BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 21 ta’ Novembru 2012

 

Is-Sena tal-Fidi. Ir-raġonevolezza tal-fidi f’Alla

 

Ħuti għeżież,

 

Nibqgħu mexjin matul din is-Sena tal-Fidi, bit-tama f’qalbna li nerġgħu niskopru kemm ferħ hemm f’li nemmnu u niksbu mill-ġdid il-ħeġġa li nikkomunikaw lil kulħadd il-veritajiet tal-fidi.  Dawn il-veritajiet m’humiex xi sempliċi messaġġ ta’ Alla, xi tagħrif partikulari dwaru.  Huma jesprimu l-ġrajja tal-laqgħa ta’ Alla mal-bnedmin, laqgħa li tifdi u teħles, li twettaq it-tamiet l-aktar profondi tal-bniedem, ix-xewqat ħajjin tiegħu għall-paċi, il-fraternità u l-imħabba.  Il-fidi twassalna biex niskopru li l-laqgħa ma’ Alla tagħti valur, tipperfezzjona u tgħolli ’l fuq dak kollu li hu veru, tajjeb u sabiħ fil-bniedem.  Hekk jiġri li, waqt li Alla jurih lilu nnifsu u jħallih isir jafu, il-bniedem isir jaf li hu Alla u, huwa u jsir jafu, jiskopri lilu nnifsu, minn fejn ġej, lejn fejn hu sejjer, il-kobor u d-dinjità tal-ħajja umana.

 

Il-fidi tagħti lok għal għarfien awtentiku ta’ Alla li jikkonvolġi fih lill-persuna umana kollha: hu “għarfien”, jiġifieri għerf li jagħti togħma lill-ħajja, gost ġdid lill-eżistenza tagħna, mod hieni kif ngħixu f’din id-dinja.  Il-fidi tesprimi ruħha fl-għotja tagħna nfusna għall-oħrajn, fil-fraternità li tagħmilna solidali ma’ xulxin, kapaċi nħobbu, rebbieħa fuq is-solitudni li ssewwed il-qalb.  Mela dan l-għarfien ta’ Alla permezz tal-fidi m’hux biss wieħed intellettwali, imma vitali.  Hu l-għarfien ta’ Alla-Mħabba, grazzi għall-istess imħabba tiegħu.  L-imħabba ta’ Alla mbagħad tħallina naraw, tiftħilna għajnejna, tagħtina li nagħrfu r-realtà sħiħa, lil hemm mill-perspettivi dejqa ta’ l-individwaliżmu u tas-suġġettiviżmu li jiżgwidaw lill-kuxjenzi.  Għalhekk l-għarfien ta’ Alla hu esperjenza ta’ fidi u fl-istess ħin jimplika mixja intellettwali u morali: imqanqla fil-fond ta’ qalbna mill-preżenza ta’ l-Ispirtu ta’ Ġesù li hemm fina, nissuperaw l-orizzonti ta’ l-egoiżmu tagħna u ninfetħu għall-valuri veri ta’ l-eżistenza.

 

Il-lum, f’din il-katekeżi, nixtieq li nieqaf għal ftit nitkellem fuq ir-raġonevolezza tal-fidi f’Alla.  Sa mill-bidu nett it-tradizzjoni Kattolika rrifjutat l-hekk imsejjaħ fideiżmu, jiġifieri r-rieda tal-fidi kontra r-raġuni.  Credo quia absurdum (nemmen għax hu assurd) m’hix formula li biha nistgħu ninterpretaw il-fidi Kattolika.  Fil-fatt, Alla m’hux assurd; jekk xejn, hu misteru.  Il-misteru, fih innifsu, m’hux bla raġuni, imma abbundanza kbira ta’ sens, ta’ tifsira, ta’ verità.  Jekk, meta tħares lejn il-misteru, ir-raġuni tara dlam, dan m’hux għax fil-misteru m’hemmx dawl, imma pjuttost għax hemm iżżejjed.  L-istess kif meta l-għajnejn tal-bniedem iħarsu direttament lejn ix-xemx biex jarawha, jaraw biss swidija; imma min sa jmur jgħid li x-xemx ma titfax dawl, anzi, li m’hix l-għajn tad-dawl innifsu?  Il-fidi tippermettilna li nħarsu lejn ix-“xemx”, lejn Alla, għax hi tilqa’ r-rivelazzjoni tiegħu fl-istorja u, biex ngħidu hekk, verament tirċievi d-dawl kollu tal-misteru ta’ Alla, u tagħraf liema hu l-miraklu l-kbir: Alla qorob lejn il-bniedem, offra ruħu għall-għarfien tiegħu, qagħad għal-limitu maħluq tar-raġuni tiegħu (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, 13).  Fl-istess waqt, Alla, bil-grazzja tiegħu, idawwal ir-raġuni, jiftħilha orizzonti ġodda, immensi u infiniti.  Għalhekk, il-fidi toħloq stimolu fil-bniedem biex ifittex dejjem aktar, biex ma jieqaf u ma joqgħod qatt bi kwietu fit-tiftix bla heda li jwassal għall-iskoperta tal-verità u r-realtà.  Hu falz il-preġudizzju ta’ xi ħassieba moderni, li jsostnu li d-dommi tal-fidi qegħdin kważi jimblukkaw ir-raġuni umana.  Dak li hu veru hu eżattament l-oppost, kif urewna l-għalliema kbar tat-tradizzjoni Kattolika.  Santu Wistin, qabel il-konverżjoni tiegħu, ifittex bla serħan il-verità fil-filosofiji kollha ta’ żmienu, u l-ebda waħda ma jsib li tissodisfah.  Ir-riċerka diffiċli tiegħu bl-użu tar-raġuni hi għalih pedagoġija sinifikattiva li twasslu għal-laqgħa mal-Verità fi Kristu.  Meta jgħid: “Ifhem biex tista’ temmen u emmen biex tista’ tifhem” (Diskors 43, 9: PL 38, 258), qisu qed jirrakkonta l-esperjenza ta’ ħajtu stess.  L-intellett u l-fidi, quddiem ir-Rivelazzjoni divina m’humiex barranin għal xulxin jew kontra xulxin, imma huma t-tnejn kundizzjonijiet biex nistgħu nifhmu s-sens tagħha, biex nistgħu nilqgħu l-messaġġ awtentiku tagħha, billi nersqu lejn l-għatba tal-misteru.  Santu Wistin, flimkien ma’ tant awturi Nsara oħra, jagħti xhieda ta’ fidi li teżerċita ruħha mar-raġuni, li taħseb u tistieden lil min jaħseb.  Fuq l-istess passi tiegħu, San Anselmu, fil-Proslogion tiegħu jgħid li l-fidi Kattolika hi fides quærens intellectum, fejn it-tiftix ta’ l-għerf hu att interjuri tal-fidi.  Imbagħad fuq kollox hu San Tumas ta’ Aquino – li jispikka f’din it-tradizzjoni – li jeħodha mar-raġuni tal-filosfi, biex juri kemm il-ħsieb uman jista’ jistagħna b’ħajja ġdida u għammiela jekk jitlaqqam fil-prinċipji u l-veritajiet tal-fidi Nisranija.

 

Il-fidi Kattolika allura hi raġonevoli u taħji bil-fiduċja anki lir-raġuni umana.  Il-Konċilju Vatikan I, fil-Kostituzzjoni Dommatika Dei Filius, jafferma li r-raġuni għandha l-ħila tagħraf b’ċertezza l-eżistenza ta’ Alla permezz tat-triq tal-ħolqien, waqt li l-fidi biss tista’ tagħraf “b’ħeffa, b’ċertezza assoluta u mingħajr żball” (DS 3005) il-veritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Alla, għad-dawl tal-grazzja.  Fuq kollox, l-għarfien tal-fidi ma jmurx kontra r-raġuni retta.  Il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, fil-fatt, fl-Enċiklika Fides et ratio, jiġbor kollox f’dan il-kliem: “Ir-raġuni tal-bniedem ma titwarrabx, ma tiddgħajjifx, meta taċċetta l-veritajiet tal-fidi; iżda dawn il-veritajiet naslu għalihom permezz ta’ għażla ħielsa u konxja” (n. 43).  Fix-xewqa irreżistibbli għall-verità, relazzjoni ta’ armonija bejn il-fidi u r-raġuni biss tista’ tkun it-triq it-tajba li twassal għal għand Alla u biex wieħed jilħaq il-milja tiegħu nnifsu.

 

Dan it-tagħlim malajr nistgħu nilmħuh fit-Testment il-Ġdid kollu.  San Pawl, hu u jikteb lill-Insara ta’ Korintu, isostni, kif smajna: “Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Kor 1:22-23).  Fil-fatt, Alla ma fediex lid-dinja b’att ta’ qawwa, imma permezz ta’ l-umiljazzjoni ta’ Ibnu l-waħdieni: skond il-kalkoli umani, il-mod stramb li bih jimxi Alla jistona ma’ dak li jitlob l-għerf Grieg.  U safrattant, is-Salib ta’ Kristu għandu raġuni għalih, li San Pawl isejħilha ho lògos tou staurou, “il-predikazzjoni tas-salib” (1 Kor 1:18).  Hawnhekk, it-terminu lògos jindika kemm il-kelma (predikazzjoni) u kemm ir-raġuni u, jekk qed jirriferi għall-kelma, dan għax din tesprimi verbalment dak li r-raġuni telabora.  Mela Pawlu jilmaħ fis-Salib mhux ġrajja bla raġuni, imma fatt salvifiku li għandu raġonevolezza li hi tiegħu, u li nistgħu nagħrfuha fid-dawl tal-fidi.  Fl-istess waqt, hu tant għandu fiduċja fir-raġuni umana, li jistagħġeb bil-fatt li bosta, anki jekk raw l-għemejjel kbar ta’ Alla, baqgħu jwebbsu rashom u ma emmnux fiH.  Jgħid fl-Ittra lir-Rumani: “Il-kobor tiegħu [ta’ Alla] li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuhom sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża” (1:20).  Anki San Pietru jwissi b’dan il-mod lill-Insara tad-dijaspora biex “lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom.  Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom” (1 Piet 3:15).  Fi klima ta’ persekuzzjoni u ta’ bżonn qawwi ta’ xhieda tal-fidi, minn dawk li jemmnu qed jiġi mitlub li jiġġustifikaw, permezz ta’ motivazzjonijiet li għandhom bażi, l-adeżjoni tagħhom għall-kelma tal-Vanġelu, biex nagħtu raġuni għat-tama li għandna.

 

Fuq dawn il-premessi dwar ir-rabta għammiela bejn il-fehma u t-twemmin tinbena wkoll ir-relazzjoni b’saħħitha bejn ix-xjenza u l-fidi.  Ir-riċerka xjentifika twassal għall-għarfien ta’ veritajiet dejjem ġodda dwar il-bniedem u l-kożmu, dan narawh b’għajnejna.  Il-veru ġid ta’ l-umanità, aċċessibbli fil-fidi, jiftaħ l-orizzont li fih tista’ titħarrek il-mixja tiegħu ta’ skoperta.  Għalhekk ta’ min jinkuraġġixxi, ngħidu aħna, ir-riċerki li jitqiegħdu għas-servizz tal-ħajja u li għandhom l-għan li jiġġieldu ’l-mard.  Hu importanti wkoll it-tiftix li jsir biex jinkixfu s-sigrieti tal-pjaneta tagħna u ta’ l-univers, fl-għarfien li l-bniedem jinsab fil-quċċata tal-ħolqien mhux biex jisfruttah għall-ebda raġuni ta’ xejn, imma ħalli jħarsu u jagħmlu iktar tajjeb biex jgħix fih.  Hekk il-fidi, jekk ngħixuha tabilħaqq, ma tidħolx f’kunflitt max-xjenza, anzi pjuttost taħdem id f’id magħha, għax toffrilha kriterji bażilari biex taħdem b’riżq il-ġid ta’ kulħadd, u titlobha tibqa’ lura biss minn dawk it-tentattivi – kontra l-proġett oriġinali ta’ Alla – li jistgħu jħallu effetti li fl-aħħar mill-aħħar jafu jduru kontra l-bniedem stess.  Anki minħabba f’hekk hu raġonevoli li wieħed jemmen: jekk ix-xjenza hi alleata prezzjuża tal-fidi biex hekk nistgħu nagħrfu l-pjan ta’ Alla fl-univers, il-fidi tippermetti lill-progress xjentifiku li jitwettaq dejjem iżjed b’riżq il-ġid u l-verità tal-bniedem, billi jibqa’ fidil lejn dan l-istess pjan.

 

Araw għaliex hu tant deċiżiv għall-bniedem li jinfetaħ għall-fidi u jsir jaf lil Alla u l-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni f’Ġesù Kristu.  Fil-Vanġelu jiġi inawgurat umaniżmu ġdid, “grammatika” awtentika tal-bniedem u tar-realtà kollha.  Jafferma l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Il-verità ta’ Alla hi l-għerf tiegħu li jikkmanda l-ordni tal-ħolqien u jmexxi d-dinja (ara Għerf 13:1-9).  Alla, li waħdu ħalaq is-sema u l-art (ara Salm 115:15), hu biss jista’ jagħti għarfien veru ta’ kull ħaġa maħluqa fir-relazzjoni tagħha miegħu (ara Għerf 7:17-21)” (n. 216).

 

Għalhekk nittamaw li l-impenn tagħna fl-evanġelizzazzjoni jista’ jgħin biex ipoġġi mill-ġdid il-Vanġelu fiċ-ċentru tal-ħajja ta’ tant bnedmin ta’ żmienna.  U nitolbu li lkoll jerġgħu jsibu fi Kristu s-sens ta’ l-eżistenza u l-bażi tal-libertà vera: fil-fatt, mingħajr Alla, il-bniedem jitlef lilu nnifsu.  Dan tikkonfermah dejjem iżjed ix-xhieda ta’ dawk li ġew qabilna u ddedikaw ħajjithom għall-Vanġelu.  Li temmen hu skond ir-raġuni, għax fin-nofs hemm l-eżistenza tagħna.  Jagħmel sens li tfittex l-aħjar u tħabrek għal Kristu, għax hu biss jissodisfa x-xewqat għall-verità u għat-tajjeb li hemm fir-ruħ ta’ kull bniedem: issa, fiż-żmien li għaddej, u fil-jum ta’ bla tmiem fl-Eternità hienja.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard