tal-­bniedem. Hemm ċerti kulturi reliġjużi fid-dinja tal-lum li ma jobbligawx lill-bnedmin jgħixu f’komunjoni iżda aktarx jaqtgħuhom minn xulxin fit-tiftix tal-ġid individwali, filwaqt li jillimitawh għall-qtugħ tax-xewqat psikoloġiċi tiegħu. Barra minn dan, il-kotra kbira ta’ “toroq” reliġjużi differenti, li jiġbdu lejhom gruppi żgħar u saħansitra individwi, flimkien mas-sinkretiżmu reliġjuż, jistgħu jwasslu għall-firda u nuqqas ta’ impenn. Effett negattiv possibbli tal-proċess ta’ globalizzazzjoni hija t-tendenza li tiffavorixxi dan it-tip ta’ sinkretiżmu132 billi tinkoraġġixxi għamliet ta’ “reliġjon”, li minflok ma jgħaqqdu lin-nies flimkien, ibegħduhom minn xulxin u mir-realtà. Fl-istess ħin, għad hemm xi tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali li jaqsmu lis-soċjetà fi gruppi riġidi, fi twemmin maġiku li ma jirrispettax lid-dinjità tal-persuna, u f’attitudnijiet ta’ jasar għall-qawwiet tal-okkult, u ma jħalluhiex timxi ’l quddiem. F’kuntesti bħal dawn, l-imħabba u l-verità jsibuha diffiċli biex jasserixxu ruħhom, u l-iżvilupp awtentiku jieqaf.

Għalhekk filwaqt li hu minnu li l-iżvilupp jeħtieġ ir-reliġjonijiet u l-kulturi ta’ popli differenti, hu daqstant ieħor minnu li jeħtieġ dixxerniment f’waqtu. Il-libertà reliġjuża ma tfissirx indifferentiżmu reliġjuż, lanqas ma tfisser li r-reliġjonijiet kollha huma ndaqs133 . Hemm bżonn ta’ dixxerniment għal kontribuzzjoni tal-kulturi u r-reliġjonijiet, l-aktar nett min-naħa ta’ dawk li jeżerċitaw is-setgħa politika, jekk il-komunità soċjali għandha tibnena fi spirtu ta’ rispett għall-ġid komuni. Dan id-dixxerniment għandu jkun imsejjes fuq il-kriterju tal-­imħabba u l-verità. Billi hawn qed nittrattaw l-iżvilupp tal-persuni u tal-popli, dan id-dixxerniment irid jagħti kas tal-­ħtiġijiet għall-emanċipazzjoni u l-inklussività, fil-kuntest ta’ komunità umana tabilħaqq universali. “Il-bniedem sħiħ u l-bnedmin kollha” huma wkoll il-kriterju għall­evalwazzjoni tal-kulturi u r-reliġjonijiet. Il-Kristjaneżmu, ir-reliġjon ta’ “Alla li għandu wiċċ uman”134, għandu dan il-kriterju fih innifsu.

56. Ir-reliġjon Nisranija u reliġjonijiet oħra jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp biss jekk Alla jingħata post fl-isfera pubblika, b’referenza speċifika għad­dimensjonijiet kulturali, soċjali, ekonomika u l-aktar nett politika tagħha. Id-duttrina soċjali tal-Knisja twieldet biex titlob bi dritt “stat ta’ ċittadinanza” għar-reliġjon Nisranija135 . Iċ-ċaħda tal-jedd għall-istqarrija tar-reliġjon fil-pubbliku u tal-jedd li jinġiebu l-veritajiet tal-fidi biex ikollhom effett fuq il-ħajja pubblika tħalli konsegwenzi negattivi fuq l-iżvilupp veru. L-esklużjoni tar-reliġjon mill-ambitu pubbliku, bħalma fl-estrem l-ieħor jagħmel il­-fundamentaliżmu reliġjuż, ittellef il-laqgħa bejn il-persuni u l-kollaborazzjoni tagħhom favur il-progress tal-umanità. Il-ħajja pubblika tiftaqar fil-mottivazzjonijiet tagħha u l-politika taddotta karattru dominanti u aggressiv. Il­jeddijiet tal-bniedem jirriskjaw li jkunu injorati għax jitilfu s-sies traxxendentali tagħhom jew għax ma jkunx hemm għarfien tal-libertà personali. Is-sekulariżmu u l-fundamentaliżmu jeskludu l-possibbiltà ta’ djalogu għammiel u l-kooperazzjoni effettiva bejn ir-raġuni u t­twemmin reliġjuż. Ir-raġuni dejjem teħtieġ tissaffa bil-fidi: dan hu minnu wkoll għar-raġuni politika, li ma għandhiex tqis lilha nfisha setgħana fuq kollox. Min-naħa tagħha, ir-reliġjon dejjem teħtieġ tissaffa bir-raġuni biex turi l-wiċċ uman veru tagħha. Il-ksur ta’ dan id-djalogu jissarraf fi prezz kbir wisq għall-iżvilupp tal-bniedem.

57. Djalogu għammiel bejn il-fidi u r-raġuni ma jistax ma jagħmilx il-ħidma tal-imħabba aktar effettiva fis-soċjetà, u jwaqqaf qafas mill-aktar f’waqtu għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni fraterna bejn dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux fl-impenn li jaqsmu flimkien fil­-ħidma b’risq il-ġustizzja u l-paċi tal-familja umana. Fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, il-missirijiet tal-Konċilju stqarrew li “dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux jaqblu kważi unanimament li l-ħwejjeġ kollha tal-art għandhom ikunu ordnati lejn il-bniedem bħala lejn iċ-ċentru u l-quċċata tagħhom”136. Għal dawk li jemmnu, id-dinja la hi mnissla b’kumbinazzjoni u lanqas bi ħtieġa stretta, iżda bi pjan ta’ Alla. Dan jixħet fuq dawk li jemmnu d-dmir li jgħaqqdu l-isforzi tagħhom ma’ dawk tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, ma’ dawk li jsegwu reliġjonijiet oħra u ma’ dawk li ma jemmnux, biex did-dinja tagħna tkun tista’ twieġeb b’mod effettiv għall-pjan ta’ Alla: li ngħixu bħala familja taħt il-ħarsa tal-Ħallieq. Wirja speċjali ta’ imħabba u kriterju għall-kooperazzjoni fraterna bejn min jemmen u min ma jemminx hu bla dubju ta’ xejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà137, espressjoni tal-libertà inaljenabbli tal-bniedem. Is-sussidjarjetà hi l-ewwel u qabel xejn għamla ta’ għajnuna lill-bniedem permezz tal-awtonomija ta’ korpi intermedji. Din l-għajnuna tingħata meta xi individwi jew gruppi ma jkunux jistgħu jagħmlu xi ħaġa waħedhom, u tkun dejjem ippjanata biex biha jiksbu l-emanċipazzjoni tagħhom, għaliex hi tgħożż il-ħelsien u l-parteċipazzjoni b’responsabbiltà. Is-sussidjarjetà tirrispetta d-dinjità personali billi tagħraf fil-persuna suġġett li hu dejjem kapaċi jagħti xi ħaġa lill­-oħrajn. Bil-għarfien tar-reċiproċità bħala l-qalba ta’ dak li hu l-bniedem, is-sussidjarjetà hi l-aktar mediċina effettiva kontra kull għamla ta’ assistenzjaliżmu paternalistiku. Hija tista’ tagħti kont kemm tal-ħafna pjanijiet li jissawru, u għalhekk tal-ħafna suġġetti, u kemm tal-koordinament ta’ dawk il-pjanijiet. Għaldaqstant il-prinċipju tas­sussidjarjetà joqgħod tajjeb ħafna għall-immaniġġjar tal­globalizzazzjoni u biex iqabbadha t-triq lejn l-iżvilupp uman awtentiku. Biex ma tinħoloqx qawwa tirannika universali perikoluża, it-tmexxija tal-globalizzazzjoni għandha tkun immarkata bis-sussidjarjetà, imqassma f’diversi safef u ssieħeb magħha livelli differenti li jistgħu jaħdmu flimkien. Tabilħaqq, il-globalizzazzjoni teħtieġ awtorità, għax hi tqajjem il-problema tal-ġid komuni globali li wieħed għandu jfittex. B’danakollu din l­awtorità għandha tkun organizzata b’mod sussidjarju u

mqassam f’safef138, jekk ma rriduhiex tkażbar il-libertà u jekk irriduha tagħti riżultati tajbin.

58. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jibqa’ marbut mill-qrib mal-prinċipju tas-solidarjetà u bil-maqlub, għax tal-ewwel mingħajr it-tieni jwassal għall-privatiżmu soċjali, filwaqt li tat-tieni mingħajr l-ewwel iwassal għal għajnuna soċjali ta’ xeħta paternalistika li twaqqa’ fil-għajb lil dawk fil-bżonn. Ir-regola ġenerali għandha wkoll tittieħed b’mod wiesa’ meta wieħed jittratta kustjonijiet marbuta ma’ għajnuna għal żvilupp internazzjonali. Għajnuna bħal din, ikunu x’ikunu l-intenzjonijiet ta’ min jagħti, tista’ xi drabi tagħlaq in-nies f’qagħda ta’ dipendenza u saħansitra tiffavorixxi sitwazzjonijiet ta’ oppressjoni lokali u esplojtazzjoni fil-pajjiż li jirċeviha. L-għajnuna ekonomika, biex tibqa’ fidila lejn l-għan tagħha, ma għandux ikollha oġġettivi sekondarji. Għandha titqassam bl-involviment mhux biss tal-gvernijiet tal-pajjiżi li jirċevuha, iżda wkoll ta’ aġenti ekonomiċi lokali u n-nies tal-kultura fis-soċjetà ċivili, flimkien mal-Knejjes lokali. Il­programmi ta’ għajnuna għandhom jiksbu dejjem iżjed il-karatteristiċi tal-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni mill-għeruq. Tabilħaqq, l-egħżeż riżorsi fil-pajjiżi li jirċievu l­għajnuna għall-iżvilupp huma r-riżorsi umani: hawn jinsab il-kapital veru li jeħtieġ li jikber biex jiggarantixxi ġejjieni tabilħaqq awtonomu għall-aktar pajjiżi foqra. Għandna niftakru wkoll, li fl-isfera ekonomika, l-għamla ewlenija ta’ għajnuna li jeħtieġu l-pajjiżi fl-iżvilupp hi dik li tħalli l-prodotti tagħhom jippenetraw fis-swieq internazzjonali, biex b’hekk dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja ekonomika internazzjonali. Sikwit ħafna fl­imgħoddi, l-għajnuna serviet biss biex toħloq swieq żgħar għall-prodotti ta’ dawn il-pajjiżi. Dan ħafna drabi kien ġej minn nuqqas ġenwin ta’ domanda għal dawk il-prodotti: għalhekk hemm ħtieġa ta’ għajnuna għal dawn il-pajjiżi biex itejbu l-prodotti tagħhom u jadattawhom b’mod aktar effettiv għad-domanda kif inhi llum. Barra minn dan, hemm dawk li jibżgħu mill-kompetizzjoni li tinħoloq bl­importazzjoni tal-prodotti, li normalment ikunu prodotti tar-raba’, mill-pajjiżi foqra. B’danakollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-possibbiltà li jikkummerċjalizzaw il­prodotti tagħhom hi ħafna drabi, għal dawn il-pajjiżi, il-garanzija ta’ għajxienhom sew fiż-żmien immedjat u sew f’dak li jieħu fit-tul. Negozju internazzjonali tal-­prodotti tar-raba’ li jkun ġust u tajjeb jista’ jkun ta’ ġid għal kulħadd sew għall-produtturi u sew għall-klijenti. Għalhekk l-orjentament kummerċjali mhux biss hu meħtieġ għal produzzjoni bħal din, iżda wkoll it-twaqqif ta’ regolamenti li jwieżnu l-kummerċ internazzjonali u finanzjar aktar qawwi biex titkattar il-produttività ta’ dawn l-ekonomiji.

59. Il-kooperazzjoni b’risq l-iżvilupp ma għandhiex taħseb biss fl-ekonomija: hija toffri opportunità tajba biex jiltaqgħu l-kulturi u l-popli. Jekk is-suġġetti tal­kooperazzjoni fuq in-naħa tal-pajjiżi ekonomikament żviluppati, kif kultant jiġri, jonqsu li jagħtu kas tal-identità kulturali tagħhom jew tal-oħrajn, jew tal-valuri umani li jsawruha, huma ma jkunux jistgħu jidħlu fi djalogu bis-sens maċ-ċittadini tal-pajjiżi l-foqra. Jekk dawn tal-aħħar, min­naħa tagħhom, jinfetħu bla ebda kriterju u għażla għal kull proposta kulturali, ma jkunux jistgħu jidħlu responsabbli għall-iżvilupp awtentiku tagħhom infushom139. Soċjetajiet b’teknoloġiji avvanzati ma għandhomx iħawdu l-iżvilupp tekniku tagħhom ma’ superjorità kulturali preżunta, iżda aktar għandhom jerġgħu jikxfu fihom infushom dawk il-virtujiet sikwit minsija li bihom kellhom suċċess fl­istorja. Is-soċjetajiet li qed jevolvu għandhom jibqgħu fidili lejn dak kollu li hu tabilħaqq uman fit-tradizzjonijiet tagħhom, filwaqt li jaħarbu t-tentazzjoni li jgħabbuhom awtomatikament bil-mekkaniżmi ta’ ċiviltà teknoloġika globalizzata. Fil-kulturi kollha hemm eżempji ta’ konverġenza etika, uħud waħedhom, oħrajn marbutin flimkien, bħala espressjoni ta’ natura umana waħda, li riedha l-Ħallieq; it-tradizzjoni tal-għerf etiku kif ukoll il-liġi naturali dan jafuh140. Din il-liġi morali universali tipprovdi bażi soda għad-djalogu kollu kulturali, reliġjuż u politiku, u taċċertana li l-pluraliżmu b’ħafna wċuħ tad­diversità kulturali ma jinfiridx mit-tiftix komuni tal-verità, tat-tjieba u ta’ Alla. Għalhekk iż-żamma mal-liġi minquxa fuq qlub il-bnedmin hija l-prekundizzjoni għal kull kooperazzjoni soċjali kostruttiva. Kull kultura għandha piżijiet li minnhom trid tinħeles u dellijiet li minnhom trid toħroġ. Il-fidi Nisranija, meta tinkarna ruħha fil-kulturi u fl-istess ħin tittraxxendi minnhom, tista’ tgħinhom jikbru f’għaqda universali ta’ aħwa u solidarjetà, b’risq il-mixi ’l quddiem tal-iżvilupp globali u komunitarju.

60. Fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet għall-kriżi ekonomika attwali, l-għajnuna għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-foqra għandha titqies mezz validu biex jinħoloq il-ġid għal kulħadd. Xi program ta’ għajnuna hemm li jista’ jipprospetta kobor daqshekk sinifikanti, anki mill-aspett tal-ekonomija dinjija, daqs dak li jwieżen lill-popolazzjonijiet li għadhom fil-bidu jew fil-fażijiet bikrin tal-iżvilupp ekonomiku? Minn din il-perspettiva, in­nazzjonijiet aktar żviluppati għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex jallokaw ishma akbar mill-prodott domestiku gross tagħhom b’risq l-għajnuna għall-iżvilupp, b’hekk ikunu qed jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li ħadet fuqha l­komunità internazzjonali f’dan il-qasam. Mod wieħed kif dan jista’ jsir hu billi jirrivedu l-politika tal-assistenza soċjali li tingħata f’pajjiżhom, japplikaw il-prinċipju tas­sussidjarjetà u joħolqu sistemi ta’ assistenza integrati aħjar, bis-sehem attiv ta’ individwi privati u tas-soċjetà ċivili. B’dan il-mod, ikun tabilħaqq possibbli li jitjiebu s-servizzi soċjali u l-programmi ta’ assistenza, u fl-istess ħin ikunu salvati r­riżorsi, bl-eliminazzjoni tal-ħela u ċ-ċaħda ta’ talbiet qarrieqa għall-għajnuna, biex imbagħad dawn ikunu jistgħu jintużaw b’risq is-solidarjetà internazzjonali. Sistema ta’ solidarjetà aktar parteċipata u organika, anqas burokratika iżda mhux anqas koordinata, tkun tista’ tivvalorizza ħafna enerġiji li jinsabu reqdin, b’risq is-solidarjetà bejn il-popli.

Possibbiltà ta’ għajnuna għall-iżvilupp tista’ tkun l­applikazzjoni effettiva tal-hekk imsejħa sussidjarjetà fiskali, li tħalli liċ-ċittadini jiddeċiedu fejn għandha tmur parti mit-taxxi li jħallsu lill-Istat. Sakemm ma tinbidilx fi promozzjoni ta’ interessi speċjali, din tista’ tgħin biex tistimula għamliet ta’ solidarjetà ġejjin mill-bażi, b’benefiċċji ovvji fil-qasam tas-solidarjetà għall-iżvilupp ukoll.

61. Solidarjetà usa’ fil-livell internazzjonali tinsab b’mod speċjali fil-promozzjoni permanenti, anki f’nofs kriżi ekonomika, ta’ aċċess akbar għall-edukazzjoni, li fl-istess ħin hija prekondizzjoni essenzjali għal kooperazzjoni internazzjonali effettiva. Il-kelma “edukazzjoni” ma tfissirx biss it-tagħlim fil-klassi u t-taħriġ vokazzjonali, li t-tnejn huma fatturi importanti għall-iżvilupp, iżda tfisser formazzjoni sħiħa tal-persuna. F’dal-qasam hemm problema li trid issir enfasi fuqha: biex teduka jeħtieġ li tkun taf in-natura tal-persuna umana, li tkun taf min hu l-bniedem. Il-viżjoni relattivistika tan-natura tal-bniedem, li qiegħda taqbad l-art bil-kbir, toħloq problemi serji fl­edukazzjoni, l-aktar nett fl-edukazzjoni morali, u xxekkel it-tixrid universali tagħha. Iċ-ċediment quddiem dat-tip ta’ relattiviżmu jagħmel lil kulħadd ifqar u jkollu impatt negattiv fuq l-għajnuna lill-aktar popolazzjonijiet fil-bżonn, li għandhom nuqqas mhux biss ta’ mezzi ekonomiċi u tekniċi, iżda wkoll ta’ metodi edukattivi u riżorsi biex jgħinu lin-nies jilħqu l-potenzjal uman sħiħ tagħhom.

Eżempju tat-tifsir ta’ dil-problema jagħtihulna l-fenomenu tat-turiżmu internazzjonali141, li jista’ jkun fattur kbir fl-­iżvilupp tal-ekonomija u l-kobor kulturali, iżda jista’ wkoll isir okkażjoni ta’ esplojtazzjoni u tbaxxija morali. Il-qagħda attwali toffri opportunitajiet uniċi lill-aspett ekonomiku tal-iżvilupp, jiġifieri t-tħaddim tal-flus u l-qawmien ta’ għadd sinifikanti ta’ intrapriżi, biex jitħalltu ma’ aspetti kulturali, l-akbar fosthom l-edukazzjoni. Hekk jiġri f’ħafna każijiet, iżda f’oħrajn it-turiżmu internazzjonali jagħmel impatt negattiv fl-edukazzjoni kemm fuq it-turist kif ukoll fuq il-popolazzjoni lokali. Din tal-aħħar sikwit tkun esposta għal għamliet ta’ mġiba immorali u saħansitra perversi, bħal fil-każ tal-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess, li lilu ħafna bnedmin qed ikunu ssagrifikati anki f’età żgħira. Hi ħaġa ta’ niket ninnotaw li din l-attività sikwit isseħħ bl-appoġġ ta’ xi gvernijiet lokali, bis-skiet minn dawk fil-pajjiżi mnejn jiġu t-turisti, u bil-kompliċità ta’ ħafna operaturi tas-settur. Anki f’każijiet anqas estremi, it-turiżmu internazzjonali sikwit jimxi fuq mudelli konsumistiċi u edonistiċi, bħala ħarba mir-realtà mfassla fuq l-istil tipiku tal-pajjiżi mnejn jiġu t-turisti, u għalhekk ma twassalx għal laqgħa awtentika bejn il-persuni u l-kulturi. Għalhekk jeħtieġ li niżviluppaw tip differenti ta’ turiżmu li jkollu l-ħila jippromovi l-għarfien reċiproku, bla ma jnaqqas l-element ta’ serħan u divertiment san. Turiżmu ta’ dat-tip għandu bżonn joktor, kemm permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib mal­esperjenza miksuba mill-kooperazzjoni internazzjonali, kif ukoll bl-intrapriża b’risq l-iżvilupp.

62. Aspett ieħor ta’ żvilupp sħiħ tal-bniedem li għandna nagħtuh l-attenzjoni huwa l-fenomenu tal-emigrazzjoni. Huwa fenomenu li jolqotna minħabba l-għadd ta’ nies milqutin, il-problemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, kulturali u reliġjużi li joħloq, u t-tibdil drammatiku li ġġib fin­nazzjonijiet u l-komunità internazzjonali. Nistgħu ngħidu li ninsabu wiċċ imb wiċċ ma’ fenomenu soċjali li qed isawwar epoka. Dan jeħtieġ politika ta’ kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha li tħares ’il quddiem jekk irriduha taħdem b’effett. Din il-politika trid tibda b’kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi mnejn jiġu l-emigranti u l-pajjiżi li jaslu fihom; trid tkun imsieħba b’normi internazzjonali f’waqthom kapaċi jikkoordinaw sistemi leġiżlattivi diversi bil-għan li jkunu salvati l-ħtiġijiet u l-jeddijiet tal-emigranti individwali u l-familji tagħhom, u fl-istess ħin, dawk tal-­pajjiżi li jilqgħuhom. Ebda pajjiż illum mistenni li jsolvi l-problemi tal-emigrazzjoni waħdu. Aħna lkoll xhieda tat­toqol tat-tbatija, l-uġigħ u l-aspirazzjonijiet li jsieħbu l­mewġiet ta’ emigranti. Il-fenomenu, kif kulħadd jaf, mhux lakemm jitrażżan; iżda mhemmx dubju li l-ħaddiema barranin, minkejja d-diffikultajiet kollha marbutin mal­integrazzjoni, bil-ħidma tagħhom jagħtu kontribut siewi lill-iżvilupp tal-ekonomija tal-pajjiż li jilqagħhom, barra dak li jagħtu lill-pajjiż li jiġu minnu bil-flus li jibagħtu d-dar. Ma għandniex xi ngħidu, dawn il-ħaddiema ma jistgħux ikunu meqjusa bħala merkanzija jew sempliċement korp tax-xogħol. Għalhekk ma għandhomx ikunu ttrattati bħal kull fattur ieħor ta’ produzzjoni. Kull emigrant huwa bniedem li hu mogħni b’jeddijiet fundamentali inaljenabbli li għandhom ikunu rrispettati minn kulħadd u f’kull ċirkustanza142 .

63. Nuqqas ta’ attenzjoni lill-problemi marbutin mal-­iżvilupp jista’ ma jurix ċar ir-rabta diretta li hemm bejn il­-faqar u l-qgħad. Ħafna drabi l-faqar jiġi minn vjolazzjoni tad-dinjità ta’ xogħol il-bniedem, jew minħabba opportunitajiet limitati ta’ xogħol (permezz tal-qgħad jew nuqqas ta’ xogħol), jew “għaliex ix-xogħol u l-jeddijiet marbutin miegħu jingħataw valur baxx, l-aktar nett il-jedd ta’ paga ġusta u ta’ sigurtà personali tal-ħaddiem u l-familja tiegħu”143. Għal dir-raġuni, fl-1 ta’ Mejju 2000 fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħaddiema, il-predeċessur venerabbli tiegħi Papa Ġann-Pawl II għamel appell għal “koalizzjoni globali favur ‘xogħol xieraq’”144, b’appoġġ għall-istrateġija tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol. B’dan il-mod, ta imbuttatura morali qawwija lil dan l-oġġettiv, huwa u jarah bħala aspirazzjoni għall-familji f’kull pajjiż tad-dinja. X’nifhmu bil-kelma “xieraq” marbuta max-xogħol? Nifhmu xogħol li jesprimi d-dinjità essenzjali ta’ kull raġel u mara fil-kuntest tas-soċjetà partikulari tagħhom: xogħol li jingħażel bil-libertà, li jgħaqqad il-ħaddiema, irġiel u nisa, b’mod effettiv mal-iżvilupp tal-komunità tagħhom; xogħol li jġiegħel lill-ħaddiem ikun irrispettat u ħieles minn kull għamla ta’ diskriminazzjoni; xogħol li bih il-familji jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ ħtiġijiethom u jibagħtu lil uliedhom l-iskola, mingħajr ma l-ulied infushom ikunu mġiegħla jaħdmu; xogħol li jħalli lill-ħaddiema jorganizzaw ruħhom bil-libertà, u jsemmgħu leħinhom; xogħol li jħallu spazju biżżejjed lil dak li jkun biex jiskopri għeruqu fuq il-livell personali, familjari u spiritwali; xogħol li jiggarantixxi lil dawk li jirtiraw livell xieraq ta’ ħajja.

64. Aħna u nirriflettu fuq it-tema tax-xogħol, hi ħaġa flokha li niftakru kemm hu importanti li l-għaqdiet tal-ħaddiema, li l-Knisja dejjem inkoraġġiethom u appoġġathom, għandhom jinfetħu għall-perspettivi l-ġodda li qed jinbtu fid-dinja tax-xogħol. Huma u jwessgħu l-ħarsa tagħhom biex ma tibqax biss fuq dik il-kategorija speċjali ta’ xogħol li għaliha kienu ffurmati, l-organizzazzjonijiet tal-għaqdiet tal-ħaddiema huma msejħin jagħtu kas ta’ xi kustjonijiet ġodda li qed iqumu fis-soċjetà tagħna: għandi f’moħħi, ngħidu aħna, il-kustjonijiet kumplessi li l-istudjużi tas­soċjoloġija jiddiskrivuhom bħala konflitt bejn il-ħaddiem u l-konsumatur. Mingħajr ma jkollna napprovaw bilfors it-teżi li ċ-ċentru mexa minn fuq il-ħaddiem għal fuq il­-konsumatur, din tidher li hi art ġdida għall-unions biex jesplorawha b’mod kreattiv. Il-kuntest globali li fih isir ix­xogħol jitlob ukoll li l-għaqdiet nazzjonali tal-ħaddiema, li għandhom it-tendenza li jillimitaw ruħhom li jiddefendu l-interessi tal-membri tagħhom, għandhom idawru l­attenzjoni tagħhom ’il barra mill-għadd tal-membri tagħhom, u b’mod partikulari lejn ħaddiema f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fejn il-jeddijiet soċjali huma sikwit imkażbrin. Il-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema, li tintlaħaq ukoll permezz ta’ inizjattivi f’waqthom immirati lejn il-­pajjiżi li minnhom jiġu l-emigranti, tgħin lill-għaqdiet tal-­ħaddiema biex ikunu jistgħu juru l-mottivazzjonijiet etiċi u kulturali awtentiċi li għamluhielhom possibbli, f’kuntest differenti soċjali tax-xogħol, li jkollhom sehem deċiżiv fl-iżvilupp. It-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja jagħmel distinzjoni tajba bejn ir-rwoli rispettivi u l-funzjonijiet tal-­għaqdiet tal-ħaddiema u tal-politika. B’din id-distinzjoni l-unions ikunu jistgħu jaraw lis-soċjetà ċivili bħala l-post tajjeb għall-attività meħtieġa tagħhom li jiddefendu u jippromovu x-xogħol, l-aktar nett f’isem ħaddiema sfruttati u mhux rappreżentati, li l-qagħda prekarja tagħhom tkun ħafna drabi injorata mis-soċjetà aljenata.

65. Għalhekk il-finanzi, permezz tal-istrutturi u l-metodi operattivi mġedda li għandhom jitfasslu mill-ġdid wara l-użu ħażin tagħhom, li ġab dil-ħsara kollha fl-ekonomija reali, issa jeħtieġ li terġa’ ssir għodda għall-ħolqien aħjar tal-ġid u l-iżvilupp. Billi huma għodod, l-ekonomija u l­finanzi kollha, u mhux biss setturi, għandhom jintużaw b’mod etiku biex joħolqu kundizzjonijiet tajbin għall-­iżvilupp tal-bniedem u tal-popli. Hu tabilħaqq utli, u f’xi ċirkustanzi imperattiv, li jitniedu inizjattivi finanzjarji li fihom id-dimensjoni umanitarja tippredomina. B’danakollu, dan ma għandux idallam il-fatt li s-sistema finanzjarja kollha għandha timmira biex twieżen l-iżvilupp veru. Fuq kollox, l-intenzjoni li jsir il-ġid ma għandhiex titqies imkompatibbli mal-kapaċità effettiva tal-produzzjoni. Il-finanzieri għandhom jerġgħu jiskopru l-fundament etikament ġenwin tal-attività tagħhom, biex ma jużawx ħażin l-għodod sofistikati li jistgħu jservu biex jittradixxu lil dawk li jfaddlu. L-intenzoni tajba, it-trasparenza, u t-tiftix ta’ riżultati pożittivi huma kompatibbli u qatt ma għandhom jinfirdu minn xulxin. Jekk l-imħabba hi għarfa, tista’ ssib modi ta’ ħidma li jkunu previdenti u ġusti, bħalma turi tajjeb ħafna l-esperjenza tal-għaqdiet ta’ kreditu.

Kemm ir-regolament tas-settur finanzjarju, biex jitħares id-dgħajjef u tkun skoraġġita l-ispekulazzjoni skandaluża, u l-esperimentazzjoni b’għamliet ġodda ta’ finanża, maħsuba biex iwieżnu proġetti ta’ żvilupp, huma esperjenzi pożittivi li għandhom ikunu esplorati u inkoraġġiti aktar, filwaqt li ssir enfasi fuq ir-responsabbiltà tal-investitur. Barra minn dan, l-esperjenza tal-mikro-finanza, li għandha għeruqha fil-ħsieb u l-attività tal-umanisti ċivili – għandi f’moħħi l­aktar nett it-twelid tal-Monti di Pietà – għandha tissaħħaħ u titjieb. Dan hu meħtieġ ħafna aktar daż-żmien meta d-diffikultajiet finanzjarji jistgħu jsiru gravi f’ħafna mis­setturi vulnerabbli tal-popolazzjoni, li għandhom jitħarsu mill-periklu tal-użura u d-disperazzjoni. L-aktar membri dgħajfin tas-soċjetà għandhom jingħataw għajnuna biex jiddefendu lilhom infushom mill-użura, bħalma l-popli l­foqra għandhom jingħataw għajnuna biex jieħdu vantaġġ reali mill-mikro-kreditu, biex jiskoraġġixxu l-isfruttament li jista’ jkun hemm f’dawn iż-żewġ oqsma. Billi l-pajjiżi għonja qed ikollhom għamliet ġodda ta’ faqar, il-mikro­finanza tista’ tagħti għajnuna prattika bit-tnedija ta’ inizjattivi ġodda u l-ftuħ ta’ setturi ġodda b’risq l-elementi dgħajfin tas-soċjetà, anki fi żmien ta’ tnaqqis ekonomiku ġenerali.

66. L-interkonnessjoni globali wasslet għal qawwa politika ġdida, dik tal-konsumaturi u l-għaqdiet tagħhom. Dan hu fenomenu li wieħed irid jesplorah aktar, għax fih hemm elementi pożittivi li għandhom ikunu inkoraġġiti kif ukoll eċċessi li għandhom jinħarbu. Hi ħaġa tajba li n-nies jifhmu li x-xiri hu dejjem att morali, mhux biss ekonomiku. Għaldaqstant il-konsumatur għandu responsabbiltà soċjali speċifika, li timxi id f’id mar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriża. Il-konsumaturi għandhom ikunu edukati bla waqfien145 dwar is-sehem tagħhom ta’ kuljum, li jista’ jittieħed b’rispett lejn il-prinċipji morali bla ma titnaqqas ir-razzjonalità ekonomika intrinsika tax-xiri. Anki fil­-qasam tax-xiri, fi żmien bħal dak li għaddejjin minnu li fih is-setgħa tax-xiri tista’ tonqos u tkun meħtieġa aktar rażna fil-konsum, hu meħtieġ li ngħaddu minn toroq oħra, bħal ngħidu aħna għamliet ta’ kooperazzjoni fix-xiri, bħalma huma l-kooperattivi tal-konsum, li ilhom jaħdmu sa mis-seklu dsatax, bis-saħħa wkoll tal-inizzjattiva li ħadu l-Kattoliċi. Barra minn dan, tista’ tkun ta’ għajnuna l-promozzjoni ta’ metodi ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti minn żoni foqra tad-dinja, biex b’hekk lill­produtturi tingħatalhom garanzija ta’ qligħ xieraq. B’danakollu, hemm xi kundizzjonijiet li jridu jseħħu: is­suq għandu jkun trasparenti b’mod ġenwin; il-produtturi, barra milli jżidu l-qligħ, għandhom ukoll jingħataw formazzjoni mtejba fil-ħiliet u t-teknoloġija professjonali; u fl-aħħar nett, kummerċ ta’ dat-tip ma għandux jintmess b’ideoloġiji partiġani. Sehem aktar inċiżiv mogħti lill­konsumaturi, sakemm dawn ma jkunux milgħuba mill-għaqdiet li ma jirrappreżentawhomx tabilħaqq, hu mixtieq għall-bini ta’ demokrazija ekonomika.

67.Quddiemdinl-interdipendenzadejjemtikber,qedtinħass bil-kbir il-ħtieġa, saħansitra f’nofs reċessjoni globali, ta’ riforma tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, kif ukoll tal-istituzzjonijiet ekonomiċi u l-finanza internazzjonali, biex il-kunċett ta’ familja ta’ nazzjonijiet jinħass tabilħaqq. Wieħed ukoll iħoss il-ħtieġa urġenti li jinstabu toroq innovattivi biex iseħħ il-prinċipju tar-responsabbiltà tal­ħarsien146 u jingħata lin-nazzjonijiet foqra leħen effettiv fid-deċiżjonijiet komuni li jittieħdu. Dan jidher meħtieġ biex nilħqu ordni politiku, ġuridiku u ekonomiku li jkun jista’ jkattar u jagħti direzzjoni lill-kooperazzjoni internazzjonali b’risq l-iżvilupp tal-popli kollha fis-solidarjetà. Għat-tmexxija tal-ekonomija globali; għall-fejqan tal-ekonomiji milquta mill-kriżi preżenti u l-iżbilanċi kbar li għad jirriżultaw; biex iseħħ diżarmament sħiħ u f’waqtu, u jkunu assigurati l-ikel

u l-paċi; biex tingħata garanzija għall-ħarsien tal-ambjent u biex tkun regolata l-emigrazzjoni: għal dan kollu hemm ħtieġa urġenti ta’ awtorità politika dinjija vera, bħalma wera snin ilu l-predeċessur tiegħi, il-Beatu Ġwanni XXIII. Awtorità bħal din ikollha bżonn tkun regolata bil-liġi, biex tħares b’mod konsistenti l-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-solidarjetà, u tfittex li tistabbilixxi l-ġid komuni147, u timpenja ruħha biex iġġib żvilupp sħiħ awtentiku tal-bniedem imnebbaħ mill-valuri tal-imħabba u l-verità. Barra minn dan, awtorità bħal din ikollha bżonn li tkun magħrufa universalment u tkun mogħnija b’setgħa effettiva biex tiggaranitxxi s-sigurtà lil kulħadd, il-ħarsien tal-ġustizzja, u r-rispett tal-jeddijiet148 . Ma għandniex xi ngħidu, din irid ikollha s-setgħa li tiggarantixxi rispett lejn id-deċiżjonijiet tagħha mill-partijiet kollha, kif ukoll il-miżuri koordinati adottati fil-bosta fora internazzjonali. Jekk dan ma jseħħx, id-dritt internazzjonali, minkejja l-progressi kbar li saru f’ħafna oqsma, ikun qed jirriskja li jħalli l-bilanċ tas-setgħa tal-kbar nett jinfluwenzah. L-iżvilupp sħiħ tal-popli u l-kooperazzjoni internazzjonali jridu t-twaqqif ta’ ordni internazzjonali aħjar, immarkat bis­sussidjarjetà, għat-tmexxija tal-globalizzazzjoni149 . Huma jeħtieġu wkoll il-bini ta’ ordni soċjali li fl-aħħar inkun jaqbel mal-ordni morali, mar-rabta bejn l-isferi morali u soċjali, u mar-rabta bejn il-politika u l-isfera ekonomika u dik ċivili, kif inhuma mniżżla fil-Karta tal-Ġnus Magħquda.

 

 

IS-SITT KAPITLU

L-IŻVILUPP tal-POPLI U T-TEKNIKA

68. L-iżvilupp tal-popli hu marbut sfiq mal-iżvilupp tal-individwi. Il-persuna umana min-natura tagħha hija mdaħħla b’mod attiv fl-iżvilupp tagħha nfisha. L-iżvilupp li qed nitkellmu fuqu mhuwiex biss ir-riżultat ta’ mekkaniżmi naturali, la kif kulħadd jaf, aħna lkoll għandna l-ħila nagħmlu għażliet ħielsa u responsabbli. Lanqas ma hu dipendenti mill-kapriċċi tagħna, la lkoll nafu li aħna don u mhux xi ħaġa li tnisslet minnha nfisha. Il-ħelsien tagħna huwa msawwar b’mod profond mill-kewn tagħna, u mil-limiti tiegħu. Ħadd ma jfassal il-kuxjenza tiegħu b’mod arbitrarju, iżda aħna lkoll nibnu l­“jien” tagħna fuq is-sies ta’ “nifs” li jingħatalna. Mhux biss il-persuni l-oħrajn jinsabu ’l barra mill-kontroll tagħna, iżda kull wieħed minna jinsab ’il barra mill-kontroll tiegħu nnifsu. L-iżvilupp ta’ persuna jmur lura, jekk dak li jkun jippretendi li hu l-uniku produttur tiegħu nnifsu. B’mod analogu, l-iżvilupp tal-popli jitħassar jekk l-umanità taħseb li tista’ terġa’ toħloq lilha nfisha permezz tal-“għeġubijiet” tat-teknoloġija, bħalma l-iżvilupp ekonomiku jkun falz u perikoluż jekk joqgħod fuq l-“għeġubijiet” tal-finanzi biex imantni tkattir innaturali u konsumistiku. Quddiem prużunzjoni bħal din, għandna nsaħħu mħabbitna għal ħelsien mhux arbitrarju, iżda tabilħaqq uman bil-għarfien tat-tajjeb li hemm fih. Għal dan il-għan, il-bniedem jeħtieġ iħares lejh innifsu biex jagħraf in-normi fundamentali tal-­liġi morali li Alla kiteb fi qlubna.

69. L-isfida tal-iżvilupp illum hi marbuta mill-qrib mal-­progress teknoloġiku, mal-applikazzjonijiet tiegħu tal-­għaġeb fil-qasam tal-bijoloġija. Tajjeb li nenfasizzaw li t-­teknoloġija hija realtà umana għall-aħħar, u hi marbuta mal-awtonomija u l-ħelsien tal-bniedem. Fit-tekonoloġija aħna nfissru u nwettqu s-superjorità tal-ispirtu fuq il­-materja. “L-ispirtu tal-bniedem, ‘dejjem anqas imjassar mir­-rabta tiegħu mal-ħlejjaq, jista’ jintrefa’ aktar bil-ħeffa lejn il-qima u l-kontemplazzjoni tal-Ħallieq’”150 . It-teknoloġija tagħmilna kapaċi naħkmu fuq il-materja, innaqqsu r-riskji, innaqqsu t-taħbit, intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja. Hija twieġeb għas-sejħa ta’ xogħol il-bniedem: fit-teknika, li hi l-prodott tal-ġenju tiegħu, il-bniedem jagħraf lilu nnifsu u jsawwar l-umanità tiegħu. It-teknoloġija hi l-aspett oġġettiv ta’ għemil il-bniedem151 li l-bidu u r-raġuni tal-eżistenza tiegħu jinsabu fl-element suġġettiv: il-ħaddiem innifsu. Għalhekk it-teknoloġija qatt mhi biss teknoloġija. Hija turi l-bniedem u l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-iżvilupp, hi tfisser it-tensjoni ġewwiena li ġġagħlu jegħleb bil-mod il­-mod il-limitazzjonijiet materjali. F’dan is-sens, it-teknoloġija hija tweġiba għall-amar ta’ Alla li jaħdem u jħares l-art (ara Ġen 2:15) li hu ħallieha f’idejn il-bniedem, u għandha sservi biex issaħħaħ il-patt bejn il-bnedmin u l-ambjent, patt li għandu jirrifletti l-imħabba ħallieqa ta’ Alla.

70. L-iżvilupp teknoloġiku jista’ jrawwem l-idea li t­teknoloġija hija awto-suffiċjenti meta l-bniedem, huwa u jistaqsi lilu nnifsu biss dwar il-“kif”, ma jagħtix kas tal-­ħafna “għaliex” li jġagħluh jaġixxi. Minħabba f’hekk it­-teknoloġija tista’ tidher ambivalenti. It-teknoloġija, prodotta bis-saħħa tal-kreattività tal-bniedem bħala għodda tal-­ħelsien personali, tista’ tiftiehem bħala wirja ta’ ħelsien assolut, dak il-ħelsien li jfittex li jmur lil hinn mil-limiti tal-ħwejjeġ. Il-proċess tal-globalizzazzjoni jista’ jibdel l­ideoloġiji mat-teknoloġija152, u jħalli lil din tal-aħħar issir qawwa ideoloġika li thedded li tagħlaqna f’raġunar mhux imsejjes fuq l-esperjenza li ma jħalliniex niltaqgħu mal­kewn u l-verità. Kieku dan kellu jseħħ, ilkoll inkunu nafu, nevalwaw u nieħdu deċiżjonijiet dwar il-qagħda ta’ ħajjitna mill-għeluq ta’ kultura teknokratika, li nkunu nappartjenu għaliha strutturalment, bla ma nkunu qatt kapaċi naraw sens li ma jkunx prodott tagħna stess. Din il-viżjoni llum tant qed issaħħaħ il-mentalità tekniċistika li qed iġġib il­-verità l-istess bħall-possibbli. Iżda meta l-kriterju waħdieni tal-verità huwa l-effiċjenza u l-utilità, l-iżvilupp ikun miċħud minnufih. L-iżvilupp veru ma jikkonsistix primarjament fl-“għemil”. Il-muftieħ għall-iżvilupp huwa moħħ kapaċi jaħseb f’termini teknoloġiċi u jifhem it-tifsira umana sħiħa tal-għemejjel tal-bniedem, fil-kuntest tat-tifsira sħiħa ta’ kewn il-bniedem. Anki meta naħdmu bis-satelliti u bil­-għafis ta’ buttuni elettroniċi mill-bogħod, l-għemejjel tagħna jibqgħu dejjem umani, espressjoni tal-ħelsien responsabbili tagħna. It-teknoloġija hija attraenti ħafna għax toħroġna mil-limitazzjonijiet fiżiċi tagħna u twessgħalna x-xefaq.

Iżda l-libertà tal-bniedem hi awtentika biss meta twieġeb għas-seħer tat-teknoloġija b’deċiżjonijiet li huma l-frott ta’ responsabbiltà morali. Minn hawn il-ħtieġa urġenti tal-­formazzjoni fl-użu etikament responsabbli tat-teknoloġija. Aħna u nimxu lil hinn mis-seħer tat-teknoloġija, irridu nirkupraw it-tifsira vera tal-libertà, li mhijiex sakra bl­awtonomija totali, iżda tweġiba għal sejħet il-kewn, nibdew b’dak tagħna personali.

71. Il-ħruġ li tista’ tagħmel il-mentalità teknika mil­-limiti umanistiċi oriġinali tagħha jidher illum ċar ħafna fit-tekniċizzazzjoni kemm tal-iżvilupp kif ukoll tal-paċi. Sikwit l-iżvilupp tal-popli jitqies bħala problema ta’ inġinerija finanzjarja, ta’ ftuħ tas-swieq, ta’ tneħħija ta’ dazji, ta’ investimenti produttivi, ta’ riformi istituzzjonali, f’kelma waħda problema kollha kemm hi teknika. Dawn kollha huma importanti, iżda wieħed għandu jistaqsi għaliex l-għażliet tekniċi s’issa ħadmu biss b’mod relattiv. Ir-raġuni wieħed għandu jfittixha fil-fond. L-iżvilupp qatt mhu sa jkun iggarantit minn qawwiet ftit jew wisq awtomatiċi jew impersonali, kemm jekk ikunu dawk tas­suq kemm dawk tal-politika internazzjonali. L-iżvilupp ma jsirx mingħajr bnedmin bla qerq, mingħajr operaturi ekonomiċi u politiċi li jgħixu b’qawwa fil-kuxjenzi tagħhom is-sejħa tal-ġid komuni. Huma meħtieġa kemm it-tħejjija professjonali kif ukoll il-kuxjenza morali. Meta tgħolli rasha l-assolutizzazzjoni tat-teknika sseħħ konfużjoni bejn l-għanijiet u l-mezzi, l-imprenditur jibda jqis bħala l-uniku kriterju ta’ ħidma l-ogħla qligħ tal-­produzzjoni; il-politiku, it-tisħiħ tas-setgħa; ix-xjenzjat, ir-riżultat tal-kixfiet li jagħmel. U hekk jiġri, li sikwit, taħt ix-xbieki tar-rapporti ekonomiċi, finanzjarji jew politiċi, jibqgħu n-nuqqas ta’ ftehim, it-tbatija u l-inġustizzji; l-għarfien tekniku jikber, imma minnu jgawdu s-sidien, filwaqt li l-qagħda reali tal-popolazzjonijiet li jgħixu taħt dawn l-influssi u għad-dell tagħhom tibqa’ ma tinbidilx, mingħajr possibiltajiet veri ta’ emanċipazzjoni.

72. Anki l-paċi tista’ tirriskja li titqies prodott tekniku, riżultat ta’ ftehimiet bejn il-gvernijiet jew ta’ inizjattivi li jittieħdu bil-għan li tinkiseb għajnuna ekonomika effettiva. Hu minnu li l-bini tal-paċi jeħtieġ in-nisġa kostanti ta’ kuntatti diplomatiċi, bdil teknoloġiku u kulturali, ftehimiet fuq proġetti komuni, u ta’ strateġiji bi sħab biex titnaqqas it-theddida ta’ konflitt militari u biex jinqalgħu mill-għeruq il-kawżi ta’ terroriżmu li jeżistu. B’danakollu, jekk irridu li dawn l-isforzi jkollhom effetti dejjiema, jeħtieġ li jkunu msejsa fuq valuri bl-għeruq fil­-verità tal-ħajja umana. Jiġifieri, leħen il-popli affettwati għandhom jinstemgħu u l-qagħda tagħhom għandha tkun ikkunsidrata, jekk dak li jistennew irid ikun mifhum tajjeb. Wieħed, biex ngħidu hekk, għandu jżomm mal­isforzi anonimi ta’ ħafna individwi biex jgħaqqdu lill-popli flimkien u jiffaċilitaw l-iżvilupp fuq il-bażi tal-imħabba u l-ftehim reċiproku. Fosthom hemm ukoll Insara fidili, impenjati fil-ħidma kbira li jagħtu lill-iżvilupp u lill-paċi tifsira kollha kemm hi umana.

73. Marbuta mal-iżvilupp tekoloġiku hemm il-preżenza dejjem tikber u tixtered tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Illum saret ħaġa kważi impossibbli timmaġina ħajja ta’ familja mingħajrhom. Fit-tajjeb jew fil-ħażin, tant saru ħaġa waħda mal-ħajja llum, li jekk nemmnu li huma newtri u ma jaffettwawx lin-nies moralment naqgħu fl-assurd. Fehmiet bħal dawn li jenfasizzaw in­natura strettament teknika tal-medja, sikwit jappoġġaw is-subordinazzjoni tagħhom għall-interessi ekonomiċi bil-­għan li jiddominaw is-suq, u mhux anqas, biex jippruvaw jimponu mudelli kulturali b’aġendi ideoloġiċi u politiċi. La nafu bl-importanza fundamentali tal-medja fit-tiswir ta’ bidliet fl-attitudni lejn ir-realtà u l-persuna umana, għandna nirriflettu bir-reqqa fuq l-influwenza tagħhom, l-aktar nett fejn tidħol id-dimensjoni etika-kulturali tal-­globalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-popli fis-solidarjetà. Bl­istess mod għal dak li hu mitlub minn tmexxija etika tal­globalizzazzjoni u l-iżvilupp, is-sens u l-għan tal-medja għandhom jitfittxu f’perspettiva antropoloġika. Dan ifisser li huma jistgħu jsiru okkażjoni ta’ umanizzazzjoni mhux biss meta, bis-saħħa tal-iżvilupp teknoloġiku, huma jkattru l-possibbiltajiet li jikkomunikaw l-informazzjoni, iżda fuq kollox meta jkunu organizzati fid-dawl tal-viżjoni tal-persuna u l-ġid komuni li jirrifletti valuri tabilħaqq universali. Il-fatt li l-komunikazzjoni soċjali tkattar il­-possibbiltajiet ta’ interkonnessjoni u t-tixrid ta’ ideat, ma jfissirx li huma jippromovu l-ħelsien jew jigglobalizzaw l-iżvilupp u d-demokrazija għal kulħadd. Biex jilħqu għanijiet bħal dawn, jeħtieġu jiffokaw fuq il-promozzjoni tad-dinjità tal-persuni u l-popli, jeħtieġ li jkunu mnebbħin b’mod ċar mill-imħabba u mqegħdin għall-qadi tal-verità, tal-ġid, u tal-fraternità naturali u soprannaturali. Tant hu hekk, li l-libertà tal-bniedem hi marbuta sfiq ma’ dawn il­-valuri superjuri. Il-medja jistgħu jagħti kontribut importanti lit-tkattir tal-komunjoni tal-familja umana u tal-ethos tas­soċjetà meta jintużaw biex jippromovu l-pateċipazzjoni universali fit-tiftix komuni ta’ dak li hu ġust.

74. Qasam ewlieni u kruċjali fit-taqbida kulturali bejn l­assolutiżmu tat-teknoloġija u r-responsabbiltà morali tal-­bniedem illum huwa dak tal-bijoetika, fejn il-possibbiltà nfisha tal-iżvilupp sħiħ tal-bniedem qed issib ruħha f’periklu. F’dal-qasam delikat u kritiku, il-mistoqsija fundamentali toħroġ bil-qawwa: il-bniedem hu l-prodott tal-ħidma tiegħu stess jew jiddependi minn Alla? Il-kixfiet xjentifiċi f’dal-qasam u l-possibbiltajiet ta’ intervent teknoloġiku jidhru tant avvanzati li jġagħluna nagħżlu bejn żewġ tipi ta’ raġunament: ir-raġuni miftuħa għat­traxxendenza jew ir-raġuni magħluqa fl-immanenza. Ninsabu quddiem għażla ċara jew... jew. B’danakollu r­razzjonalità tal-użu tekniku ċċentrat fuqu nnifsu tidher ir-razzjonali għax timplika ċaħda deċiżiva tat-tifsira u l­valur. Mhux b’kumbinazzjoni li għeluq il-bieb f’wiċċ it-traxxendenza jħabbatna ma’ diffikultà: kif dak li jeżisti sar mix-xejn, kif tista’ l-kumbinazzjoni tiled l-intelliġenza?153 B’dawn il-mistoqsijiet drammatiċi quddiemhom, ir-raġuni u l-fidi jistgħu jgħinu lil xulxin. Flimkien biss jistgħu jsalvaw lill-bniedem. Miġbuda mit-teknoloġija waħedha, ir-raġuni mingħajr fidi hi kkundannata li tintilef fl­-illużjoni tas-setgħa tagħha bla tarf. Il-fidi mingħajr raġuni tirriskja li tinqata’ mill-ħajja ta’ kuljum154 .

75. Pawlu VI kien ġa għaraf u ġibed l-attenzjoni għad­dimensjoni globali tal-kustjoni soċjali155 . Warajh, aħna rridu ngħidu llum li l-kustjoni soċjali saret kustjoni antropoloġika mill-għeruq, fis-sens li hi timplika mhux biss kif il-ħajja titnissel iżda wkoll kif tkun imbagħbsa, għax il-bijo-tenokloġija qed tqegħedha dejjem aktar taħt il-kontroll tal-bniedem. Il-fertilazzjoni in vitro, it-tiftix fuq l-embrijuni, il-possibbiltà ta’ klonazzjoni u ibridi umani: dan kollu issa qed joħroġ fil-beraħ u qed ikun promoss fil-­kultura attwali diżilluża bil-kbir, li temmen li sabet irkaptu ta’ kull misteru, għax il-bidu tal-ħajja issa qiegħed f’idejna. Hawn naraw l-espressjoni l-aktar ċara tal-assolutiżmu tat-teknoloġija. F’dan it-tip ta’ kultura, il-kuxjenza hi sempliċement mistiedna tieħu nota tal-possibbiltajiet teknoloġiċi. B’danakollu ma għandniex inċekknu l­periklu tax-xenarji inkwetanti li qegħdin jheddu l-ġejjieni tagħna, jew tal-għodod qawwija li l-“kultura tal-mewt” għandha f’idejha. Flimkien mat-tixrid traġiku tal-pjaga tal-abort jista’ jkun li fil-ġejjieni jkollna ngħoddu wkoll, iżda diġà jinsab preżenti klandestinament, il-programmar sistematiku ewġenetiku tat-twelid. Fuq in-naħa l-oħra, qed timxi ’l quddiem mentalità favur l-ewtanasja, li hi daqstant ieħor asserzjoni ta’ kontroll fuq il-ħajja, li f’ċerti ċirkustanzi titqies bħala mhux ta’ min jibqa’ jgħixha. Taħt dawn ix-xenarji hemm fehmiet kulturali li jiċħdu d-dinjità tal-bniedem. Dawn il-prattiki, imbagħad, irawmu fehma materjalista u mekkaniċista ta’ ħajjet il-bniedem. Min jista’ jkejjel l-effetti negattivi ta’ din il-mentalità fuq l-iżvilupp? Kif nistgħu nistagħġbu bil-bruda li tintwera f’qagħdiet degradanti għall-bniedem, meta bruda bħal din tilħaq saħansitra l-attitudni tagħna quddiem dak li hu uman u dak li mhuwiex? Dik li tgħaġġibna hi d-determinazzjoni arbitrarja u selettiva ta’ dak li llum jistħoqqlu r-rispett. Ħwejjeġ insinifikanti jitqiesu bħala xokkanti, imbagħad inġustizzji li qatt ma smajna bħalhom jidhru li huma tollerati bħallikieku xejn. Filwaqt li l-fqar tad-dinja jissoktaw iħabbtu l-bibien tal-għonja, il-dinja għanja qed tirriskja li ma tibqax tisma’ aktar dak it-taħbit, minħabba kuxjenza li ma tistax tagħraf aktar dak li hu uman. Alla juri l-bniedem lill-bniedem; ir-raġuni u l-fidi jaħdmu id f’id biex juruna x’inhu tajjeb, jekk aħna rridu narawh; il-liġi naturali, li fiha tiddi r-Raġuni ħallieqa, turina l­-kobor tagħna, iżda turina wkoll il-miżerja sakemm ma jseħħilniex nagħrfu s-sejħa tal-verità morali.

76. Aspett wieħed tal-mentalità teknoloġika moderna huwa t-tendenza li wieħed iqis il-problemi u l-emozzjonijiet tal-ħajja ġewwiena min-naħa purament psikoloġika, sal­punt tar-riduzzjoniżmu newroloġiku. B’dan il-mod l­interjorità tal-bniedem titlef it-tifsir tagħha u bil-mod il-­mod l-għarfien tagħna tal-profondità ontoloġika ta’ ruħ il-bniedem, kif ġarrbuha l-qaddisin tintilef. Il-kustjoni tal-iżvilupp hija marbuta mill-qrib mal-għarfien tagħna ta’ ruħ il-bniedem, minn dak il-waqt li fih il-jien tagħna jibda jkun sikwit ridott għall-psike u s-saħħa tar-ruħ titħawwad ma’ qagħda emozzjonali tajba. Dawn is­simplifikazzjonijiet esagerati jinbtu minn nuqqas serju ta’ għarfien tal-ħajja spiritwali, u joskuraw il-fatt li l-iżvilupp tal-individwi u l-popli jiddependi wkoll mis-soluzzjoni ta’ problemi ta’ natura spiritwali. L-iżvilupp għandu jħaddan fih mhux biss it-tkattir materjali imma wkoll dak spiritwali, għaliex il-persuna umana hija “għaqda ta’ ġisem u ruħ”156, imwielda mill-imħabba ħallieqa ta’ Alla u ddestinata għal ħajja ta’ dejjem. Il-bniedem jiżviluppa meta jikber fl-ispirtu, meta ruħu tasal li tagħraf lilha nfisha u l-veritajiet li Alla ħawlilha fil-ġewwieni tagħha, meta jidħol fi djalogu miegħu nnifsu u mal-Ħallieq tiegħu. Meta jitbiegħed minn Alla, il-bniedem ma jħossux f’postu u ma jkunx f’siktu. L-aljenazzjoni soċjali u psikoloġika u l-ħafna mard tan-nervi li jolqot lis-soċjetajiet għonja huma attribwiti wkoll għal fatturi spiritwali. Soċjetà li tgħum fil-prosperità, żviluppata ħafna materjalment iżda li topprimi lir-ruħ, ma twassalx minnha nfisha għal żvilupp awtentiku. L-għamliet il-ġodda ta’ jasar tad-droga u n-nuqqas ta’ tama li jaqgħu fihom daqshekk nies jista’ jitfisser mhux biss b’termini soċjoloġiċi u psikoloġiċi, iżda wkoll b’termini essenzjalment spiritwali. Il-vojt li fih ir-ruħ tħoss ruħha mitluqa, minkejja l-ħafna terapiji għall­ġisem u għall-psike, iwassal għas-sofferenza. Ma jistax ikun hemm żvilupp sħiħ u ġid komuni universali jekk il­-qagħda spiritwali u morali tan-nies ma tingħatax kas, huma u jitqiesu fis-sħuħija tagħhom bħala ġisem u ruħ.

77. L-assolutiżmu tat-teknoloġija għandha t-tendenza li ma tħallix lin-nies jagħrfu dak li ma jistax jitfisser biss b’termini materjali. B’danakollu kulħadd għandu l­esperjenza tad-dimensjonijiet immaterjali u spiritwali tal-ħajja. L-għarfien mhuwiex biss att materjali, għaliex l-oġġett il-magħruf dejjem hemm moħbi fih xi ħaġa li tmur lil hinn minn dak li hu empiriku. L-għarfien kollu tagħna, anki l-aktar wieħed sempliċi, huwa dejjem miraklu żgħir, għax qatt ma jkun jista’ jitfisser b’mod sħiħ b’għodod materjali li napplikawlu. F’kull verità hemm xi ħaġa aktar milli nistennew, fl-imħabba li nirċievu dejjem hemm element li jissorprendina. Qatt ma għandna nieqfu nistagħġbu b’dawn il-ħwejjeġ. F’kull għarfien u f’kull għemil ta’ mħabba, ruħ il-bniedem tħoss xi ħaġa “aktar”, li tixbah ħafna lil xi rigal li nirċievu, jew lil xi għolja li nitilgħu fuqha. Hekk ukoll l-iżvilupp tal-individwi u l­popli jinsab fuq għolja, jekk inqisu d-dimensjoni spiritwali li trid tkun preżenti biex l-iżvilupp ikun awtentiku. Hu jeħtieġ għajnejn ġodda u qalb ġdida, kapaċi jogħlew ’il fuq minn viżjoni materjalistika ta’ ġrajjiet il-bniedem, kapaċi jilmħu fl-iżvilupp dak li jmur “lil hinn” u li t­teknoloġija ma tistax tagħtih. Minn dit-triq wieħed jista’ jsegwi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem li jieħu d-direzzjoni tiegħu mill-qawwa li tkaxkar tal-imħabba fil-verità.

 

 

GĦELUQ

78. Mingħajr Alla l-bniedem la jaf fejn sejjer u lanqas ma jifhem min hu. Quddiem il-problemi kbar li jdawru l-iżvilupp tal-popli, li kważi jġagħluna naqtgħu qalbna u nċedu, aħna nsibu l-faraġ fil-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu, li jgħallimna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5) imbagħad jagħmlilna l-qalb: “Jiena magħkom dejjem, sal­aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Quddiem ix-xogħol kbir li għandu jsir, ninsabu msaħħin bil-fidi tagħna li Alla u preżenti maġenb dawk li jingħaqdu f’ismu biex jaħdmu għall-ġustizzja. Pawlu VI fil-Populorum Progressio fakkar li l-bniedem ma jistax iġib il-progress tiegħu stess bla għajnuna, għaliex waħdu ma jistax iwaqqaf umaneżmu awtentiku. Biss jekk nifhmu li aħna msejħin, bħala individwi u bħala komunità, biex inkunu parti mill-familja ta’ Alla bħala wliedu, aħna nkunu nistgħu noħolqu viżjoni ġdida u niġimgħu enerġija ġdida għall-qadi ta’ umaneżmu sħiħ tabilħaqq. Għalhekk, l-akbar servizz għall-iżvilupp huwa umaneżmu Nisrani157 li jkebbes l-imħabba u jitlaq mill-verità, filwaqt li jilqagħhom it-tnejn bħala don ta’ Alla. Il-ftuħ lejn Alla jiftaħna għal ħutna u għal għarfien tal-ħajja bħala biċċa xogħol hienja li trid issir bi spirtu ta’ solidarjetà. Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ideoloġika ta’ Alla u ateiżmu ta’ bruda, li jinsa l-Ħallieq u jirriskja li jinsa wkoll il-valuri umani, illum hija x-xkiel ewlieni għall-­iżvilupp. Umaneżmu li jeskludi lil Alla huwa umaneżmu inuman. Umaneżmu miftuħ għall-Assolut biss jista’ jmexxina fil-promozzjoni u l-bini ta’ għamliet ta’ ħajja soċjali u ċivili – strutturi, istituzzjonijiet, kultura u ethos – bla ma jesponina għar-riskju li naqgħu fin-nasba tal-­moda tal-mument. L-għarfien tal-imħabba dejjem ħajja ta’ Alla tweżinna fil-ħidma tagħna iebsa u stimulanti b’risq il-­ġustizzja u l-iżvilupp tal-popli, fost suċċessi u fallimenti, fit-tiftix bla waqfien ta’ ordni ġust tal-affarijiet umani. L­imħabba ta’ Alla ssejħilna biex nimxu lil hinn minn dak li hu limitat u jintemm malajr, tqawwilna qalbna biex nissoktaw infittxu u naħdmu għall-ġid ta’ kulħadd, anki jekk dan ma jkunx jista’ jinkiseb minnufih u jekk dak li għandna l-ħila niksbu, maġenb l-awtoritajiet politiċi u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija, hu dejjem anqas minn dak li nixtiequ158. Alla jagħtina s-saħħa li nitqabdu u nbatu għall-imħabba tal-ġid komuni, għaliex hu kollox għalina, hu l-akbar tama tagħna.

79. L-iżvilupp jeħtieġ l-Insara b’dirgħajhom merfugħin lejn Alla fit-talb, Insara mħarrkin mill-għarfien li l-imħabba mimlija bil-verità, l-imħabba fil-verità, li minnha jiġi l-iżvilupp awtentiku, ma nipproduċuhiex aħna, iżda hi mogħtija lilna. Għal dir-raġuni, anki fi żminijiet mill-aktar diffiċli u kumplessi, barra milli nagħrfu x’inhu jsir, għandna fuq

kollox induru lejn l-imħabba ta’ Alla. L-iżvilupp jeħtieġ l­attenzjoni għall-ħajja spiritwali, konsiderazzjoni serja tal-­esperjenzi ta’ tama f’Alla, għaqda spiritwali ma’ Kristu, serħan fuq il-providenza u l-ħniena ta’ Alla, imħabba u maħfra, ċaħda tagħna nfusna, aċċettazzjoni tal-oħrajn, ġustizzja u paċi. Dan kollu huwa indispensabbli jekk il-“qlub tal-ġebel” irriduhom jinbidlu fi “qlub tal-laħam” (Eżek 36:26), filwaqt li l-ħajja fuq l-art jagħmluha “divina” u għalhekk tixraq aktar lill-bniedem. Dan kollu hu tal-­bniedem, għaliex il-bniedem huwa s-suġġett tal-eżistenza tiegħu nnifsu; u fl-istess ħin hu ta’ Alla, għaliex Alla jinsab fil-bidu u fit-tmiem ta’ dak kollu li hu tajjeb, dak kollu li jwassal għas-salvazzjoni: “sew jekk id-dinja, sew jekk il­-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla” (1 Kor 3:22-23). Ix-xenqa tan-Nisrani hi li l-familja kollha tal-bnedmin issejjaħ lil Alla “Missierna!” Fil-għaqda mal-Iben il-Waħdieni, jalla n-nies kollha jitgħallmu jitolbu lill-Missier bi kliem li Ġesù nnifsu għallimna, il-grazzja li jsebbħuh billi jgħixu fi qbil mar-rieda tiegħu, li jieħdu l­ħobż ta’ kuljum li jeħtieġu, li jifhmu u jkunu ġenerużi ma’ min hu ħati għalihom, li ma jidħlux f’tiġrib li ma jifilħuhx, u jinħelsu mid-deni (ara Mt 6:9-13).

Fi tmiem is-Sena Pawlina, nixtieq infisser dit-tama bi kliem l-Appostlu nnifsu, meħud mill-Ittra lir-Rumani: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il­-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin” (Rum 12:9-10). Jalla l-Verġni Marija, maħtura Mater Ecclesiae minn Pawlu VI u miqjuma mill-Insara bħala Speculum Iustitiae u Regina Pacis, tħarisna u tiksbilna, bl-interċessjoni tagħha tas-sema, is­saħħa, it-tama u l-hena meħtieġa biex nissoktaw naħtru lilna nfusna bil-ġenerożità għall-ħidma b’risq l-“iżvilupp tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha159 . Mogħti f’Ruma, f’San Pietru, fid-29 ta’ Ġunju, Solennità tal-Appostli Mqaddsa Pietru u Pawlu, fis-sena 2009, il­-ħames waħda tal-Pontifikat tiegħi.

 

Benedictus PP. XVI


 

 

REFERENZI

1 Ara Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio (_6 ta’ Marzu 1967), __: AAS 59 (1967), _68; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum Gaudium et Spes, 69.

2 Diskors għal Jum l-Iżvilupp (_3 ta’ Awwissu 1968): AAS 60 (1968), 6_6-6_7.

 3 Ara Ġann-Pawl II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2002: AAS 94 (_00_), 13_-140.

 4 Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum Gaudium et Spes, _6.

5 Ara Ġwanni XXIII, Ittra Enċiklika Pacem in Terris (11 ta’ April 1963): AAS 55 (1963), _68-_70.

6 Ara n. 16: loc. cit., _65.

7 Ara ibid., 8_: loc. cit., _97. 8 Ara ibid., 4_: loc. cit., _78.

9 Ibid., _0: loc. cit., _67.

10 Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum Gaudium et Spes, 36; Pawlu VI, Ittra Appostolika Octogesima Adveniens (14 ta’ Mejju 1971), 4: AAS 63 (1971), 403-404l Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus (1 ta’ Mejju 1991), 43: AAS 83 (1991), 847.

 11 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 13: loc. cit., _63-_64.

12 Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Compendium of the Social Doctrine of the Church, 76

13 Ara Benedittu XVI, Address at the Inauguration of the Fifth General Conference of the Bishops of Latin America and the Caribbean (Aparecida, 13 ta’ Mejju _007).

14 Ara n. 3-5: loc. cit., _58-_60. 15 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 6-7: AAS 80 (1988), 517-519. 16 Ara Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 14: loc. cit., _64.

17 Ara Benefittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est (_5 ta’ Diċembru _005),

18: AAS 98 (_006), _3_. 18 Ibid., 6: loc. cit., ___.

19 Ara Benedittu XVI, Christmas Address to the Roman Curia, __ ta’ Diċembru _005

20 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollocitudo Rei Socialis, 3: loc. cit., 515.

21 Ara ibid., 1: loc. cit., 513-514.

22 Ara ibid., 3: loc. cit., 515.

23 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Laborem Exercens (14 ta’ Settembru 1981),

3: AAS (1981), 583-584.

24 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 3: loc. cit., 794-796.

25 Ara Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 3: loc. cit., _58.

26 Ara ibid., 34: loc. cit., _74.

27 Ara n. 8-9: AAS 60 (1968), 485-487; Benedittu XVI, Address to the participants at the International Congress promoted by the Pontifical Lateran University on the fortieth anniversary of Paul VI’s Encyclical “Humanae Vitae”, 10 ta’ Mejju _008.

28 Ara Ittra Enċiklika Evangelium Vitae (_5 ta’ Marzu 1995), 93: AAS 87 (1995), 507-508.

29 Ibid., 101: loc. cit., 516-518.

30 N. 29: AAS 68 (1976), 25.

31 Ibid., 31: loc. cit., 26

32 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 41: loc. cit., 570-572.

33 Ara ibid.; Id., Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 5, 54: loc. cit., 799, 859-860.

34 N. 15: loc. cit., 265.

35 Ara ibid., 2: loc. cit., 258; Iljun XIII, Ittra Enċiklika Rerum Novarum (15 ta’ Mejju 1891): Leonis XIII P.M. Acta, XI, Romae 1892, 97-144; Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 8: loc. cit., 519-520; Id., Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 5: loc. cit., 799.

36 Ara Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 2, 13: loc. cit., 258, 263-264.

37 Ibid., 42: loc. cit., 278.

38 Ibid., 11: loc. cit., 262; ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 25: l. c., 822-824.

39 Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 15: loc. cit., 265.

40 Ibid., 3: loc. cit., 258.

41 Ibid., 6: loc. cit., 260.

42 Ibid., 14: loc. cit., 264.

43 Ibid.; ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 53-62: loc. cit., 859-867; Id., Ittra Enċiklika Redemptor Hominis (4 ta’ Marzu 1979), 13-14: AAS 71 (1979), 282-286.

44 Ara Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 12: loc. cit., 262-263.

45 Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum Gaudium et Spes, 22.

46 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 13: loc. cit., 263-264.

47 Ara Benedittu XVI, Address to the Participants in the Fourth National Congress of the Church in Italy, Verona, 19 ta’ Ottubru 2006.

48 Ara Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 16: loc. cit., 265.

49 Ibid.

50 Benedittu XVI, Address to young people at Barangaroo, Sydney, 17 ta’ Lulju 2008.

51 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 20: loc. cit., 267.

52 Ibid., 66: loc. cit., 289-290.

53 Ibid., 21: loc. cit., 267-268.

54 Ara n. 3.29.32: loc. cit., 258.272.273.

55 Ara Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 28: loc. cit., 548-550.

56 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 9: loc. cit., 261-262

57 Ara Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 20: loc. cit., 536-537.

58 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 22-29: loc. cit., 819-830 59 Ara n. 23, 33: loc. cit., 268-269, 273-274.

60 Ara loc. cit., 135.

61 Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum Gaudium et Spes, 63.

62 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 24: loc. cit., 821-822.

63 Ara Id., Ittra Enċiklika Veritatis Splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 33, 46, 51: AAS 85 (1993), 1160, 1161-1171, 1174-1174; Id., Address to the Assembly of the United Nations, 5 ta’ Ottubru 1995, 3.

64 Ara Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 47: loc. cit., 280-281; Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 42: loc. cit., 572-574.

65 Ara Benedittu XVI, Message for the 2007 World Food Day: AAS 99 (2007), 933-935.

66 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Evangelium Vitae, 18, 59, 63-64: loc. cit., 419-421, 467-468, 472-475.

67 Ara Benedittu XVI, Message for the 2007 World Day of Peace, 5.

68 Ara Ġann-Pawl II, Message for tbe 2002 World Day of Peace , 4-7, 12-15: AAS 94 (2002), 134-136, 138-140; Id., Message for tbe 2004 World Day of Peace, 8: AAS 96 (2004), 119; Id., Message for tbe 2005 World Day of Peace, 4: AAS 97 (2005), 177-178; Benedittu XVI, Message for tbe 2006 World Day of Peace, 9-10: AAS 98 (2006), 60-61; Id., Message for tbe 2007 World Day of Peace, 5, 14: loc. cit., 778, 782-783.

69 Ara Ġann-Pawl II, Message for the 2002 World Day of Peace 6: loc. cit., 135; Benedittu XVI, Message for the 2006 World Day of Peace, 9-10: loc. cit., 60-61.

70 Ara Benedittu XVI, Homily at Mass, Islinger Feld, Regensburg, 12 ta’ Settembru 2006.

71 Ara Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est, 1: loc. cit., 217-218.

72 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 28 loc. cit., 548-550.

73 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 19: loc. cit., 266-267.

74 Ibid., 39: loc. cit., 276-277.

75 Ibid., 75: loc. cit., 293-294.

76 Ara Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est, 28: loc. cit., 238-240.

77 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 59: loc. cit., 864.

78 Ara Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 40, 85: loc. cit., 277, 298-299.

79 Ibid., 13: loc. cit., 263-264.

80 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Fides et Ratio (14 September 1998) 85: AAS 91 (1999), 72-73.

81 Ara ibid., 83: loc. cit., 70-71.

82 Benedittu XVI, Address at the University of Regensburg, 12 ta’ Settembru 2006.

83 Ara Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 33: loc. cit., 273-274.

84 Ara Ġann-Pawl II, Message for the 2000 World Day of Peace, 15: AAS 92 (2000), 366.

85 Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 407 ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 25: loc. cit., 822-824.

86 Ara n. 17: AAS 99 (2007), 1000.

87 Ara ibid., 23: loc. cit., 1004-1005.

88 Santu Wistin ifisser dan it-tagħlim fid-dettall fid-djalogu tiegħu fuq ir-rieda ħielsa (De libero arbitrio, II, 3, 8seg.). Huwa jindika l-eżistenza ta’ “sens intern” fir-ruħ tal-bniedem. Das-sens jikkonsisti f’att li jseħħ ’il barra mill-funzjonijiet normali tar-raġuni, att li mhuwiex riżultat tar-riflessjoni, iżda hu kważi istintiv, li permezz tiegħu r-raġuni, hija u tifhem in-natura tagħha fallibbli u tintemm, tammetti l-eżistenza ta’ xi ħaġa eternal, ogħla minna nfisha, xi ħaġa assolutament vera u ċerta. L-isem li Santu Wistin jagħti lil din il-verità ġewwiena kultant hu Alla (L-Istqarrijiet X, 24, 35; XII, 25, 35; De libero arbitrio II, 3, 8), aktar ta’ sikwit minn dan l-isem ta’ Kristu (De magistro 11:38; L-Istqarrijiet VII, 18, 24; XI, 2, 4).

89 Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Deus Caritas Est, 3: loc. cit., 219.

90 Ara n. 49: loc. cit., 281.

91 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 28: loc. cit., 827-828.

92 Ara n. 35: loc. cit., 836-838. Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 38: loc. cit., 565­-566.

94 N. 44: loc. cit., 279.

95 Ara ibid., 24: loc. cit., 269.

 96 Ara Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 36: loc. cit., 838-840.

97 Ara Pawlu VI, Ittra Enċikilka Populorum Progressio, 24: loc. cit., 269.

98 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 32: loc. cit., 832-833; Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 25: loc. cit., 269-270.

 99 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Laborem Exercens, 24: loc. cit., 637-638.

 100 Ibid., 15: loc. cit., 616-618.

101 Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 27: loc. cit., 271.

102 Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni fuq il-Ħelsien u l-Liberazzjoni Nisranija Libertatis Conscientia (22 ta’ Marzu 1987), 74: AAS 79 (1987), 587.

103 Ara Ġann-Pawl II, Intervista ppubblikata fil-gazzetta Kattolika ta’ kuljum La Croix, 20 ta’ Awwissu 1997.

104 Ġann-Pawl II, Address to the Pontifical Academy of Social Sciences, 27 ta’ April 2001.

105 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 17: loc. cit., 265-266.

106 Ara Ġann-Pawl II, Message for the 2003 World Day of Peace, 5: AAS 95 (2003), 343.

107 Ara ibid.

108 Ara Benedittu XVI, Message for the 2007 World Day of Peace, 13: loc. cit., 781-782.

109 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 65: loc. cit., 289.

110 Ara ibid., 36-37: loc. cit., 275-276.

111 Ara ibid., 37: loc. cit., 275-276.

112 Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-Appostolat tal-Lajċi Apostolicam Actuositatem, 11.

113 Ara Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 14: loc. cit., 264; Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 32: loc. cit., 832-833.

114 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 77: loc. cit., 295.

115 Ġann-Pawl II, Message for the 1990 World Day of Peace, 6: AAS 82 (1990), 150.

116 Heraclitu ta’ Efesu (Efesu, ċ. 535 B.C. -ċ. 475 B.C.), Framment 22B124, in f’Diels u W. Kranz, Die Fragmente der Vorsokratiker, Weidmann, Berlin, 1952, 6 ed.

117 Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Compendium of the Social Doctrine of the Church, 451-487.

118 Ara Ġann-Pawl II, Message for the 1990 World Day of Peace, 10: loc. cit., 152-153.

119 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 65: loc. cit., 289.

120 Benedittu XVI, Message for the 2008 World Day of Peace, 7: AAS 100 (2008), 41.

121 Ara Benedittu XVI, Address to the General Assembly of the United Nations Organization, New York, 18 ta’ April 2008.

122 Ara Ġann-Pawl II, Message for the 1990 World Day of Peace, 13: loc. cit., 154-155.

123 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 36: loc. cit., 838-840.

124 Ibid., 38: loc. cit., 840-841; Benedittu XVI, Message for the 2007 World Day of Peace, 8: loc. cit., 779.

125 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 41: loc. cit., 843-845. 126 Ara ibid.

127 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Evangelium Vitae, 20: loc. cit., 422-424.

128 Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 85: loc. cit., 298-299.

129 Ara Ġann-Pawl II, Message for the 1998 World Day of Peace, 3: AAS 90 (1998), 150; Address to the Members of the Vatican Foundation “Centesimus Annus – Pro Pontifice”, 9 ta’ Mejju 1998, 2; Address to the Civil Authorities and Diplomatic Corps of Austria, 20 ta’ Ġunju 1998, 8; Message to the Catholic University of the Sacred Heart, 5 ta’ Mejju 2000, 6.

130 Skont San Tumas “ratio partis contrariatur rationi personae”, In III Sent., d. 5, q. 3, a. 2; ukoll “Homo non ordinatur ad communitatem politicam secundum se totum et secundum omnia sua”, Summa Theologiae I-II, q. 21, a. 4, ad 3.

131 Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dogmatika fuq il-Knisja Lumen Gentium, 2.

132 Ara Ġann-Pawl II, Address to the Sixth Public Session of the Pontifical Academies of Theology and of Saint Thomas Aquinas, 8 ta’ Novembru 2001, 3.

133 Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni fuq l-Uniċità u l-Universalità Salvifika ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja Dominus Iesus (6 ta’ Awwissu 2000), 22: AAS 92 (2000), 763-764; Id., Doctrinal Note on some questions regarding the participation of Catholics in political life (24 ta’ Novembru 2002), 8: AAS 96 (2004), 369-370.

134 Benedittu XVI Ittra Enċiklika Spe Salvi 31: loc. cit., 1010; Address to the Participants in the Fourth National Congress of the Church in Italy, Verona, 19 ta’ Ottubru 2006.

135 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus, 5: loc. cit., 798-800; Benedittu XVI, Address to the Participants in the Fourth National Congress of the Church in Italy, Verona, 19 ta’ Ottubru 2006.

136 N. 12.

137 Ara Piju XI, Ittra Enċiklika Quadragesimo Anno (15 ta’ Mejju 1931): AAS 23 (1931), 203; Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus 48: loc. cit., 852­854; Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1883.

138 Ara Ġwanni XXIII, Ittra Enċiklika Pacem in Terris, loc. cit., 274.

139 Ara Pawlu VI, Enċiklika Populorum Progressio, 10,41: loc. cit., 262, 277/8.

 140 Ara Benedittu XVI, Address to Members of the International Theological Commission, 5 ta’ Ottubru 2007; Address to the Participants in the International Congress on Natural Moral Law, 12 ta’ Frar 2007.

141 Ara Benedittu XVI, Address to the Bishops of Thailand on their “Ad Limina” Visit, 16 ta’ Mejju 2008.

142 Ara Kunsill Pontifiċju għall-Kura Pastorali tal-Emigranti u n-Nies Itineranti, Istruzzjoni Erga Migrantes Caritas Christi (3 ta’ Mejju 2004): AAS 96 (2004), 762-822.

143 Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Laborem Exercens, 8 loc. cit., 594-598.

144 Ġublew tal-Ħaddiema, Greeting after Mass, 1 ta’ Mejju 2000.

145 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Centesimus Annus,36: loc. cit., 838-840.

146 Ara Benedittu XVI, Address to the Members of the General Assembly of the United Nations Organization, New York, 18 ta’ April 2008.

147 Ara Ġwanni XXIII, Ittra Enċiklika Pacem in Terris, loc. cit., 293; Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Compendium of the Social Doctrine of the Church, 441.

148 Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum, Gaudium et Spes, 82.

149 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Sollicitudo Rei Socialis, 43: loc. cit., 574-575.

150 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 41: loc. cit., 277-278; ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żmien tal-lum Gaudium et Spes, 57.

151 Ara Ġann-Pawl II, Ittra Enċiklika Laborem Exercens, 5: loc. cit., 586-589.

152 Ara Pawlu VI, Ittra Appostolika Octogesima Adveniens, 29: loc. cit., 420.

153 Ara Benedittu XVI, Address to the Participants in the Fourth National Congress of the Church in Italy, Verona, 19 ta’ Ottubru 2006; Id., Homily at Mass, Islinger Feld, Regensburg, 12 ta’ Settembru 2006.

154 Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Instruction on certain bioethical questions Dignitas Personae (8 ta’ Settembru 2008): AAS 100 (2008), 858-887.

155 Ara Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 3: loc. cit., 258.

156 Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fiż-Żmien tal-lum, Gaudium et Spes, 14.

157 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 41: loc. cit. 278

158 Ara Beneditu XVI, Ittra Enċiklika Spe Salvi, 35: loc. cit., 1013-1014.

159 Pawlu VI, Ittra Enċiklika Populorum Progressio, 42: loc. cit. 278.