L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Via Crucis ippreseduta mill-Papa Franġisku fil-Kolossew 2018

 

MEDITAZZJONIJIET U TALBIET

miġbura minn


I. Valerio De Felice
II. Maria Tagliaferri u Margherita Di Marco
III. Caterina Benincasa
IV. Agnese Brunetti
V. Chiara Mancini
VI. Cecilia Nardini
VII. Francesco Porceddu
VIII. Sofia Russo
IX. Chiara Bartolucci
X. Greta Giglio
XI. Greta Sandri
XII. Dante Monda
XIII. Flavia De Angelis
XIV. Marta Croppo

 
ikkordinati mill-Professur
Andrea Monda

 

UFFIĊĊJU TAĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET LITURĠIĊI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

IL-PASSJONI TAL-MULEJ

 

VIA CRUCIS

IPPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

 

IL-KOLOSSEW

RUMA, 30 TA’ MARZU 2018

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti  minn Francesco Pio Attard


 

INTRODUZZJONI

 

It-testi tal-meditazzjonijiet fuq l-erbatax-il stazzjon tar-rit tal-Via Crucis ta’ din is-sena nkitbu minn ħmistax-il żagħżugħ u żagħżugħa, ta’ bejn is-16 u s-27 sena. Għalhekk, huma tnejn l-elementi ġodda: l-ewwel wieħed hu bla preċedent fl-edizzjonijiet tal-passat u jittratta l-età tal-awturi, żgħażagħ u adolexxenti (disgħa minnhom huma studenti tal-Liċew ta’ Ruma Pilo Albertelli); it-tieni jikkonsisti fid-dimensjoni “korali” ta’ dan ix-xogħol, sinfonija ta’ tant ilħna b’tonalitajiet u timbri differenti. Mhux “żgħażagħ” jeżistu, imma Valerio, Maria, Margherita, Francesco, Chiara, Greta

 

Bl-entużjażmu tipiku tal-età tagħhom aċċettaw l-isfida li għamlilhom il-Papa matul din is-sena 2018, iddedikata b’mod ġenerali lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. U dan għamluh b’metodu preċiż ta’ ħidma. Inġabru madwar mejda u qraw it-testi tal-Passjoni ta’ Kristu skont l-erba’ Vanġeli. Dan ifisser li qagħdu quddiem ix-xena tal-Via Crucis u “rawha”, ħarsu lejha. Wara li qrawhom u ħadu ż-żmien kollu meħtieġ, kull wieħed u waħda minnhom esprima ruħu u qal x’dettall l-aktar li laqtu minn dik ix-xena. U b’dan il-mod kienet ħaġa iktar sempliċi u naturali li jiġi assenjat kull stazzjon.

 

Hemm tliet kelmiet li jgħinuna, tliet verbi, li jimmarkaw l-iżvilupp ta’ dawn it-testi: qabelxejn, kif diġà aċċennajna, naraw, imbagħad niltaqgħu, u fl-aħħar nitolbu.

 

Meta tkun għadek żagħżugħ, tkun trid tara, tara d-dinja, tara kollox. Ix-xena tal-Ġimgħa l-Kbira hi qawwija, anki fl-attroċità tagħha: meta nħarsu lejha nistgħu ninġibdu lura jew inkella tiġina ħniena u, għalhekk, nersqu biex niltaqgħu. L-istess kif jagħmel Ġesù fil-Vanġelu, ta’ kuljum, anki f’dan il-jum, l-aħħar wieħed. Hu jiltaqa’ ma’ Pilatu, ma’ Erodi, mal-qassisin, mas-suldati, ma’ ommu, maċ-Ċirinew, man-nisa ta’ Ġerusalemm, maż-żewġ ħallelin li saru l-aħħar żewġ sieħba tiegħu fil-vjaġġ. Fiż-żgħożija, ta’ kuljum ikollna l-okkażjoni li niltaqgħu ma’ xi ħadd, u kull laqgħa hi ġdida, sorprendenti. Nixjieħu meta ma nkunu rridu naraw lil ħadd, meta l-biża’ li jġib l-għeluq jegħleb il-ftuħ fiduċjuż: il-biża’ li ninbidlu, għax li niltaqgħu mal-oħrajn ifisser li ninbidlu, li nkunu lesti nerġgħu nibdew mexjin b’għajnejn ġodda. Li naraw u niltaqgħu, fl-aħħar nett, iwassalna biex nitolbu, għax li tara u tiltaqa’ mbagħad inissel fik il-ħniena, imqar f’dinja li donnha tilfet il-mogħdrija u f’jum bħal dan, mitluq għall-korla bla qalb, għall-kefrija u għat-telqa aljenata tal-bnedmin. Imma jekk nimxu bil-qalb wara Ġesù, anki fit-triq misterjuża tas-Salib, allura jistgħu jitnisslu mill-ġdid il-kuraġġ u l-fiduċja u, wara li nkunu rajna u ftaħna qalbna għal-laqgħa, nistgħu nduqu l-grazzja tat-talb, mhux iżjed waħidna, imma flimkien.

 



 

VIA CRUCIS

 

L-I Stazzjon

Ġesù kkundannat għall-mewt

 

Mill-Vanġelu skont San Luqa (23:22-25)

Għat-tielet darba [Pilatu] qalilhom: Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu. Iżda huma b’ħafna għajat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.

 

Narak, Ġesù, quddiem il-Gvernatur, li għal tliet darbiet jipprova jmur kontra r-rieda tal-poplu u fl-aħħar jagħżel li jibqa’ ma jagħżilx, quddiem il-folla, li għal tliet darbiet tiġi mistoqsija u dejjem tiddeċiedi kontrik. Il-folla, jiġifieri kulħadd, jiġifieri ħadd. Moħbi qalb il-massa, il-bniedem iwarrab dik il-personalità li hi tiegħu, hu l-leħen ta’ elf leħen ieħor. Qabel ma jiċħad lilek, jiċħad lilu nnifsu, iħalli r-responsabbiltà tiegħu tintilef qalb dik dejjem tinbidel tal-ġmiegħi bla wiċċ. U safrattant, hu responsabbli. Imqarraq mix-xewwiexa, mill-Ħażen li jippreżenta ruħu b’leħen qarrieq u li jtarrax, huwa l-bniedem li jikkundannak.

 

Illum aħna nitkexkxu quddiem inġustizzja bħal din, u jiġina li nitbiegħdu. Imma meta nagħmlu hekk, inkunu ninsew dawk id-drabi kollha meta konna aħna l-ewwel nies li għażilna li nsalvaw lil Barabba flok lilek. Meta widnejna kienu torox għas-sejħa tat-Tajjeb, meta ppreferejna nagħlqu għajnejna għall-inġustizzja li kienet qed isseħħ quddiemna.

 

F’dik il-pjazza ppakkjata, kien ikun biżżejjed kieku mqar qalb waħda tiddubita, imqar wieħed jgħolli leħnu kontra l-elf leħen tal-Ħażen. Kull darba li l-ħajja tqegħdilna għażla quddiemna, ħa niftakru f’dik il-pjazza u f’dak l-iżball. Inħallu lill-qlub tagħna jiddubitaw u nġagħlu l-leħen tagħna jogħla.

 

Nitolbok, Mulej, ħares int fuq l-għażliet tagħna,

dawwalhom bid-Dawl tiegħek,

rawwem fina l-ħila li niddubitaw ftit lilna nfusna:

il-Ħażen biss qatt ma jiddubita xejn.

Is-siġar li jniżżlu għeruqhom fil-ħamrija,

jekk jiġu msoqqija bil-Ħażen, jinxfu u jmutu,

imma int niżżiltilna l-għeruq tagħna fis-Sema

u l-friegħi tagħna poġġejthomlna fuq l-art biex hawn nagħrfuk u nimxu warajk.

 

Missierna…


 

It-II Stazzjon

Ġesù mgħobbi s-salib

 

Mill-Vanġelu skont San Mark (8:34-35)

[Ġesù] sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom:Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.

 

Narak, Ġesù, inkurunat bix-xewk, waqt li tilqa’ s-salib tiegħek. Tilqgħu, kif dejjem ilqajt kollox u lil kulħadd. Jgħabbuk bl-għuda, tqila, ħarxa, imma int ma tirribellax, ma tarmix dak l-istrument ta’ tortura inġust u ta’ stmerrija. Tieħdu fuqek u tibda miexi waqt li ġġorru fuq spallejk. Kemm drabi rribellajt u rrabjajt kontra l-biċċiet tax-xogħol li tawni, li ħassejthom tqal jew inġusti. Int ma tagħmilx hekk. M’intix ħafna ikbar minni, illum konna ngħidu li għadek żagħżugħ; imma int doċli, u tieħu bis-serjetà dak li toffrilek il-ħajja, kull okkażjoni li tippreżentalek, donnok trid tinżel fil-fond tal-affarijiet u tiskopri li dejjem hemm xi ħaġa iżjed minn dak li jidher, tifsira moħbija u sorprendenti. Grazzi għalik, nifhem li dan hu salib ta’ salvazzjoni u ta’ ħelsien, salib li jweżinni meta neħel, madmad ħelu, toqol ħafif.

 

Mill-iskandlu tal-mewt tal-Iben ta’ Alla, mewt ta’ midneb, mewt ta’ bniedem ħati, tinbet il-grazzja li fl-uġigħ niskopru mill-ġdid il-qawmien, fit-tbatija l-glorja tiegħek, fit-taħbit is-salvazzjoni tiegħek. L-istess salib, li għall-bniedem hu simbolu ta’ umiljazzjoni u ta’ tbatija, issa, grazzi għas-sagrifiċċju tiegħek, jidher bħala wegħda: minn kull mewt terġa’ tinbet il-ħajja u f’kull dalma jixgħel id-dawl. U nistgħu ngħidu: “Is-sliem, o salib, tama waħdanija tagħna!”.

 

Nitolbok, Mulej, agħmel li għad-dawl tas-Salib, simbolu tal-fidi tagħna,

nistgħu naċċettaw it-tbatijiet tagħna u, imdawlin minn imħabbtek,

ngħannqu s-slaleb tagħna, li jsiru glorjużi permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħek.

Agħtina l-grazzja li nħarsu lejn il-ġrajjiet ta’ ħajjitna

u fihom niskopru mill-ġdid l-imħabba tiegħek għalina.

 

Missierna…


 

It-III Stazzjon

Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija (53:4)

Iżda hu rafa fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.

 

Narak, Ġesù, fit-tbatija int u miexi t-triq lejn il-Kalvarju, mgħobbi bi dnubietna. U narak taqa’, b’idejk u rkupptejk mal-art, mifni bl-uġigħ. B’liema umiltà waqajt! Kemm umiljazzjonijiet tgħaddi minnhom issa! In-natura tiegħek ta’ veru bniedem tidher b’mod ċar f’din il-parti ta’ ħajtek. Is-salib li ġġorr huwa tqil; għandek bżonn l-għajnuna, imma meta taqa’ mal-art ħadd ma jiġi jgħinek, anzi, il-bnedmin jiżżuffjettaw bik, jiddieħku quddiem ix-xbieha ta’ Alla li jaqa’. Forsi jħossuhom delużi, forsi kellhom idea żbaljata tiegħek. Xi drabi naħsbu li l-fidi fik tfisser li f’ħajjitna ma naqgħu qatt. Flimkien miegħek naqa’ jiena wkoll, u miegħi l-ideat tiegħi, dawk li kont għamilt fuqek: kemm kienu dgħajfa!

 

Narak, Ġesù, tagħfas snienek u, mitluq għalkollox fl-imħabba tal-Missier, terġa’ tqum u tkompli bil-mixja tiegħek. B’dawn l-ewwel passi lejn is-salib, hekk ħosbiena, Ġesù, tfakkarni fi tfajjel ċkejken li jmidd l-ewwel passi lejn il-ħajja u jitlef il-bilanċ u jaqa’ u jibki, imma mbagħad ikompli. Jafda ruħu fid-dirgħajn tal-ġenituri u ma jiqafx; jibża’ imma jibqa’ miexi, għax il-fiduċja hi aqwa mill-biża’.

 

Bil-kuraġġ tiegħek tgħallimna li l-fallimenti u l-waqgħat ma għandhom qatt iwaqqfu l-mixja tagħna u li dejjem għandna għażla x’nagħmlu: jew inċedu jew nerġgħu nqumu miegħek.

 

Nitolbok, Mulej, erġa’ qajjem fina ż-żgħażagħ

il-kuraġġ li nerġgħu nqumu wara kull waqgħa

proprju kif għamilt int fit-triq tal-Kalvarju.

Nitolbok, agħmel li nagħrfu napprezzaw dejjem

id-don wisq kbir u prezzjuż tal-ħajja,

u li l-fallimenti u l-waqgħat

ma jkunu qatt raġuni biex narmuh,

għax nafu li jekk nafdaw fik,

nistgħu nerġgħu nqumu

u nsibu l-qawwa li nibqgħu mexjin,

dejjem.

 

Missierna…


 

Ir-IV Stazzjon

Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu

 

Mill-Vanġelu skont San Luqa (2:34-35)

Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

 

Narak, Ġesù, qed tiltaqa’ ma’ ommok. Marija tinsab hemm, timxi fit-toroq iffullati, hemm bosta persuni magħha. L-unika ħaġa li tagħżilha mill-oħrajn hi l-fatt li hi qiegħda hemm biex issieħeb lil binha. Sitwazzjoni li narawha ta’ kuljum: l-ommijiet isieħbu lil uliedhom lejn l-iskola, jew għand it-tabib, jew jeħduhom magħhom ix-xogħol. Imma Marija tispikka fost l-ommijiet l-oħra: hi qed issieħeb lil binha lejn il-mewt tiegħu. Li tara lil ibnek stess imut hi l-agħar xorti li tista’ tawgura lil xi persuna, l-iktar waħda mhix naturali; iktar kiefra jekk l-iben, innoċenti, qed imut b’idejn il-ġustizzja. X’xena xejn normali u inġusta qed nilmaħ quddiem għajnejja! Ommi rabbietni f’sens ta’ ġustizzja u għallmitni nafda fil-ħajja, imma dak li llum qed jaraw għajnejja m’għandu xejn minn dan, hu sajjem minn kull sens, u hu mimli wġigħ u niket.

 

Narak, Marija, int u tħares lejn l-imsejken iben tiegħek: għandu l-marki tas-swat fuq dahru u jiġi mġiegħel jerfa’ t-toqol tas-salib, aktarx ma jdumx ma jaqa’ taħtu bl-għeja. Imma int kont taf li, illum jew għada, dan kellu jseħħ; kien ġie mħabbar lilek, imma issa seħħ u kollox hu differenti; u huwa dejjem hekk, aħna qatt m’aħna ppreparati quddiem il-ħajja, quddiem il-ħruxija tagħha. Marija, issa tinsab imnikkta, kif kienet tkun kull mara kieku sabet ruħha flokok, imma m’intix qalbek maqtugħa. Għajnejk mhumiex mitfija, mhumiex qed iħarsu fil-vojt, int ma timxix rasek baxxuta. Int tiddi mqar fid-diqa tiegħek, għax għandek it-tama, taf li dak ta’ ibnek mhux sa jkun vjaġġ lejn naħa waħda biss u taf, tħoss, kif l-ommijiet biss jafu jħossu, li ma ddumx ma terġa’ tarah.

 

Nitolbok, Mulej: għinna inti

biex inżommu dejjem quddiem għajnejna l-eżempju ta’ Marija,

li aċċettat il-mewt ta’ binha

bħala misteru kbir ta’ salvazzjoni.

Għinna naġixxu b’ħarsitna fuq it-tajjeb li hemm fl-oħrajn

u mmutu fit-tama tal-qawmien

u bl-għarfien li m’aħna qatt waħidna,

lanqas mitluqa minn Alla, lanqas minn Marija,

omm twajba li dejjem għandha għal qalbha lil uliedha.

 

Missierna…


 

Il-V Stazzjon

Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib

 

Mill-Vanġelu skont San Luqa (23:26)

Huma u sejrin bih, qabbdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù.

 

Narak, Ġesù, mgħattan taħt it-toqol tas-salib. Qed nara li mhux jirnexxielek waħdek; proprju fil-mument tal-ikbar sforz, bqajt waħdek, mhumiex hemm dawk li kienu jgħidu li huma ħbieb tiegħek: Ġuda ttradiek, Pietru ċaħdek, l-oħrajn telquk. Imma hawn f’daqqa waħda sseħħ din il-laqgħa, ma’ wieħed raġel, kien min kien, li forsi kien sema’ dwarek imma ma mexiex warajk, imma issa jinsab hawn, maġenbek, spalla ma’ spalla miegħek, biex jaqsam fil-madmad tiegħek. Jismu Xmun u hu barrani ġej mill-bogħod, minn Ċirene. Għalih din ħaġa li llum ma kienx jistennieha, imma li tinbidel f’laqgħa.

 

Huma bla għadd il-laqgħat ta’ ħbiberija u ta’ tilwim li jkollna ta’ kuljum, fuq kollox aħna ż-żgħażagħ li nidħlu l-ħin kollu f’kuntatt ma’ realtajiet ġodda, persuni ġodda. U huwa fil-laqgħa mhux mistennija, fl-inċident, fis-sorpriża li taqbadna fuq sieq waħda, li hemm moħbija għalina l-opportunità li nħobbu, li nagħrfu l-aħjar fil-proxxmu tagħna, anki meta f’għajnejna jidher li hu differenti minna.

 

Xi drabi nħossuna bħalek, Ġesù, mitluqa minn dawk li konna naħsbuhom ħbieb tagħna, taħt toqol li jgħaffiġna. Imma ma rridux ninsew li hemm Xmun minn Ċirene lest biex jieħu s-salib tagħna. Ma rridux ninsew li m’aħniex waħidna, u minn dan l-għarfien irridu nieħdu l-qawwa biex nitgħabbew bis-salib ta’ min għandna maġenbna.

 

Qed narak, Ġesù: issa jidher li tal-inqas qed tħoss xi ftit tas-serħan, jirnexxielek tieħu nifs għal ftit, issa li m’għadekx iżjed waħdek. U nara lil Xmun: min jaf ħassx li l-madmad tiegħek ħafif, min jaf jekk intebaħx x’fissret dik il-laqgħa mhux mistennija għall-ħajja tiegħu!

 

Mulej, nitolbok biex kull wieħed u waħda minna

jsib il-kuraġġ li jkun bħaċ-Ċirinew,

li jieħu s-salib u jimxi fuq il-passi tiegħek.

Hekk kull wieħed u waħda minna jkun umli u qawwi

biex nistgħu nitgħabbew bis-salib ta’ min niltaqgħu miegħu.

Agħmel li, meta nħossuna waħidna,

nistgħu nagħrfu fit-triq tagħna lil Xmun iċ-Ċirinew

li jieqaf u jieħu fuqu t-toqol tagħna.

Agħtina li nagħrfu nfittxu l-aħjar f’kull persuna,

li nkunu miftuħa għal kull laqgħa anki fid-diversità.

Nitolbok biex kull wieħed u waħda minna

jista’ jiskopri mqar bla mistenni li jinsab maġenbek.

 

Missierna…


 

Is-VI Stazzjon

Il-Veronika timsaħ il-wiċċ ta’ Ġesù

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija (53:2-3)

Bħal xitla kiber quddiemna, u bħal għerq minn art niexfa. Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf xinhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.

 

Narak, Ġesù, fil-miżerja, kważi ma tintgħarafx, ittrattat qisek kont l-aħħar wieħed mill-bnedmin. Timxi bi tbatija lejn il-mewt tiegħek bil-wiċċ imbiċċer kollu dmija, anki jekk bħal dejjem ta’ qalb ħelwa u umli, tħares ’il fuq. Waħda mara tross minn qalb il-folla biex tara mill-qrib dak il-wiċċ tiegħek li, forsi, tant drabi kien kellem lill-qalb tagħha u li hi kienet ħabbet. Tarah batut u tixtieq tgħinu. Ma jħalluhiex tgħaddi, huma ħafna, wisq, u armati. Imma xejn ma jimpurtaha minn dan kollu, hi determinata li tilħqek u għal waqt wieħed jirnexxielha tmissek, tmellsek bil-maktur tagħha. Din tagħha hi l-qawwa tal-ħlewwa. Għajnejkom jiltaqgħu għal ftit ma’ ta’ xulxin, il-wiċċ ta’ wieħed f’tal-oħra.

 

Dik il-mara, il-Veronika, li dwarha ma nafu xejn, ma nafux l-istorja tagħha, tirbaħ il-Ġenna b’sempliċi ġest ta’ karità. Tersaq qribek, tosserva l-wiċċ tiegħek kollu ġrieħi u tħobbu iktar minn qatt qabel. Il-Veronika ma tiqafx mad-dehra ta’ barra, li llum hi tant importanti fis-soċjetà tagħna tal-apparenzi, imma tħobb bla kundizzjonijiet dak il-wiċċ sfigurat, mhux ikkurat, bla rtokki u imperfett. Dak il-wiċċ, il-wiċċ tiegħek, Ġesù, sewwasew fl-imperfezzjoni tiegħu, jikxef il-perfezzjoni ta’ mħabbtek għalina.

 

Nitolbok, Ġesù, agħtini l-qawwa

li nersaq qrib tal-persuni l-oħra, ta’ kull persuna,

żagħżugħa jew anzjana, fqira jew għanja, għażiża għalija jew barranija,

u li f’dawk l-uċuħ nilmaħ il-wiċċ tiegħek.

Għinni ma nibqax lura

milli ngħin lill-proxxmu, li fih inti tgħammar,

bħalma l-Veronika ġriet lejk fit-triq tal-Kalvarju.

 

Missierna…


 

Is-VII Stazzjon

Ġesù jaqa’ għat-tieni darba

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija (53:8,10)

Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortih? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub. […] Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.

 

Narak, Ġesù, terġa’ taqa’ quddiem għajnejja. Meta taqa’ mill-ġdid turini li int bniedem, tassew bniedem. U narak terġa’ tqum mill-ġdid, iżjed deċiż minn qabel. Terġa’ tqum mhux b’suppervja; m’hemmx kburija fil-ħarsa tiegħek, hemm biss imħabba. U int u tkompli bil-mixja tiegħek, u terġa’ tqum fuq saqajk wara kull waqgħa, int tħabbar il-Qawmien tiegħek, turi li int lest biex titgħabba mill-ġdid u għal dejjem, fuq l-ispallejn imdemmgħa tiegħek, bit-toqol tad-dnub tal-bniedem.

 

Meta waqajt mill-ġdid int bgħattilna messaġġ ċar ta’ umiltà, waqajt mal-art, fuq dak l-humus li minnu twelidna aħna l-“umani”. Aħna ħamrija, aħna tajn, m’aħna xejn ħdejk. Imma int ridt issir bħalna, u issa turi li int qrib tagħna, bl-istess taħbit tagħna, l-istess dgħufijiet tagħna, bl-istess għaraq ta’ ġbinna. Issa int ukoll, f’din il-Ġimgħa, kif jiġri lilna, int mgħattan taħt it-tbatija. Imma int issib il-qawwa li tibqa’ miexi, ma tibżax mid-diffikultajiet li tista’ tħabbat wiċċek magħhom, u taf li fl-aħħar tat-taħbit hemm il-Ġenna; terġa’ tqum biex timxi proprju ’l hemm minn dan, biex tiftħilna l-bibien ta’ saltnatek. Sultan stramb int, sultan fit-trab.

 

Inħossni mħawwad: aħna m’aħniex denji li nqabblu t-taħbit u l-waqgħat tagħna ma’ tiegħek. Tiegħek huma sagrifiċċju, l-ikbar sagrifiċċju li għajnejja u l-istorja kollha qatt tista’ tara.

 

Nitolbok, Mulej, agħmel li nkunu lesti nerġgħu nqumu wara li nkunu waqajna,

li nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-fallimenti tagħna.

Fakkarna li meta jkun imiss lilna niżbaljaw u naqgħu,

jekk inkunu miegħek u nabqdu f’idejk,

nistgħu nitgħallmu u nerġgħu nqumu.

Agħmel li aħna ż-żgħażagħ nistgħu nwasslu lil kulħadd il-messaġġ tal-umiltà tiegħek

u li l-ġenerazzjonijiet li għad jiġu jiftħu għajnejhom għalik

u jagħrfu jifhmu mħabbtek.

Għallimna ngħinu lil min qed ibati u jaqa’ maġenbna:

biex nimsħu l-għaraq tiegħu u nnewlulu jdejna biex nerġgħu nqajmuh.

 

Missierna…


 

It-VIII Stazzjon

Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

 

Mill-Vanġelu skont San Luqa (23:27-31)

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu: ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!”. Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji: ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet: ‘Ordmuna!’. Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”.

 

Narak u nisimgħek, Ġesù, int u tkellem lin-nisa li magħhom tiltaqa’ fi triqtek lejn il-mewt. Fil-jiem kollha ta’ ħajtek għaddejt tiltaqa’ ma’ tant persuni, iltqajt u tkellimt ma’ kulħadd. Issa titkellem man-nisa ta’ Ġerusalemm li jarawk u jibku. Anki jien waħda minn dawk in-nisa. Imma int, Ġesù, fit-twissija tiegħek tuża kelmiet li jolqtuni, huma kelmiet konkreti u diretti; mal-ewwel daqqa t’għajn jistgħu jidhru ibsin u severi għax skjetti. Fil-fatt, illum aħna mdorrijin għal dinja magħmula mit-tagħwiġ tal-kliem, ipokrezija kiesħa tgħatti u tiffiltra dak li nkunu rridu ngħidu tassew; dejjem nevitaw iżjed it-twissijiet, nippreferu nħallu lill-ieħor għad-destin tiegħu, u ma nippruvawx inwissuh għall-ġid tiegħu.

 

Imma int, Ġesù, tkellem lin-nisa bħal missier, anki billi ċċanfarhom; kliemek hu kliem ta’ verità u jasal minnufih bl-iskop tiegħu ta’ korrezzjoni, u mhux ta’ ġudizzju. Hu lingwaġġ differenti minn tagħna, int dejjem titkellem b’umiltà u tasal dritt għall-qalb.

 

F’din il-laqgħa, l-aħħar waħda qabel is-salib, toħroġ mill-ġdid l-imħabba tiegħek bla qies lejn dawk li huma fl-aħħar post u mwarrbin; fil-fatt, in-nisa, f’dak iż-żmien, ma kinux meqjusa li jistħoqqilhom min jagħti kashom, waqt li int, fil-ħlewwa tiegħek, int tabilħaqq rivoluzzjonarju.

 

Nitolbok, Mulej, agħmel li jien,

flimkien man-nisa u l-irġiel ta’ din id-dinja,

nistgħu nsiru dejjem iżjed karitatevoli

ma’ dawk fil-bżonn, sewwasew kif kont tagħmel int.

Agħtina l-qawwa li nimxu kontra l-kurrent

u nidħlu f’kuntatt awtentiku mal-oħrajn,

nibnu pontijiet u nevitaw li ningħalqu fl-egoiżmu tagħna

li jwassalna għas-solitudni tad-dnub.

 

Missierna…


 

Id-IX Stazzjon

Ġesù jaqa’ għat-tielet darba

 

Mill-ktieb tal-Profeta Isaija (53:5-6)

Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.

 

Narak, Ġesù, int u taqa’ għat-tielet darba. Diġà waqajt darbtejn u d-darbtejn terġa’ tqum. M’hemmx iżjed limiti għall-għeja u t-tbatija, issa tidher kważi għalkollox mirbuħ, f’din it-tielet u l-aħħar waqgħa. Kemm drabi, fil-ħajja ta’ kuljum, jiġrilna li naqgħu. Tant naqgħu drabi li ma nibqgħux ngħoddu, imma nittamaw dejjem li kull waqgħa tkun l-aħħar waħda, għax trid il-kuraġġ tat-tama biex tista’ tħabbat wiċċek mat-tbatija. Meta wieħed jaqa’ ħafna drabi, fl-aħħar is-saħħa tikkrolla u t-tama tgħib għalkollox.

 

Nistħajjilni ħdejk, Ġesù, fil-mixja li qed twasslek lejn mewtek. Diffiċli naħseb li int l-Iben ta’ Alla. Diġà kien hemm min ipprova jgħinek, imma issa int bla saħħa, wieqaf, ipparalizzat u jidher li mhux ħa jirnexxielek iżjed tibqa’ miexi. Imma hekkhu li f’daqqa waħda narak terġa’ tqum, tiddritta riġlejk u dahrek, kemm jippermettilek is-salib fuq spallejk, u terġa’ taqbad miexi, mill-ġdid. Iva, sejjer biex tmut, imma trid tasal sal-aħħar. Forsi din hija l-imħabba. Dak li nista’ nifhem hu li mhuwiex importanti kemm drabi naqgħu, dejjem se jkun hemm l-aħħar waħda, forsi l-agħar, il-prova l-iżjed terribbli li fiha aħna msejħin insibu l-qawwa biex naslu sa tmiem il-mixja. Għal Ġesù t-tmiem hu t-tislib, il-mewt assurda, imma li tikxef tifsira iktar profonda, għan ogħla, dak li jsalvana lkoll.

 

Nitolbok, Mulej, agħtina ta’ kuljum

il-kuraġġ li nibqgħu mexjin fit-triq tagħna.

Agħmel li nilqgħu sal-aħħar

it-tama u l-imħabba li tajtna.

Jalla kulħadd ikun jista’ jaffronta l-isfidi tal-ħajja

bil-qawwa u l-fidi li bihom inti għext

l-aħħar mumenti tal-mixja tiegħek

lejn il-mewt tas-salib.

 

Missierna…


 

L-X Stazzjon

Ġesù mneżża’ minn ħwejġu

 

Mill-Vanġelu skont San Ġwann (19:23)

Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh ferbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq sisfel.

 

Narak, Ġesù, għeri, kif qatt ma rajtek qabel. Ċaħħduk imqar minn ħwejġek, Ġesù, u qed jaqtgħu x-xorti għalihom. F’għajnejn dawn il-bnedmin int tlift l-aħħar biċċa għata ta’ dinjità li kien fadallek, l-uniku oġġett li kellek tiegħek tul din il-mixja ta’ tbatija. Fil-bidu taż-żminijiet, Missierek kien niseġ il-ħwejjeġ għall-bnedmin, biex ilibbishom bid-dinjità; issa, il-bnedmin ineżżgħuhomlok. Narak, Ġesù, u fik nara immigrant żagħżugħ, ġisem imbiċċer li jasal f’art ħafna drabi kiefra, lesta biex tneżżagħlu ħwejġu, l-uniku ġid tiegħu, u tbigħhom; biex tħallih hekk bis-salib tiegħu waħdu, bħal tiegħek, bil-ġisem tiegħu waħdu mkisser, bħal tiegħek, b’għajnejh waħidhom mimlija niket, bħal tiegħek.

 

Imma hemm xi ħaġa li n-nies spiss tinsa dwar id-dinjità: din tinsab taħt il-ġilda tiegħek, hi parti minnek u dejjem ħa tkun miegħek, u iżjed u iżjed f’dan il-mument, f’din l-għera.

 

L-istess għera li biha niġu għad-dawl tad-dinja hi dik li biha l-art tilqagħna mal-għabex tal-ħajja. Minn omm għall-oħra. U issa hawn, fuq din l-għolja, hemm ukoll l-omm tiegħek, li terġa’ tarak għeri.

 

Narak u nifhem il-kobor u l-ġmiel tad-dinjità tiegħek, tad-dinjità ta’ kull bniedem, li ħadd qatt ma jista’ jħassar.

 

Nitolbok, Mulej, agħmel li lkoll kemm aħna nistgħu nagħrfu

d-dinjità li tiġi min-natura tagħna,

anki meta nsibu ruħna għerja u waħidna quddiem l-oħrajn.

Agħmel li nistgħu dejjem naraw id-dinjità tal-oħrajn,

u nistmawha, u nħarsuha.

Nitolbuk tagħtina l-kuraġġ meħtieġ

biex nifhmu lilna nfusna lil hemm minn dak li bih aħna mlibbsa;

u li naċċettaw l-għera li hi tagħna

u tfakkarna fil-faqar tagħna,

li miegħu int innamrajt sa ma tajt ħajtek għalina.

 

Missierna…


 

Il-XI-il Stazzjon

Ġesù msammar mas-salib

 

Mill-Vanġelu skont San Luqa (23:33-34)

Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: Missier, aħfrilhom, għax ma jafux xinhuma jagħmlu”.

 

Narak, Ġesù, imneżża’ minn kollox. Riedu jikkastigawk, innoċenti, imsammar mal-għuda tas-salib. X’kont nagħmel jien li kieku kont flokhom, kien ikolli l-kuraġġ nagħraf il-verità tiegħek, tiegħi? Int kellek il-qawwa li tiflaħ għat-toqol ta’ salib, li toqgħod għal dawk li ma jemmnukx, li jikkundannawk għall-kelmiet skomdi tiegħek. Illum mank jirnexxielna nniżżlu ftit tal-kritika, bħallikieku kull kelma ġiet imlissna biex tferina.

 

Int lanqas quddiem il-mewt ma waqaft, emmint bil-qawwa fil-missjoni tiegħek u fdajt f’Missierek. Illum, fid-dinja tal-internet, tant aħna kkundizzjonati minn kulma jiċċirkola fuqu li xi drabi niddubita anki minn kliemi stess. Imma kliemek hu differenti, hu b’saħħtu fid-dgħufija tiegħek. Int ħfirtilna, ma żammejtx korla fik, għallimtna nagħtu ħaddejna l-ieħor u mort iktar lil hemm minn hekk, sas-sagrifiċċju sħiħ tal-persuna tiegħek.

 

Inħares madwari u nara għajnejn imsammrin fuq l-iskrin tal-mowbajl, mitlufa fuq il-midja soċjali biex isammru kull żball tal-oħrajn mingħajr possibbiltà ta’ maħfra. Bnedmin li, maħtufa mir-rabja, jgħajtu li jinbagħdu għall-iżjed raġunijiet bla sens.

 

Inħares lejn il-ġrieħi tiegħek u naf, issa, li jien ma kienx ikolli s-saħħa tiegħek. Imma qiegħda bilqiegħda hawn f’riġlejk, u nħalli warajja jien ukoll kull dubju, inqum mill-art biex nista’ nkun eqreb lejk, imqar b’ċentimetru wieħed biss.

 

Nitolbok, Mulej, agħmel li, quddiem it-tajjeb,

jien nista’ nkun pronta nagħrfu;

agħmel li, quddiem inġustizzja, insib

il-kuraġġ li nieħu r-riedni ta’ ħajti f’idejja u naġixxi bil-kontra;

agħmel li ninħeles mill-biżgħat kollha

li bħal imsiemer iwaħħluni u jżommuni mbiegħda

mill-ħajja li int ittamajt u ħejjejt għalina.

 

Missierna…


 

It-XII-il Stazzjon

Ġesù jmut fuq is-salib

 

Mill-Vanġelu skont San Luqa (23:44-47)

Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa siegħa, għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: Missier, fidejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu. Iċ-ċenturjun, meta ra xġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: Tassew li dan bniedem ġust!”.

 

Narak, Ġesù, u din id-darba ma rridx inħares lejk. Qed tmut. Kont tant sabiħ biex tħares lejk meta kont tkellem lill-folol, imma issa spiċċa kollox. U jien ma rridx narah it-tmiem; mhux darba u tnejn dawwart wiċċi n-naħa l-oħra, kważi drajt naħrab mill-uġigħ u l-mewt, illuppjat.

 

Il-karba tiegħek fuq is-salib hi b’saħħitha, agonizzanti: ma konniex lesti għal tant turment, m’aħniex, qatt m’aħna sa nkunu. Jiġina naturali li naħarbu, maqbuda mill-paniku, quddiem il-mewt u t-tbatija, nirrifjutawhom, nippreferu nħarsu band’oħra jew nagħlqu għajnejna. Imma int tibqa’ hemm fuq is-salib, tistenniena b’dirgħajk miftuħa, u tiftħilna għajnejna.

 

Dan hu misteru kbir, Ġesù: tħobbna billi tmut, billi tintelaq, billi trodd ruħek, billi twettaq ir-rieda tal-Missier, billi tinħeba. Int tibqa’ fuq is-salib, u dan hu biżżejjed. Ma tipprovax tispjega l-misteru tal-mewt, tat-temma ta’ kull ħaġa, imma tagħmel iżjed minn hekk: tgħaddi minnha b’ruħek u ġismek kollha. Misteru kbir, li jibqa’ jisfidana u jagħtina fuqiex naħsbu; jisfidana, jistedinna niftħu għajnejna, biex nistgħu naraw imħabbtek anki fil-mewt, anzi ibda proprju mill-mewt. Huwa hemm li ħabbejtna: fl-aktar kundizzjoni vera tagħna, li ma tistax tiġi eliminata u evitata. Huwa hemm li nifhmu, imqar jekk b’mod li għadu imperfett, il-preżenza ħajja tiegħek, awtentika. Għal dan, dejjem se jkollna l-għatx: għall-qrubija tiegħek, biex int tkun Alla magħna.

 

Nitolbok, Mulej, iftaħli għajnejja,

biex narak anki fit-tbatija,

fil-mewt, fit-tmiem li mhuwiex il-veru tmiem.

Ħawwad l-indifferenza tiegħi bis-salib tiegħek, riegħed it-telqa tiegħi.

Sfidani dejjem bil-misteru tiegħek tal-għaġeb,

li jegħleb il-mewt u jagħti l-ħajja.

 

Missierna…


 

It-XIII-il Stazzjon

Ġesù mniżżel mis-salib

 

Mill-Vanġelu skont San Ġwann (19:38-40)

Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna.

 

Narak, Ġesù, għadek hemm, fuq is-salib. Bniedem tad-demm u l-laħam, bid-dgħufijiet tiegħu, bil-biżgħat tiegħu. Kemm batejt! Hi xena li bilkemm nifilħu nħarsu lejha, forsi proprju għax mimlija umanità: din hi l-kelma-muftieħ, hawn twassal il-mixja tiegħek, miżgħuda bi tbatija u taħbit. Proprju dik hi l-umanità li spiss ninsew nagħrfu fik u nfittxu fina nfusna u fl-oħrajn, għax aħna wisq aljenati b’ħajja li tagħfas fuq il-pedala tal-aċċelleratur, għomja u torox quddiem id-diffikultajiet u t-tbatijiet tal-oħrajn.

 

Narak, Ġesù: issa m’għadekx hemm, fuq is-salib; erġajt lura mnejn ġejt, imniżżel tistrieħ f’ġuf l-art, fuq ħoġor ommok. Issa t-tbatija għaddiet, għebet fix-xejn. Din hi s-siegħa tal-mogħdrija. Fil-ġisem tiegħek bla ħajja naqraw l-eku tal-qawwa li biha affrontajt it-tbatija; it-tifsira li seħħlek tagħtiha tilma fl-għajnejn ta’ min għadu hemm u baqa’ ħdejk u dejjem se jibqa’ ħdejk fl-imħabba, mogħtija u milqugħa. Tinfetaħ għalik, għalina, ħajja ġdida, dik tas-Sema, sinjal ta’ dak li jibqa’ jirreżisti u ma jħallix il-mewt tfarrku: l-imħabba. Int tinsab hawn, magħna, f’kull waqt, ma’ kull pass, f’kull inċertezza, f’kull dell. Waqt li d-dalma tal-qabar tgħatti l-ġisem tiegħek mixħut fid-dirgħajn ta’ ommok, jien narak u nibża’ imma ma niddisprax, għax għandi fiduċja li d-dawl, id-dawl tiegħek, għad jerġa’ jiddi.

 

Nitolbok, Mulej,

agħmel li fina tibqa’ dejjem ħajja t-tama,

il-fidi fl-imħabba tiegħek bla tarf.

Agħmel li nistgħu nżommu dejjem ħajja u mixgħula

l-ħarsa tagħna lejn is-salvazzjoni eterna,

u li jirnexxielna nsibu s-serħan u l-paċi fil-mixja tagħna.

 

Missierna…


 

L-XIV-il Stazzjon

Ġesù midfun f’qabar ġdid

 

Mill-Vanġelu skont San Ġwann (19:41-42)

Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u fdan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

 

Ma narakx iżjed, Ġesù, issa waqgħet id-dalma. Jaqgħu dlamijiet kbar mill-għoljiet, u Ġerusalemm miżgħuda bl-imsiebaħ tax-Shabbat, barra d-djar u fil-kmamar. Iħabbtu kontra l-bibien tas-sema, magħluqa u msakkrin sewwa: għal min din is-solitudni kollha? F’lejl bħal dan min jista’ jorqod? Tidwi l-belt tal-biki tat-trabi, tal-krib tal-ommijiet, tar-ronda tas-suldati: imut dan il-jum, u int biss irqadt. Torqod? U fuq liema sodda? Liema għata tostrok mid-dinja?

 

Mill-bogħod Ġużeppi ta’ Arimatija mexa wara l-passi tiegħek, u issa fuq ponot subgħajh isieħbek fir-raqda, jostrok mill-ħars ta’ dawk li żebilħuk u bagħduk. Liżar ikeffen il-ġisem kiesaħ tiegħek, jixxotta d-demm u l-għaraq u l-biki. Tinżel mis-salib, imma ħafif. Ġużeppi jerfgħek fuq spallejh, imma int ħafif: m’initx iġġorr it-toqol tal-mewt, mhux tal-mibegħda, mhux tar-rabja. Torqod bħal meta kont imdawwar bit-tiben sħun u Ġużeppi ieħor ħaddnek f’dirgħajh. Bħal dakinhar issa m’hawnx wisa’ għalik, issa m’għandekx fejn isserraħ rasek: imma fuq il-Kalvarju, fuq il-qorriegħa iebsa tad-dinja, hemm jikber ġnien fejn ħadd qatt għadu ma ġie midfun.

 

Fejn mort, Ġesù? Fejn inżilt, jekk mhux fil-qiegħ nett? Fejn, jekk mhux fil-post li ħadd għadu qatt ma daħal fih, fiċ-ċella l-aktar dejqa? Inqbadt fl-istess xbieki tagħna, tjassart fl-istess diqa tagħna: bħalna mxejt fuq din l-art, u issa bħalna taħt l-art issib post għalik.

 

Nixtieq naħrab ’il bogħod, imma ġewwa fija hemm int; m’hemmx bżonn noħroġ infittxek barra, għax int qed tħabbat fuq il-bieb ta’ qalbi.

 

Nitolbok, Mulej, li ma mmanifestajtx ruħek fil-glorja

imma fis-sikta ta’ lejl mudlam.

Int li ma tħarisx lejn il-qoxra, imma tara fis-satra

u fil-qiegħ nett tidħol,

mill-qiegħ nett tisma’ l-leħen tagħna:

agħmel li, għajjenin kif aħna, nistgħu nistrieħu fik,

nagħrfu fik in-natura tagħna,

u fl-imħabba ta’ wiċċek rieqed nilmħu

l-ġmiel li aħna tlifna.

 

Missierna…

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta