L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Anglicanorum Cœtibus tal-Papa Benedittu XVI

 

 

 

 

BENEDITTU XVI

 

Kostituzzjoni Appostolika

Anglicanorum Cœtibus

li tipprovdi għal Ordinarjati Personali

għall-Anglikani li deħlin f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika

 

 

Fiż-żminijiet riċenti l-Ispirtu s-Santu qanqal gruppi ta’ Anglikani sabiex jitolbu għal aktar minn darba u b’insistenza li jkunu milqugħa f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika, kemm individwalment u kemm korporalment.  Is-Sede Appostolika qiegħda twieġeb b’mod favorevoli għal dawn is-sejħat.  Is-suċċessur ta’ Pietru, li kien mogħti s-setgħa mill-Mulej Ġesù biex jiggarantixxi l-unità tal-episkopat, u li jippresiedi fuq u jħares il-komunjoni universali tal-Knejjes kollha,1 ma setax jibqa’ lura milli jagħmilha possibbli li jkun hemm il-mezzi meħtieġa sabiex din ix-xewqa qaddisa tidħol fis-seħħ.

 

Il-Knisja, il-poplu miġbur fl-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu,2 kienet imwaqqfa mill-Mulej Ġesù Kristu bħala “sagrament – sinjal u strument f’komunjoni ma’ Alla u f’għaqda mal-popli”.3  Kull firda fost l-imgħammdin fi Kristu tiftaħ ġerħa f’dak li l-Knisja hi u li għalih teżisti; fil-fatt, “firda bħal din tikkontradixxi fil-beraħ ir-rieda ta’ Kristu, tiskandalizza lid-dinja u tagħmel ħsara lil dik il-kawża mill-iktar qaddisa, il-predikazzjoni tal-Vanġelu lil kull ħlejqa”.4  Sewwa sew għal din ir-raġuni, qabel ma xerred demmu għas-salvazzjoni tad-dinja, il-Mulej Ġesù talab għall-għaqda fost id-dixxipli tiegħu.5

 

Huwa l-Ispirtu s-Santu, il-prinċipju tal-għaqda, li jistabbilixxi l-Knisja bħala komunjoni.6  Huwa l-prinċipju tal-għaqda tal-fidili fit-tagħlim tal-Appostli, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.7  Il-Knisja, mela, f’xebh mal-misteru tal-Kelma Inkarnata, mhijiex biss komunjoni spiritwali inviżibbli, imma wkoll viżibbli;8 fil-fatt “is-soċjetà strutturata b’organi ġerarkiċi u l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, is-soċjetà viżibbli u l-komunità spiritwali, il-Knisja tal-art u l-Knisja mżejna b’għana tas-Sema, m’għandhomx jitqiesu bħala żewġ realtajiet diversi.  Għall-kuntrarju huma jiffurmaw realtà kumplessa waħda, iffurmata minn element li jinqasam fi tnejn: uman u divin”.9  Il-komunjoni tal-imgħammdin fit-tagħlim tal-Appostli u fil-qsim tal-ħobż Ewkaristiku hi viżibbilment immanifestata fir-rabtiet tal-istqarrija tal-fidi fil-qofol kollu tagħha, fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti kollha mwaqqfin minn Kristu, u fit-tmexxija tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet magħquda mar-ras tagħhom, il-Papa ta’ Ruma.10

 

Din il-Knisja waħdanija ta’ Kristu, li aħna nistqarruha fil-Kredu bħala waħda, qaddisa, Kattolika u Appostolika, “tissussisti fil-Knisja Kattolika, li hija mmexxija mis-suċċessur ta’ Pietru u mill-isqfijiet f’għaqda waħda miegħu.  Madankollu diversi elementi ta’ tqaddis u ta’ verità jinstabu l barra mill-konfini viżibbli tagħha.  Ladarba dawn huma doni li jappartienu b’mod propju lill-Knisja ta’ Kristu, dawn huma forzi li jwasslu għall-għaqda Kattolika”.11

 

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ekkleżjoloġiċi, din il-kostituzzjoni appostolika tipprovdi l-istruttura ġenerali normattiva sabiex tirregola l-istituzzjoni u l-ħajja ta’ Ordinarjati Personali għal dawk il-fidili Anglikani li jixtiequ jidħlu fl-għaqda sħiħa tal-Knisja Kattolika f’manjiera korporja.  Din il-kostituzzjoni tasal għall-milja tagħha permezz ta’ Normi Kumplimentari maħruġa mis-Sede Appostolika.

 

I. 1. Ordinarjati Personali għall-Anglikani li jidħlu f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika jitwaqqfu mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi fi ħdan il-konfini ta’ territorji limitati ta’ Konferenza tal-Isqfijiet partikulari, f’konsultazzjoni ma’ dik l-istess Konferenza.

 

2. Fi ħdan it-territorju ta’ Konferenza tal-Isqfijiet partikulari, Ordinarjat wieħed jew aktar jistgħu jitwaqqfu skond il-ħtieġa.

 

3. Kull Ordinarjat għandu personalità ġuridika pubblika bil-liġi nfisha (ipso iure); mela jkun ġuridikament komparabbli għal djoċesi.12

 

4. L-Ordinarjat ikun magħmul minn fidili lajċi, kjeriċi u membri ta’ Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, li oriġinarjament kienu jappartienu lill-Komunjoni Anglikana u li issa jinsabu f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika, jew dawk li jirċievu s-Sagramenti tal-Bidu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Ordinarjat.

 

5. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika huwa l-espressjoni awtorevoli tal-fidi Kattolika mistqarra minn membri tal-Ordinarjat.

 

II. L-Ordinarjat Personali huwa mmexxi skond in-normi tal-liġi universali u l-Kostituzzjoni Appostolika preżenti, u huwa suġġett għall-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u d-Dikasteri l-oħra tal-Kurja Rumana fi qbil mal-kompetenzi tagħhom.  Huwa wkoll immexxi min-Normi Kumplimentari kif ukoll minn kull normi speċifiċi oħra mogħtija għal kull Ordinarjat.

 

III. Mingħajr l-esklużjoni taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi skond ir-Rit Ruman, l-Ordinarjat għandu l-fakultà li jiċċelebra l-Ewkaristija mqaddsa u s-sagramenti l-oħra, il-Liturġija tas-Sigħat u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra skond il-kotba liturġiċi propji għat-tradizzjoni Anglikana, u li ġew approvati mis-Santa Sede, sabiex jinżammu t-tradizzjonijiet liturġiċi, spiritwali u pastorali tal-Komunjoni Anglikana fi ħdan il-Knisja Kattolika, bħala don prezzjuż li jgħajjex il-fidi tal-membri tal-Ordinarjat u bħala teżor maqsum.

 

IV. Ordinarjat Personali huwa fdat f’idejn il-kura pastorali ta’ Ordinarju magħżul mill-Papa ta’ Ruma.

 

V. Is-setgħa (potestas) ta’ Ordinarju hija:

 

a. ordinarja: marbuta bil-liġi nfisha mal-uffiċċju fdat lilu mill-Papa ta’ Ruma, kemm għall-forum intern u kemm għal dak estern;

b. vigarju: eżerċitat f’isem il-Papa ta’ Ruma;

ċ. personali: eżerċitat fuq dawk kollha li jappartienu lill-Ordinarjat.

 

Din is-setgħa għandha tkun eżerċitata f’għaqda waħda ma’ dik tal-Isqof djoċesan lokali, f’dawk il-każi pprovduti min-Normi Kumplimentari.

 

VI. 1. Dawk li kienu jamministraw bħala djakni, saċerdoti u isqfijiet Anglikani, jew li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi kanonika13 u li mhumiex miżmuma minn irregularitajiet jew impedimenti oħra,14 jistgħu jiġu milqugħa mill-Ordinarju bħala kandidati għall-Ordni Sagri fil-Knisja Kattolika.  Fil-każ tal-ministri miżżewġa, in-normi stabbiliti mill-Enċiklika Sacerdotalis cœlibatus tal-Papa Pawlu VI, nru 42,15 u fl-Istqarrija In June,16 għandhom ikunu osservati.  Ministri mhux miżżewġa għandhom joqogħdu għan-norma taċ-ċelibat klerikali tal-Codex Iuris Canonici, kan. 277, §1.

 

2. L-Ordinarju, f’osservanza sħiħa tad-dixxiplina taċ-ċelibat klerikali fil-Knisja Latina, bħala regola (pro regula) għandu jaċċetta biss irġiel ċelibi għall-ordni tal-presbiterat.  Huwa jista’ jitlob ukoll lill-Papa, bħala deroga mill-kan. 277, §1, għall-ammissjoni ta’ rġiel miżżewġa għall-ordni tal-presbiterat fuq il-bażi ta’ kull każ għalih, skond il-kriterji oġġettivi approvati mis-Santa Sede.

 

3. Inkardinazzjoni tal-kjeriċi għandha tkun irregolata skond in-normi tal-liġi kanonika.

 

4. Saċerdoti inkardinati f’Ordinarjat, li jikkostitwixxu l-presbiterat ta’ Ordinarjat, għandhom jikkultivaw rabtiet ta’ għaqda mal-presbiterat tad-djoċesi fejn ikunu jaqdu.  Għandhom jippromovu inizjattivi pastorali u karitatevoli komuni li jistgħu jkunu oġġett ta’ qbil bejn l-Ordinarju u l-Isqof djoċesan lokali.

 

5. Kandidati għall-Ordni Sagri f’Ordinarjat għandhom ikunu mħejjija flimkien mas-seminaristi l-oħra, speċjalment fl-oqsma tal-formazzjoni pastorali u duttrinali.  Sabiex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet partikulari tas-seminaristi tal-Ordinarjat u l-formazzjoni fil-patrimonju Anglikan, l-Ordinarju jista’ wkoll iwaqqaf programmi ta’ seminarji jew djar ta’ formazzjoni li jkunu jistgħu jirrelataw ma’ fakultajiet Kattoliċi ta’ Teoloġija li jkunu diġà jeżistu.

 

VII. L-Ordinarju, bl-approvazzjoni tas-Santa Sede, jista’ jwaqqaf Istituti ġodda ta’ Ħajja Kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, bid-dritt li jsejjaħ lill-membri tagħhom għall-Ordni Sagri skond in-normi tal-liġi kanonika.  Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata li joriġinaw fil-Komunjoni Anglikana u jidħlu f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika, bi qbil, jistgħu jitqiegħdu wkoll taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

 

VIII. 1. L-Ordinarju, skond in-norma tal-liġi, wara li jkun sema’ l-opinjoni tal-Isqof djoċesan tal-post, jista’ jwaqqaf, bil-qbil tas-Santa Sede, parroċċi personali għall-fidili li jappartienu għall-Ordinarjat.

 

2. Ragħajja tal-Ordinarjat igawdu d-drittijiet kollha u huma miżmuma mill-obbligi kollha stabbiliti mill-Kodiċi tal-Liġi Kanonika u, f’każi stabbiliti min-Normi Kumplimentari, drittijiet u obbligi bħal dawn jistgħu jkunu eżerċitati f’assistenza pastorali reċiproka flimkien mar-ragħajja tad-djoċesi lokali fejn il-parroċċa personali tal-Ordinarjat tkun twaqqfet.

 

IX. Kemm il-fidili lajċi u kemm il-membri taIstituzzjonijiet tal-Ħajja Kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, li kienu darba jagħmlu parti mill-Komunjoni Anglikana, li jkunu jridu jidħlu fl-Ordinarjat Personali, jistgħu juru xewqithom permezz tal-kitba.

 

X. 1. L-Ordinarju huwa megħjun fit-tmexxija tiegħu minn Kunsill Governanti bl-istatuti tiegħu approvati mill-Ordinarju u kkonfermati mis-Santa Sede.17

 

2. Il-Kunsill Governanti, ippresedut mill-Ordinarju, huwa magħmul minn ta l-inqas sitt saċerdoti.  Hu jkollu l-funzjoni tiegħu speċifikata fil-Kodiċi tal-Liġi Kanonika għall-Kunsill Presbiterali u l-Kulleġġ tal-Konsulturi, kif ukoll f’dawk l-oqsma speċifikati fin-Normi Kumplimentari.

 

3. L-Ordinarju għandu jistabbilixxi Kunsill Finanzjarju skond in-normi stabbiliti mill-Kodiċi tal-Liġi Kanonika li jeżerċita d-dmirijiet speċifikati hemm.18

 

4. Sabiex wieħed jipprovdi għall-konsultazzjoni tal-fidili, għandu jkun hemm Kunsill Pastorali fl-Ordinarjat.19

 

XI. Kull ħames snin l-Ordinarju huwa mitlub li jiġi Ruma għal żjara ad limina Apostolorum u jippreżenta lill-Papa, permezz tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u f’konsultazzjoni mal-Kongregazzjoni tal-Isqfjiet u l-Kongregazzjoni tal-Evanġelizzazzjoni tal-Ġnus, rapport fuq l-istat tal-Ordinarjat.

 

XII. Għal każijiet ġudizzjali, it-tribunal kompetenti huwa dak tad-djoċesi fejn waħda mill-partijiet ikollha d-domiċilju, sakemm l-Ordinarjat ma jkunx ħaseb għat-tribunal tiegħu; f’dan il-każ it-tribunal tat-tieni istanza huwa dak magħżul mill-Ordinarjat u approvat mis-Santa Sede.20

 

XIII. Il-Digriet li jistabbilixxi Ordinarjat għandu jiddetermina l-lokalità tas-Sede u, jekk possibbli, il-knisja prinċipali.

 

Aħna nixtiequ li d-dispożizzjonijiet u n-normi tagħna jkunu validi u effettivi issa u fil-ġejjieni, fi qbil mal-Kostituzzjonijiet Appostoliċi u l-ordinanzi maħruġa mill-predeċessuri tagħna jew xi preskrizzjonijiet oħra, anki dawk li jitolbu riferenza speċjali jew deroga.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru,

nhar l-4 ta’ Novembru 2009, tifkira ta’ San Karlu Borromeo.

 

 

Riferenzi

1 Ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 23; Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra Communionis notio, 12; 13.

2 Ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 4; Digriet Unitatis redintegratio, 2.

3 Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 1.

4 Digriet Unitatis redintegratio, 1.

5 Ara Ġw 17:20-21; Digriet Unitatis redintegratio, 2.

6 Ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 13.

7 Ara ibid; Atti 2:42.

8 Ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 8; Ittra Communionis notio, 4.

9 Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 8.

10 Ara CIC, kan. 205; Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 13; 14; 21; 22; Digriet Unitatis redintegratio, 2; 3; 4; 15; 20; Digriet Christus Dominus, 4; Digriet Ad gentes, 22.

11 Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 8.

12 Ara Ġwanni Pawlu II, Kostituzzjoni Appostoliku Spirituali militium curæ, 21 April 1986, I § 1.

13 Ara CIC, kan. 1026-1032.

14 Ara CIC, kan. 1040-1049.

15 Ara AAS 59 (1967) 674.

16 Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Statement of 1 April 1981, f’Enchiridion Vaticanum 7, 1213.

17 Ara CIC, kan. 495-502.

18 Ara CIC, kan. 492-494.

19 Ara CIC, kan. 511.

20 Ara CIC, kan. 1410-1414 u 1673.

 

 

 

miġjub għall-Malti minn Dun Geoffrey George Attard

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta