Laikos

 

BENEDITTU XVI

ANGELUS

 

Pjazza San Pietru

It-Tieni Ħadd ta’ l-Avvent, 9 ta’ Diċembru 2012

 

Għeżież ħuti,

 

Fi Żmien l-Avvent il-liturġija tqegħidilna quddiemna bi prominenza, b’mod partikulari, żewġ figuri li jħejjuna għall-miġja tal-Messija: il-Verġni Marija u Ġwanni l-Battista.  Il-lum San Luqa jippreżentalna lil dan ta’ l-aħħar, u dan jagħmlu b’karatteristiċi differenti minn dawk ta’ l-Evanġelisti l-oħra.  “L-erba’ Vanġeli jpoġġu l-figura ta’ Ġwanni l-Battista fil-bidu ta’ l-attività ta’ Ġesù u jippreżentawh bħala l-prekursur tiegħu.  San Luqa poġġa iżjed kmieni r-rabta bejn iż-żewġ figuri u l-missjonijiet rispettivi tagħhom…  Diġà fit-tnissil u fit-twelid, Ġesù u Ġwanni huma ppreżentati f’relazzjoni ma’ xulxin” (L-infanzja ta’ Ġesù, 23).  Din l-impostazzjoni tgħinna nifhmu kif Ġwanni, bħala bin Żakkarija u Eliżabetta, it-tnejn minn familji saċerdotali, mhux biss hu l-aħħar wieħed mill-profeti, imma jirrappreżenta wkoll is-saċerdozju kollu tal-Patt il-Qadim u għalhekk iħejji l-bnedmin għall-kult spiritwali tal-Patt il-Ġdid, inawgurat minn Ġesù (ara ibid., 27-28).  Barra minn hekk, Luqa jikxef il-falzità ta’ kull letteratura mitika li spiss tinkiteb dwar il-Vanġeli u jambjenta storikament il-ħajja tal-Battista, billi jikteb: “Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernaturfiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa” (Lq 3:1-2).

 

Ġo dan il-kwadru storiku nsibu mqiegħda l-ġrajja tabilħaqq kbira, it-twelid ta’ Kristu, li lanqas in-nies ta’ żmienu ma nnutawh.  Għal Alla, il-figuri ‘kbar’ ta’ l-istorja jservu ta’ kwadru għaċ-ċkejknin!

 

Ġwanni l-Battista jsejjaħ lilu nnifsu “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Hejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Lq 3:4).  Il-leħen ixandar il-kelma, imma f’dan il-każ il-Kelma ta’ Alla tiġi qabel, għax hi stess li tinżel fuq Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert (Lq 3:2).  Għalhekk hu għandu rwol tassew kbir, imma dejjem f’rabta ma’ Kristu.  Jikkummenta Santu Wistin: “Ġwanni ma kienx ħlief leħen, iżda l-Mulej “fil-bidu kien il-Verb” (Ġw 1:1), il-Kelma.  Ġwanni kien il-leħen għal ftit taż-żmien.  Kristu l-Kelma li kienet ġa eterna fil-bidu.  Jekk tneħħi l-kelma, x’jibqa’ mil-leħen?  Fejn m’hemmx il-ħidma tad-dehen, għalxejn jagħmlu l-ħoss ix-xufftejn.  Il-leħen mingħajr il-kliem jolqot il-widna, iżda ma jerfax il-qalb” (Diskors 293, 3: PL 38, 1328).  Xogħolna l-lum hu li nisimgħu dak il-leħen biex nagħtu spazju u nilqgħu f’qalbna lil Ġesù, il-Kelma li ssalvana.  F’dan iż-Żmien ta’ l-Avvent, nitħejjew biex naraw, bl-għajnejn tal-fidi, fl-Għar ċkejken ta’ Betlehem, is-salvazzjoni ta’ Alla (ara Lq 3:6).  Fis-soċjetà konsumerista tagħna, fejn aħna ttentati nfittxu l-ferħ fil-ħwejjeġ tad-dinja, il-Battista jgħallimna ngħixu biss b’dak li hu essenzjali, biex il-Milied ngħixuh mhux biss bħala festa esterjuri, imma bħala l-festa ta’ l-Iben ta’ Alla li ġie biex iwassal il-paċi, il-ħajja u l-hena veru lill-bnedmin.

 

F’idejn l-interċessjoni materna ta’ Marija, il-Verġni ta’ l-Avvent, nafdaw il-mixja tagħna lejn il-Mulej li ġej, biex inkunu lesti nilqgħu, f’qalbna u f’ħajjitna kollha, lill-Għimmanu-El, Alla-magħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard