Laikos

 

Ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb mogħtija mill-Papa lill-Isqfijiet Taljani.

Il-Beatitudnijiet tal-Isqof: ir-rigal tal-Papa Franġisku liċ-Cei

 

“Hieni l-Isqof li jagħmel mill-faqar u mill-kondiviżjoni l-istil ta’ ħajtu, għax bix-xhieda tiegħu qed jibni s-Saltna tas-smewwiet”. Hekk jiftaħ it-test marbut max-xbieha ċkejkna li l-Papa ta lill-isqfijiet Taljani fi tmiem il-laqgħa tal-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali. Il-kliem li hemm fuq ix-xbieha mogħtija mill-Papa hu dak tal-omelija li għamel l-Arċisqof ta’ Napli, Domenico Battaglia, għall-Ordinazzjoni Episkopali tal-Awżiljarji tiegħu fil-31 ta’ Novembru 2021.  Huma l-“Beatitudnijiet tal-Isqof”, tmienja b’kollox.

 

Hieni l-Isqof li jagħmel mill-faqar u mill-kondiviżjoni l-istil ta’ ħajtu, għax bix-xhieda tiegħu qed jibni s-Saltna tas-smewwiet.

 

Hieni l-Isqof li ma jibżax iħalli d-dmugħ iċarċar ma’ wiċċu, biex fih jidher l-uġigħ tan-nies, it-taħbit tal-presbiteri, u li fit-tgħanniqa tal-batut isib il-faraġ ta’ Alla.

 

Hieni l-Isqof li jqis il-ministeru tiegħu servizz u mhux poter, u jagħmel mill-ħlewwa l-qawwa tiegħu, u f’qalbu għandu post għal kulħadd, għax hu jgħammar fl-art imwiegħda lil dawk ta’ qalbhom tajba.

 

Hieni l-Isqof li ma jingħalaqx fil-binjiet tat-tmexxija, li ma jsirx burokrata attent iżjed għall-istatistiċi milli għall-uċuħ, għall-proċeduri milli għall-istejjer, li jfittex li jitqabad spalla ma’ spalla mal-bniedem b’risq il-ħolma tal-ġustizzja ta’ Alla, għax il-Mulej, li hu jiltaqa’ miegħu fis-skiet tat-talb, ikun l-ikel tiegħu.

 

Hieni l-Isqof li għandu għal qalbu l-miżerja tad-dinja, li ma jiddejjaqx iħammeġ idejh bit-tajn tar-ruħ tal-bniedem biex isib fiha d-deheb ta’ Alla, li ma jiskandalizzax ruħu mid-dnub u mid-dgħufija ta’ ħaddieħor ladarba jaf il-faqar tiegħu x’inhu, għax il-ħarsa tal-Kurċifiss Irxoxt tkun għalih is-siġill ta’ maħfra bla tarf.

 

Hieni l-Isqof li jitbiegħed mill-ipokrezija tal-qalb, li jevita kull dinamika ambigwa, li joħlom il-ġid anki qalb il-ħażen, għax ikun kapaċi jifraħ bil-wiċċ ta’ Alla, u jsib ir-rifless tiegħu f’kull għadira mdardra tal-belt tal-bnedmin.

 

Hieni l-Isqof li jaħdem għall-paċi, li jsieħeb il-mixjiet ta’ rikonċiljazzjoni, li jiżra’ fil-qalb tal-presbiterju tiegħu ż-żerriegħa tal-komunjoni, li jsieħeb soċjetà maqsuma lejn it-triq tar-rikonċiljazzjoni, li jaqbad id kull bniedem ta’ rieda tajba biex jibni l-fraternità: Alla jagħraf fih l-iben għażiż tiegħu.

 

Hieni l-Isqof li minħabba l-Vanġelu ma jibżax imur kontra l-kurrent, u li b’rieda “soda” bħal dik ta’ Kristu jdur lejn Ġerusalemm, mingħajr ma jħalli jwaqqfu lil min ma jifhmux jew ixekklu, għax jaf li s-Saltna ta’ Alla tikber f’dinja mqallba.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard