L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-lajċi fil-Knisja:  minn kollaborazzjoni  għal  korresponsabbiltà

Benedittu  XVI  fil-Bażilika ta’ San Giovanni  Lateran waqt l-inawgurazzjoni ta’ assemblea  ekkleżjali fid-djoċesi ta’ Ruma. 26/05/2009.

 

Wara l-Konċilju Vatikan II, il-Knisja ma tistax tikkuntenta ruħha  biss billi l-lajċi jagħtu l-kollaborazzjoni tagħhom imma trid tippromwovi l-korresponsabbiltà  effettiva. Hekk fakkar Benedittu XVI fis-26 ta’ Mejju 2009 fil-ftuħ ta’ laqgħa ekkleżjali għad-djoċesi ta’ Ruma li saret f’San Giovanni Lateran

Għażiż Kardinal, 
għeżież Ħuti fl-Episkopat 
u fis-Saċerdozju, 
għeżież reliġjużi, 
u għeżież ħuti! 

 

Kuntent li bħas-soltu, anki din is-sena,  qed nagħmel il-ftuħ ta’ din il-laqgħa djoċesana pastorali. Insellem lil kull wieħed u waħda minnkom li qegħdin hawn u li tirrappreżentaw il-komunità tad-djoċesi kollha. Minn qalbi nirringrazzjakom tal-ħidma pastorali tagħkom u nixtieq li permezz tagħkom insellem lill-parroċċi kollha  bil-kliem ta’ San Pawl appostlu: “Lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu f’Ruma, imsejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla l-Missier tagħna u Sidna Ġesù Kristu” (Rum 1,7). Nirringrazzja wkoll lill-Kardinal Vigarju tal-kliem mimli kuraġġ, li fihom wera s-sentimenti tagħkom, u tal-għajnuna  li joffrili, flimkien mal-Isqfijiet Awżiljari, fil-qadi appostoliku  li l-Mulej sejjaħli għalih bħala Isqof ta’ Ruma.

Għadu kemm ġie mfakkar  dak li d-djoċesi  għamlet matul dawn l-aħħar għaxar snin: fl-ewwel tlett snin ikkonċentrat fuq il-familja; fit-tlett snin ta’  wara kkonċentrat fuq l-edukazzjoni fil-fidi għall-ġenerazzjonijiet ġodda; id-djoċesi fittxet li twieġeb għal dik “l-emerġenza edukattiva” li hi sfida kbira  għalina lkoll. Imbagħad, dejjem b’riferiment għall-edukazzjoni u mqanqla mill-Enċiklika Spes Salvi, id-djoċesi ħadmet fuq it-tema: nedukaw għat-tama. Filwaqt li flimkien magħkom nirringrazzja ‘l-Mulej għall-ġid kollu li sar, naħseb fil-kappillani u s-saċerdoti li jagħmlu ħilithom kollha biex jiggwidaw il-komunitajiet fdati f’idejhom. Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-għażla pastorali li għamiltu biex  tiddedikaw  ħin  ħalli tagħmlu evalwazzjoni  tal-mixja li ġa  saret.  B’hekk, l-esperjenza li għextu  titfa’ aktar dawl fuq ċerti oqsma fundamentali tal-pastorali ordinarja  u tkunu tistgħu tgħixuhom aħjar u taqsmuhom ma’ oħrajn.  Hemm bżonn li dan l-impenn, li  ġa ilkom xi xhur  issegwuh fil-parroċċi kollha u  f’xi realtajiet ekkleżjali, ikun ibbażat  fuq l-għarfien imġedded li aħna Knisja u li f’isem Kristu aħna lkoll imsejħin għall-korresponsabbiltà pastorali.

Huwa propju dwar dan li nixtieq inkellimkom.

Il-Konċilju Vatikan II ried jagħti d-duttrina pura u sħiħa dwar il-Knisja kif immaturat matul dawn l-elfejn sena.  Ta “definizzjoni tagħha b’mod  tassew meditat” u, qabel kollox, wera n-natura mistika tagħha; jiġifieri wera dik “ir-realtà mimlija preżenza divina  li dejjem kapaċi  tesplora affarijiet ġodda u aktar profondi” " (Pawlu VI, Diskors fil-ftuħ tat-tieni sezzjoni fid-29 ta’ Settembru 1963). Il-Knisja  għandha l-bidu tagħha f’Alla Trinità u hi misteru ta’ komunjoni.  Il-Knisja komunjoni, mhijiex biss realtà spiritwali;  għax - biex ngħid hekk – hi tgħix fl-istorja bir-ruħ u l-ġisem. Il-Konċilju Vatikan II jiddeskriviha bħala “sagrament, jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens kollu tal-bnedmin” (Lumen gentium, 1. L-essenza tas-sagrament tinsab fil-fatt li aħna nistgħu nħossu dak li ma jidhirx f’dak li jidher, u dak li jidher u nistgħu nħossuh jiftħilna l-istess bieb t’Alla. Għidna li l-Knisja hi komunjoni, komunjoni ta’ persuni li bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu ssiru l-poplu t’Alla, u fl-istess ħin l-istess Ġisem ta’ Kristu. Ejjew nirriflettu ftit  fuq dawn iż-żewġ kunċetti importanti. Il-kunċett “Poplu t’Alla” twieled u żviluppa fit-Testment il-Qadim: biex jidħol fir-realtà tal-istorja umana, Alla għażel poplu; hu għażel  il-poplu ta’ Iżrael biex ikun il-poplu tiegħu. Permezz ta’din l-għażla partikulari, mill-ftit ried jasal għand ħafna u mingħand il-ħafna  ried jasal għand kulħadd.  Fi kliem ieħor, l-intenzjoni tal-għażla partikulari  hi l-universalità.  Permezz ta’ dan il-Poplu, Alla daħal realment  b’mod konkret fl-istorja. U dan il-ftuħ għall-universalità seħħ permezz tas-salib u tal-qawmien ta’ Kristu. San Pawl jgħid li fuq is-salib Kristu waqqa’ l-ħajt tal-firda.  Meta ta Ġismu għalina, Hu waħħadna  miegħu f’dan il-Ġisem tiegħu u għamilna ħaġa  waħda bejnietna. Fil-komunjoni tal-“Ġisem ta’ Kristu” nsiru lkoll poplu wieħed, il-Poplu t’Alla fejn –  nerġa’ nikkwota lil San Pawl – inkunu lkoll ħaġa waħda u ma jkunx hemm aktar differenza bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, barbaru, skjav jew  Ebrew, imma Kristu jkun kollox f’kulħadd.   Hu kisser il-ħajt tad-distinzjoni bejn popli, razez, kulturi: aħna lkoll magħqudin fi Kristu. Hekk naraw li ż-żewġ kunċetti –Poplu t’Alla  u Ġisem ta’ Kristu –jikkumplimentaw lil xulxin u flimkien jagħmlu l-kunċett ta’ Knisja  skont it-Testment il-Ġdid.  Waqt li “Poplu t’Alla”: jesprimi l-kontinwità tal-istorja tal-Knisja,  “Ġisem ta’ Kristu” jesprimi l-universalità li ġiet inawgurata fis-salib u l-qawmien tal-Mulej. Mela, għalina l-Insara “Ġisem ta’ Kristu” mhuwiex biss immaġni, imma kunċett veru għax  Kristu jagħtina Ġismu bħala don.  Kristu li qam mill-mewt  jgħaqqadna lkoll fis-Sagrament biex jagħmilna ġisem wieħed. Mela l-kunċett “Poplu t’Alla” u  “Ġisem ta’ Kristu” jikkompletaw lil xulxin: fi Kristu nsiru tassew il-Poplu t’Alla. Mela,“Poplu t’Alla”  hu kulħadd: mill-Papa sal-iċken tarbija li ħadet il-Magħmudija. L-ewwel Talba Ewkaristika fil-Kanoni Ruman, li kien miktub fir-raba’ seklu, tiddistingwi bejn qaddejja –“aħna qaddejja tiegħek” u “plebs tua sancta”. Mela jekk irridu niddistingwu, nitkellmu dwar qaddejja u plebs sancta; filwaqt li t-terminu “Poplu t’Alla” juri li aħna lkoll flimkien bħala Knisja.

Kif spiċċa l-Konċilju, din id-duttrina ekkleżjoloġika  kienet  tassew milqugħa  u nirringrazzjaw  lil Alla għall-frott bnin li mmatura fil-komunità nisranija. Iżda,  tajjeb niftakru wkoll li din id-duttrina u dak li ġġib magħha fin-nisġa tal-kuxjenza ekkleżjali mhux dejjem kien milqugħ  bla diffikultajiet u skont l-interpretazzjoni ġusta. Kif għidt b’mod ċar fid-diskors li għamilt lill-Kurja Rumana fit-22 ta’ Diċembru 2005, kien hemm kurrent interpretattiv li appella “għall-ispirtu tal-Konċilju” bl-intenzjoni li jistabbilixxi  nuqqas ta’ kontinwità bejn il-Knisja ta’ qabel il-Konċilju u dik ta’ wara l-Konċilju, u saħansitra  ħoloq  ukoll konfront  u xi drabi qabeż il-limiti oġġettivament eżistenti bejn il-ministeru ġerarkiku u r-responsabbiltajiet tal-lajċi fil-Knisja. Xi wħud jinterpretaw l-idea  ta’ “Poplu t’Alla” mil-lat  purament soċjoloġiku, b’mod esklussivament orizzontali li jeskludi r-referenza vertikali lejn Alla. Din il-pożizzjoni  tmur għal kollox  kontra l-kelma u l-ispirtu tal-Konċilju, li ma riedx qasma, Knisja oħra, imma ried tiġdid veru u profond fil-kontinwità ta’ Knisja waħda li tikber u tiżviluppa filwaqt li tibqa’ dejjem l-istess Poplu t’Alla, poplu  wieħed li jagħmel il-pellegrinaġġ tiegħu.

It-tieni ħaġa: tajjeb nagħrfu li l-qawmien  ta’ enerġiji spiritwali u pastorali  li seħħ matul dawn is-snin mhux dejjem ipproduċa t-tisħiħ u l-iżvilupp  mixtieq.   Tajjeb ninnotaw li f’ċerti komunitajiet ekkleżjali, wara żmien ta’ ħeġġa u inizjattiva, kien hemm żmien ta’ bruda,  sitwazzjoni ta’ għeja.  Xi drabi kien hemm waqfien sħiħ u anki  reżistenza u kontradizzjoni bejn id-duttrina konċiljari u d-diversi kunċetti li ġew imsawra f’isem il-Konċilju, iżda li fir-realtà kienu kontra l-ispirtu u l-kelma tiegħu. Din kienet waħda mir-raġunijiet  għaliex  it-tema tal-assemblea  ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1987 kienet iddedikata għall-vokazzjoni u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja  u fid-dinja. Dan jurina li l-paġni mdawla tal-Konċilju dwar il-lajkat  kienu għadhom  ma ssarrfux  biżżejjed  f’ħajja,  fil-kuxjenza tal-Kattoliċi u fil-proċeduri normali pastorali. Għad hemm it-tendenza li l-Knisja tkun identifikata biss mal-ġerarkija u ninsew ir-responsabbiltà u l-missjoni komuni tal-Poplu t’Alla, li fi Kristu aħna lkoll parti minnu.  Kif ġa għidt, għadha tippersisti l-idea ta’ Poplu t’Alla mil-lat purament soċjoloġiku jew politiku u ninsew dik in-novità u speċifiċità ta’ dak il-poplu li jsir poplu biss fil-komunjoni ma’ Kristu.

Għeżież ħuti, issa jiġina li nistaqsu: id-Djoċesi tagħna ta’ Ruma fejn waslet?  Kemm nafu dwar il-korresponsabbiltà pastorali tagħna lkoll, b’mod speċjali tal-lajċi? Kemm ngħixuha?  Fis-sekli li għaddew il-komunità nisranija ħabbret l-Evanġelju lin-nies ta’ Ruma permezz tax-xhieda ġeneruża ta’ bosta mgħammdin li taw ħajjithom biex jedukaw fil-fidi lill-ġenerazzjonijiet ġodda, biex jieħdu ħsieb il-morda, biex jgħinu l-foqra. Illum, din l-istess missjoni hi fdata lilna f’sitwazzjonijiet differenti, f’belt fejn mhumiex ftit dawk l-imgħammdin li tilfu t-triq tal-Knisja u fejn hemm dawk li mhumiex Insara  u ma jafu xejn dwar il-ġmiel tal-fidi tagħna. Is-Sinodu Djoċesan, li ried il-maħbub predeċessur tiegħi Ġwanni Pawlu II, kien receptio  effettiva tad-duttrina konċiljari. U l-Ktieb tas-Sinodu  impenja lid-Djoċesi biex tkun aktar Knisja ħajja u biex kulħadd jaħdem fil-qalba tal-belt permezz ta’ azzjoni koordinata u responsabbli. Il-Missjoni ċittadina li ġiet wara, bi thejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, serviet biex il-komunità ekkleżjali tagħna tagħraf li l-mandat ta’ evanġelizzazzjoni mhuwiex biss għal xi wħud imma hu għall-imgħammdin kollha. Kienet esperjenza siewja li tat is-sehem tagħha biex fil-parroċċi, fil-komunitajiet reliġjużi, fl-għaqdiet u l-movimenti jimmatura l-għarfien  li aħna lkoll nagħmlu parti mill-Poplu  t’Alla wieħed li skont il-kliem tal-appostlu Pietru: “Alla kiseb għalih biex ixandar il-glorja tiegħu tal-għaġeb” (1 Pt 2, 9).  U ta’ dan, il-lejla rridu ngħidu grazzi.

Iżda għad baqa’ ħafna x’isir.  Bosta mgħammdin ma jħossuhomx parti mill-komunità ekkleżjali u jgħixu fit-truf tagħha; jiġu  fil-parroċċa biss f’ċerti ċirkustanzi għal xi servizzi reliġjużi.  Meta tqis in-numru ta’ dawk  li jistqarru li huma kattoliċi,  ftit huma dawk il-lajċi fil-parroċċa li lesti jaħdmu fid-diversi oqsma appostoliċi. Żgur li d-diffikultajiet kulturali u soċjali ma jonqsux,  iżda  b’fedeltà lejn il-mandat tal-Mulej, ma nistgħux nirrassenjaw ruħna.  B’fiduċja fil-grazzja tal-Ispirtu  li Kristu Rxoxt jiggarantilna, hemm bżonn li nimxu ‘l quddiem   b’pass ġdid. Liema huma t-toroq li rridu nimxu fihom?  L-ewwelnett irridu nġeddu l-isforz  biex ikun hemm formazzjoni  aktar attenta u puntwali  dwar il-viżjoni ta’ Knisja  li kellimtkom dwarha; u dan jgħodd kemm għas-saċerdoti, kif ukoll għar-reliġjużi u l-lajċi. Irridu nifhmu dejjem aktar xinhi din il-Knisja, dan il-Poplu  t’Alla fil-Ġisem ta’ Kristu. Fl-istess ħin, hemm bżonn intejbu l-impostazzjoni pastorali, biex filwaqt li jkun hemm rispett lejn il-vokazzjonijiet u r-rwoli tal-ikkonsagrati u l-lajċi, bil-mod il-mod wieħed jibda jippromwovi l-korresponsabbiltà tal-membri tal-Poplu t’Alla kollha flimkien. Dan jesiġi bidla ta’ mentalità, speċjalment dwar il-lajċi biex dawn ma jibqgħux meqjusa bħala “kollaboraturi” mal-kleru imma  biex ikunu tassew “korresponsabbli” fil-ħajja tal-Knisja u hekk jissaħħaħ lajkat matur u impenjat.  

Dan l-għarfien  komuni li l-imgħammdin kollha huma l-Knisja  bl-ebda mod ma jnaqqas ir-responsabbiltà tal-kappillani. Huwa propju x-xogħol tagħkom, għeżież kappillani, li twasslu  lil dawk li ġa huma  impenjati sew  fil-parroċċa biex jikbru fil-ħajja spiritwali u appostolika: dawn huma l-ħmira għall-oħrajn fil-ħajja tal-komunità.  Sabiex dawn il-komunitajiet, anki jekk żgħar fin-numru, ma jitilfux l-identità u l-forza tagħhom, hemm bżonn li jkunu mħarrġa fis-smigħ  u fit-talb tal-Kelma t’Alla, permezz tal-lectio divina, li l-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet tkellem b’tant ħeġġa dwarha. Ejjew insostnu ruħna tassew bis-smigħ u l-meditazzjoni dwar il-Kelma t’Alla. Jeħtieġ li dawn il-komunitajiet tagħna jkomplu jagħrfu  dejjem aktar li huma “Knisja”, għax Kristu, il-Kelma eterna tal-Missier sejħilhom u għamilhom Poplu tiegħu. Fil-fatt, il-fidi hi relazzjoni profonda personali ma’ Alla, imma  għandha   wkoll id-dimensjoni komunitarja, u dawn iż-żewġ dimensjonijiet ma jinfirdux. Hekk, anki ż-żgħażagħ, li huma l-aktar esposti  għall-kultura individwalista  li ddgħajjef   ir-rabtiet interpersonali  u tnaqqas is-saħħa tal-appartenenza, jkunu jistgħu jisperimentaw il-ġmiel u l-ferħ li  huma Knisja. Il-fidi f’Alla tgħaqqadna fil-Ġisem  ta’ Kristu  u nsiru lkoll ħaġa waħda f’dan l-istess Ġisem, u hekk nistgħu nħossu wkoll il-komunjoni ta’ bejnietna u negħlbu s-solitudni tal-individwaliżmu.

Jekk il-Kelma  tiġborna flimkien  bħala Komunità,  hi l-Ewkaristija li tagħmilna  ġisem:  "Għax la l-ħobża hi waħda  -jikteb San Pawl -, aħna, li aħna ħafna , aħna ġisem wieħed: ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda" (1 Kor 10, 17). Mela, il-Knisja  mhijiex  ir-riżultat ta’ numru  ta’ individwi  flimkien,  imma  hi l-għaqda ta’ bejniethom, imsaħħin  mill-istess Kelma t’Alla  u mill-istess Ħobż tal-ħajja. Il-komunjoni u l-għaqda tal-Knisja, li titwieled mill-Ewkaristija, huma realtà li jeħtieġ nagħrfuha dejjem aktar, anki meta nitqarrbnu.  Irridu nagħrfu dejjem aktar li aħna nidħlu f’għaqda ma’ Kristu  u hekk insiru ħaġa waħda bejnietna. Irridu nitgħallmu dejjem aktar  kif nieħdu ħsieb  din ir-realtà  u niddefenduha mir-rivalità,  mit-tilwim u mill-għira li jistgħu jinħolqu fil-komunitajiet ekkleżjali u bejniethom. Nixtieq nitlob b’mod partikulari lill-movimenti u lill-komunitajiet li nibtu wara l-Konċilju Vatikan II, li  huma don prezzjuż anki fid-Djoċesi tagħna – u ta’ dan  irridu dejjem nirringrazzjaw lill-Mulej, -  irrid  nitlobhom lil dawn li nerġa’ ngħid huma don  biex  jieħdu ħsieb il-formazzjoni tal-membri tagħhom ħalli dawn  jagħrfu dejjem aktar li huma  parti  mill-komunità parrokkjali.  Kif għidt, l-Ewkaristija u b’mod partikulari ċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħadd,  hi ċ-ċentru tal-ħajja fil-parroċċa.  Jekk l-unità tal-Knisja titwieled mill-għaqda mal-Mulej, mela hu importanti ħafna li l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika jsiru b’ħafna kura biex min jieħu sehem fihom jagħmel esperjenza tal-ġmiel tal-misteru ta’ Kristu. La l-ġmiel tal-liturġija “ mhuwiex sempliċiment xi ħaġa estetika, imma mod kif l-imħabba t’Alla tasal għandna, dan isaħħarna. u jattirana” (Sacramentum caritatis n. 35).  Mela, iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, permezz tas-sinjali sagramentali, għandha timmanifesta u tikkomunika l-ħajja divina u turi lin-nies ta’ din il-belt il-veru wiċċ tal-Knisja.

 Imbagħad l-iżvilupp spiritwali  appostoliku tal-komunità jrid jwassal biex il-komunità tikber permezz ta’ azzjoni missjunarja konvinta.  Għalhekk, kif sar fil-Missjoni Ċittadina, aħdmu bis-sħiħ  biex   f’kull parroċċa  tingħata ħajja ġdida lill-gruppi żgħar jew ċentri ta’ smigħ fejn Kristu u l-Kelma tiegħu huma mħabbra. Dawn huma l-post  fejn wieħed ikun jista’ jisperimenta l-fidi, jgħix l-imħabba u jorganizza t-tama. Dawn il-komunitajiet żgħar jgħinu biex titwessa’ l-ħidma missjunarja fil-bliet il-kbar. Wieħed isir aktar midħla tal-poplu  u jsir  jaf aktar dwar  il-fiżonomija soċjali u kulturali tiegħu, li spiss tvarja ħafna.  Hu importanti li dan il-metodu pastorali  jiġi applikat ukoll fil-postijiet tax-xogħol. Illum jeħtieġ li dawn ikunu evanġelizzati  b’pastorali  maħsuba għalihom għax minħabba li l-mobbiltà soċjali żdiedet, bosta huma dawk li jgħaddu parti sew mill-ġurnata tagħhom f’dawn l-ambjenti.

Fl-aħħarnett, ma ninsewx li x-xhieda tal-imħabba  tgħaqqad il-qlub u tiftaħ it-triq biex wieħed iħossu parti mill-Knisja.  Għall-mistoqsija: kif  tispjega s-suċċess tal-Kristjaneżmu fl-ewwel sekli? U  x’wassal biex it-twemmin ta’ dik li kienet meqjusa  setta ta’ Lhud isir r-reliġjon tal-Imperu?,  l-istoriċi  jwieġbu li kienet l-imħabba li għexu l-Insara li  kkonvinċiet lid-dinja.  L-għejxin tal-imħabba hu l-forma primarja tal-missjonarjetà . Il-Kelma mħabbra u mgħejxa ssir kredibbli jekk tinkarna ruħha f’imġiba ta’ solidarjetà, ta’ kondiviżjoni, ta’ ġesti li juru l-Wiċċ ta’ Kristu bħala l-veru Ħabib tal-bniedem. Ix-xhieda silenzjuża tal-imħabba li l-parroċċi jgħixu kuljum  grazzi għall-impenn ta’ tant lajċi,  trid tkompli tinfirex dejjem aktar biex min jgħix it-tbatija jħoss il-Knisja qrib tiegħu u jagħraf l-imħabba tal-Missier, għani fil-ħniena.  Għalhekk, kunu dejjem “sammaritani tajba”, lesti li tikkuraw il-feriti materjali u spiritwali ta’ ħutkom. Id-djakni, li l-ordinazzjoni tagħhom tikkonformhom ma’ Kristu qaddej, jistgħu jwettqu servizz siewi ħafna billi jippromwovu attenzjoni lejn l-anzjani u lejn il-forom ġodda ta’ faqar. Qed naħseb ukoll fiż-żgħażagħ: għeżież nistedinkom tużaw l-entużjażmu u l-kreattività tagħkom biex taqdu lil Kristu u l-Evanġelju tiegħu. Kunu appostli għal sħabkom; kunu lesti li twieġbu b’ġenerożità jekk il-Mulej isejħilkom biex timxu warajh  mill-qrib fis-saċerdozju jew fil-ħajja kkonsagrata

Għeżież ħuti, il-ġejjieni tal-Kristjaneżmu u tal-Knisja f’Ruma jiddependi wkoll mill-impenn u x-xhieda ta’ kull wieħed u waħda  minna. Għalhekk nitlob l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, Salus populi romani kif meqjuma għal sekli sħaħ fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, biex tkun magħna kif kienet mal-Appostli fiċ-Ċenaklu f’Pentekoste, u  biex tħeġġiġna nħarsu b’fiduċja lejn il-ġejjieni. B’dawn is-sentimenti, filwaqt li nirringrazzjakom għall-ħidma li twettqu kuljum, minn qalbi nagħtikom ilkoll barka Appostolika speċjali.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard