AMORIS LÆTITIA

Kwotazzjonijiet

Abort

Jekk il-familja hi s-santwarju tal-ħajja, l-imkien fejn il-ħajja hi mnissla u titqies għażiża, tkun kontradizzjoni li tagħmel ħafna ħsara jekk issir l-imkien fejn il-ħajja tiġi miċħuda u meqruda. (83)

Adozzjoni

L-adozzjoni hi triq għat-twettiq tal-maternità u l-paternità b’mod ġeneruż ħafna, u nixtieq inħeġġeġ lil dawk li ma jistax ikollhom ulied biex iwessgħu u jiftħu l-imħabba tagħhom ta’ miżżewġin biex jilqgħu fiha lil dawk li huma mċaħħda minn ambjent xieraq ta’ familja. (179)

L-adozzjoni hi l-għemil ta’ mħabba li jagħti familja lil min m’għandux. (179)

Dawk li jaffrontaw l-isfida tal-adozzjoni u jilqgħu persuna mingħajr kundizzjonijiet u b’xejn, isiru medjazzjoni tal-imħabba ta’ Alla. (179)

Adolexxenti

Hi irresponsabbli kull stedina lill-adolexxenti biex jilagħbu ma’ ġisimhom u max-xewqat tagħhom, daqslikieku kellhom il-maturità, il-valuri, l-impenn reċiproku u l-għanijiet proprji taż-żwieġ. (283)

L-adolexxenti soltu jidħlu fi kriżi mal-awtorità u man-normi, għalhekk irridu nistimulaw l-esperjenzi personali tagħhom ta’ fidi u noffrulhom xhieda mdawla li lejhom jinġibdu minħabba l-istess ġmiel tagħhom. (283)

Aħwa

Ir-relazzjoni bejn l-aħwa tinżel iktar fil-fond mal-medda taż-żmien, u r-rabta ta’ fraternità li tissawwar fil-familja bejn l-ulied, jekk isseħħ fi klima ta’ edukazzjoni għall-ftuħ lejn l-oħrajn, issir l-iskola kbira tal-libertà u l-paċi. (194)

Fil-familja, l-aħwa jitgħallmu kif il-bnedmin jgħixu flimkien. hi proprju l-familja li tintroduċi l-imħabba tal-aħwa fid-dinja! (194)

Li nikbru flimkien bħala aħwa joffri esperjenza sabiħa ta’ għożża reċiproka, fejn ngħinu u niġu megħjuna. (195)

Ir-rabta tal-aħwa fil-familja tilma b’mod speċjali meta naraw b’liema għożża, b’liema sabar u mħabba huma mdawra l-aħwa l-iktar dgħajfa, morda, jew li jġorru xi diżabbiltà. (195)

Alla

Jekk naċċettaw li l-imħabba ta’ Alla hi bla kundizzjonijiet, li l-għożża li għandu l-Missier għalina la tinxtara u lanqas tħallas għaliha, allura nkunu nistgħu nħobbu lil hemm minn kull ħaġa, naħfru lill-oħrajn imqar meta kienu inġusti magħna. (108)

Aħna nemmnu li Alla jħobb il-ferħ tal-bniedem, li hu ħalaq kollox biex ingawdu bih. Inħallu dan il-ferħ inixxi quddiem it-tjieba tiegħu. (149)

Alla nnifsu ħalaq is-sesswalità, li hi rigal mill-isbaħ għall-ħlejjaq tiegħu. (150)

Il-Knisja ddur bi mħabba fuq dawk kollha li mhux qed jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tagħha, għax tagħraf li l-grazzja ta’ Alla taħdem f’ħajjithom ukoll u tagħtihom il-kuraġġ biex iwettqu t-tajjeb, biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin bi mħabba u jkunu ta’ servizz għall-komunità li fiha jgħixu u jaħdmu. (291)

It-triq tal-Knisja hi dik li ma tikkundanna qatt lil ħadd għal dejjem; li xxerred il-ħniena ta’ Alla fuq dawk kollha li jfittxuha b’qalb sinċiera. (296)

Xi drabi jiswielna ħafna li fil-pastorali tagħna nagħtu wisa’ lill-imħabba bla kundizzjonijiet ta’ Alla. (311)

Il-preżenza tal-Mulej tgħammar fil-familja vera u konkreta, bit-tbatija, it-taqbid, il-ferħ u t-tamiet kollha tal-ħajja tagħha ta’ kuljum. (315)

Anzjani

Il-parti l-kbira tal-familji jirrispettaw lill-anzjani, idawruhom bl-imħabba u jqisuhom bħala barka. (48)

L-anzjani huma rġiel u nisa, missirijiet u ommijiet li kienu diġà qabilna fl-istess triq tagħna, fl-istess dar tagħna, fil-ġlieda tagħna ta’ kuljum għal ħajja xierqa. (191)

Hemm kulturi li minħabba żvilupp addoċċ tal-industrija u tal-ħajja fl-ibliet, waslu u qegħdin jaslu biex iwarrbu x-xjuħ min-nofs, b’mod jew ieħor, li ma jistax ikun li taċċettah. (192)

L-anzjani jgħinuna naqraw il-kontinwità tal-ġenerazzjonijiet, bil-kariżma li nħitu mill-ġdid il-biċċiet imqattgħin. (192)

Iċ-ċiviltà tista’ timxi ’l quddiem jekk tagħraf tirrispetta l-għerf u l-għaqal tal-anzjani. (192)

Ir-rakkonti tal-anzjani jagħmlu ġid kbir lit-tfal u liż-żgħażagħ, għax idaħħluhom f’rabta mal-istorja li għaddew minnha kemm il-familja u kemm ir-raħal u l-pajjiż. (193)

F’ċiviltà fejn m’hemmx post għall-anzjani jew dawn jiġu skartati għax huma meqjusa problema, din is-soċjetà ġġorr magħha l-marda tal-mewt, ladarba qed tinqata’ mill-istess għeruq tagħha. (193)

Bibbja

Il-Bibbja hi miżgħuda b’familji, b’episodji ta’ twelid, bi stejjer ta’ mħabba u ta’ kriżijiet fil-familji, u dan sa mill-ewwel paġna, fejn tidħol fix-xena l-familja ta’ Adam u Eva, bil-vjolenza li nsibu fiha imma anki bil-qawwa tal-ħajja li tkompli, sal-aħħar paġna fejn naqraw bit-tieġ tal-Għarusa u l-Ħaruf. (8)

Il-Bibbja lill-familja tqisha bħala l-katedra tal-katekeżi tal-ulied. (16)

Divorzju

Id-divorzju hu ħażin, u hija ta' tħassib ħafna ż-żieda fl-għadd ta’ divorzji. (246)

Divorzjati

Hu indispensabbli dixxerniment partikulari biex nakkumpanjaw pastoralment is-separati, id-divorzjati, l-abbandunati. (242)

Il-persuni divorzjati, imma li ma reġgħux iżżewġu, spiss huma xhieda tal-fedeltà taż-żwieġ. (242)

Lid-divorzjati li qed jgħixu f’rabta ġdida, importanti nuruhom li huma parti mill-Knisja, li mhumiex skomunikati u mhumiex trattati bħala tali, għax huma dejjem jibqgħu jagħmlu parti mill-komunjoni ekkleżjali. (243)

Id-divorzjati li reġgħu żżewġu għandhom jistaqsu lilhom infushom kif ġabu ruħhom ma’ wliedhom meta l-għaqda konjugali tagħhom daħlet fi kriżi; jekk kienx hemm tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni; x’inhi l-qagħda tal-parti l-oħra abbandunata; x’konsegwenzi għandha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u l-komunità tal-fidili; x’eżempju qed jagħtu liż-żgħażagħ li qed jitħejjew għaż-żwieġ. (300)

Dixxerniment

Id-dixxerniment tar-Ragħajja għandu dejjem jagħmel distinzjoni xierqa, b’ħarsa li tgħarbel tajjeb kull sitwazzjoniMa jeżistux riċetti sempliċi. (298)

Hu fid-dmir tal-presbiteri li jsieħbu lill-persuni interessati fit-triq tad-dixxerniment skont it-tagħlim tal-Knisja u l-orjentamenti li jagħti l-Isqof. (300)

Id-dixxerniment pastorali, waqt li jżomm f’moħħu wkoll il-kuxjenza ffurmata tajjeb tal-persuni, għandu jagħti kas tas-sitwazzjonijiet. Lanqas il-konsegwenzi tal-atti magħmula mhuma neċessarjament l-istess fil-każi kollha. (302)

Id-dixxerniment hu dinamiku u għandu jibqa’ dejjem miftuħ għal passi ġodda li fihom wieħed jikber u jieħu deċiżjonijiet ġodda li bihom jista’ jilħaq l-ideal b’mod iżjed sħiħ. (303)

Id-dixxerniment għandu jgħinna nsibu t-toroq miftuħa quddiemna biex nagħtu tweġiba lil Alla u nikbru permezz tal-limiti tagħna. (305)

Dixxiplina

Importanti hu li d-dixxiplina ma tinbidilx f’deformazzjoni tax-xewqa, imma tkun stimolu biex wieħed dejjem jimxi ’l quddiem. (270)

Djalogu

L-espressjoni oriġinali Lhudija tfakkarna f’relazzjoni diretta, kważi wiċċ imb wiċċ – għajnejhom f’ta’ xulxin – fi djalogu mlissen ukoll bla kliem, għax fl-imħabba s-skiet spiss jgħajjat iżjed mill-kliem. (12)

Id-djalogu hu mod ipprivileġġjat u indispensabbli biex ngħixu, nesprimu u nikbru fl-imħabba fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Imma jitlob taħriġ twil u impenjattiv. (136)

Hemm bżonn niżviluppaw ċerti atteġġjamenti li huma espressjoni ta’ mħabba u jagħmluha possibbli li jkollna djalogu awtentiku. (136)

Biex id-djalogu jsir bi profitt hemm bżonn ikollna kontenut, u dan jitlob għana ġewwieni li jikber bil-qari, bir-riflessjoni personali, bit-talb u b’moħħ miftuħ għas-soċjetà. Jekk dan ikun nieqes, il-konverżazzjonijiet isiru jdejqu u ma jkunx fihom konsistenza. (141)

Droga

Bħala waħda mill-pjagi ta’ żmienna ssemma wkoll il-vizzju tad-droga, li mħabba fih tant familji qed ibatu, u mhux darba u tnejn jispiċċa jkun il-qerda tagħhom. (51)

Il-ġenituri għandhom jorjentaw u jħejju lill-ulied żgħar u adolexxenti tagħhom biex jagħrfu jaffrontaw sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm, ngħidu aħna, riskji ta’ vjolenza, ta’ abbuż u ta’ vizzju tad-droga. (260)

Edukazzjoni

L-edukazzjoni sħiħa tal-ulied hi dmir mill-aktar serju u fl-istess waqt dmir ewlieni tal-ġenituri. M’aħniex nitkellmu biss fuq dmir jew fuq piż, imma anki fuq dritt essenzjali li ħadd ma jista’ jwettqu jekk mhux huma, li huma msejħin iħarsuh u li ħadd ma jista’ jippretendi li jeħdilhom. (84)

L-Istat joffri u jissussidja servizz edukattiv, u jsieħeb din il-funzjoni tal-ġenituri li ma jistgħux jiddelegaw, u huma għandhom id-dritt li jagħżlu bil-libertà l-għamla ta’ edukazzjoni – aċċessibbli u ta’ kwalità – li jixtiequ jagħtu lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet tagħhom. (84)

L-edukazzjoni tal-emozzjonijiet u tal-istint hi bżonnjuża, u għalhekk xi drabi bilfors ikun hemm bżonn jitqiegħed limitu. Iż-żejjed, in-nuqqas ta’ kontroll, l-ossessjoni għal xorta waħda ta’ pjaċiri, jispiċċaw biex idgħajfu u jmarrdu lill-istess pjaċir, u ħsara jagħmlu lill-ħajja tal-familja. (148)

L-edukazzjoni ġġib magħha d-dmir li nippromovu libertajiet responsabbli, li meta l-ulied isibu ruħhom f’salib it-toroq jafu jagħżlu b’sens komun u intelliġenza. (262)

L-edukazzjoni morali timplika li minn tifel jew żagħżugħ nitolbu biss dawk il-ħwejjeġ li mhumiex għalih sagrifiċċju ikbar milli jiflaħ, nippretendu minnu biss dik id-doża ta’ sforz li ma toħloqx fih rabja jew iġġagħlu jagħmel ħaġa kontra qalbu. (271)

Xogħol l-edukazzjoni hu li tgħin lid-dinja u lis-soċjetà jħossuhom ambjent familjari, tgħallimna ngħammru, lil hemm mill-istess limiti tad-dar tagħna. (276)

Edukazzjoni li tevita s-sensibbiltà għall-mard tal-bniedem, tnixxef il-qalb. U lit-tfal tilloppjahom għat-tbatija tal-oħrajn, ma jkunux kapaċi jħabbtu wiċċhom mat-tbatija u jgħixu l-esperjenza tal-limiti tagħhom. (277)

L-edukazzjoni tal-ulied għandha tkun imdawla minn mixja ta’ trasmissjoni tal-fidi, li l-istil tal-ħajja tal-lum jagħmilha iebsa, ibda mill-ħinijiet tax-xogħol, u spiċċa fil-kumplessità tad-dinja tal-lum, fejn ħafna, biex ilaħħqu mal-ħajja, għandhom ritmi frenetiċi. (287)

L-edukazzjoni għall-fidi taf tadatta ruħha għal kull iben jew bint, għax l-għodda jew ir-riċetti qodma mhux dejjem ħa jaħdmu. (288)

Edukazzjoni sesswali

L-edukazzjoni sesswali saret qasam diffiċli fi żmien meta donna rridu nibbanalizzaw u nfaqqru s-sesswalità. Din nistgħu nifhmuha biss fil-qafas ta’ edukazzjoni għall-imħabba, għall-għotja ta’ xulxin. (280)

L-edukazzjoni sesswali toffri tagħrif, imma bla ma tinsa li t-tfal u ż-żgħażagħ għadhom ma laħqux il-maturità sħiħa. It-tagħrif dejjem għandu jasal fil-waqt it-tajjeb u b’mod adatt għall-fażi li jkunu fiha. Ma jiswiex li nimlewhom b’tagħrif jekk ikunu għadhom ma żviluppawx sens kritiku quddiem ix-xita ta’ proposti, quddiem il-pornografija bla kontroll u l-kotra ta’ stimoli li jistgħu jherru lis-sesswalità tagħhom. (281)

Għandha valur għoli qatigħ dik l-edukazzjoni sesswali li tħares ċertu sens san ta’ pudur, anki jekk illum din ħafna jarawha bħala ħaġa ta’ dari. Hi difiża naturali tal-persuna li tipproteġi l-interjorità tagħha u tevita li tinbidel biss f’oġġett. (282)

Spiss l-edukazzjoni sesswali tikkonċentra fuq l-istedina biex nipproteġu ruħna, infittxu sess sikur. Dawn l-espressjonijiet jittrasmettu atteġġjament negattiv lejn l-għan naturali prokreattiv tas-sesswalità, bħallikieku jekk eventwalment kellu jiġi wild, dan kien ikun xi għadu li jeħtieġ inħarsu ruħna minnu. (283)

L-edukazzjoni sesswali m’aħniex neħduha biżżejjed bis-serjetà. (284)

L-edukazzjoni sesswali għandha tiġbor fiha wkoll ir-rispett u l-istima ta’ min hu differenti, għax dan juri lil kull wieħed u waħda li hu possibbli jegħlbu l-għeluq tal-limiti tagħhom biex jinfetħu għall-aċċettazzjoni tal-ieħor. (285)

L-edukazzjoni sesswali għandha tgħinna naċċettaw ġisimna, biex hekk il-persuna ma tippretendix li tista’ teqred id-differenza sesswali għax m’għadhiex taf tikkonfronta ruħha magħha. (285)

Egoiżmu

M’hemmx familja li ma tafx kemm l-egoiżmu, it-tilwim, l-inkwiet, il-ġlied jaħbtu bl-ikrah għall-għaqda tal-familja u xi kultant, jeqirduha: u minn hawn jiġu ħafna suriet ta’ firda fil-ħajja tal-familji. (106)

Fil-familja nitgħallmu nkunu qrib tal-oħrajn, nieħdu ħsieb tal-oħrajn, insellmulhom. Hemm inkissru l-ewwel ċirku tal-egoiżmu tal-bniedem biex nagħrfu li aħna qed ngħixu flimkien ma’ oħrajn, li jixirqilhom l-attenzjoni tagħna, it-tjubija tagħna, il-ħlewwa u l-imħabba tagħna. (276)

Ekoloġija

Fl-ambjent tal-familja nistgħu wkoll infasslu mill-ġdid id-drawwiet tal-konsum biex flimkien nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna. Il-familja hi s-suġġett protagonista ta’ ekoloġija integrali, għax hi s-suġġett soċjali ewlieni, li fl-istess ġewwieni tagħha tħaddan iż-żewġ prinċipji bażilari taċ-ċiviltà umana fuq l-art: il-prinċipju tal-komunjoni u l-prinċipju tal-fekondità. (277)

Embriju

Kull wild jinsab sa minn dejjem fil-qalb ta’ Alla, u fil-mument tat-tnissil isseħħ il-ħolma eterna tal-Ħallieq. Naħsbu ftit f’kemm jiswa l-embriju sa mill-waqt li fih jitnissel! Irridu nħarsu lejh bl-istess ħarsa ta’ mħabba tal-Missier, li tara lil hemm minn dak kollu li jidher. (168)

Bil-progress tax-xjenza llum tista’ tkun taf minn qabel x’lewn sa jkun ix-xagħar tat-tarbija u x’inhu l-mard li tista’ tbati minnu fil-futur, għax il-karatteristiċi somatiċi kollha ta’ dik il-persuna huma miktuba fil-kodiċi ġenetiku tagħha diġà sa mill-istadju embrijunali. Imma huwa biss il-Missier li ħalaqha li jafha b’mod sħiħ. (170)

Emozzjonijiet

Xewqat, sentimenti, emozzjonijiet, dawk li l-awturi klassiċi sejħulhom passjonijiet, għandhom post importanti fiż-żwieġ. Jitnisslu meta l-ieħor isir preżenti u jidħol fil-ħajja tiegħi. (143)

L-emozzjoni mhix xi ħaġa moralment tajba jew ħażina fiha nfisha. Li tibda tħoss xewqa jew rifjut mhix xi dnub jew ħaġa tat-tmaqdir. Dak li hu tajjeb jew ħażin hu l-att li wieħed iwettaq imqanqal jew imsieħeb minn passjoni. Imma jekk is-sentimenti nrewħulhom, infittxuhom u b’kawża ta’ hekk inwettqu għemejjel ħżiena, il-ħażin qiegħed fid-deċiżjoni tagħna li nrewħulhom u fl-għemejjel ħżiena li jiġu wara. (145)

L-edukazzjoni tal-emozzjonijiet u tal-istint hi bżonnjuża, u għalhekk xi drabi bilfors ikun hemm bżonn jitqiegħed limitu. Iż-żejjed, in-nuqqas ta’ kontroll, l-ossessjoni għal xorta waħda ta’ pjaċiri, jispiċċaw biex idgħajfu u jmarrdu lill-istess pjaċir, u ħsara jagħmlu lill-ħajja tal-familja. (148)

L-imħabba li nwiegħdu lil xulxin hi ogħla minn kull emozzjoni, sentiment jew burdata, anki jekk jistgħu jagħmlu parti minnha. (163)

L-emozzjoni mqanqla minn essri uman ieħor bħala persuna […] ma tfittixx minnha nfisha l-att konjugaliTikseb espressjonijiet oħra sensibbli għax l-imħabba hija realtà waħda għalkemm b’xejriet differenti; kultant xejra jew oħra tista’ tispikka aktar. (164)

Eros

It-tagħlim uffiċjali tal-Knisja, fidil lejn l-Iskrittura, qatt ma ċaħad l-imħabba-eros fiha nfisha, iżda aktar iddikjara gwerra kontra l-iżvilupp qerriedi tagħha, għaliex din il-preżentazzjoni falza tal-eros bħala ħaġa divina […] iġġib fix-xejn id-dinjità tiegħu u tbaxxi l-aspett uman tiegħu. (147)

L-iktar erotiżmu san, anki jekk imxierek mit-tiftix tal-pjaċir, jippresupponi l-istagħġib, u għalhekk jista’ jagħti lemħa umana lil dak li l-bniedem iħoss bi stint. (151)

Bl-ebda mod ma nistgħu nifhmu d-dimensjoni erotika tal-imħabba bħala ħażen permess jew bħala tagħbija li jkollna nġorru għall-ġid tal-familja, imma bħala don ta’ Alla li jsebbaħ il-laqgħa bejn il-miżżewġin. (152)

Anki jekk aħna kontra l-użu ħażin tas-sesswalità u l-erotiżmu, dan qatt m’għandu jwassalna biex nistmelluhom jew inwarrbuhom għall-ġenb. L-ideal taż-żwieġ ma jistax iwassal biss għal għotja ġeneruża u mimlija sagrifiċċju, fejn kull wieħed iwarrab għall-ġenb kull ħtieġa tiegħu u jaħseb biss għall-ġid tal-ieħor mingħajr sodisfazzjon ta’ xejn għalih personali. (157)

Etika

Formazzjoni etika effikaċi titlob minna li nuru lill-persuna kemm jiswa lilha stess li tgħix tajjeb. Illum spiss ma tantx iħalli effett jekk nitolbu mill-oħrajn xi ħaġa li titlob sforz u ċaħdiet, mingħajr ma nuruhom b’mod ċar il-ġid li jistgħu jilħqu jekk jagħmlu hekk. (265)

Il-formazzjoni etika xi drabi tqanqal ċerta stmerrija minħabba esperjenzi ta’ abbandun, ta’ delużjoni, ta’ nuqqas ta’ affettività, jew minħabba f’immaġni kerha tal-ġenituri. Il-valuri etiċi jistgħu jiġu influwenzati ħażin minn immaġni mgħawġa tal-figuri tal-missier u tal-omm, jew mid-dgħufija tal-adulti. (272)

Evanġelizzazzjoni

Quddiem il-familji u f’nofshom dejjem għandha tidwi mill-ġdid dik l-ewwel tħabbira, dik li hi l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-iktar meħtieġa. Din it-tħabbira għandha tkun fil-qalba tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni. (58)

Biex il-familji jsiru dejjem iżjed suġġett attiv tal-pastorali tal-familja, hu meħtieġ sforz b’riżq l-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi indirizzat lejn il-familja nfishali jorjentaha f’din id-direzzjoni. (200)

Hemm ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni li ma tibżax teħodha kontra l-kundizzjonamenti kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi, bħall-ispazju żejjed li qed jingħata lil-loġika tas-suq, li jxekklu ħajja familjari awtentika, u jġibu diskriminazzjonijiet, faqar, esklużjoni, vjolenza. (201)

Issemmew liturġiji, prattiki devozzjonali u Quddies iċċelebrat għall-familji, fuq kollox fl-anniversarju tat-tieġ, bħala aspetti vitali li jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni permezz tal-familja. (223)

Jekk nitilqu waħidha familja midruba mill-mewt, inkunu qed nonqsu mill-ħniena, inkunu tlifna opportunità pastorali, u din l-imġiba tista’ tagħlqilna l-bibien għal kull azzjoni oħra ta’ evanġelizzazzjoni. (253)

Fid-dixxerniment pastorali jixraq li jidentifikaw elementi li jistgħu jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni u l-maturità umana u spiritwali. (293)

Evanġelju

Ħadd mhu kkundannat għal dejjem, għax din mhix il-loġika tal-Evanġelju! (297)

Evanġelju tal-Familja

L-Evanġelju tal-familja ilu jterraq fl-istorja tad-dinja, mill-ħolqien tal-bniedem fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, sat-twettiq tal-misteru tal-Patt fi Kristu, sat-temma taż-żmien bil-festa tat-tieġ tal-Ħaruf . (63)

L-Evanġelju tal-familja jsaqqi wkoll dik iż-żerriegħa li għadha qed tistenna biex tnibbet u tikber, u għandu jieħu ħsieb ukoll ta’ dawk is-siġar li nixfu u għandhom bżonn min jagħti kashom u mhux jittraskurahom, biex hekk, grazzi għad-don ta’ Kristu fis-sagrament, bis-sabar kollu jitwasslu biex jagħrfu dejjem aktar dan il-misteru li ħa jseħħ b’mod aktar sħiħ f’ħajjithom. (76)

L-Evanġelju tal-familja hu ferħ li jimla l-qalb u l-ħajja kollha kemm hi, għax fi Kristu aħna meħlusa mid-dnub, mid-dwejjaq, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament. (200)

Il-pastorali mal-familji għandha turina kif l-Evanġelju tal-familja hu tweġiba għax-xewqat l-iżjed qawwija tal-bniedem: għad-dinjità tiegħu u għat-twettiq sħiħ fir-reċiproċità, fil-komunjoni u fil-fekondità. Hawn m’aħniex qegħdin biss nippreżentaw normattiva, imma qed nipproponu sett ta’ valuri, li jwieġbu għall-ħtiġijiet li llum qed jinħassu anki fl-iktar pajjiżi sekularizzati. (201)

Ewkaristija

L-Ewkaristija tesiġi l-integrazzjoni fil-ġisem waħdieni tal-Knisja. Min jersaq lejn il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu ma jistax fl-istess waqt joffendi dak l-istess Ġisem billi bi skandlu jġib firdiet u diskriminazzjonijiet bejn il-membri tiegħu. (186)

Ma rridux ninsew li n-natura mistika tas-Sagrament  [tal-Ewkaristija] hi ta’ karattru soċjaliMeta dawk li jirċevuh ma jaċċettawx li jinġibdu minn impenn mal-foqra u l-batuti jew jittolleraw diversi xejriet ta’ firda, ta’ stmerrija u ta’ inġustizzja, l-Ewkaristija jkunu jirċevuha bla ma jixirqilhom. (186)

Il-familji li jitmantnew mill-Ewkaristija b’dispożizzjoni xierqa, isaħħu fihom ix-xewqa tal-imħabba tal-aħwa, is-sens soċjali tagħhom u l-impenn b’riżq min hu fil-bżonn. (186)

Il-persuni divorzjati imma li ma reġgħux iżżewġu, li spiss huma xhieda tal-fedeltà taż-żwieġ, għandna nħeġġuhom isibu fl-Ewkaristija l-ikel li jqawwihom fl-istat tagħhom. (242)

Dwar il-qsim tal-Ewkaristija nfakkru li d-deċiżjoni li nħallu jew ma nħallux jersqu għat-tqarbin Ewkaristiku lill-parti mhix Kattolika taż-żwieġ trid tittieħed fi qbil man-normi ġenerali eżistenti dwar il-materja, kemm għall-Insara tal-Lvant u kemm għall-Insara l-oħra, u billi nżommu quddiem għajnejna din is-sitwazzjoni partikulari, jiġifieri li qed jirċievu s-sagrament taż-żwieġ Nisrani żewġ Insara mgħammdin. (247)

Għalkemm il-miżżewġin fi żwieġ imħallat għandhom komuni bejniethom is-sagramenti tal-Magħmudija u taż-Żwieġ, is-sehem fl-Ewkaristija ma jistax isir ħlief f’każi eċċezzjonali u, hu x’inhu, għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet indikati. (247)

Meta nitrejqu bl-Ewkaristija, din tagħtina qawwa u enerġija biex ta’ kuljum ngħixu l-patt taż-żwieġ bħala Knisja tad-dar. (318)

Ewtanasja

L-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma theddida gravi għall-familji fid-dinja kollha. Il-prattika tagħhom hi legali f’ħafna Stati. Il-Knisja, waqt li teħodha bil-qawwa kontra dawn il-prassi, tħossha fid-dmir li tgħin lill-familji li qed jieħdu ħsieb tal-membri anzjani u morda tagħhom. (48)

Il-Knisja mhux biss tħoss l-urġenza li tisħaq fuq il-jedd għall-mewt naturali, fejn allura wieħed jevita miżuri intensivi ta’ terapija li twassal ħelu ħelu għall-mewt u l-ewtanasja, imma tiċħad fermament il-piena kapitali. (83)

Familja/Familji

Il-familji mhumiex problema, l-ewwel u qabel kollox huma opportunità. (7)

Il-Bibbja lill-familja tqisha wkoll bħala l-katedra tal-katekeżi tal-ulied. […]  Hi l-post fejn il-ġenituri jsiru l-ewwel għalliema tal-fidi għal uliedhom. (16)

L-ulied mhumiex proprjetà tal-familja, imma għandhom quddiemhom il-mixja personali ta’ ħajjithom. (18)

Il-familja hi msejħa taqsam flimkien it-talb ta’ kuljum, il-qari tal-Kelma ta’ Alla u l-komunjoni Ewkaristika biex tisseddaq fl-imħabba u tinbidel dejjem iżjed f’tempju fejn jgħammar l-Ispirtu. (29)

Il-ġid tal-familja hu deċiżiv għall-ġejjieni tad-dinja u tal-Knisja. (31)

Il-fallimenti jagħtu bidu għal relazzjonijiet ġodda, koppji ġodda, rabtiet ġodda u żwiġijiet ġodda, li joħolqu sitwazzjonijiet familjari kumplessi u problematiċi għall-għażla tan-Nisrani. (41)

F’xi soċjetajiet fejn il-fidi u l-prattika reliġjuża qed jiddgħajfu, dan qed iħalli l-effetti tiegħu fuq il-familji u qed jitlaqhom iżjed għal riħhom bid-diffikultajiet tagħhom. (43)

Hi responsabbiltà tal-Istat li joħloq il-kundizzjonijiet leġislattivi u ta’ xogħol biex jiggarantixxi l-futur taż-żgħażagħ u jgħinhom iwettqu l-pjan tagħhom li jwaqqfu familja. (43)

Il-familja għandha d-dritt għal post diċenti fejn tgħix, xieraq għall-ħajja tal-familja u f’qies proporzjonat mal-għadd tal-membri, f’ambjent li jipprovdi s-servizzi bażiċi għall-ħajja tal-familja u tal-komunità. (44)

Il-familja hi ġid li s-soċjetà ma tistax tgħaddi mingħajru, imma għandha bżonn tiġi mħarsa. (44)

L-istituzzjoni tal-familja, li għandha tiġi rrispettata u mħarsa minn kull sfruttamentfuq kollox fil-kuntest ta’ żmienna fejn normalment ftit issib spazju fil-pjanijiet politiċi. (44)

Fost jeddijiet oħra, il-familji għandhom dak li jistgħu jserrħu fuq politika tajba tal-familja min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ġuridiku, ekonomiku, soċjali u fiskali. Kultant huwa drammatiku s-saram li jgħaddu minnu l-familji meta, fil-marda ta’ persuna għażiża, ma jkollhomx aċċess għal servizzi xierqa tas-saħħa, jew meta jitwal iż-żmien ta’ stennija għal impjieg dinjituż. (44)

Għandna għax nisħqu fuq il-jeddijiet tal-familja, u mhux biss fuq dawk individwali. (44)

Is-saħħa li għandha l-familja essenzjalment tgħammar fil-ħila tagħha li tħobb u tgħallem kif tħobb. (53)

Id-dinjità identika bejn ir-raġel u l-mara twassalna biex nifirħu bil-fatt li qed jingħelbu xejriet qodma ta’ diskriminazzjoni, u biex fi ħdan il-familja jitrawwem stil ta’ reċiproċità. Jekk minn naħa qed jinbtu xejriet ta’ femminiżmu li ma nistgħux inqisuhom xierqa, daqshekk ieħor nammiraw l-opra tal-Ispirtu fl-għarfien iżjed ċar tad-dinjità tal-mara u tal-jeddijiet tagħha. (54)

Il-valuri kbar taż-żwieġ u tal-familja Nisranija jikkorrispondu għat-tiftix tal-eżistenza umana. (57)

Bosta familji, li huma bogħod sew milli jissejħu perfetti, qed jgħixu fl-imħabba, qed iwettqu s-sejħa tagħhom u qed jibqgħu mexjin ’il quddiem imqar jekk jaqgħu bosta drabi tul il-mixja. (57)

Il-familja trid tħares il-ħajja f’kull fażi tagħha u anki fl-għabex tagħha. Għalhekk, lil dawk li jaħdmu fi strutturi tas-saħħa tfakkarhom fl-obbligu morali tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza. (83)

Il-Knisja hi ġid għall-familja, il-familja hi ġid għall-Knisja. Il-ħarsien tad-don sagramentali tal-Mulej mhux biss dmir tal-familja waħidha, imma tal-istess komunità Nisranja. (87)

L-imħabba li tingħax fil-familji hi qawwa permanenti għall-ħajja tal-Knisja. (88)

Il-ġmiel tad-don reċiproku u b’xejn, il-ferħ għall-ħajja li twieldet u l-għożża kollha mħabba tal-membri kollha, miċ-ċkejknin sal-anzjani, huma ftit mill-frott li jagħmel it-tweġiba għall-vokazzjoni tal-familja ħaġa unika u li xejn ma jista’ jeħdilha postha, kemm għall-Knisja u kemm għas-soċjetà kollha kemm hi. (88)

Fil-ħajja tal-familja ma tistax issaltan il-loġika ta’ min jaħkem fuq l-oħrajn, jew il-kompetizzjoni biex naraw min hu l-aktar intelliġenti jew b’saħħtu, għax din il-loġika xxejjen l-imħabba. (98)

Il-familja għandha tkun dejjem il-post fejn kull min jagħmel xi ħaġa tajba fil-ħajja, jaf li hemm se niċċelebrawha flimkien miegħu. (110)

F’familja fejn issaltan fiduċja soda u kollha mħabba, fejn il-membri dejjem jafdaw f’xulxin minkejja kollox, huma jistgħu jikxfu l-identità vera tagħhom u dlonk jirrifjutaw l-ingann, il-qerq u l-gideb. (115)

Fil-ħajja tal-familja hemm bżonn ngħożżu u nieħdu ħsieb ta’ din il-qawwa tal-imħabba, li biha nistgħu nissaraw kontra l-ħażen li qed jheddidha. L-imħabba ma tħallix jaħkmuha l-korla, l-istmerrija tal-persuna, ix-xewqa li nweġġgħu jew inġagħlu lil xi ħadd ipattiha. (119)

Fil-familja “hemm bżonn nużaw tliet kelmiet. Irrid nirripetih dan. Tliet kelmiet: jekk jogħġbok, grazzi, skużani. Tliet kelmiet li huma muftieħ! (133)

Il-familja hi l-post fejn mhux biss jitnisslu l-ulied, imma anki tiġi milqugħa l-ħajja li tasal bħala don mingħand Alla. (166)

Il-familji kbar huma okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja. Fihom l-imħabba tesprimi ruħha f’ġenerożità għammiela. Dan ma jfissirx li ninsew it-twiddiba tajba ta’ San Ġwanni Pawlu II, meta fisser kif il-paternità responsabbli mhix prokreazzjoni bla limiti jew nuqqas ta’ għarfien dwar xi jfisser trabbi l-ulied, imma pjuttost il-possibbiltà mogħtija lill-koppji li jħaddmu l-libertà invjolabbli tagħhom b’għaqal u responsabbiltà, waqt li jżommu quddiem għajnejhom ir-realtajiet soċjali u demografiċi kif ukoll l-istess qagħda tagħhom u x-xewqat leġittimi li għandhom. (167)

Hemm rwoli u ħidmiet flessibbli, li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull familja, imma l-preżenza ċara u spejgata taż-żewġ figuri, femminili u maskili, toħloq l-iżjed ambjent adatt biex l-ulied jistgħu jimmaturaw. (175)

Alla fada lill-familja bil-pjan tiegħu li jagħmel mid-dinja dar, fejn kulħadd jista’ jidħol u jħoss li kull bniedem huwa ħuh. (186)

Il-familja hi l-post fejn isseħħ l-ewwel soċjalizzazzjoni, għax hi l-ewwel lok fejn wieħed jitgħallem joqgħod quddiem l-ieħor, jisma’, jaqsam, jissaporti, jirrispetta, jgħin, jgħix ma’ ħaddieħor. (276)

Il-familja trid tivvinta ta’ kuljum modi ġodda kif isseddaq l-għarfien wieħed tal-ieħor. (276)

Il-familja tista’ tissawwar bħala suġġett tal-azzjoni pastorali permezz tat-tħabbira espliċita tal-Evanġelju u l-wirt ta’ bosta xorta ta’ xhieda: is-solidarjetà mal-foqra, il-ftuħ għad-diversità tal-persuni, il-ħarsien tal-ħolqien, is-solidarjetà morali u materjali mal-familji l-oħra, fuq kollox dawk l-iżjed fil-bżonn, l-impenn b’riżq il-promozzjoni tal-ġid komuni anki permezz tat-tibdil fl-istrutturi soċjali inġusti, ibda mit-territorju li fih hi tgħix, meta tipprattika l-opri tal-ħniena li jmissu mal-ġisem u mar-ruħ. (290)

Anki fil-qalb ta’ kull familja jeħtieġ tidwi l-kerygma, f’kull ħin, f’waqtu u mhux, biex iddawwal il-mixja tagħha. Kollha għandna nkunu nistgħu ngħidu, frott il-ħajja li nkunu għexna fil-familji tagħna: “Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha”. Huwa biss jekk titlaq minn din l-esperjenza li l-pastorali tal-familja tista’ twassal biex il-familji jsiru Knejjes tad-dar u fl-istess ħin ħmira evanġelizzatriċi li ttella’ l-għaġna tas-soċjetà tagħna. (290)

L-ispiritwalità tal-imħabba fil-familja hi msawra minn eluf ta’ ġesti reali u konkreti. (315)

Il-preżenza tal-Mulej tgħammar fil-familja vera u konkreta, bit-tbatija, it-taqbid, il-ferħ u t-tamiet kollha tal-ħajja tagħha ta’ kuljum. (315)

Billi l-bniedem bħala persuna hu soċjali mill-istess natura tiegħu u l-ewwel dehra, u dehra fundamentali, tan-natura soċjali tal-persuna tal-bniedem narawha fiż-żwieġ u l-familjal-ispiritwalità titlaħħam fil-komunjoni tal-familja. Għalhekk, dawk li għandhom xewqat spiritwali profondi m’għandhomx iħossu li l-familja qed tbegħidhom milli jikbru fil-ħajja tal-Ispirtu, imma li hi mixja li l-Mulej jinqeda biha biex iwassalhom fil-quċċata tal-għaqda mistika. (316)

Jekk il-familja jirnexxilha tinġabar fi Kristu, hu jgħaqqad u jdawwal il-ħajja kollha tal-familja. (317)

Bil-qawwa tal-Ispirtu, in-nukleu tal-familja mhux biss jilqa’ l-ħajja billi jnissilha fi ħdanu stess, imma jinfetaħ, joħroġ minnu nnifsu biex isawwab il-ġid tiegħu fuq l-oħrajn, biex jara li jfittex il-ferħ tagħhom. (324)

Il-familja tgħix l-ispiritwalità partikulari tagħha billi tkun, fl-istess waqt, Knisja tad-dar u ċellula ħajja biex tibdel id-dinja. (324)

L-ebda familja mhi realtà perfetta, imgeżwra u lesta b’kollox, imma titlob żvilupp gradwali tal-ħila ta’ kull wieħed u waħda li jħobb aktar. (325)

Familji b’Ġenitur Wieħed

Il-familji b’ġenitur wieħed […] spiss huma milquta wkoll mill-gravità tal-problemi ekonomiċi, mill-inċertezza ta’ xogħol prekarju, mid-diffikultà biex jgħajxu lil uliedhom, min-nuqqas ta’ dar. (252)

Familji Kbar

Il-familji kbar huma okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja. Fihom l-imħabba tesprimi ruħha f’ġenerożità għammiela. Dan ma jfissirx li ninsew it-twiddiba tajba ta’ San Ġwanni Pawlu II, meta fisser kif il-paternità responsabbli mhix prokreazzjoni bla limiti jew nuqqas ta’ għarfien dwar xi jfisser trabbi l-ulied, imma pjuttost il-possibbiltà mogħtija lill-koppji li jħaddmu l-libertà invjolabbli tagħhom b’għaqal u responsabbiltà, waqt li jżommu quddiem għajnejhom ir-realtajiet soċjali u demografiċi kif ukoll l-istess qagħda tagħhom u x-xewqat leġittimi li għandhom. (167)

Familja Mqaddsa

Kull familja għandha quddiemha l-ikona tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, bil-ħajja tagħha ta’ kuljum magħmula minn taħbit u anki ġrajjiet koroh. (30)

Il-patt ta’ mħabba u fedeltà, li bih tgħix il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, idawwal dak il-prinċipju li jsawwar kull familja, u jagħmilha kapaċi taffronta aħjar it-taħbit tal-ħajja u tal-istorja. Fuq dan il-pedament, kull familja, minkejja d-dgħufija tagħha, tista’ ssir dawl fid-dalma tad-dinja. (66)

Faqar/Foqra

Il-familji miftuħa u solidali joħolqu spazju għall-foqra, jafu jinsġu ħbiberija ma’ dawk f’qagħda agħar minn tagħhom. (183)

Falliment fiż-żwieġ isir iżjed trawmatiku u ta’ wġigħ il-qalb meta hemm il-faqar, għax wieħed ikollu ħafna inqas riżorsi f’idejh biex jista’ jerġa’ jieqaf fuq saqajh. Persuna fqira li titlef l-ambjent protettiv tal-familja tisfa’ doppjament esposta għat-telqa u għal kull xorta ta’ riskju għas-sħuħija tagħha. (242)

Fedeltà

Kif nistgħu nagħmlu l-qalb lill-miżżewġin biex jagħmlu mixja ta’ fedeltà u ta’ għotja reċiproka jekk ma ngħinux lill-imħabba bejniethom u fil-familja tikber, tissaħħaħ u tinżel iktar fil-fond? (89)

L-għaqda li tiġi konkretizzata fil-wegħda taż-żwieġ għal dejjem, hi iżjed minn formalità soċjali jew tradizzjoni, għax għandha għeruqha fl-inklinazzjonijiet spontanji tal-persuna umana; għal min jemmen, hi patt quddiem Alla li jesiġi fedeltà (123)

It-tifsira tal-kunsens turi li libertà u fedeltà ma jmorrux kontra xulxin, anzi, iwieżnu lil xulxin, kemm fir-relazzjonijiet interpersonali, u kemm f’dawk soċjali. (214)

Iż-żamma tal-kelma mogħtija, il-fedeltà għall-wegħda, ma tistax tixtrihom jew tbigħhom. Ma tistax iżżommhom bil-forza, imma lanqas tħarishom mingħajr sagrifiċċju. (214)

Meta l-inbid [tal-għarajjes] jeqdiem bl-esperjenza tal-mixja, hemm tidher, twarrad fil-milja kollha tagħha l-fedeltà tal-mumenti żgħar tal-ħajja. Hi l-fedeltà tal-istennija u tas-sabar. Din il-fedeltà mimlija sagrifiċċji u ferħ tibqa’ bħal twarrad sa fiż-żmien meta kollox ikun misjur u l-għajnejn jixegħlu bħal xrara huma u jikkontemplaw lil ulied uliedhom. (231)

Il-persuni divorzjati li ma reġgħux iżżewġu, spiss huma xhieda tal-fedeltà taż-żwieġ. (242)

Qed inħossu t-toqol tal-muntanja li jgħattan il-qalb ta’ tifel ċkejken, fil-familji fejn nagħmlu l-ħsara lil xulxin, sa ma ntertqu dik ir-rabta ta’ fedeltà konjugali? (246)

Iż-żwieġ Nisrani, mera tar-rabta bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, jitwettaq b’mod sħiħ fl-għaqda bejn raġel u mara, li jingħataw lil xulxin fi mħabba esklussiva u fil-fedeltà ħielsa, jibqgħu ta’ xulxin sal-mewt u miftuħa għat-trasmissjoni tal-ħajja, ikkonsagrati mis-sagrament li jsawwab fuqhom il-grazzja biex jinbnew bħala Knisja tad-dar u ħmira ta’ ħajja ġdida fis-soċjetà. (292)

Femminiżmu

Jekk minn naħa qed jinbtu xejriet ta’ femminiżmu li ma nistgħux inqisuhom xierqa, daqshekk ieħor nammiraw l-opra tal-Ispirtu fl-għarfien iżjed ċar tad-dinjità tal-mara u tal-jeddijiet tagħha. (54)

Napprezza l-femminiżmu meta ma jippretendix l-uniformità u lanqas iċ-ċaħda tal-maternità. Għax il-kobor tal-mara jimplika d-drittijiet kollha li joħorġu mid-dinjità umana inaljenabbli tagħha, imma anki mill-ġenju femminili tagħha, li s-soċjetà mingħajru ma tistax tgħaddi. (173)

Ferħ

Il-ferħ tal-imħabba fil-familji hu wkoll il-ferħ tal-Knisja. (1)

Ladarba aħna maħluqin biex inħobbu, nafu li ma jeżistix ferħ akbar milli naqsmu ma’ xulxin xi ħaġa tajba. (129)

L-aqwa ferħ fil-ħajja jitnissel meta jirnexxielna nferrħu lill-oħrajn, bħal f’tidwiqa minn qabel tas-Sema. (129)

Il-ferħ jiġġedded fit-tbatija. […] Ftit hemm ferħ uman li hu hekk qawwi u ta’ min jiċċelebrah daqs meta żewġ persuni li jinħabbu jkunu kisbu flimkien xi ħaġa li swiet sforz kbir lit-tnejn li huma. (130)

Fidi

F’xi soċjetajiet fejn il-fidi u l-prattika reliġjuża qed jiddgħajfu, dan qed iħalli l-effetti tiegħu fuq il-familji u qed jitlaqhom iżjed għal riħhom bid-diffikultajiet tagħhom. (43)

Il-fidi hi don ta’ Alla, milqugħ fil-Magħmudija, u mhix il-frott ta’ xi għemil tal-bniedem, imma l-ġenituri huma strument ta’ Alla biex din tikber u tiżviluppa. (287)

It-trasmissjoni tal-fidi titlob li l-ġenituri jkunu diġà qed jgħixu l-esperjenza vera tal-fiduċja f’Alla, li jfittxuh, li jiġu bżonnu. (287)

Li ngħaddu l-fidi lill-ulied, fis-sens li niffaċilitaw l-espressjoni tagħha u ngħinuhom jikbru fiha, jippermetti lill-familja li ssir hi stess evanġelizzatriċi, u li minn jeddha tibda tgħaddiha lil dawk kollha li jmissu magħha, anki ’l barra mill-istess ambjent tal-familja. (289)

Fiduċja

L-istess fiduċja tagħmel possibbli relazzjoni ta’ libertà. M’hemmx bżonn nikkontrollaw lill-ieħor, li noqogħdu nsegwu kull pass tiegħu, biex nevitaw li jaħarbilna minn taħt idejna. (115)

L-imħabba tafda, tħalli fil-libertà, ma tridx tikkontrolla kollox, tippossedi, taħkem taħtha. (115)

F’familja fejn issaltan fiduċja soda u kollha mħabba, fejn il-membri dejjem jafdaw f’xulxin minkejja kollox, huma jistgħu jikxfu l-identità vera tagħhom u dlonk jirrifjutaw l-ingann, il-qerq u l-gideb. (115)

Formazzjoni

Flimkien ma’ pastorali speċifikament orjentata għall-familji, naraw il-ħtieġa ta’ formazzjoni iżjed adegwata għall-presbiteri, id-djakni, ir-reliġjużi, il-katekisti u l-operaturi pastorali l-oħraFit-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet mibgħuta madwar id-dinja kollha, ħareġ ċar li l-ministri ordnati spiss huma neqsin mill-formazzjoni xierqa biex jittrattaw il-problemi kumplessi ta’ żmienna fil-familji. (202)

Il-preżenza tal-lajċi u tal-familji, b’mod partikulari dik femminili, fil-formazzjoni saċerdotali, tiffavorixxi l-apprezzament tal-varjetà u l-kumplimentarjetà tad-diversi vokazzjonijiet fil-Knisja. (203)

It-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet li saru jesprimu wkoll b’insistenza l-ħtieġa tal-formazzjoni ta’ operaturi lajċi fil-pastorali tal-familja bl-għajnuna ta’ psikopedagoġisti, tobba tal-familja, tobba tal-komunità, professjonisti fis-servizzi soċjali, avukati tal-minuri u l-familji, b’moħħ miftuħ għall-kontribut li għandhom x’jagħtu l-psikoloġija, is-soċjoloġija, is-sesswoloġija u anki l-counselling. (204)

Programmi u korsijiet ta’ formazzjoni maħsuba speċifikament għall-operaturi pastorali jistgħu jagħmluhom idonji biex idaħħlu l-istess mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ fid-dinamika usa’ tal-ħajja ekkleżjali. (204)

Hemm bosta modi tajbin kif nistgħu norganizzaw it-tħejjija fil-qrib għaż-żwieġ, u kull Knisja lokali trid tiddixxerni hi liema hi l-aħjar mixja għaliha, u tipprovdi formazzjoni xierqa li fl-istess waqt ma tbegħidx liż-żgħażagħ mis-sagrament. (207)

[It-tħejjija fil-qrib għaż-żwieġ] hi bħal xorta ta’ “inizjazzjoni” għas-sagrament taż-żwieġ li tfornihom bl-elementi meħtieġa biex jistgħu jirċevuh bl-aħjar dispożizzjonijiet u jibdew fuq is-sod il-ħajja tal-familja. (207)

Il-pastorali ta’ qabel iż-żwieġ u l-pastorali taż-żwieġ għandhom ikunu qabelxejn pastorali tar-rabta, fejn jinħolqu elementi li jgħinu kemm biex tikber l-imħabba u kemm biex jingħelbu l-mumenti ibsin. (211)

Għandna dejjem inħeġġu l-formazzjoni ta’ kuxjenza mdawla, iffurmata u msieħba mid-dixxerniment responsabbli u serju tar-Ragħaj, u nipproponu fiduċja dejjem akbar fil-grazzja. (303)

Formazzjoni Etika

Anki jekk il-ġenituri għandhom bżonn tal-iskola biex jiżguraw li wliedhom jirċievu t-tagħlim bażiku, huma ma jistgħu qatt jiddelegaw għalkollox il-formazzjoni morali tagħhom. (263)

Il-formazzjoni morali għandha sseħħ dejjem b’metodi attivi u bi djalogu edukattiv li jħaddem is-sensibbiltà u l-lingwaġġ proprju tal-ulied. Barra minn hekk, din il-formazzjoni għandha titwettaq minn isfel għal fuq, biex l-iben jista’ jasal li jiskopri hu l-importanza ta’ valuri, prinċipji u normi partikulari, flok jiġu imposti fuqu bħala veritajiet indiskutibbli. (264)

Formazzjoni etika effikaċi titlob minna li nuru lill-persuna kemm jiswa lilha stess li tgħix tajjeb. Illum spiss ma tantx iħalli effett jekk nitolbu mill-oħrajn xi ħaġa li titlob sforz u ċaħdiet, mingħajr ma nuruhom b’mod ċar il-ġid li jistgħu jilħqu jekk jagħmlu hekk. (265)

Il-formazzjoni etika xi drabi tqanqal ċerta stmerrija minħabba esperjenzi ta’ abbandun, ta’ delużjoni, ta’ nuqqas ta’ affettività, jew minħabba f’immaġni kerha tal-ġenituri. Il-valuri etiċi jistgħu jiġu influwenzati ħażin minn immaġni mgħawġa tal-figuri tal-missier u tal-omm, jew mid-dgħufija tal-adulti. (272)

Ġeneru

Sfida oħra ġejja mill-bosta xejriet ta’ ideoloġija, ġenerikament imsejħa tal-ġeneru, li tiċħad id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara. Li għandha f’moħħha hi soċjetà bla differenzi ta’ sess u li trid tbattal il-bażi antropoloġika tal-familja. Din l-ideoloġija twassal għal proġetti edukattivi u orjentamenti leġislattivi li jippromovu identità personali u intimità affettiva li minn għeruqhom huma maqtugħa mid-diversità bijoloġika bejn raġel u mara. (56)

Ġenituri

Jekk il-ġenituri huma l-pedament sod tad-dar, l-ulied huma bħall-ġebel ħaj tal-familja. (14)

Il-ġenituri għandhom id-dmir li jwettqu b’serjetà l-missjoni tagħhom li jedukaw, kif spiss jgħallmu l-għorrief tal-Bibbja. (17)

L-edukazzjoni sħiħa tal-ulied hi dmir mill-aktar serju u fl-istess waqt “dmir ewlieni” tal-ġenituri. (84)

L-ulied mhux biss jixtiequ li l-ġenituri tagħhom jinħabbu, imma anki li jkunu fidili u jibqgħu dejjem magħquda. (123)

Il-ġenituri m’għandhomx jiġu mwarrba u lanqas ittraskurati, madankollu, biex tnejn jingħaqdu fiż-żwieġ jeħtieġ li jinfatmu mill-ġenituri tagħhom, biex id-dar il-ġdida ssir l-għamara, il-ħarsien, il-qafas u l-pjan tagħhom, u jkunu jistgħu tassew isiru ġisem wieħed. (190)

L-għażla responsabbli ta’ min isir ġenitur tippresupponi l-formazzjoni tal-kuxjenza, li hi ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo fina. (222)

Il-ġenituri dejjem jinfluwenzaw l-iżvilupp morali ta’ wliedhom, fit-tajjeb u fil-ħażin. Konsegwentement, l-aħjar ħaġa hi li jilqgħu din ir-responsabbiltà li ma jistgħux jaħarbu minnha u jwettquha b’kuxjenza, b’ħeġġa, b’mod raġunat u xieraq. (259)

Xogħol il-ġenituri hu li jedukaw ir-rieda u jrawmu fi wliedhom drawwiet tajba u inklinazzjonijiet affettivi lejn dak li hu tajjeb. Dan jimplika li jippreżentawhom bħala mġibiet li wieħed jixxennaq li jitgħallem u inklinazzjonijiet li jixtieq jikber fihom. Imma dan hu dejjem proċess li mill-imperfezzjoni jgħaddi għal milja sħiħa. (264)

Il-ġenituri li jixtiequ jsieħbu lil uliedhom fil-fidi tagħhom huma attenti għall-bidliet li jaraw iseħħu fihom, għax jafu li l-esperjenza spiritwali ma timponi qatt ruħha imma hi proposta quddiem il-libertà tagħhom. (288)

Ġesù Kristu

Mhux ta’ b’xejn li d-diskors ta’ Kristu fuq iż-żwieġ insibuh fil-qalba ta’ argument sħiħ dwar id-divorzju. (19)

Kristu daħħal fuq kollox il-liġi tal-imħabba u tal-għotja lill-oħrajn, u dan għamlu bi prinċipju li missier u omm spiss jixhdu għalih fil-ħajja tagħhom. (27)

Fidili lejn it-tagħlim ta’ Kristu, inħarsu lejn ir-realtà tal-familja llum fil-kumplessità kollha tagħha, fid-dwal u d-dellijiet tagħha. (32)

Il-messaġġ tal-Knisja fuq iż-żwieġ u l-familja hu mera ċar tal-predikazzjoni u tal-imġiba ta’ Ġesù, li waqt li minn naħa ppropona ideal esiġenti, ma naqas qatt li bil-ħniena tiegħu jkun qrib tal-persuni dgħajfa bħas-Samaritana u l-adultera. (38)

Nixtieq nikkontempla lil Kristu ħaj preżenti f’tant stejjer ta’ mħabba, u nitlob lill-Ispirtu jkebbes in-nar tiegħu fil-familji kollha tad-dinja. (59)

Meta [Ġesù] jirriferi għall-pjan oriġinali għall-koppja umana, jerġa’ jagħfas fuq ir-rabta li ma tinħallx bejn raġel u mara. (62)

Il-familja u ż-żwieġ ġew mifdija minn Kristu, irrestawrati skont ix-xbieha tat-Trinità Qaddisa, misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera. (63)

Mingħand Kristu permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja meħtieġa biex jistgħu jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u jgħixu l-ħajja f’komunjoni. (63)

Kristu l-Mulej jiltaqa’ mal-miżżewġin Insara bis-sagrament taż-żwieġ, u jibqa’ magħhom. Fl-Inkarnazzjoni, hu jieħu fuqu l-imħabba umana, isaffiha, iwassalha għall-milja tagħha, u jagħti lill-miżżewġin, bl-Ispirtu tiegħu, il-ħila li jgħixuha, fil-ħajja kollha tagħhom ta’ fidi, tama u mħabba. (67)

Minn Kristu, permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex jagħtu xhieda tal-Evanġelju tal-imħabba ta’ Alla. (71)

It-tbatija u l-problemi tgħixhom f’xirka mas-Salib tal-Mulej, u t-tgħanniqa tagħha miegħu tgħinha ġġarrab l-agħar mumenti bis-sabar. Fil-jiem ta’ mrar tagħha l-familja tkun magħquda ma’ Ġesù abbandunat u hekk ma togħtorx. (317)

Ġisem

Il-Padri Sinodali […] urew it-tħassib tagħhom dwar ċertu tixrid tal-pornografija u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem, misjuq ukoll minn użu ħażin tal-internet u għas-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li jiġu obbligati jipprattikaw il-prostituzzjoni. (41)

Niftakru wkoll fil-prattika tal-kiri tal-utru jew fl-istrumentalizzazzjoni u l-bejgħ tal-ġisem femminili fil-kultura medjatika tal-lum. (54)

Fil-katekeżi tiegħu fuq it-teoloġija tal-ġisem uman, San Ġwanni Pawlu II għallem li l-korporjetà sesswata mhix biss għajn ta’ frott għammiel u ta’ prokreazzjoni, imma għandha l-ħila li tesprimi l-imħabba: dik l-imħabba li fiha l-bniedem-persuna jsir don. (151)

Il-ġisem tal-ieħor spiss hu mmanipulat bħala ħaġa li żżommha sakemm tagħtik sodisfazzjon u tarmiha meta ma jibqa’ xejn fiha li jiġbdek. (153)

Jekk il-bniedem jitħabat biex ikun spirtu biss u jixtieq jiskarta l-ġisem bħala wirt biex ngħidu hekk tal-annimali biss, imbagħad sew l-ispirtu sew il-ġisem jitilfu d-dinjità tagħhom. (157)

Aħna ninnamraw mal-persuna sħiħa li għandha identità tagħha, u mhux biss ma’ ġisem, anki jekk dan il-ġisem, lil hemm minn dak li ż-żmien jaf imermer, qatt ma jehda jesprimi b’xi mod dik l-identità personali li tkun rebħet il-qalb tal-ieħor. (164)

Il-ġisem, bit-tifsiriet kollha li Alla ried jagħtih meta ħalqu, jinbidel fil-lingwaġġ tal-ministri tas-sagrament, konxji li fil-patt taż-żwieġ tagħhom qed jidher u jitwettaq il-misteru. (213)

It-tifsira prokreattiva tas-sesswalità, il-lingwaġġ tal-ġisem u l-ġesti ta’ mħabba fl-istorja ta’ koppja miżżewġa, isiru kontinwità ma taqta’ xejn tal-lingwaġġ liturġiku, u l-ħajja miżżewġa, f’ċertu sens, issir liturġija. (215)

Il-lingwaġġ tal-ġisem jitlob it-taħriġ kollu sabar li bih nistgħu ninterpretaw u nedukaw ix-xewqat tagħna ħalli nkunu nistgħu tabilħaqq ningħataw għal xulxin. (284)

Irridu ngħinu lil dak li jkun jaċċetta ġismu hekk kif ġie maħluq, għax loġika ta’ ħakma fuq ġisimna tinbidel f’loġika kultant sottili ta’ ħakma fuq il-ħolqien. (285)

Ġudizzju

Nillimitaw il-ġudizzju tagħna, irrażżnu l-inklinazzjoni tagħna li nikkundannaw b’mod iebes u bla ħniena. (112)

Ġudizzju negattiv fuq sitwazzjoni oġġettiva ma jimplikax ġudizzju fuq ir-responsabbiltà jew il-ħtija tal-persuna involuta. (302)

Għarajjes

Ir-realtà soċjali kumplessa u l-isfidi li l-familja llum hi msejħa taffronta jitolbu impenn ikbar tal-komunità Nisranija kollha għat-tħejjija tal-għarajjes għaż-żwieġ. (206)

Nistieden lill-komunitajiet Insara jagħrfu li meta jsieħbu lill-għarajjes fil-mixja ta’ mħabba tagħhom, dan jiswa ta’ fejda għalihom stess. (207)

L-għarajjes għandhom ikunu stimulati u megħjuna jesprimu dak li kull wieħed jistenna minn dak iż-żwieġ, kif hu jifhem x’inhuma l-imħabba u l-impenn, dak li jixtieq mill-persuna l-oħra, l-għamla ta’ ħajja komuni li jixtieq jibni magħha. Dawn il-konverżazzjonijiet jistgħu jgħinu lil dak li jkun jara li fil-verità l-aspetti komuni huma ftit, u li l-ġibda reċiproka waħidha mhix ħa tkun biżżejjed biex iżżomm wieqfa dik ir-rabta. (209)

Kemm it-tħejjija fil-qrib u kemm it-tisħib iżjed fit-tul għandhom jaraw li l-għarajjes ma jħarsux lejn iż-żwieġ bħala tmiem il-mixja, imma jifhmu li ż-żwieġ hu vokazzjoni li tiftħilhom triq ’il quddiem, bid-deċiżjoni soda u realistika li flimkien iġarrbu l-provi u l-mumenti ibsin kollha. (211)

Fit-tħejjija tal-għarajjes, għandu jkollna l-ħila nuruhom postijiet u persuni, konsulturi u familji disponibbli, li għandhom jistgħu jirrikorru jfittxu l-għajnuna meta jsibu ruħhom quddiem diffikultajiet. Imma qatt m’għandna ninsew nipproponulhom ir-Rikonċiljazzjoni sagramentali, li fiha jistgħu jqiegħdu d-dnubiet u l-iżbalji tal-ħajja l-imgħoddija tagħhom, u tal-istess relazzjoni, taħt is-setgħa tal-maħfra ħanina ta’ Alla u tal-fejqan qawwi li jaf jagħti. (211)

Normalment it-tħejjija fil-qrib għaż-żwieġ tikkonċentra fuq l-istedin, l-ilbies, il-festa u l-għadd bla qies ta’ dettalji li jixorbu mhux ftit ir-riżorsi ekonomiċi kif ukoll l-enerġija u l-ferħ. L-għarajjes jaslu għat-tieġ bla nifs u għajjenin, flok jiddedikaw l-aħjar enerġija tagħhom biex bħala koppja jitħejjew għall-pass kbir li sa jmiddu flimkien. (212)

Għeżież għarajjes, kunu kuraġġjużi u kunu differenti, tħallux tiblagħkom is-soċjetà tal-konsum u tad-dehra. Dak li jiswa hu l-imħabba li tgħaqqadkom, imsaħħa u mqaddsa mill-grazzja. Intom kapaċi tagħżlu festa sobrja u sempliċi, biex tqiegħdu l-imħabba fuq kull ħaġa oħra. (213)

Xi drabi l-għarajjes ma jagħrfux kemm il-kunsens tagħhom iġorr fih għana teoloġiku u spiritwali, li jdawwal it-tifsira tal-ġesti kollha li jiġu wara. Hemm bżonn nuru kif dawk il-kelmiet ma jistgħux jiġu limitati biss għall-preżent; huma jimplikaw totalità li tinkludi wkoll il-futur: “sa ma l-mewt tifridna”. (214)

Hu indispensabbli li nimxu flimkien mal-għarajjes fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa tagħhom biex jistagħnew u jinżlu fil-fond tad-deċiżjoni konxja u ħielsa tagħhom li jkunu ta’ xulxin u jinħabbu sal-aħħar. (217)

Fl-għerusija u fl-ewwel snin taż-żwieġ it-tama hi dik li fiha għandha l-qawwa tal-ħmira li ttella’ l-għaġna, dik li tgħinna nħarsu lil hemm mill-kuntrarju, mill-ġlied, mill-affarijiet tal-mument li jinqalgħu, dik li tgħinna dejjem inħarsu iktar lil hemm. Hi dik li timliena dejjem bix-xewqa li nibqgħu nikbru. (219)

Ġrieħi

Nixtieq inħarsu lejn il-qagħda tal-familji mgħattna mill-miżerja, żvantaġġjati b’ħafna modi, fejn il-limitazzjonijiet tal-ħajja qed jiftħu ġrieħi kbar fil-ħajja tagħhom. (49)

Ħafna ġrieħi u kriżijiet jibdew malli ma nibqgħux nikkontemplaw lil xulxin. (128)

Koppja miżżewġa li dduq il-qawwa tal-imħabba, taf li din l-imħabba hi msejħa ddewwi u tfejjaq il-ġrieħi tal-mitluqa, u terġa’ twaqqaf il-kultura tal-laqgħa, titqabad b’riżq il-ġustizzja. (183)

Wieħed jifhem li fil-familji jkun hemm ħafna diffikultajiet meta xi ħadd mill-membri tagħhom baqa’ ma kibirx fil-mod kif iġib ruħu mal-oħrajn, għax baqa’ ma fieqx minn ġrieħi ta’ xi fażi ta’ ħajtu. (239)

Meta l-ulied ma jibqgħux iħossuhom iżjed prezzjużi f’għajnejn il-ġenituri tagħhom għalkemm huma imperfetti, jew jintebħu li huma m’għadhomx sinċerament ħsiebhom fihom, dan joħloq ġrieħi kbar li jnisslu ħafna diffikultajiet fil-maturazzjoni tagħhom. (263)

Grazzja

Ħafna jgħożżu l-qawwa tal-grazzja li jduqu fir-Rikonċiljazzjoni sagramentali u fl-Ewkaristija, li biha jistgħu jżommu sħaħ quddiem l-isfidi taż-żwieġ u tal-familja. (38)

Mingħand Kristu permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja meħtieġa biex jistgħu jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u jgħixu l-ħajja f’komunjoni. (63)

Il-miżżewġin huma bħal ikkonsagrati u, permezz tal-grazzja proprja, jibnu l-Ġisem ta’ Kristu u jwaqqfu Knisja tad-dar. (67)

Minn Kristu, permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex jagħtu xhieda tal-Evanġelju tal-imħabba ta’ Alla. (71)

Id-don reċiproku li fuqu mibni ż-żwieġ sagramentali għandu għeruqu fil-grazzja tal-Magħmudija li twaqqaf il-patt fundamentali ta’ kull persuna ma’ Kristu fil-Knisja. (73)

Fil-fatt, il-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ qabelxejn trid twassal għall-perfezzjoni l-imħabba tal-miżżewġin. (89)

Biex din l-imħabba tista’ tgħaddi mill-provi kollha u minkejja kollox tibqa’ fidila, hemm bżonn tad-don tal-grazzja li ssaħħaħha u tgħolliha. (124)

Id-don tal-imħabba divina li tissawwab fuq il-miżżewġin hu fl-istess waqt sejħa għal żvilupp kontinwu ta’ dan ir-rigal tal-grazzja. (134)

Il-miżżewġin Insara huma koperaturi tal-grazzja u xhieda tal-fidi bejniethom, ma’ wliedhom u ma’ dawk li jgħixu magħhom. (321)

Ħajja Umana

L-ebda rabta temporanja jew magħluqa għat-trasmissjoni tal-ħajja ma tista’ tiżguralna futur għas-soċjetà. (52)

Hu hekk għoli l-valur ta’ ħajja umana, u hu hekk inaljenabbli l-jedd għall-ħajja li għandha t-tarbija innoċenti li qed tikber fil-ġuf ta’ ommha, li bl-ebda mod mhu possibbli nippreżentaw bħala dritt fuq ġisimha l-possibbiltà li tieħu deċiżjonijiet dwar din il-ħajja, li hi fini fiha nfisha u li qatt ma tista’ tkun oġġett tal-ħakma min-naħa ta’ bniedem ieħor. (83)

Ħniena

Il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb tħabbat tal-Evanġelju, li permezz tagħha trid tilħaq il-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem. (309)

Ma rridux ninsew li l-ħniena mhix biss l-għemil tal-Missier, imma ssir il-kriterju biex nistgħu nifhmu min huma l-ulied veri tiegħu. F’kelma waħda, aħna msejħin ngħixu bil-ħniena, għax qabelxejn kien magħna stess li ntweriet il-ħniena. (310)

Il-ħniena hi l-milja tal-ġustizzja u l-wirja l-iżjed imdawla tal-verità ta’ Alla. Għalhekk, dejjem għandna nqisu bħala mhux f’loku kull kunċett teoloġiku li fl-aħħar mill-aħħar iqiegħed fid-dubju il-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox, u b’mod partikulari l-ħniena tiegħu. (311)

Ħolqien

Il-ħolqien ġie qabilna u rridu nilqgħuh bħala don. (56)

Il-patt taż-żwieġ, inawgurat fil-ħolqien u rrivelat fl-istorja tas-salvazzjoni, isib ir-rivelazzjoni sħiħa tat-tifsira tiegħu fi Kristu u fil-Knisja tiegħu. (63)

Skont l-ordni tal-ħolqien, l-imħabba konjugali bejn raġel u mara u t-trasmissjoni tal-ħajja huma orjentati lejn xulxin. (81)

Il-Ħallieq ta lir-raġel u lill-mara sehem fl-opra tal-ħolqien tiegħu u fl-istess ħin għamilhom għodda ta’ mħabbtu, billi fdalhom f’idejhom il-futur tal-umanità permezz tat-trasmissjoni tal-ħajja umana. (81)

Kull mara għandha sehem fil-misteru tal-ħolqien, li jiġġedded fit-tnissil uman. (168)

Meta naqraw is-silta biblika tal-ħolqien tar-raġel u tal-mara, nosservaw kif l-ewwel Alla jsawwar ir-raġel, imbagħad jintebaħ li tonqos xi ħaġa essenzjali u jsawwar il-mara, u hawn jara kemm stagħġeb ir-raġel: “Eħ, issa iva, din iva!” U mbagħad nistħajlu li qed nisimgħu dak id-djalogu mill-isbaħ fejn ir-raġel u l-mara jibdew jiskopru lil xulxin. (221)

Ideoloġiji

L-ideoloġija [tal-ġeneru] twassal għal proġetti edukattivi u orjentamenti leġislattivi li jippromovu identità personali u intimità affettiva li minn għeruqhom huma maqtugħa mid-diversità bijoloġika bejn raġel u mara. L-identità umana titħalla f’idejn għażla individwalista, li tinbidel ukoll maż-żmien. (56)

Mod tifhem id-dgħufija umana jew il-kumplessità tal-ħajja, u mod ieħor taċċetta ideoloġiji li jippretendu li jaqsmu fi tnejn l-aspetti li ma jinbidlux tar-realtà. (56)

Iltiema

Ninnotaw il-konsegwenzi gravi tal-qasma f’familji mfarrkin, ulied mitluqa, anzjani mwarrbin, tfal iltiema minn ġenituri ħajjin, adolexxenti u żgħażagħ bla direzzjoni u regoli. (51)

Il-fenomenu ta’ żmienna li nħossuna ltiema, f’termini ta’ nuqqas ta’ kontinwità, tiċrit mill-għeruq u dgħajfien taċ-ċertezzi li jsawru l-ħajja, qed jisfidana biex nagħmlu mill-familji tagħna post fejn it-tfal jistgħu jniżżlu għeruqhom fil-ħamrija ta’ storja kollettiva. (193)

Imħabba

Is-saħħa li għandha l-familja essenzjalment tgħammar fil-ħila tagħha li tħobb u tgħallem kif tħobb. Tkun kemm tkun miġruħa familja, hi dejjem tista’ tikber jekk tfittex l-imħabba bħala punt tat-tluq. (53)

L-imħabba dejjem iġġib ruħha b’sens qawwi ta’ mogħdrija, li jwassalni biex nilqa’ lill-ieħor bħala parti minn din id-dinja, anki meta jġib ruħu b’mod differenti minn dak li xtaqt jien. (92)

L-Imħabba turi tassew kemm hi għammiela, u tħallina nduqu l-ferħ f’li nagħtu, kemm hi ħaġa nobbli u kbira li ningħataw għall-oħrajn b’mod kotran, bla ma noqogħdu nkejlu, bla ma nistennew ħlas lura, sempliċement għall-gost li nagħtu u li naqdu. (94)

L-imħabba twassalna għal apprezzament sinċier ta’ kull bniedem, waqt li nagħrfu d-dritt tiegħu jew tagħha li jkun kuntent. (96)

L-imħabba, iżjed ma hi intima u profonda, wisq iżjed tesiġi r-rispett tal-libertà u l-ħila li wieħed jistenna li l-ieħor jiftaħlu l-bieb ta’ qalbu. (99)

Ċerta prijorità tal-imħabba tagħna nfusna tista’ tinftiehem biss bħala kundizzjoni psikoloġika, għax min mhux kapaċi jħobb lilu nnifsu jsibha bi tqila biex iħobb lill-oħrajn. (101)

L-imħabba tieħu ħsieb tal-immaġni tal-oħrajn, bi ħlewwa li twassalna biex saħansitra nħarsu l-fama tajba tal-għedewwa tagħna. (112)

Iħobbni kif inhu u kif jista’, bil-limiti tiegħu, imma l-fatt li mħabbtu hi imperfetta ma jfissirx li hi falza jew li mhix vera. Hi vera, imma limitata u ta’ din l-art. (113)

L-imħabba kapaċi tgħix id f’id mal-imperfezzjoni, mal-iskuża, u żżomm siekta quddiem il-limiti tal-persuna maħbuba. (113)

Fil-ħajja tal-familja hemm bżonn ngħożżu u nieħdu ħsieb ta’ din il-qawwa tal-imħabba, li biha nistgħu nissaraw kontra l-ħażen li qed jheddidha. L-imħabba ma tħallix jaħkmuha l-korla, l-istmerrija tal-persuna, ix-xewqa li nweġġgħu jew inġagħlu lil xi ħadd ipattiha. (119)

L-imħabba tiftħilna għajnejna u tħallina naraw, lil hemm minn kollox, xi prezz għoli għandha persuna umana. (128)

Ladarba aħna maħluqin biex inħobbu, nafu li ma jeżistix ferħ akbar milli naqsmu ma’ xulxin xi ħaġa tajba. (129)

Il-kliem f’postu, li jingħad fil-mument it-tajjeb, iħares u jirfed l-imħabba jum wara l-ieħor. (133)

Meta nħobbu lil xi ħadd jew meta nħossuna maħbubin minnu, jirnexxielna nifhmu aħjar dak li jkun jixtieq jesprimi jew ifehimna. Negħlbu d-dgħufija li twassalna nibżgħu mill-ieħor bħallikieku kien kontrokurrent tagħna. (140)

L-imħabba hi don ta’ Alla, u fejn hi tixtered bilfors li ħa ddewwaq il-qawwa tiegħu li kapaċi tibdel, b’modi xi kultant misterjużi. (228)

L-imħabba hi d-dawl waħdieni li li jdawwal mill-ġdid dinja mdallma. (316)

Imħabba Konjugali

L-imħabba konjugali titlob mill-miżżewġin li huma jagħrfu b’mod xieraq il-missjoni tagħhom ta’ paternità responsabbli, li fuqha llum ġustament ninsistu tant u li wkoll għandha tiġi mifhuma b’mod eżatt. (68)

Skont l-ordni tal-ħolqien, l-imħabba konjugali bejn raġel u mara u t-trasmissjoni tal-ħajja huma orjentati lejn xulxin. B’dan il-mod, il-Ħallieq ta lir-raġel u lill-mara sehem fl-opra tal-ħolqien tiegħu u fl-istess ħin għamilhom għodda ta’ mħabbtu, billi fdalhom f’idejhom il-futur tal-umanità permezz tat-trasmissjoni tal-ħajja umana. (81)

L-imħabba fiż-żwieġ qabelxejn ma nħarsuhiex billi nitkellmu dwar l-indissolubbiltà bħala obbligu, jew billi nirrepetu duttrina, imma billi tissaħħaħ bil-grazzja li kontinwament tgħinha tikber. (134)

It-Trinità hi preżenti fit-tempju tal-komunjoni taż-żwieġ. Hekk kif tgħix fil-ġieħ li jagħtiha l-poplu tagħha, tgħix intimament fl-imħabba konjugali li ssebbaħha bil-glorja. (314)

Hi responsabbiltà tal-Istat li joħloq il-kundizzjonijiet leġislattivi u ta’ xogħol biex jiggarantixxi l-futur taż-żgħażagħ u jgħinhom iwettqu l-pjan tagħhom li jwaqqfu familja. (43)

L-Istat joffri u jissussidja servizz edukattiv, u jsieħeb din il-funzjoni tal-ġenituri li ma jistgħux jiddelegaw, u huma għandhom id-dritt li jagħżlu bil-libertà l-għamla ta’ edukazzjoni – aċċessibbli u ta’ kwalità – li jixtiequ jagħtu lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet tagħhom. (84)

L-ittraffikar tat-tfal bejn pajjiżi u kontinenti għandu jiġi pprojbit b’interventi xierqa tal-liġi u kontrolli mill-Istati (180)

Impenn Soċjali

Il-familja m’għandha qatt tara lilha nfisha bħala biċċa art magħluqa bejn il-ħitan biex tipproteġi ruħha mis-soċjetà. M’għandhiex toqgħod b’idejha fuq żaqqha tistenna, imma trid toħroġ minnha nfisha tfittex ma’ min ħa tkun solidali. Hekk issir post ta’ integrazzjoni tal-persuna mas-soċjetà u punt fejn il-pubbliku u l-privat jiltaqgħu. (181)

Fil-familja nitgħallmu nkunu qrib tal-oħrajn, nieħdu ħsieb tal-oħrajn, insellmulhom. Hemm inkissru l-ewwel ċirku tal-egoiżmu tal-bniedem biex nagħrfu li aħna qed ngħixu flimkien ma’ oħrajn, li jixirqilhom l-attenzjoni tagħna, it-tjubija tagħna, il-ħlewwa u l-imħabba tagħna. (276)

Ma teżistix rabta soċjali mingħajr din l-ewwel dimensjoni tal-ħajja ta’ kuljum, kważi mikroskopika: li ngħixu qrib ta’ xulxin, naħbtu ġo xulxin f’ħafna mumenti tal-ġurnata, nagħtu kas ta’ dak li jinteressa lil kulħadd, nagħtu daqqa t’id lil xulxin fil-ħwejjeġ ta’ kuljum. Il-familja trid tivvinta ta’ kuljum modi ġodda kif isseddaq dan l-għarfien wieħed tal-ieħor. (276)

L-Istat

Il-Knisja tirrifjuta bis-saħħa kollha tagħha l-interventi kostrinġenti tal-Istat favur il-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni jew saħansitra l-abort. (42)

Jeddijiet

Għandna nisħqu fuq il-jeddijiet tal-familja, u mhux biss fuq dawk individwali. Il-familja hi ġid li s-soċjetà ma tistax tgħaddi mingħajru, imma għandha bżonn tiġi mħarsa. (44)

Knisja

Il-Knisja tirrifjuta bis-saħħa kollha tagħha l-interventi kostrinġenti tal-Istat favur il-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni jew saħansitra l-abort. Dawn il-miżuri lanqas f’postijiet b’rata għolja ta’ twelidijiet mhuma aċċettabbli, imma ta’ min josserva li l-politiċi qed jippropagawhom anki f’xi pajjiżi li qed ibatu mit-traġedja ta’ rata baxxa ħafna ta’ twelidijiet. (42)

Il-Knisja hi familja tal-familji, u dejjem tistagħna bil-ħajja tal-Knejjes kollha tad-dar. (87)

Il-Knisja hi ġid għall-familja, il-familja hi ġid għall-Knisja. (87)

Il-Knisja qatt ma tonqos li tagħraf il-valur ta’ dawk l-elementi li jikkostitwixxu dawk is-sitwazzjonijiet li għadhom ma jikkorrispondux jew m’għadhomx jikkorrispondu mat-tagħlim tagħha dwar iż-żwieġ. (292)

It-triq tal-Knisja hi dik li ma tikkundanna qatt lil ħadd għal dejjem; li xxerred il-ħniena ta’ Alla fuq dawk kollha li jfittxuha b’qalb sinċiera. (296)

Lid-divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, jew li sempliċement qed jikkoabitaw, il-Knisja għandha turihom il-pedagoġija divina tal-grazzja li taħdem f’ħajjithom u tgħinhom jilħqu l-milja tal-pjan ta’ Alla għalihomħaġa li hi dejjem possibbli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. (297)

Il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb tħabbat tal-Evanġelju, li permezz tagħha trid tilħaq il-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem. L-Għarusa ta’ Kristu tagħmel tagħha l-imġiba tal-Iben ta’ Alla li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd mingħajr ma jħalli lil ħadd barra. (309)

Il-fus li jwieżen il-ħajja tal-Knisja hu l-ħniena. L-azzjoni pastorali kollha tagħha għandha tkun imgeżwra fil-ħniena li biha hi ddur fuq dawk li jemmnu; xejn mit-tħabbira u mix-xhieda tagħha quddiem id-dinja m’għandu jkun nieqes mill-ħniena. (310)

Knisja tad-Dar

L-ispazju fejn tgħix familja seta’ jinbidel fi knisja tad-dar, f’sede tal-Ewkaristija, tal-preżenza ta’ Kristu bilqiegħda mal-istess mejda. (15)

Il-miżżewġin huma bħal ikkonsagrati u, permezz tal-grazzja proprja, jibnu l-Ġisem ta’ Kristu u jwaqqfu Knisja tad-dar, hekk li l-Knisja, biex tista’ tifhem b’mod sħiħ il-misteru tagħha, trid tħares lejn il-familja Nisranija, li dan turih b’mod ġenwin. (67)

Fil-familja, li tista’ titqies il-Knisja tad-dar, timmatura l-ewwel esperjenza ekkleżjali tal-komunjoni bejn il-persuni, fejn, bi grazzja, jidher il-misteru tat-Trinità Qaddisa. (86)

Il-pastorali kollha tal-familja għandha ssawwar minn ġewwa u tifforma lill-membri tal-Knisja tad-dar bil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fit-talb u l-ispirtu ekkleżjali. (227)

Meta nitrejqu bl-Ewkaristija, din tagħtina qawwa u enerġija biex ta’ kuljum ngħixu l-patt taż-żwieġ bħala Knisja tad-dar. (318)

Il-familja tgħix l-ispiritwalità partikulari tagħha billi tkun, fl-istess waqt, Knisja tad-dar u ċellula ħajja biex tibdel id-dinja. (324)

Komunikazzjoni

Jekk il-miżżewġin jagħtu iktar valur lill-komunikazzjoni personali bejniethom, il-ħajja kollha tal-familja ssir iżjed umana. (32)

Il-mod kif isiru l-mistoqsijiet, il-mod kif jiġu mwieġba, it-ton użat, il-mument u ħafna fatturi oħra jistgħu jikkundizzjonaw il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, dejjem hemm bżonn niżviluppaw ċerti atteġġjamenti li huma espressjoni ta’ mħabba u jagħmluha possibbli li jkollna djalogu awtentiku. (136)

Meta kriżi ma tiġix indirizzata, l-aktar li tbati hi l-komunikazzjoni. Hekk, ftit ftit, dik li kienet “il-persuna li nħobb” issir “dak li dejjem insibu miegħi f’ħajti”, imbagħad biss “il-missier jew l-omm ta’ wliedi”, u fl-aħħar, xi ħadd barrani. (233)

Komunjoni

It-tagħlim tal-Knisja “jgħin lill-miżżewġin jgħixu b’mod armonjuż u konxju l-komunjoni ta’ bejniethom, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, flimkien mar-responsabbiltà ġenerattiva. (82)

Meta l-appartenenza reċiproka hekk prezzjuża tinbidel f’ħakma, tibdel essenzjalment l-istruttura ta’ komunjoni fir-relazzjoni interpersonali. (155)

Iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika issir sejħa kontinwa lil kull wieħed u waħda biex jgħarbel lilu nnifsu ħalli jiftaħ il-bibien tal-familja tiegħu għal komunjoni isħaħ ma’ dawk li s-soċjetà tarmi u hekk ikun tabilħaqq qed jirċievi s-Sagrament tal-imħabba Ewkaristika li jagħmilna ġisem wieħed. (186)

Dejjem għidna li Alla jgħammar fil-qalb tal-persuna li tgħix fil-grazzja tiegħu. Illum nistgħu ngħidu wkoll li t-Trinità hi preżenti fit-tempju tal-komunjoni taż-żwieġ. (314)

Meta familja tgħix tajjeb il-komunjoni tagħha din hi tassew mixja ta’ qdusija fil-ħajja ta’ kuljum u ta’ formazzjoni mistika, mezz li jwassal għall-għaqda intima ma’ Alla. (316)

Billi l-bniedem bħala persuna hu soċjali mill-istess natura tiegħu u l-ewwel dehra, u dehra fundamentali, tan-natura soċjali tal-persuna tal-bniedem narawha fiż-żwieġ u l-familjal-ispiritwalità titlaħħam fil-komunjoni tal-familja. (316)

Koppja

Ejjew nirfsu l-għatba ta’ din id-dar kollha sliem, bil-familja tagħha bilqiegħda madwar il-mejda tal-ikel. Fil-qalba tagħha nsibu lill-koppja tal-missier u l-omm bl-istorja kollha ta’ mħabbithom. Fihom jitwettaq dak il-pjan oriġinali li Kristu nnifsu jfakkar b’mod hekk qawwi: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara?” (9)

Il-koppja li tħobb u tnissel il-ħajja hi l-“ikona” vera u ħajja (mhux dak l-idolu tal-ġebel jew tad-deheb li d-Dekalogu jipprojbixxi), u taf turi lil Alla bħala ħallieq u feddej. (11)

Il-ħila tal-koppja umana li tnissel l-ulied hi t-triq li fiha twarrad l-istorja tas-salvazzjoni. (11)

Il-kriżi tal-koppja theżżeż il-familja, u bis-separazzjonijiet u d-divorzji tista’ tasal biex tipproduċi konsegwenzi serji fuq l-adulti, l-ulied u s-soċjetà, iddgħajjef l-individwu u r-rabtiet soċjali. (41)

Għalkemm l-analoġija bejn il-koppja raġel-mara u dik ta’ Kristu-Knisja hi analoġija imperfettahi tistedinna nitolbu lill-Mulej isawwab imħabbtu fuq il-limiti tar-relazzjonijiet tal-miżżewġin. (73)

Ħafna diskussjonijiet fil-koppja ma jkunux fuq kwistjonijiet gravi ħafna. Xi kultant tkun kwistjoni ta’ ħwejjeġ żgħar, ta’ ftit li xejn importanza, imma dak li jibdel il-qlub hu l-mod kif ngħiduhom jew l-imġiba tagħna fid-djalogu. (139)

L-imħabba dejjem tagħti l-ħajja. Għalhekk, l-imħabba fiż-żwieġ ma tiqafx hemm fi ħdan il-koppja. (165)

Koppja miżżewġa li dduq il-qawwa tal-imħabba, taf li din l-imħabba hi msejħa ddewwi u tfejjaq il-ġrieħi tal-mitluqa, u terġa’ twaqqaf il-kultura tal-laqgħa, titqabad b’riżq il-ġustizzja. (183)

Il-koppja tasal f’punt li tilħaq l-ogħla libertà u ssir spazju ta’ awtonomija sana: meta kull wieħed jiskopri li l-ieħor mhuwiex tiegħu, imma għandu sid iżjed importanti, il-Mulej waħdieni tiegħu. Ħadd ma jista’ jippretendi li jaħtaf hu l-iżjed intimità personali u sigrieta tal-persuna li jħobb, għax Hu biss jista’ jkollu dan il-post fiċ-ċentru ta’ ħajjitha. (320)

Il-ħajja tal-koppja hi sehem mill-opra ħallieqa ta’ Alla, u kull wieħed hu għall-ieħor tqanqila kontinwa tal-Ispirtu. (321)

Kriżi/jiet

Il-kriżi tal-koppja theżżeż il-familja, u bis-separazzjonijiet u d-divorzji tista’ tasal biex tipproduċi konsegwenzi serji fuq l-adulti, l-ulied u s-soċjetà, iddgħajjef l-individwu u r-rabtiet soċjali. (41)

Il-kriżijiet fiż-żwiġijiet spiss jiġu affrontati b’mod mgħaġġel wisq u mingħajr il-kuraġġ tas-sabar, tar-riflessjoni, tal-maħfra reċiproka, tar-rikonċiljazzjoni u anki tas-sagrifiċċju. Hekk il-fallimenti jagħtu bidu għal relazzjonijiet ġodda, koppji ġodda, rabtiet ġodda u żwiġijiet ġodda, li joħolqu sitwazzjonijiet familjari kumplessi u problematiċi għall-għażla tan-Nisrani. (41)

Ħafna ġrieħi u kriżijiet jibdew malli ma nibqgħux nikkontemplaw lil xulxin. Dan hu li jesprimu ċerti tgergir u protesti li nisimgħu bihom fil-familji. (128)

Kull kriżi timplika żmien ta’ taħriġ biex wieħed ikattar l-intensità tal-ħajja li t-tnejn jaqsmu ma’ xulxin, jew tal-inqas biex isib sens ġdid għall-esperjenza taż-żwieġ tagħhom. (232)

Tajjeb li nsieħbu lill-miżżewġin biex jagħrfu jaċċettaw il-kriżijiet li jistgħu jinqalgħu, jilqgħu l-isfidi u jagħrfu li anki dawn għandhom posthom fil-ħajja tal-familja. (232)

Kull kriżi tostor warajha aħbar tajba li jeħtieġ nitgħallmu nisimgħu billi nsinnu s-smigħ tal-qalb tagħna. (232)

Biex nistgħu naffrontaw kriżi jeħtieġ inkunu preżenti. Hi ħaġa iebsa, għax xi drabi l-persuni jinqatgħu biex ma jurux dak li qed iħossu, jitbiegħdu fi skiet miżerabbli u qarrieq. F’dawn il-mumenti jeħtieġ noħolqu spazji biex nikkomunikaw minn qalb għal qalb. Il-problema hi li nibdew insibuha iżjed bi tqila biex nikkomunikaw hekk fi żmien ta’ kriżi jekk dan qatt ma tgħallimna nagħmluh. (234)

Hemm kriżijiet komuni li soltu jseħħu f’kull żwieġ, bħalma hi l-kriżi tal-bidu, meta jkun hemm il-bżonn li jitgħallmu jqabblu d-differenzi u jinfatmu mill-ġenituri; jew il-kriżi ta’ meta tasal tarbija ġdida, bl-isfidi emozzjonali ġodda li ġġib magħha; il-kriżi tat-trobbija tal-ulied, li tibdel dak li kienu mdorrijin jagħmlu l-ġenituri; il-kriżi tal-adolexxenza tal-ulied, li titlob ħafna enerġiji, theżżeż lill-ġenituri, u xi drabi ġġellidhom; il-kriżi tal-“bejta vojta”, li ġġiegħel lill-koppja tibda tħares mill-ġdid fiha nfisha; il-kriżi kkawżata mix-xjuħija tal-ġenituri tal-miżżewġin. (235)

Kull kriżi hi bħal “iva” ġdida li tħalli lill-imħabba titwieled mill-ġdid imsaħħa, mibdula, matura, imdawla. Fi kriżi jkollhom il-kuraġġ ifittxu l-għeruq profondi ta’ dak li qed jiġrilhom, li jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim fundamentali ta’ bejniethom, li jsibu bilanċ ġdid u jmiddu annuna pass ieħor. B’din l-imġiba ta’ ftuħ kontinwu jistgħu jaffrontaw tant sitwazzjonijiet diffiċli! (238)

Kunflitti

Il-Knisja toffri spazji ta’ tisħib u ta’ għajnuna fuq kwistjonijiet marbuta ma’ kif wieħed jikber fl-imħabba, kif jegħleb il-kunflitti u kif jeduka l-ulied. (38)

Kuxjenza

Lil dawk li jaħdmu fi strutturi tas-saħħa [il-Knisja} tfakkarhom fl-obbligu morali tal-oġġezzjoni tal-kuxjenza. (83)

It-twessigħ tal-kuxjenza mhux iċ-ċaħda jew il-qerda tax-xewqa, imma t-tkabbir u l-perfezzjonament tagħha. (149)

L-għażla responsabbli ta’ min isir ġenitur tippresupponi l-formazzjoni tal-kuxjenza, li hi ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama ġo fina, (222)

Iktar ma l-miżżewġin ifittxu fil-kuxjenza tagħhom li jisimgħu lil Alla u l-kmandamenti tiegħu, u jħallu lil min iseħibhom spiritwalment, iżjed id-deċiżjoni tagħhom tkun intimament ħielsa minn xaqlib suġġettiv jew mill-adattar għal modi ta’ mġiba skont l-ambjent tagħhom. (222)

Imqar jekk il-kuxjenza tiddettalna ġudizzju morali partikulari, xi drabi iktar għandhom saħħa fuqna ħwejjeġ oħra li jiġbduna. (265)

Naffermaw b’rieda soda l-libertà tal-Knisja li tgħallem id-duttrina tagħha u d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza min-naħa tal-edukaturi. (279)

Waqt li nagħrfu l-piż li għandhom il-kundizzjonamenti konkreti, nistgħu nżidu li l-kuxjenza tal-persuni għandu jkollha sehem akbar fil-prassi tal-Knisja f’ċerti sitwazzjonijiet li ma jwettqux oġġettivament dak li aħna nifhmu bi żwieġ. Naturalment għandna dejjem inħeġġu l-formazzjoni ta’ kuxjenza mdawla, iffurmata u msieħba mid-dixxerniment responsabbli u serju tar-Ragħaj, u nipproponu fiduċja dejjem akbar fil-grazzja. (303)

Kultura tal-Iskart

Kemm nixtieq Knisja li kapaċi tisfida lill-kultura tal-iskart bil-ferħ li joħroġ minn tgħanniqa ġdida bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani! (191)

Libertà

Il-libertà tal-għażla tgħinna nagħmlu pjan għal ħajjitna u nrawmu l-aħjar fina nfusna, imma, jekk ma jkollhiex għanijiet nobbli u dixxiplina personali, tispiċċa tirriduċi ruħha għal nuqqas ta’ ħila li ningħataw b’ġenerożità. (33)

Illum faċli li nifxlu l-libertà ġenwina mal-idea li kull wieħed jista’ jiġġudika kif jogħġbu, bħallikieku lil hemm mill-individwi ma kienx hemm veritajiet, valuri, prinċipji li jorjentawna, bħallikieku kollox kien ugwali u kollox jista’ jiġi permess. (34)

Is-soċjetà tal-konsum tista’ wkoll taqta’ qalb il-persuni milli jġibu l-ulied fid-dinja anki sempliċement minħabba l-fatt li jridu jħarsulhom il-libertà tagħhom u l-istil ta’ ħajjithom. (42)

L-imħabba, iżjed ma hi intima u profonda, wisq iżjed tesiġi r-rispett tal-libertà u l-ħila li wieħed jistenna li l-ieħor jiftaħlu l-bieb ta’ qalbu. (99)

L-imħabba tafda, tħalli fil-libertà, ma tridx tikkontrolla kollox, tippossedi, taħkem taħtha. Din il-libertà, li tagħmel wisa’ għal spazji ta’ awtonomija, ta’ ftuħ għad-dinja u esperjenzi ġodda, tħalli lir-relazzjoni tistagħna u ma ssirx għeluq bla xefaq. (115)

Il-ħlewwa hi wirja ta’ din l-imħabba meħlusa mix-xewqa ta’ pussess egoistiku. Quddiem il-persuna l-oħra din iġġibna nitriegħdu b’rispett kbir u b’ċertu biża’ li ma mmorrux nagħmlulha l-ħsara jew nisirqulha l-libertà tagħha. (127)

Familja tilħaq il-maturità tagħha meta l-ħajja emozzjonali tal-membri tagħha tinbidel f’sensibbiltà li la taħkem u lanqas iċċajpar l-għażliet il-kbar u l-valuri imma qiegħda għas-servizz tal-libertà tagħhom. (146)

L-edukazzjoni ġġib magħha d-dmir li nippromovu libertajiet responsabbli, li meta l-ulied isibu ruħhom f’salib it-toroq jafu jagħżlu b’sens komun u intelliġenza; hemm persuni li jifhmu bla tlaqliq li ħajjithom u dik tal-komunitajiet tagħhom hi f’idejhom u li din il-libertà hi don tal-għaġeb. (262)

Il-libertà hi xi ħaġa tassew kbira, imma nistgħu nitilfuha. (267)

Liġi

Kristu daħħal fuq kollox il-liġi tal-imħabba u tal-għotja lill-oħrajn, u dan għamlu bi prinċipju li missier u omm spiss jixhdu għalih fil-ħajja tagħhom: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. (27)

Il-liġi hi don ta’ Alla li juri t-triq, don għal kulħadd bla eċċezzjoni li nistgħu ngħixu bil-qawwa tal-grazzja. (295)

Hu minnu li n-normi ġenerali jippreżentaw ġid li qatt m’għandna nwarrbu jew nittraskuraw, imma fil-formulazzjoni tiegħu ma jistgħux iħaddnu għalkollox il-qagħdiet partikulari kollha. (304)

Ragħaj ma jistax iħossu sodisfatt biss li qed iħaddem il-liġijiet morali ma’ dawk li qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijiet irregolari, bħallikieku kienu ġebliet biex jitwaddbu kontra l-ħajjiet tan-nies. (305)

Il-liġi naturali ma tistax tiġi ppreżentata bħala ġabra diġà lesta ta’ regoli imposti a priori fuq is-suġġett morali, imma hi għajn li b’mod oġġettiv tnebbaħ il-proċess, qabelxejn personali, tat-teħid ta’ deċiżjoni. (305)

F’kull ċirkustanza, quddiem dawk li qed isibuha bi tqila biex jgħixu b’mod sħiħ il-liġi divina, għandha tidwi l-istedina biex interrqu l-via caritatis. L-imħabba tal-aħwa hi l-ewwel liġi tal-Insara. (306)

Maħfra u Rikonċiljazzjoni

Frott tal-imħabba huma wkoll il-ħniena u l-maħfra. (27)

Il-kriżijiet fiż-żwiġijiet spiss jiġu affrontati “b’mod mgħaġġel wisq u mingħajr il-kuraġġ tas-sabar, tar-riflessjoni, tal-maħfra reċiproka, tar-rikonċiljazzjoni u anki tas-sagrifiċċju. (41)

Meta xi ħadd offendiena jew naqasna, il-maħfra hi possibbli u mixtieqa, imma ħadd mhu jgħid li hi ħafifa. (106)

Mod ieħor kif tħobb lill-għadu tiegħek hu dan: meta tiġik l-opportunità li tegħleb lill-għadu tiegħek, dak hu l-mument li fih għandek tiddeċiedi li dan ma tagħmlux. (118)

Hemm ċirkustanzi mhux mistennija li jafu jaqilbu ta’ taħt fuq il-ħajja tal-familja u li jitolbu mixja ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni. (236)

L-arti iebsa tar-rikonċiljazzjoni, li teħtieġ il-grazzja li tweżinha, għandha bżonn tal-kollaborazzjoni ġeneruża tal-qraba u l-ħbieb, u xi drabi anki ta’ għajnuna professjonali minn barra. (236)

Jekk nagħrfu li r-rikonċiljazzjoni hi possibbli, illum niskopru li jidher partikularment urġenti ministeru ma’ dawk li r-relazzjoni taż-żwieġ tagħhom sfat midruba. (238)

Il-maħfra tal-inġustizzja li wieħed ikun ġarrab mhix ħaġa ħafifa, imma hi mixja li l-grazzja tagħmel possibbli. Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ pastorali tar-rikonċiljazzjoni u tal-medjazzjoni permezz ukoll ta’ ċentri speċjalizzati ta’ smigħ li għandhom jitwaqqfu fid-djoċesijiet. (242)

Importanti norjentaw lit-tfal b’id soda biex jitgħallmu jitolbu maħfra u jsewwu l-ħsara li jkunu għamlu lil ħaddieħor. (268)

Billi r-reżistenzi taż-żgħażagħ huma marbuta ħafna ma’ esperjenzi negattivi, irridu ngħinuhom jagħmlu mixja ta’ fejqan ta’ din id-dinja ġewwenija tagħhom li sfat midruba, biex hekk jistgħu jaslu għall-ftehim u r-rikonċiljazzjoni mal-persuni u mas-soċjetà. (272)

Mara / Nisa

L-istorja għadha miexja fid-dell tal-esaġerazzjonijiet tal-kulturi patrijarkali, fejn il-mara kienet meqjusa tat-tieni klassi, imma niftakru wkoll fil-prattika tal-kiri tal-utru jew fl-istrumentalizzazzjoni u l-bejgħ tal-ġisem femminili fil-kultura medjatika tal-lum. (54)

Hemm min iżomm li ħafna problemi ta’ żmienna nibtu minħabba fl-emanċipazzjoni tal-mara. Imma dan l-argument mhux validu, hu falz, mhux minnu! Hu għamla ta’ maskiliżmu dan. (54)

il-vjolenza tal-mistħija li xi drabi tintuża fuq in-nisa, il-vjolenza fil-familja u xejriet oħra ta’ jasar li mhux vera huma wirja tas-saħħa maskili imma ta’ ġifa. (54)

L-imħabba teskludi kull xorta ta’ sottomissjoni, li fiha l-mara ssir qaddejja jew ilsira ta’ żewġha (156)

Mara li ddur b’żewġha marid tista’ terġa’ lura hemm, taħt is-Salib, ittenni l-“iva” ta’ mħabbitha sal-mewt. (162)

Kull mara għandha sehem fil-misteru tal-ħolqien, li jiġġedded fit-tnissil uman. (168)

Il-mara fit-tqala tista’ tieħu sehem f’dan il-pjan ta’ Alla billi toħlom lil binha. (169)

Ir-realtà hi li l-mara hi għall-bniedem omm, suġġett tal-ħajja umana ġdida li fiha tnisslet u tiżviluppa, u minnha titwieled għad-dinja. (173)

Il-kobor tal-mara jimplika d-drittijiet kollha li joħorġu mid-dinjità umana inaljenabbli tagħha, imma anki mill-ġenju femminili tagħha, li s-soċjetà mingħajru ma tistax tgħaddi. (173)

Mewt

Iktar ma llum hemm it-tentazzjoni li neqirdu b’kull mod il-mument tal-agunija u l-mewt, hi ħaġa meħtieġa iktar minn qatt qabel li nagħtu valur lill-fażi konklużiva tal-ħajja. (48)

Il-Knisja mhux biss tħoss l-urġenza li tisħaq fuq il-jedd għall-mewt naturali, fejn allura wieħed jevita miżuri intensivi ta’ terapija li twassal ħelu ħelu għall-mewt u l-ewtanasja, imma tiċħad fermament il-piena kapitali. (83)

Xi drabi l-ħajja tal-familja ssib ma’ wiċċha l-isfida tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż. Ma nistgħux nibqgħu lura milli noffru d-dawl tal-fidi biex insieħbu l-familji li għaddejjin minn dawn il-mumenti ta’ tbatija. Jekk nitilqu waħidha familja midruba mill-mewt, inkunu qed nonqsu mill-ħniena, inkunu tlifna opportunità pastorali, u din l-imġiba tista’ tagħlqilna l-bibien għal kull azzjoni oħra ta’ evanġelizzazzjoni. (253)

Ġesù nnifsu tqanqal u beka għall-mewt ta’ ħabibu. U kif nistgħu ma nifhmux il-biki ta’ min tilef lil ibnu jew bintu? Fil-fatt, hu bħallikieku ż-żmien waqaf: jinfetaħ abbiss li jibla’ fih il-passat u anki l-futur. (254)

Ġeneralment il-luttu għall-mejtin jista’ jtul mhux ħażin, u meta Ragħaj juri x-xewqa li jsieħeb din il-mixja, għandu jadatta ruħu għall-bżonnijiet ta’ kull fażi tagħha. Il-mixja kollha hi mifnija bil-mistoqsijiet: fuq il-kawża tal-mewt, fuq x’seta’ sar iżjed, fuq minn xiex tgħaddi persuna fil-mument qabel il-mewt… B’mixja sinċiera u kollha sabar ta’ talb u ta’ ħelsien minn ġewwa, jerġa’ jintradd is-sliem. (255)

Jekk il-mewt hi tassew b’saħħitha, bħall-mewt qawwija l-imħabba. (255)

Nitfarrġu meta nafu li dawk li jmutu ma jintilfux għal dejjem, u l-fidi tiżgurana li l-Irxoxt qatt mhu sa jitlaqna għal riħna. Hekk ma nħallux lill-mewt tivvelenalna ħajjitna, iġġib fix-xejn l-imħabbiet tagħna, twaqqagħna f’vojt iktar mudlam. (256)

Jekk naċċettaw il-mewt nistgħu nħejju ruħna għaliha. It-triq hi li nikbru fl-imħabba lejn dawk li mexjin magħna, sal-jum li fih “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed. (258)

Mibegħda

Mibegħda għal mibegħda iktar ħa żżid l-eżistenza tal-mibegħda u tal-ħażen fl-univers. Jekk jien inweġġgħek u int tweġġagħni, u jien nagħtik daqqa lura u int tagħtini oħra lura, u nibqgħu sejrin hekk, hu ċar li sa nibqgħu sejrin hekk għal dejjem. Sempliċement ma tieqaf qatt. Xi mkien, xi ħadd irid ikollu biżżejjed sens, u dik tkun il-vera persuna b’saħħitha. (118)

Missier/ Missirijiet

In-nuqqas tal-missier jaffettwa ħażin il-ħajja tal-familja, l-edukazzjoni tal-ulied u l-inseriment tagħhom fis-soċjetà. In-nuqqas tiegħu jista’ jkun fiżiku, affettiv, konjittiv u spiritwali. Dan in-nuqqas iċaħħad lill-ulied minn mudell xieraq tal-imġiba paterna. (55)

Il-figura tal-missier, tgħin [lill-iben] jifhem il-limiti tar-realtà u jorjenta iktar ruħu, biex jista’ joħroġ f’dinja usa’ u iktar għanja mimlija sfidi, waqt li tistiednu jagħmel l-almu tiegħu u jitqabad. (175)

Missier b’identità maskili ċara u hienja, li min-naħa tagħha tesprimi ruħha fl-imġiba li biha jħobb u jilqa’ lil martu, hu wisq meħtieġ daqskemm hi meħtieġa l-għożża tal-omm. (175)

Jingħad li s-soċjetà tagħna hi soċjetà bla missirijiet. Fil-kultura tal-Punent, il-figura tal-missier donnha simbolikament assenti, imkagħbra, mitfija. Imqar l-istess irġulija tiegħu donnha mqiegħda fid-dubju. (176)

Kultant f’xi djar fil-passat kien isaltan l-awtoritarjaniżmu, f’xi każi saħansitra l-abbuż. Madankollu, kif jiġri spiss, ngħaddu minn estrem għall-ieħor. Il-problema ta’ żminijietna ma jidhirx li għadha tant il-preżenza invadenti tal-missirijiet, daqskemm in-nuqqas tagħhom, il-ħabi tagħhom. (176)

Il-missirijiet xi kultant tant huma moħħhom fihom infushom u fix-xogħol tagħhom u xi drabi fir-realizzazzjonijiet individwali tagħhom, li jinsew ukoll il-familja. U jħallu liċ-ċkejknin u ż-żgħażagħ tagħhom waħidhom. (176)

Il-preżenza tal-missier, u allura l-awtorità tiegħu, donnha mhedda wkoll mill-ħin dejjem itwal li qed niddedikaw lill-mezzi tal-komunikazzjoni u lit-teknoloġija rikreattiva. (176)

Xi missirijiet iħossuhom li ma jiswew għal xejn u li m’hemmx bżonn tagħhom, imma l-verità hi li l-ulied għandhom bżonn isibu missier jistenniehom meta jerġgħu lura mill-waqgħat tagħhom. (177)

Mhux sewwa li t-tfal jibqgħu bla missirijiet u hekk joħorġu qabel iż-żmien mill-età tat-tfulija tagħhom. (177)

Miżżewġin

Hu minnu li l-fehma tajba tal-miżżewġin, meta kienu hekk ġenerużi fit-trasmissjoni tal-ħajja, tista’ torjentahom għad-deċiżjoni li jillimitaw l-għadd tal-ulied għal raġunijiet serji biżżejjed, imma dejjem bi mħabba lejn din id-dinjità tal-kuxjenza, il-Knisja tirrifjuta bis-saħħa kollha tagħha l-interventi kostrinġenti tal-Istat favur il-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni jew saħansitra l-abort. (42)

Ħafna drabi wieħed mill-miżżewġin mhux soluzzjoni għall-problemi tiegħu jkollu bżonn, imma li jiġi mismugħ. (137)

Anki jekk dan il-ġisem, lil hemm minn dak li ż-żmien jaf imermer, qatt ma jehda jesprimi b’xi mod dik l-identità personali li tkun rebħet il-qalb tal-ieħor. Meta l-oħrajn ma jibqgħux kapaċi jagħrfu l-ġmiel ta’ din l-identità, il-miżżewweġ innamrat jibqa’ jaf jaqraha b’dak l-istint tal-imħabba, u mħabbtu ma tgħib qatt. (164)

Il-miżżewġin, huma u jagħtu lilhom infushom lil xulxin, ma jagħtux biss lilhom infushom, iżda xi ħaġa aktar minnhom għax jagħtu l-ulied, li huma xbieha ħajja ta’ mħabbithom, u sinjal li jibqa’, tal-għaqda ta’ bejniethom; l-ulied huma dehra ħajja tal-istat tagħhom ta’ missier u omm, stat li qatt ma jista’ jiġi nieqes. (165)

Namur

Aħna ninnamraw mal-persuna sħiħa li għandha identità tagħha, u mhux biss ma’ ġisem, anki jekk dan il-ġisem, lil hemm minn dak li ż-żmien jaf imermer, qatt ma jehda jesprimi b’xi mod dik l-identità personali li tkun rebħet il-qalb tal-ieħor. (164)

Nanniet u Neputijiet

Ħafna drabi huma n-nanniet li jiżguraw it-trasmissjoni tal-valuri għolja lin-neputijiet tagħhom u ħafna persuni jistgħu jixhdu kif l-inizjazzjoni tagħhom għall-ħajja Nisranija jafuha lin-nanniet. (192)

Familja li ma tirrispettax u ma tiħux ħsieb in-nanniet tagħha, li huma l-memorja ħajja tagħha, hi familja mfarrka; imma familja li tiftakar hi familja li għandha futur. (193)

Omm/ijiet

Fil-verità, l-ommijiet, li huma dawk li jħobbu l-aktar, iżjed ifittxu li jħobbu milli li jiġu maħbuba. (102)

L-omm li qed iġġorrha f’ġufha għandha titlob id-dawl minn Alla biex tista’ tagħraf b’mod profond lill-wild tagħha u biex tistennieh kif inhu tabilħaqq. (170)

Ma nistgħux nagħlqu għajnejna quddiem kemm it-tfal jeħtieġu l-preżenza ta’ ommhom, speċjalment fl-ewwel xhur ta’ ħajjithom. Ir-realtà hi li l-mara hi għall-bniedem omm, suġġett tal-ħajja umana ġdida li fiha tnisslet u tiżviluppa, u minnha titwieled għad-dinja. Jekk tonqos il-preżenza tal-omm bil-kwalitajiet femminili tagħha, dan ikun riskju gravi għad-dinja tagħna. (173)

L-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid tal-individwaliżmu egoistiku. (174)

M’hemmx dubju, soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. (174)

L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem. (174)

Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha. (174)

Għeżież ommijiet, grazzi, grazzi ta’ dak kollu li intom fil-familja u għal dak li tagħtu lill-Knisja u lid-dinja. (174)

L-omm, li tipproteġi lil binha bil-ħlewwa u l-mogħdrija tagħha, trawmu fil-fiduċja, u tgħinu jħoss li d-dinja hi post tajjeb li qed jilqgħu, u dan jgħinu jxettel fih stima tiegħu nnifsu li tiffavorixxi l-ħila ta’ intimità u l-empatija. (175)

Omosesswalità

Lill-familji rridu niżguraw li nseħbuhom b’rispett, biex dawk li qed juru tendenza omosesswali jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa biex jifhmu u jwettqu b’mod sħiħ ir-rieda ta’ Alla f’ħajjithom. (250)

Dwar il-proposti legali li jridu jqisu l-unjonijiet bejn persuni omosesswali daqs iż-żwieġ, ma jeżisti l-ebda fundament biex inqisu ndaqs jew nagħmlu analoġiji, lanqas remoti, bejn l-unjonijiet omosesswali u l-pjan ta’ Alla fuq iż-żwieġ u l-familja. (251)

Mhux aċċettabbli li l-Knejjes lokali jġarrbu pressjoni fuq dan is-suġġett [unjonijiet omosesswali] u li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jikkundizzjonaw l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi foqra bl-introduzzjoni ta’ liġijiet li jridu ż-‘żwieġ’ bejn persuni tal-istess sess. (251)

Pastorali mal-Familja

Il-familji Nsara, bil-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ, huma s-suġġetti prinċipali tal-pastorali tal-familja, fuq kollox għax joffrulna x-xhieda hienja tal-miżżewġin u tal-familji, knejjes tad-dar. (200)

Mhux biżżejjed li fil-pjanijiet kbar pastorali ndaħħlu nota ġenerika fuq it-tħassib tagħna għall-familja. Biex il-familji jsiru dejjem iżjed suġġett attiv tal-pastorali tal-familja, hu meħtieġ sforz b’riżq l-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi indirizzat lejn il-familja nfishali jorjentaha f’din id-direzzjoni. (200)

Il-pastorali mal-familji għandha turina kif l-Evanġelju tal-familja hu tweġiba għax-xewqat l-iżjed qawwija tal-bniedem: għad-dinjità tiegħu u għat-twettiq sħiħ fir-reċiproċità, fil-komunjoni u fil-fekondità. (201)

Il-kontribut prinċipali lill-pastorali tal-familja toffrih il-parroċċa, li hi familja ta’ familji, fejn isseħħ l-armonija tas-sehem tal-komunitajiet iż-żgħar, il-movimenti u l-għaqdiet ekkleżjali. (202)

Flimkien ma’ pastorali speċifikament orjentata għall-familji, naraw il-ħtieġa ta’ formazzjoni iżjed adegwata għall-presbiteri, id-djakni, ir-reliġjużi, il-katekisti u l-operaturi pastorali l-oħra. (202)

It-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet li saru jesprimu wkoll b’insistenza l-ħtieġa tal-formazzjoni ta’ operaturi lajċi fil-pastorali tal-familja bl-għajnuna ta’ psikopedagoġisti, tobba tal-familja, tobba tal-komunità, professjonisti fis-servizzi soċjali, avukati tal-minuri u l-familji, b’moħħ miftuħ għall-kontribut li għandhom x’jagħtu l-psikoloġija, is-soċjoloġija, is-sesswoloġija u anki l-counselling. (204)

Il-pastorali ta’ qabel iż-żwieġ u l-pastorali taż-żwieġ għandhom ikunu qabelxejn pastorali tar-rabta, fejn jinħolqu elementi li jgħinu kemm biex tikber l-imħabba u kemm biex jingħelbu l-mumenti ibsin. (211)

Il-pastorali tal-familja għandha quddiemha l-isfida li tgħinhom jiskopru li ż-żwieġ mhuwiex kaxxa magħluqa. (218)

L-akkumpanjament pastorali [għandu] jibqa’ għaddej anki wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament. (223)

Il-pastorali kollha tal-familja għandha ssawwar minn ġewwa u tifforma lill-membri tal-Knisja tad-dar bil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fit-talb u l-ispirtu ekkleżjali. (227)

Illum il-pastorali tal-familja bilfors trid tkun missjunarja, li toħroġ, biex toqrob, pjuttost milli nfaqqruha għal fabbrika ta’ korsijiet li għalihom jattendu l-ftit. (230)

L-azzjoni pastorali kollha [tal-Knisja] għandha tkun imgeżwra fil-ħniena li biha hi ddur fuq dawk li jemmnu; xejn mit-tħabbira u mix-xhieda tagħha quddiem id-dinja m’għandu jkun nieqes mill-ħniena. (310)

Persuni b’Diżabbiltà

Il-persuni b’diżabbiltà huma għall-familja don u opportunità biex tikber fl-imħabba, fl-għajnuna reċiproka u fl-għaqda. […] Il-familja li taċċetta bl-għajnejn tal-fidi l-preżenza ta’ persuni b’diżabbiltà tista’ tagħraf u tiggarantixxi l-kwalità u l-valur ta’ kull ħajja, bil-ħtiġijiet tagħha, id-drittijiet tagħha u l-opportunitajiet li għandha quddiemha. (47)

Piena Kapitali

Il-Knisja tiċħad fermament il-piena kapitali. (83)

Pudur

Għandha valur għoli qatigħ dik l-edukazzjoni sesswali li tħares ċertu sens san ta’ pudur, anki jekk illum din ħafna jarawha bħala ħaġa ta’ dari. Hi difiża naturali tal-persuna li tipproteġi l-interjorità tagħha u tevita li tinbidel biss f’oġġett. Mingħajr il-pudur, nistgħu nirriduċu l-imħabba u s-sesswalità għal ossessjonijiet li bihom induru biss mal-ġenitalità, ma’ fissazzjonijiet li jgħawġu l-ħila tagħna li nħobbu u ma’ diversi għamliet ta’ vjolenza sesswali li bihom ma nibqgħux nittrattaw lilna nfusna ta’ bnedmin jew nispiċċaw nagħmlu ħsara lill-oħrajn. (282)

Qdusija u Spiritwalità

Il-miżżewġin, fl-imħabba tagħhom lejn xulxin, jirċievu d-don tal-Ispirtu ta’ Kristu u jgħixu s-sejħa tagħhom għall-qdusija. (69)

Il-ġmiel – il-valur għoli tal-persuna l-oħra li mhux ekwivalenti għall-ġibdiet fiżiċi jew psikoloġiċi li hemm fiha – iħallina niggustaw il-qdusija tal-persuna l-oħra mingħajr ma bilfors irridu nipposseduha. (127)

Meta nemmnu li kollox hu abjad jew iswed, xi drabi nkunu nagħlqu t-triq għall-grazzja li minnha l-bniedem irid jgħaddi biex jikber, u naqtgħu qalb dawk li jridu jagħmlu mixjiet ta’ qdusija li jagħtu glorja lil Alla. (305)

Meta familja tgħix tajjeb il-komunjoni tagħha din hi tassew mixja ta’ qdusija fil-ħajja ta’ kuljum u ta’ formazzjoni mistika, mezz li jwassal għall-għaqda intima ma’ Alla. (316)

Il-familji jilħqu ftit ftit, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, il-qdusija tagħhom permezz tal-ħajja taż-żwieġ, billi jieħdu sehem ukoll fil-misteru tas-salib ta’ Kristu, li jibdel kull diffikultà u t-tbatijiet f’offerti ta’ mħabba. (317)

Hi esperjenza spiritwali profonda li nikkontemplaw lil kull persuna għażiża għalina b’għajnejn Alla u nagħrfu fiha lil Kristu. (323)

Realiżmu

Irridu nibqgħu umli u realisti, biex nagħrfu li xi drabi l-mod kif aħna nippreżentaw il-konvinzjonijiet Insara tagħna u l-mod kif nimxu man-nies wasal biex ipprovoka dak li llum qed ingergru dwaru, u għalhekk neħtieġu reazzjoni tajba ta’ kritika tagħna nfusna. (36)

Aktar jiswielna ta’ ġid jekk naċċettaw ir-realiżmu tal-limiti, l-isfidi u l-imperfezzjonijiet, u nisimgħu s-sejħa biex nikbru magħqudin, biex nikbru fl-imħabba u nieħdu ħsieb li r-rabta tibqa’ soda, jiġri x’jiġri. (135)

Fil-kuntest ta’ din il-viżjoni pożittiva tas-sesswalità, tajjeb li nħarsu lejn dan is-suġġett b’mod sħiħ u b’realiżmu san. (153)

Hemm bżonn li lill-miżżewġin ġodda dan nuruhulhom b’realiżmu ċar sa mill-bidu, ħalli jifhmu x’qed jibdew. L-“iva” li taw lil xulxin hi l-bidu ta’ mixja, b’fini li kapaċi jegħleb dak li jafu jimponu ċ-ċirkustanzi jew ix-xkiel li jsibu mat-triq. (218)

Il-prinċipju tar-realiżmu spiritwali jagħmel mod li min hu miżżewweġ ma jippretendix li l-parti oħra għandha tissodisfa f’kollox l-esiġenzi tagħha. (320)

Sagrifiċċju

Il-verità hi li l-għaqda fil-familja tista’ tinżamm u titjieb biss jekk ikun hemm spirtu kbir ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju. (106)

Nistgħu anki nosservaw f’ħafna familji ġenituri li jingħataw b’sagrifiċċju u bi ħlewwa għall-qadi ta’ wlied diffiċli u saħansitra ingrati. (162)

Meta niġu għat-tfal li jiġu fid-dinja, l-ebda sagrifiċċju tal-adulti mhu meqjus ta’ prezz għoli jew kbir wisq, biex nevitaw li tifel jaħseb li hu xi żball, li ma jiswa għal xejn jew li ġie mitluq għall-ġrieħi tal-ħajja u għall-prepotenza tal-bnedmin. (166)

Iż-żamma tal-kelma mogħtija, il-fedeltà għall-wegħda, ma tistax tixtrihom jew tbigħhom. Ma tistax iżżommhom bil-forza, imma lanqas tħarishom mingħajr sagrifiċċju. (214)

Sema

Aħjar ma ngħixu fuq din l-art, akbar ikun l-hena li nistgħu naqsmu mal-għeżież tagħna fis-Sema. Aktar ma jirnexxilna nimmaturaw u nikbru, iżjed inkunu nistgħu nieħdu ħwejjeġ sbieħ magħna fuq il-mejda tal-festa fis-Sema. (258)

Sesswalità

“Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis” (Lhud 13:4). Dan id-don ta’ Alla jinkludi s-sesswalità: “Iċċaħħdux lil xulxin minn xulxin” (61)

Iż-żwieġ hu qabelxejn għaqda intima tal-ħajja u tal-imħabba bejn il-miżżewġin li hi ta’ fejda għall-miżżewġin infushom, u s-sesswalità qiegħda għall-imħabba tar-raġel u l-mara fiż-żwieġ. (80)

Alla nnifsu ħalaq is-sesswalità, li hi rigal mill-isbaħ għall-ħlejjaq tiegħu. (150)

Is-sesswalità mhix riżorsa għall-gratifikazzjoni jew biex ngħaddu l-ħin, ladarba hi lingwaġġ interpersonali fejn lill-persuna l-oħra rrid neħodha bis-serjetà, bil-valur qaddis u invjolabbli tagħha. (151)

Fi żmienna sar ukoll riskju kbir li s-sesswalità tinħakem mill-ispirtu velenuż tal-“uża u armi”. Il-ġisem tal-ieħor spiss hu mmanipulat bħala ħaġa li żżommha sakemm tagħtik sodisfazzjon u tarmiha meta ma jibqa’ xejn fiha li jiġbdek. (153)

Anki fiż-żwieġ is-sesswalità tista’ ssir għajn ta’ tbatija u ta’ manipulazzjoni. Għalhekk jeħtieġ intennu b’mod ċar li att ta’ żwieġ impost mingħajr rispett lejn il-kundizzjonijiet u lejn ix-xewqat leġittimi ta’ xi parti, ma hux veru att ta’ mħabba u hu nieqes għalhekk minn ħtieġa tal-ordni morali tajjeb fir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin. (154)

Sfidi u Diffikultajiet

Ta’ min jammirahom qatigħ il-familji li jaċċettaw bi mħabba l-prova diffiċli ta’ wild diżabbli. Huma jagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà xhieda prezzjuża ta’ fedeltà lejn id-don tal-ħajja. (47)

F’ħafna familji m’għadhiex teżisti lanqas id-drawwa li jieklu flimkien, u barra dipendenza totali fuq it-televiżjoni, qed jiżdiedu dejjem iżjed distrazzjonijiet oħra. Minħabba f’hekk il-ġenituri qed isibuha bi tqila jgħaddu l-fidi lil uliedhom. (50)

Il-familji spiss huma morda b’ansjetà kbira. Donnhom iżjed ħsiebhom kif ħa jiskansaw problemi ġodda fil-futur milli kif jaqsmu ma’ xulxin il-preżent. Din is-sitwazzjoni, li hi kwistjoni kulturali, dejjem sejra għall-agħar minħabba l-inċertezza dwar il-futur professjonali, in-nuqqas ta’ sigurtà ekonomika, jew il-biża’ dwar il-ġejjieni tal-ulied. (50)

Il-familja tista’ tkun il-post tal-prevenzjoni u tar-regoli tajbin, imma s-soċjetà u l-politika mhumiex jifhmu li familja f’riskju titlef il-ħila li tirreaġixxi biex tista’ tgħin lill-membri tagħha. […] Ninnotaw il-konsegwenzi gravi ta’ din il-qasma f’familji mfarrkin, ulied mitluqa, anzjani mwarrbin, tfal iltiema minn ġenituri ħajjin, adolexxenti u żgħażagħ bla direzzjoni u regoli. (51)

Il-vjolenza fi ħdan il-familja hi skola ta’ korla jew ta’ mibegħda fir-relazzjonijiet fundamentali bejn il-bnedmin. (51)

Ħadd ma jista’ jaħseb li jekk indgħajfu l-familja bħala soċjetà naturali msejsa fuq iż-żwieġ, dan ħa jiswa ta’ xi ġid għas-soċjetà. Jiġri bil-maqlub: jippreġudika l-maturazzjoni tal-persuni, il-ħarsien tal-valuri komunitarji u l-iżvilupp etiku tal-bliet u l-irħula. Ma nibqgħux naraw ċar kif hi biss l-għaqda esklussiva u indissolubbli bejn raġel u mara li għandha funzjoni soċjali sħiħa, għax hi impenn stabbli u minnha jista’ joħroġ il-frott fl-ulied. (51)

F’diversi pajjiżi l-liġi tiffaċilita l-iżvilupp ta’ għadd ta’ alternattivi, biex hekk iż-żwieġ magħmul minn esklussività, indissolubbiltà u ftuħ għall-ħajja jispiċċa jidher bħala proposta antikwata fost ħafna oħrajn. F’bosta pajjiżi għaddejja b’rata mgħaġġla dekostruzzjoni ġuridika tal-familja li donnha trid tadotta għamliet oħra msejsa kważi esklussivament fuq il-mudell tal-awtonomija tar-rieda. (53)

Qabelxejn il-vjolenza tal-mistħija li xi drabi tintuża fuq in-nisa, il-vjolenza fil-familja u xejriet oħra ta’ jasar li mhux vera huma wirja tas-saħħa maskili imma ta’ ġifa. Il-vjolenza verbali, fiżika u sesswali kontra n-nisa f’xi koppji miżżewġa tmur kontra l-istess natura tal-għaqda taż-żwieġ. (54)

Jekk qed insibu ħafna diffikultajiet, dawn huma stedina biex inħallu l-enerġija tat-tama li hemm fina tisplodi u nibdluha f’ħolm profetiku, f’għemejjel li jġibu bidla u fl-immaġinazzjoni tal-karità. (57)

Tagħlim tal-Knisja

It-tagħlim tagħna fuq iż-żwieġ u l-familja ma jistax jieqaf jitnebbaħ u jinbidel fid-dawl tal-ewwel tħabbira ta’ mħabba u ta’ ħlewwa, biex hekk ma jsirx sempliċi difiża ta’ duttrina kiesħa u mejta. Fil-fatt, lanqas nistgħu nifhmu b’mod sħiħ il-misteru tal-familja Nisranija jekk mhux fid-dawl tal-imħabba bla tarf tal-Missier, li dehret fi Kristu, li ngħata għalina sal-aħħar u hu ħaj fostna għal dejjem. (59)

Talb

Hekk hi mfissra d-dar li fiha jgħammar Alla, hemm il-preżenza tat-talb komuni u għalhekk il-barka tal-Mulej. (15)

Il-familja hi msejħa taqsam flimkien it-talb ta’ kuljum, il-qari tal-Kelma ta’ Alla u l-komunjoni Ewkaristika biex tisseddaq fl-imħabba u tinbidel dejjem iżjed f’tempju fejn jgħammar l-Ispirtu. (29)

F’din il-ħolma, għal koppja ta’ miżżewġin Insara, bilfors irid ikun hemm il-Magħmudija. Il-ġenituri jħejju għaliha bit-talb tagħhom, billi sa minn qabel twelidu jafdaw il-wild tagħhom lil Ġesù. (169)

Mhux sew li [l-għarajjes] jaslu għaż-żwieġ bla ma jkunu talbu flimkien, għal xulxin, u talbu l-għajnuna ta’ Alla biex jibqgħu fidili u ġenerużi, huma u jistaqsu flimkien lil Alla xi jrid minnhom, u anki jikkonsagraw imħabbithom quddiem xbieha ta’ Marija. (216)

Ninsistu fuq l-importanza tal-ispiritwalità tal-familja, tat-talb u tas-sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd, ninkuraġġixxu lill-koppji biex jiltaqgħu spiss biex ixettlu fihom il-ħajja spiritwali u s-solidarjetà fil-ħtiġijiet konkreti tal-ħajja. (223)

Fl-istess waqt, sewwa li nħeġġu lil kull wieħed u waħda mill-miżżewġin biex ifittxu waqtiet ta’ talb waħidhom quddiem Alla, għax kulħadd għandu s-slaleb moħbija tiegħu. (227)

Kemm hi ħaġa sabiħa tara ommijiet jgħallmu lil uliedhom jixħtu bewsa lil Ġesù jew lill-Madonna! Kemm ħlewwa hemm f’dan! F’dak il-ħin il-qalb tat-tfal tinbidel fi mkien ta’ talb. (287)

Hu fundamentali li l-ulied jaraw b’mod konkret li għall-ġenituri tagħhom it-talb hu tassew importanti. Għalhekk il-waqfiet ta’ talb fil-familja u l-espressjonijiet tad-devozzjoni popolari xi drabi jista’ jkollhom qawwa li jevanġelizzaw iktar mill-katekeżi u d-diskorsi kollha. (288)

It-talb fil-familja hu mezz ipprivileġġjat biex hi tesprimi u ssaħħaħ din il-fidi tagħha fil-misteru tal-Għid. Nistgħu nsibu ftit minuti kuljum biex ninġabru quddiem il-Mulej ħaj, ngħidulu x’inhu jħassibna, nitolbu għall-ħtiġijiet fil-familja, nitolbu għal xi ħadd li għaddej minn żmien ta’ taqtigħ il-qalb, nitolbuh l-għajnuna biex inkunu kapaċi nħobbu, irroddulu ħajr għall-ħajja li tana u għall-ħwejjeġ sbieħ, nitolbu lill-Verġni Mbierka tkenninna taħt il-mant tagħha ta’ omm. (318)

Tama

Fis-sitwazzjonijiet kollha l-Knisja tħoss il-bżonn li tlissen kelma ta’ verità u ta’ tama. (57)

Jekk qed insibu ħafna diffikultajiet, dawn huma stedina biex inħallu l-enerġija tat-tama li hemm fina tisplodi u nibdluha f’ħolm profetiku, f’għemejjel li jġibu bidla u fl-immaġinazzjoni tal-karità. (57)

It-tama tistedinna ngħixu l-preżent fil-milja tiegħu, u ningħataw b’qalbna kollha għall-ħajja fil-familja, għax l-aħjar mod kif tħejji għal futur fiż-żgur hu li tgħix tajjeb il-preżent. (219)

Tfal jew Ulied

L-Evanġelju jfakkarna wkoll li l-ulied mhumiex proprjetà tal-familja, imma għandhom quddiemhom il-mixja personali ta’ ħajjithom. (18)

Ħafna huma t-tfal li qed jitwieldu barra miż-żwieġ, speċjalment f’xi pajjiżi, u ħafna huma dawk li mbagħad jikbru b’ġenitur wieħed biss jew f’kuntest familjari mwessa’ jew imwaqqaf mill-ġdid. (45)

L-abbuż sesswali tat-tfal imbagħad hu waħda mir-realtajiet l-iżjed skandalużi u perversi tas-soċjetà tal-lum. (45)

L-ulied mhux biss jixtiequ li l-ġenituri tagħhom jinħabbu, imma anki li jkunu fidili u jibqgħu dejjem magħquda. (123)

Ma jistax ikun hemm familja mingħajr il-ħolma. Meta familja titlef il-ħila li toħlom, it-tfal ma jikbrux u l-imħabba ma tikbirx, il-ħajja tiddgħajjef u tintefa. (169)

Iben tħobbu għax hu iben: mhux għax hu gustuż, jew għax hu hekk jew hekk; le, għax hu ibnek! Mhux għax jaħsibha bħali, jew jinkarna x-xewqat tiegħi. Iben huwa iben. (170)

It-tfal, malli jitwieldu, jibdew jirċievu bħala don, flimkien man-nutriment u l-għożża, il-konferma tal-kwalitajiet spiritwali tal-imħabba. (172)

Kull tarbija għandha d-dritt li tirċievi l-imħabba ta’ omm u ta’ missier, li t-tnejn huma meħtieġa biex hi tikber b’mod sħiħ u armonjuż. (172)

Il-mistoqsija l-kbira mhijiex fejn jinsab fiżikament ibnek, ma’ min qiegħed bħalissa, imma fejn jinsab f’sens eżistenzjali, fejn qiegħed f’dawk li huma konvinzjonijiet, għanijiet, xewqat, il-pjan ta’ ħajtu. Għalhekk il-mistoqsijiet li nagħmel lill-ġenituri huma: “Qed infittxu li nifhmu fejn waslu tabilħaqq uliedna fil-mixja tagħhom? Fejn qiegħda tassew qalbhom, nafu xejn? U fuq kollox: Dan irridu nafuh?” (261)

Meta l-ulied ma jibqgħux iħossuhom iżjed prezzjużi f’għajnejn il-ġenituri tagħhom għalkemm huma imperfetti, jew jintebħu li huma m’għadhomx sinċerament ħsiebhom fihom, dan joħloq ġrieħi kbar li jnisslu ħafna diffikultajiet fil-maturazzjoni tagħhom. (263)

Tifel ikkoreġut bi mħabba jħoss li hemm min qed jagħti kasu, li hu xi ħadd, li l-ġenituri tiegħu jagħrfu x’ħiliet jista’ jkollu. (269)

L-iben li jiżbalja, għandu jiġi kkoreġut, imma qatt bħallikieku kien xi għadu jew qisu xi wieħed li fuqu għandhom jiżvogaw ir-rabja kollha tagħhom. Barra minn hekk, adult għandu jagħraf li ċerti żbalji huma marbuta mad-dgħufijiet u l-limiti ta’ dik l-età. Għalhekk jagħmel ħafna ħsara atteġġjament ta’ min il-ħin kollu ħsiebu biex jikkoreġi, għax dan ma jgħinx lill-ulied jaraw li hemm livelli differenti ta’ gravità fl-għemil u jnissel qtigħ il-qalb u dwejjaq.  (269)

Meta nipproponu l-valuri, jeħtieġ nimxu ftit ftit, b’modi differenti u skont l-età u l-possibbiltajiet konkreti tal-persuni [tat-tfal], bla ma nippretendu li nistgħu napplikaw metodoloġiji riġidi u li ma jinbidlu qatt. (273)

Meta t-tfal jew l-adolexxenti ma jiġux edukati jaċċettaw li ċerti affarijiet iridu jistennew, isiru prepotenti, iqiegħdu kollox taħt is-sodisfazzjon ta’ dak li jeħtieġu issa u jikbru bil-vizzju ta’ “rrid kollox issa”. (275)

Meta t-tifel jifhem xi jfisser ikun responsabbli tiegħu nnifsu, jikber fl-istima tal-persuna tiegħu. Fl-istess waqt, dan jgħallmu jirrispetta l-libertà tal-oħrajn. (275)

Tqala

It-tqala hi perjodu iebes, imma anki żmien mill-isbaħ. L-omm tikkollabora ma’ Alla biex iseħħ il-miraklu ta’ ħajja ġdida. (168)

Il-mara fit-tqala tista’ tieħu sehem f’dan il-pjan ta’ Alla billi toħlom lil binha. L-ommijiet u l-missirijiet kollha ħolmu lil binhom jew binthom għal disa’ xhur sħaħ. (169)

Trinità Qddisa

Il-familja u ż-żwieġ ġew mifdija minn Kristu, irrestawrati skont ix-xbieha tat-Trinità Qaddisa, misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera. (63)

L-Iskrittura u t-Tradizzjoni jiftħulna beraħ it-triq għal għarfien tat-Trinità li tidher bħala familja. Il-familja hi xbieha ta’ Alla, li […] hu komunjoni ta’ persuni. (71)

Fil-familja umana, miġmugħa minn Kristu, intraddulna lura s-sura u x-xbieha tat-Trinità Qaddisa , misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera. Minn Kristu, permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex jagħtu xhieda tal-Evanġelju tal-imħabba ta’ Alla. (71)

It-Trinità hi preżenti fit-tempju tal-komunjoni taż-żwieġ. (314)

L-imħabba soċjali, riflessa fit-Trinità, hi fir-realtà dak li jxierek it-tifsira spiritwali tal-familja mal-missjoni tagħha barra minnha nfisha, għax tagħmel preżenti l-kerygma bl-esiġenzi komunitarji kollha tagħha. (324)

Umiltà

Irridu nibqgħu umli u realisti, biex nagħrfu li xi drabi l-mod kif aħna nippreżentaw il-konvinzjonijiet Insara tagħna u l-mod kif nimxu man-nies wasal biex ipprovoka dak li llum qed ingergru dwaru, u għalhekk neħtieġu reazzjoni tajba ta’ kritika tagħna nfusna. (36)

L-atteġġjament tal-umiltà huwa bħala xi ħaġa li hi parti mill-imħabba, għax biex tista’ tifhem, tiskuża u taqdi lill-oħrajn mill-qalb, hu indispensabbli tfiq mill-kburija u tgħożż l-umiltà. (98)

Valuri

L-ewwel nett, għax nixtieq [li din l-Eżortazzjoni] tkun proposta għall-familji Nsara, li tħeġġiġhom biex jistmaw id-doni taż-żwieġ u tal-familja, u jżommu mħabba qawwija u mimlija bil-valuri tal-ġenerożità, l-impenn, il-fedeltà u s-sabar. (5)

Jekk il-miżżewġin jagħtu iktar valur lill-komunikazzjoni personali bejniethom, il-ħajja kollha tal-familja ssir iżjed umana. (32)

Il-valuri kbar taż-żwieġ u tal-familja Nisranija jikkorrispondu għat-tiftix tal-eżistenza umana. (57)

Meta nipproponu l-valuri, jeħtieġ nimxu ftit ftit, b’modi differenti u skont l-età u l-possibbiltajiet konkreti tal-persuni, bla ma nippretendu li nistgħu napplikaw metodoloġiji riġidi u li ma jinbidlu qatt. (273)

Verġinità

Il-verġinità hi għamla ta’ mħabba. Bħala sinjal, tfakkarna fl-għożża għas-Saltna, l-urġenza li ningħataw bla riservi għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni, u hi mera tal-milja tas-Sema, fejn la jiżżewġu u lanqas iżewġu. (159)

It-testi bibliċi ma jagħtuniex raġuni biex inżommu la l-inferjorità taż-żwieġ u lanqas is-superjorità tal-verġinità jew taċ-ċelibat bħala motiv għall-astinenza sesswali. Iktar milli nitkellmu fuq is-superjorità sħiħa tal-verġinità, pjuttost għandna nuru kif id-diversi stati ta’ ħajja jikkumplimentaw lil xulxin, hekk li wieħed jista’ jkun iżjed perfett f’xi aspett u l-ieħor jista’ jkun hekk f’aspett ieħor. (159)

Il-verġinità għandha l-valur simboliku tal-imħabba li ma teħtiġx tippossedi lill-ieħor, u hekk hi mera tal-libertà tas-Saltna tas-Smewwiet. Hi stedina lill-miżżewġin biex jgħixu l-imħabba ta’ bejniethom fid-dawl tal-imħabba sħiħa u dejjiema ta’ Kristu, bħala mixja komuni lejn il-milja tas-Saltna. (161)

Il-verġinità u ż-żwieġ huma, u għandhom ikunu, modi differenti ta’ mħabba, għax il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr imħabba. Jekk ma jsirx jaf l-imħabba […] jibqa’ essri li ma jistax jifhem lilu nnifsu u ħajtu tkun bla sens għalih. (161)

Dawk li ġew imsejħa għall-verġinità jistgħu jsibu f’xi koppji miżżewġa sinjal ċar tal-fedeltà ta’ Alla għall-Patt tiegħu, li hi waħda ġeneruża u ma tiġix fix-xejn, u li jista’ jistimola lil qlubhom għal disponibbiltà iktar konkreta u ta’ għotja. (162)

Via Caritatis

F’kull ċirkustanza, quddiem dawk li qed isibuha bi tqila biex jgħixu b’mod sħiħ il-liġi divina, għandha tidwi l-istedina biex interrqu l-via caritatis. L-imħabba tal-aħwa hi l-ewwel liġi tal-Insara. (306)

Virtú

Il-virtù hi konvinzjoni li tinbidel fi prinċipju ġewwieni u stabbli tal-imġiba. (267)

Wegħda taż-Żwieġ

L-għaqda li tiġi konkretizzata fil-wegħda taż-żwieġ għal dejjem, hi iżjed minn formalità soċjali jew tradizzjoni, għax għandha għeruqha fl-inklinazzjonijiet spontanji tal-persuna umana; għal min jemmen, hi patt quddiem Alla li jesiġi fedeltà. (123)

Xhieda

Fid-dinja ta’ żmienna hi apprezzata wkoll ix-xhieda tal-miżżewġin li mhux biss ipperseveraw fiż-żmien, imma komplew bil-pjan komuni ta’ bejniethom u għadhom jgħożżu l-imħabba ta’ xulxin. (38)

Hemm bżonn li nsibu l-kliem, il-motivazzjonijiet u x-xhieda li jgħinuna mmissu dak li ż-żgħażagħ huma magħmulin minnu minn ġewwa, hemm fejn l-iżjed kapaċi jkunu ġenerużi, ħabrieka, lesti li jħobbu u anki jagħtu xhieda ta’ eroiżmu, biex nistednuhom jilqgħu l-isfida taż-żwieġ b’ħerqa u kuraġġ. (40)

Mingħand Kristu permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja meħtieġa biex jistgħu jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u jgħixu l-ħajja f’komunjoni. (63)

Il-miżżewġin għalhekk ifakkru għal dejjem ’il-Knisja f’dak li ġara fuq is-Salib: huma għal xulxin u għal uliedhom ix-xhieda ta’ dik is-salvazzjoni, li fiha jagħtihom sehem is-sagrament taż-żwieġ. (72)

Bix-xhieda tagħhom, u anki bil-kelma, il-familji jitkellmu dwar Ġesù mal-oħrajn, u hekk jgħaddu l-fidi, iqajmu mill-ġdid ix-xewqa għal Alla, u juru l-ġmiel tal-Evanġelju u tal-istil tal-ħajja li hu jipproponilna. (184)

Xogħol jew Impieg

Li x-xogħol hu parti fundamentali mid-dinjità tal-ħajja umana nifhmuh sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja, meta jingħad li l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu. (23)

Ix-xogħol jgħin fit-titjib tas-soċjetà, fl-għajxien tal-familja u anki biex din tibqa’ wieqfa u tkun għammiela. (24)

Il-qgħad u x-xogħol prekarju huma tbatija […]in-nuqqas ta’ xogħol jolqot b’kemm-il mod is-serħan il-moħħ tal-familji. (25)

Hi responsabbiltà tal-Istat li joħloq il-kundizzjonijiet leġislattivi u ta’ xogħol biex jiggarantixxi l-futur taż-żgħażagħ u jgħinhom iwettqu l-pjan tagħhom li jwaqqfu familja. (43)

Il-familji jbatu b’mod partikulari minn problemi tax-xogħol. Il-possibbiltajiet għaż-żgħażagħ huma ftit u l-offerta ta’ xogħol hi selettiva u prekarja qatigħ. Il-ġranet tax-xogħol huma twal u spiss imtaqqla minn ħinijiet twal ta’ vjaġġi. Dan ma jgħinx lill-familjari biex jiltaqgħu flimkien u ma’ wliedhom, biex jistgħu ta’ kuljum isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom. (44)

L-għażla ta’ sempliċi konvivenza spiss hi frott tal-mentalità ġenerali li teħodha kontra l-istituzzjonijiet u l-impenji defenittivi, imma anki għax wieħed jibqa’ jistenna aktar ċertezza fil-ħajja xogħol jew paga fissa. (294)

Żgħażagħ

Qed ngħixu f’kultura li timbotta liż-żgħażagħ biex ma jiffurmawx familja għax neqsin mill-possibbiltajiet għall-futur. Imma din l-istess kultura lil oħrajn tippreżentalhom tant alternattivi, li taqtgħalhom ukoll qalbhom milli jiffurmaw familjaF’xi pajjiżi, ħafna żgħażagħ spiss ikollhom jipposponu t-tieġ minħabba problemi ta’ bixra ekonomika, ta’ xogħol jew ta’ studju. (40)

Soċjetà ta’ wlied li ma jweġġħux lill-ġenituri tagħhom hi soċjetà bla ġieħ […]. Hi soċjetà ddestinata li timtela b’żgħażagħ niexfa u rgħiba. (189)

Hemm bżonn ngħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-valur u l-għana taż-żwieġ. Għandhom ikunu kapaċi jifhmu l-faxxinu ta’ għaqda sħiħa li tgħolli u tipperfezzjona d-dimensjoni soċjali tal-ħajja, tagħti lis-sesswalità l-ogħla tifsira tagħha, u fl-istess waqt tippromovi l-ġid tal-ulied u toffrilhom l-aħjar kuntest fejn jimmaturaw u jiġu edukati.  (205)

Iż-żgħażagħ għandu jkollhom l-opportunità jintebħu li dawn huma bumbardament ta’ messaġġi li mhumiex ifittxu l-ġid u l-maturità tagħhom. Irridu ngħinuhom jagħrfu u jfittxu influwenzi pożittivi, waqt li fl-istess ħin iżommu bogħod minn dak kollu li ma jħallihomx iħobbu kif imiss. (281)

Ma għandniex inqarrqu biż-żgħażagħ billi nħawdulhom il-livelli: il-ġibda toħloq, għal dak il-ħin, illużjoni ta’ rabta, meta mingħajr imħabba din ir-rabta tħalli warajha żewġ persuni barranin u mifruda bħalma kienu qabel. (284)

Żwieġ

Bħala Nsara ma nistgħux ma nipproponux iż-żwieġ biex ma nurtawx is-sensibbiltà ta’ żmienna, biex nimxu mal-moda, jew minħabba f’kumpless ta’ inferjorità quddiem it-tħarbit morali u uman. (35)

Hu mitlub minna sforz iżjed responsabbli u ġeneruż, li jikkonsisti f’li nagħtu r-raġunijiet u l-motivazzjonijiet tal-għażla tagħna favur iż-żwieġ u l-familja, biex hekk l-oħrajn ikunu iżjed disposti li jwieġbu għall-grazzja li Alla qed joffrilhom. (35)

Insibuha bi tqila li nippreżentaw iż-żwieġ bħala mixja dinamika li fiha wieħed jikber u jwettaq lilu nnifsu, iżjed milli bħala tagħbija li wieħed ikollu jġorrha għal ħajtu kollha. (37)

Hemm bżonn li nsibu l-kliem, il-motivazzjonijiet u x-xhieda li jgħinuna mmissu dak li ż-żgħażagħ huma magħmulin minnu minn ġewwa, hemm fejn l-iżjed kapaċi jkunu ġenerużi, ħabrieka, lesti li jħobbu u anki jagħtu xhieda ta’ eroiżmu, biex nistednuhom jilqgħu l-isfida taż-żwieġ b’ħerqa u kuraġġ. (40)

Il-valuri kbar taż-żwieġ u tal-familja Nisranija jikkorrispondu għat-tiftix tal-eżistenza umana. (57)

It-tagħlim tagħna fuq iż-żwieġ u l-familja ma jistax jieqaf jitnebbaħ u jinbidel fid-dawl ta’ din l-aħbar ta’ mħabba u ta’ ħlewwa, biex hekk ma jsirx sempliċi difiża ta’ duttrina kiesħa u mejta. (59)

Iż-żwieġ hu vokazzjoni, għax hu tweġiba għas-sejħa speċifika tal-miżżewġin li jgħixu l-imħabba tagħhom bħala sinjal imperfett tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja. Għalhekk, id-deċiżjoni li jiżżewġu u jsawru familja għandha tkun il-frott ta’ dixxerniment vokazzjonali. (72)

Iż-żwieġ hu qabelxejn “għaqda intima tal-ħajja u tal-imħabba bejn il-miżżewġin. (80)

Iż-żwieġ hu l-ikona tal-imħabba ta’ Alla lejna. (121)

F’kull mument ġdid tal-ħajja miżżewġa, għandna nerġgħu npoġġu bilqiegħda u ninnegozjaw mill-ġdid il-ftehim, biex ma jkunx hemm rebbieħa u telliefa, imma jirbaħ kulħadd. Id-dar, id-deċiżjonijiet ma teħodhomx naħa waħda, imma t-tnejn jaqsmu fir-responsabbiltà tagħhom għall-familja, għalkemm kull dar hi unika u kull rabta ta’ żwieġ hi differenti. (220)

Kull żwieġ hu “storja ta’ salvazzjoni”, u dan ifisser li nitilqu minn dgħufija li, grazzi għad-don ta’ Alla u għal tweġiba kreattiva u ġeneruża, ftit ftit tagħmel wisa’ għal realtà dejjem iżjed sħiħa u prezzjuża. (221)

Biex nevitaw kull interpretazzjoni żbaljata, infakkar li bl-ebda mod il-Knisja m’għandha żżomm lura milli tipproponi l-ideal sħiħ taż-żwieġ, il-pjan ta’ Alla fil-kobor sħiħ tiegħu. (307)

Żwiġijiet Imħallta

Iż-żwiġijiet bejn Kattoliċi u mgħammdin oħra, minkejja s-sura speċjali tagħhom, għandhom ħafna kwalitajiet li jeħtieġ li wieħed jara s-siwi tagħhom u jiżviluppahom, kemm minħabba l-valuri tagħhom fihom infushom, kemm minħabba l-għajnuna li jistgħu jagħtu lill-moviment ekumeniku. (247)

Iż-żwiġijiet fejn il-partijiet ġejjin minn reliġjonijiet differenti huma lok ipprivileġġjat ta’ djalogu interreliġjuż […] iġibu magħhom ukoll diffikultajiet speċjali kemm fejn tidħol l-identità Nisranija tal-familja, u kemm dwar l-edukazzjoni reliġjuża tal-ulied. (248)

 

Miġbura minn Joe Farrugia