BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 28 ta’ Novembru 2012

 

Is-Sena tal-Fidi. Kif nitkellmu dwar Alla?

 

Għeżież ħuti,

 

Il-mistoqsija ċentrali li ħa nagħmlu l-lum hi din: kif ħa nitkellmu dwar Alla fi żmienna?  Kif se nħabbru l-Vanġelu, biex niftħu t-toroq li jwasslu għall-verità feddejja tiegħu fil-qlub spiss magħluqa tan-nies ta’ żmienna u fil-ħsibijiet tagħhom daqstant ieħor distratti mill-bosta dwal li jleħħu fis-soċjetà tagħnaĠesù nnifsu, jgħidulna l-Evanġelisti, hu u jħabbar is-Saltna ta’ Alla, staqsa hekk: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha?” (Mk 4:30).  Kif sa nitkellmu dwar Alla l-lum?  L-ewwel tweġiba hi li aħna nistgħu nitkellmu dwar Alla għax l-ewwel Hu tkellem magħna.  Allura l-ewwel kundizzjoni biex nistgħu nitkellmu dwar Alla hi li nisimgħu dak kollu li hu nnifsu qalilna.  Alla tkellem magħna!  Mela Alla m’hux xi ipoteżi mbiegħda dwar il-bidu tad-dinja; m’hux intelliġenza matematika li hi mbiegħda wisq minna.  Alla jinteressa ruħu fina, iħobbna, daħal personalment fir-realtà ta’ l-istorja tagħna, weru ruħu lilna sal-punt li wasal biex ħa l-ġisem tagħna l-bnedmin.  Għalhekk, Alla hu realtà ta’ ħajjitna, hu tant kbir li għandu wkoll ħin għalina, jieħu ħsiebna.  F’Ġesù ta’ Nazareth aħna niltaqgħu mal-wiċċ ta’ Alla, li niżel mis-Sema tiegħu biex jidħol fid-dinja tal-bnedmin, fid-dinja tagħna, u jgħallimna “l-arti ta’ kif ngħixu”, it-triq tal-ferħ; biex jeħlisna mid-dnub u jagħmilna wlied Alla (ara Efes 1:5; Rum 8:14).  Ġesù ġie biex jifdina u jurina l-ħajja tajba tal-Vanġelu.

 

Nitkellmu dwar Alla jfisser qabel xejn li jkollna ċar quddiem għajnejna dak li jeħtieġ inwasslu lill-bnedmin ta’ żmienna: mhux Alla astratt, xi ipoteżi, imma Alla konkret, Alla li jeżisti, li daħal fl-istorja u hu preżenti fl-istorja; Alla ta’ Ġesù Kristu bħala tweġiba għall-mistoqsija fundamentali dwar għaliex qed ngħixu u kif għandna ngħixu.  Għalhekk, biex nistgħu nitkellmu dwar Alla, neħtieġu l-ewwel ċerta familjarità ma’ Ġesù u l-Vanġelu tiegħu, min-naħa tagħna hemm bżonn l-ewwel għarfien personali u veru ta’ Alla u passjoni qawwija għall-pjan tiegħu tal-fidwa, mingħajr ma naqgħu għat-tentazzjoni tas-suċċess, imma billi nsegwu l-metodu ta’ Alla nnifsu.  Il-metodu ta’ Alla hu dak ta’ l-umiltà – Alla jsir wieħed minna – hu l-metodu li seħħ permezz ta’ l-Inkarnazzjoni fid-dar fqajra ta’ Nazareth u fl-għar ta’ Betlehem, dak tal-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda.  M’għandhiex tbeżżagħna l-umiltà tal-passi ċkejkna u jeħtieġ nafdaw fil-ħmira li titħallat mad-dqiq u bil-mod il-mod ittella’ l-għaġna kollha (ara Mt 13:33).  Meta nitkellmu dwar Alla, meta naħdmu għall-evanġelizzazzjoni, imdawlin mill-Ispirtu s-Santu, hu meħtieġ niskopru mill-ġdid dik is-sempliċità, nirritornaw lejn l-element essenzjali tat-tħabbira: il-Bxara t-Tajba ta’ Alla li hu reali u konkret, Alla li jinteressa ruħu minna, Alla-Mħabba li f’Ġesù Kristu jersaq qrib tagħna sal-punt tas-Salib u li fil-Qawmien tiegħu jimliena bit-tama u jiftħilna qalbna għal ħajja bla tmiem, il-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja vera.  L-Appostlu Pawlu, komunikatur tassew eċċezzjonali, joffrilna lezzjoni li tidħol sewwa sew fil-qalba tal-fidi dwar il-problema ta’ kif “nitkellmu dwar Alla” b’sempliċità kbira.  Fl-Ewwel Ittra lill-Korintin kiteb hekk: “Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref.  Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab” (2:1-2).  Mela l-ewwel realtà hi li Pawlu ma jitkellimx dwar xi filosofija li żviluppa hu, ma jitkellimx dwar ideat li sab xi mkien ieħor jew ħoloq hu, imma jitkellem dwar ir-realtà ta’ ħajtu, jitkellem dwar Alla li daħal f’ħajtu, jitkellem dwar Alla reali li hu ħaj, li tkellem miegħu u jitkellem magħna, jitkellem dwar Kristu li ġie mislub u qam mill-mewt.  It-tieni realtà hi li Pawlu ma jfittixx lilu nnifsu, ma jridx joħloq xi grupp ta’ ammiraturi tiegħu, ma jridx jidħol fl-istorja bħala kap ta’ xi skola ta’ għerf għoli, ma jfittixx lilu nnifsu, imma San Pawl ixandar lil Kristu u jrid jirbaħ il-qlub għal dan Alla veru u ħaj.  Pawlu jitkellem biss b’xewqa li jxandar lil Dak li daħal f’ħajtu u li hu l-ħajja vera, li rebħu għalih fit-triq lejn Damasku.  Għalhekk, nitkellmu dwar Alla jfisser nagħtu spazju lil Dak li jridna nsiru nafuh, li jurina l-wiċċ tiegħu kollu mħabba; ifisser li noffru l-istess jien tagħna lil Kristu, għax nafu li mhux aħna li se nirbħu oħrajn għal Alla, imma jeħtieġ nilqgħuhom minn idejn Alla nnifsu, nitolbuhom lilu.  Mela d-diskors tagħna dwar Alla jrid jitlaq mis-smigħ, mill-għarfien tagħna ta’ Alla li jirrealizza ruħu fil-familjarità miegħU, fil-ħajja tat-talb u skond il-Kmandamenti.

 

Għal San Pawl, li jxerred il-fidi ma jfissirx li jwassal lilu nnifsu, imma li jistqarr bla ħabi u quddiem kulħadd dak li hu ra u sema’ fil-laqgħa tiegħu ma’ Kristu, dak li ġarrab fl-eżistenza tiegħu issa mibdula minn dik il-laqgħa: ifisser li jġorr lil Ġesù li hu jħoss preżenti fih u li issa sar il-veru orjentament ta’ ħajtu, biex hekk ifiehem lil kulħadd li d-dinja għandha bżonnu u l-persuna tiegħu hi deċiżiva għal-libertà ta’ kull bniedem.  L-Appostlu ma jikkuntentax ruħu billi sempliċement jipproklama l-kelmiet, imma issa l-eżistenza kollha tiegħu ssir parti minn din l-opra kbira tal-fidi.  Biex nitkellmu dwar Alla, hemm bżonn li nagħmlulu l-wisa’, għax nafdaw fih u nafu li hu jaħdem fid-dgħufija tagħna: nagħmlulu l-wisa’ mingħajr biża’, b’sempliċità u b’ferħ, profondament konvinti li iktar ma nqiegħdu fiċ-ċentru lilu u mhux lilna nfusna, iktar ix-xandir tagħna jħalli frott.  U dan jgħodd ukoll għall-komunitajiet Insara: huma msejħa juru liema hi l-azzjoni tal-grazzja ta’ Alla li waħidha kapaċi tibdel il-qlub, u jissuperaw l-individwaliżmi, l-għeluq, l-egoiżmi, l-indifferenza u jgħixu l-imħabba ta’ Alla fir-relazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.  Nistaqsu lilna nfusna jekk humiex tassew hekk il-komunitajiet tagħna.  Jeħtieġ niċċaqilqu, biex insiru hekk dejjem u b’mod reali, xandâra ta’ Kristu u mhux tagħna nfusna.

 

Hawn jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna kif kien jikkomunika Ġesù nnifsu.  Ġesù, fl-uniċità tiegħu, jitkellem dwar Missieru – Abbà – u dwar is-Saltna ta’ Alla, b’ħarsa mimlija ħniena lejn il-weġgħat u d-diffikultajiet ta’ l-eżistenza umana.  Jitkellem b’realiżmu kbir u, ikolli ngħid, il-punt essenzjali tal-predikazzjoni ta’ Ġesù hu li jagħti lid-dinja t-trasparenza tagħha u juri li ħajja tal-bniedem tiswa ħafna quddiem Alla.  Ġesù jurina li fid-dinja u fil-ħolqien jidher ċar il-wiċċ ta’ Alla u jurina wkoll kif fl-istejjer ta’ kuljum tal-ħajja tagħna, Alla dejjem jinsab preżenti; kemm fil-parabboli tan-natura, taż-żerriegħa tal-mustarda, ta’ l-għalqa b’ħafna żrieragħ, u kemm fil-ħajja tagħna, kif naraw fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali, ta’ Lazzru u parabboli oħra ta’ Ġesù.  Fil-Vanġeli naraw kif Ġesù jinteressa ruħu minn kull sitwazzjoni umana li jiltaqa’ magħha, jitħallat mar-realtà tal-bnedmin ta’ żmienu, b’fiduċja sħiħa fl-għajnuna tal-Missier.  Nintebħu wkoll li tassew f’din l-istorja Alla hu preżenti, anki jekk fil-moħbi, u jekk noqogħdu attenti biżżejjed, nistgħu niltaqgħu miegħu.  U d-dixxipli, li jgħixu ma’ Ġesù, il-folol li jiltaqgħu miegħu, jaraw ir-reazzjoni tiegħu għal kull xorta ta’ problemi differenti, jaraw kif jitkellem, kif iġib ruħu; jilmħu fih il-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-ħidma ta’ Alla.  Fih jintisġu flimkien il-predikazzjoni u l-ħajja: Ġesù jaġixxi u jgħallem, u jitlaq dejjem minn relazzjoni intima ma’ Alla l-Missier.  Dan l-istil isir indikazzjoni essenzjali għalina l-Insara: il-mod ta’ kif ngħixu aħna fil-fidi u fl-imħabba jrid isir il-mod kif aħna nitkellmu dwar Alla fid-dinja tal-lum, għax l-eżistenza li aħna ngħixu fi Kristu turi l-kredibbiltà, ir-realiżmu ta’ dak li aħna ngħidu bil-kliem, li m’hux biss kliem imma juri r-realtà, ir-realtà vera.  U f’dan irridu noqogħdu attenti biex nifhmu sew is-sinjali taż-żminijiet ta’ l-epoka tagħna, biex allura naraw x’inhuma l-potenzjalitajiet, ix-xewqat, l-ostakli li għandna fil-kultura tal-lum, b’mod partikulari x-xewqa għal dak li hu awtentiku, ix-xenqa qawwija għat-traxxendenza, is-sensibbiltà għall-ħarsien tal-ħolqien, u hekk inxandru bla biża’ ta’ xejn it-tweġiba li toffri l-fidi f’Alla.  Is-Sena tal-Fidi hi okkażjoni biex niskopru, b’dik il-fantażija li joħloq l-Ispirtu s-Santu, mixjiet ġodda fuq livell personali u komunitarju, sakemm kullimkien il-qawwa tal-Vanġelu ssir għerf għall-ħajja u orjentament għall-eżistenza.

 

Anki fi żmienna, post ipprivileġġjat biex nitkellmu dwar Alla hu l-familja, l-ewwel skola li fi ħdanha tixxandar il-fidi lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar il-ġenituri bħala l-ewwel messaġġiera ta’ Alla (ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 11; Digriet Apostolicam actuositatem, 11), imsejħa biex jiskopru mill-ġdid din il-missjoni tagħhom, u biex jieħdu fuqhom ir-responsabbiltà li jedukaw, li jiftħu l-kuxjenzi taċ-ċkejknin tagħhom għall-imħabba ta’ Alla biex hekk ikunu jagħtu servizz fundamentali lil ħajjet uliedhom, li għalihom ikunu huma l-ewwel katekisti u għalliema fil-fidi.  U f’din il-missjoni hi qabel xejn importanti tassew il-viġilanza, li tfisser li jkunu kapaċi jaħtfu l-okkażjonijiet tajbin fejn jintroduċu fil-familja tagħhom id-diskors dwar il-fidi u biex jgħinu timmatura riflessjoni kritika dwar l-għadd kbir ta’ kundizzjonamenti li jagħfsu fuq l-ulied.  Din l-attenzjoni tal-ġenituri hi wkoll sensibbiltà li permezz tagħha jagħrfu jaqraw il-mistoqsijiet reliġjużi li jista’ jkun hemm fil-qalb ta’ wliedhom, xi kultant ċari, drabi oħra moħbija.  Imbagħad, il-ferħ: ix-xandir tal-fidi għandu jkollu dejjem ton ta’ ferħ.  Hu l-ferħ ta’ l-Għid, li ma jsikkitx jew jaħbi r-realtajiet tan-niket, tat-tbatija, ta’ l-uġigħ, tad-diffikultajiet, tan-nuqqas ta’ ftehim u ta’ l-istess mewt, imma jaf joffri l-kriterji t-tajbin biex wieħed jinterpreta kollox fil-perspettiva tat-tama Nisranija.  Il-ħajja tajba tal-Vanġelu hi sewwa sew din il-ħarsa ġdida, din il-kapaċità li nħarsu lejn kull sitwazzjoni bl-istess għajnejn ta’ Alla.  Hu importanti li lill-membri kollha tal-familja ngħinuhom jifhmu li l-fidi m’hix toqol, imma għajn ta’ ferħ profond, tfisser li naqraw il-ħidma ta’ Alla, nagħrfu l-preżenza tat-tajjeb, li ma jagħmilx ħoss; u toffrilna orjentamenti prezzjużi biex nistgħu ngħixu tajjeb l-eżistenza tagħna.  Fl-aħħar nett, hemm il-kapaċità li nisimgħu u niddjalogaw: il-familja trid tkun ambjent li fih nitgħallmu noqogħdu flimkien, nibdlu l-kuntrasti ta’ bejnietna fi djalogu reċiproku, li hu magħmul minn smigħ u minn kliem, biex nitgħallmu nifhmu u nħobbu lil xulxin, biex insiru sinjal, wieħed għall-ieħor, ta’ l-imħabba ħanina ta’ Alla.

 

Mela, li nitkellmu dwar Alla jfisser li nuru permezz ta’ kliemna u ta’ ħajjitna li Alla m’hux il-konkorrent ta’ l-eżistenza tagħna, imma pjuttost hu dak li tassew jista’ jiggarantiha, il-garanti tal-kobor tal-persuna umana.  Hekk nerġgħu lura mnejn tlaqna: li nitkellmu dwar Alla jfisser inxandru, b’qawwa u b’sempliċità, bil-kelma u bil-ħajja tagħna, dak li hu essenzjali: Alla ta’ Ġesù Kristu; dak Alla li wera magħna mħabba hekk kbira li saħanistra sar bniedem, miet u qam għalina; dak Alla li jitlobna nimxu warajh u nħalluh jibdilna bl-imħabba immensa tiegħu biex hekk iġeddilna ħajjitna u r-relazzjonijiet ta’ bejnietna; dak Alla li tana l-Knisja, biex nimxu flimkien u, permezz tal-Kelma u tas-Sagramenti, inġeddu l-Belt tal-bnedmin kollha kemm hi, sakemm din tista’ ssir il-Belt ta’ Alla.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard