MADRE MARGERITA
DE BRINCAT
Vot
pożittiv mill-Kongregazzjoni
tal-Kawżi tal-Qaddisin
Il-fundatriċi Għawdxija tas-Sorijiet
Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù dalwaqt tkun Venerabbli
Tlieta: 21 ta’ Jannar 2014: Dal-għodu, kummissjoni ta’
Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi
tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni
ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux
jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De
Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli. Din
is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha
kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano
ofm.
Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita
sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’
konsulturi teologi f’April li għadda. L-eżitu tal-vot
kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa
hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha
quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir ta’ l-istess
Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih
jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli.
F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’
miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi
tiġi ddikjarata Beata.
F’Velja ta’ Talb li nżammet il-bieraħ fil-Knisja
tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa
Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre
Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons.
Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u
evanġelika”. Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku
għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba
fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib
il-glorja ta’ l-altari.
Madre
Margerita De Brincat (1862-1952),
minn Ta’ Kerċem, Għawdex, hi l-Fundatriċi tal-Kongregazzjoni
tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.
|