BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 19 ta’ Diċembru 2012

 

Il-Verġni Marija: Ikona tal-fidi ubbidjenti

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-mixja ta’ l-Avvent, il-Verġni Marija għandha post partikulari bħala dik li b’mod uniku stenniet li jitwettqu l-wegħdiet ta’ Alla, u laqgħet bil-fidi u fil-ġisem tagħha lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla, f’ubbidjenza sħiħa għar-rieda divina.  Il-lum nixtieq li fil-qosor nirrifletti magħkom dwar il-fidi ta’ Marija, u nitlaq mill-misteru kbir tat-Tħabbira.

 

“Chaîre kecharitomene, ho Kyrios meta sou”, “Ifraħ, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek” (Lq 1:28).  Dawn huma l-kelmiet – kif itennihomlna l-Evanġelista Luqa – li bihom l-arkanġlu Gabrijel jersaq għand Marija.  Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, it-terminu chaîre, “ifraħ”, jidher bħal tislima normali, li spiss tintuża fil-kuntest Grieg, imma din il-kelma, jekk naqrawha fid-dawl tat-tradizzjoni Biblika, tikseb tifsira wisq iktar profonda.  Dan l-istess terminu nsibuh erba’ darbiet fil-verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim u dejjem bħala tħabbira ta’ ferħ tal-miġja għall-Messija (ara Sof 3:14; Ġoel 2:21; Żak 9:9; Lam 4:21).  Għalhekk, it-tislima ta’ l-anġlu lil Marija hi stedina għall-ferħ, għal hena profond, għax tħabbar tmiem id-diqa li ssaltan fid-dinja quddiem il-limitu tal-ħajja, it-tbatija, il-mewt, il-kefrija, id-dlam tal-ħażin li donnu jxekkel id-dawl tat-tjieba divina.  Hi tislima li tħabbar il-bidu tal-Vanġelu, tal-Bxara t-Tajba.

 

Imma għaliex Marija tiġi mistiedna tifraħ b’dan il-mod?  It-tweġiba nsibuha fit-tieni parti tat-tislima: “Il-Mulej miegħek”.  Anki hawn, biex nifhmu sew it-tifsira ta’ din l-espressjoni jeħtieġ induru lejn it-Testment il-Qadim.  Fil-Ktieb ta’ Sofonija nsibu din l-espressjoni: “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon…  Is-sultan ta’ Israel, il-Mulej, hu f’nofsok…  Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva” (3:14-17).  F’dawn il-kelmiet hemm wegħda doppja li Alla jagħmel lil Israel, lil bint Sijon: Hu għad jiġi bħala feddej u jgħammar sewwa sew qalb il-poplu tiegħu, fil-ġuf ta’ bint Sijon.  Fid-djalogu bejn l-anġlu u Marija titwettaq eżattament din il-wegħda: Marija hi identifikata mal-poplu mgħarras ma’ Alla, hi tabilħaqq fil-persuna tagħha Bint Sijon; fiha titwettaq l-istennija għall-miġja definittiva ta’ Alla, fiha jgħammar Alla l-ħaj.

 

Fit-tislima ta’ l-anġlu, Marija tiġi msejħa “mimlija bil-grazzja”; fil-Grieg it-terminu “grazzja”, charis, għandu l-istess għerq lingwistiku tal-kelma “ferħ”.  F’din l-espressjoni wkoll tkompli tiċċara l-għajn li minnha ġej il-ferħ ta’ Marija: il-ferħ ġej mill-grazzja, ġej mill-komunjoni ma’ Alla, mill-fatt li hi għandha rabta hekk ħajja miegħU, għax issir dar ta’ l-Ispirtu s-Santu, magħġuna għal kollox mill-għemil ta’ Alla.  Marija hi l-ħlejqa li b’mod uniku fetħet beraħ il-bieb għall-Ħallieq tagħha, intelqet f’idejh, mingħajr limiti.  Hi tgħix b’mod sħiħ bir-relazzjoni u fir-relazzjoni tagħha mal-Mulej; hi f’atteġġjament ta’ smigħ, attenta biex tilqa’ s-sinjali ta’ Alla fil-mixja tal-poplu tiegħu; issir parti minn storja ta’ fidi u ta’ tama fil-wegħdiet ta’ Alla, li tifforma t-tessut ta’ l-eżistenza tagħha.  U bil-libertà kollha toqgħod għal dik il-kelma li tilqa’, għar-rieda divina fl-ubbidjenza tal-fidi.

 

L-Evanġelista Luqa jirrakkonta din il-ġrajja ta’ Marija permezz ta’ paralleliżmu fin mal-ġrajja ta’ Abraham.  Kif il-Patrijarka kbir hu missier ta’ dawk kollha li jemmnu, li wieġeb għas-sejħa ta’ Alla biex joħroġ mill-art li fiha kien jgħix, mis-sigurtajiet tiegħu, biex jibda mixja ġdida lejn art mhux magħrufa u miksuba biss fil-wegħda divina, hekk Marija tafda ruħha b’fiduċja sħiħa f’idejn il-kelma li jħabbrilha l-messaġġier ta’ Alla u ssir xempju u omm ta’ dawk kollha li jemmnu.

 

Hawn nixtieq nenfasizza aspett ieħor importanti: li r-ruħ tinfetaħ għal Alla u għall-għemil tiegħu permezz tal-fidi jinkludi wkoll l-element tad-dlam.  Ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla ma tneħħix id-distanza bejn il-Ħallieq u l-ħlejqa, ma teqridx dak li jafferma l-Appostlu Pawlu quddiem il-profondità ta’ l-għerf ta’ Alla: “Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!” (Rum 11:33).  Imma propju dak li – bħal Marija – jinfetaħ b’mod totali għal Alla, jasal biex jaċċetta r-rieda divina, anki jekk hi misterjuża, anki jekk spiss din ma tikkorrispondix mar-rieda tal-bniedem u hi xabla li tinfed il-qalb, kif qal profetikament ix-xwejjaħ Xmun lil Marija, fil-mument li fih Ġesù ġie ppreżentat fit-Tempju (ara Lq 2:35).  Il-mixja ta’ fidi ta’ Abraham tiġbor fiha l-waqt ta’ ferħ għad-don ta’ ibnu Iżakk, imma anki l-waqt ta’ dalma, meta jkollu jitla’ fuq il-muntanja Morija biex jagħmel ġest paradossali: Alla jitolbu jissagrifikalu lil ibnu li kien għadu kemm tah.  Fuq il-muntanja l-anġlu jordnalu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni” (Ġen 22:12); il-fiduċja sħiħa ta’ Abraham f’dak Alla li hu fidil għall-wegħdiet li jagħmel ma tonqosx, lanqas meta l-kelma ta’ dan Alla hi misterjuża u iebsa, kważi impossibbli, biex jilqagħha.  L-istess għal Marija, il-fidi tagħha tgħix il-ferħ tat-Tħabbira, imma tgħaddi wkoll mid-dalma tal-kruċifissjoni ta’ l-Iben, biex tista’ tasal fl-aħħar għad-dawl tal-Qawmien.

 

Lanqas m’hi differenti l-mixja ta’ fidi ta’ kull wieħed u waħda minna: niltaqgħu ma’ waqtiet ta’ dawl, imma niltaqgħu anki ma’ toroq fejn Alla jidher assenti, is-skiet tiegħu hu bħal toqol fuq qalbna u r-rieda tiegħu ma taqbilx ma’ tagħna, ma’ dak li nixtiequ aħna.  Imma iżjed ma aħna ninfetħu għal Alla, nilqgħu d-don tal-fidi, u nqiegħdu għal kollox fih il-fiduċja tagħna – kif għamlu Abraham u Marija – iktar hu, bil-preżenza tiegħu, jagħmilna kapaċi nġarrbu kull sitwazzjoni tal-ħajja fil-paċi, żguri mill-fedeltà u l-imħabba tiegħu.  Imma dan ifisser li l-ewwel irridu noħorġu minna nfusna u mill-proġetti tagħna, biex tkun il-Kelma ta’ Alla l-musbieħ li jdawwal il-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna.

 

Nixtieq mill-ġdid nieqaf ftit fuq aspett li joħroġ mir-rakkonti dwar l-Infanzja ta’ Ġesù kif jagħtihielna San Luqa.  Marija u Ġużeppi jtellgħu lil binhom Ġerusalemm, fit-Tempju, biex jippreżentawh u jikkonsagrawh lill-Mulej kif kienet titlob il-liġi ta’ Mosè: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” (ara Lq 2:22-24).  Dan il-ġest tal-Familja Mqaddsa jikseb tifsira iktar profonda jekk naqrawh fid-dawl ta’ l-għerf evanġeliku ta’ Ġesù li, fl-età ta’ tnax-il sena, wara tlitt ijiem ifittxuh, jinstab fit-Tempju jiddiskuti ma’ l-għorrief.  Għall-kelmiet kollha preokkupazzjoni ta’ Marija u Ġużeppi: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk?  Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”, tikkorrispondi t-tweġiba misterjuża ta’ Ġesù: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni?  Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:48-49).  Jiġifieri fil-propjetà tal-Missier, fid-dar tal-Missier, kif għandu jkun iben.  Hawn Marija ġġedded il-fidi profonda li biha lissnet “iva” fit-Tħabbira; ikollha taċċetta li l-preċedenza hi tal-Missier veru u propju ta’ Ġesù; titgħallem tħalli liberu lil dan l-Iben imnissel minnha, biex ikun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu.  U l-“iva” ta’ Marija għar-rieda ta’ Alla, fl-ubbidjenza tal-fidi, ittenni ruħha tul ħajjitha kollha, sal-waqt l-iżjed iebes, dak tas-Salib.

 

Quddiem dan kollu, jiġri li nistaqsu lilna nfusna: Kif setgħet Marija tgħix din il-mixja flimkien ma’ Binha b’fidi daqshekk sħiħa, anki fid-dalma, mingħajr ma titlef il-fiduċja sħiħa tagħha fl-għemil ta’ Alla?  Hemm atteġġjament tal-qalb li Marija tagħmel tagħha quddiem dak kollu li jseħħ f’ħajjitha.  Fit-Tħabbira hi tibqa’ mħawda meta tisma’ l-kelmiet ta’ l-anġlu – dan hu l-biża’ li l-bniedem iġarrab meta Alla joqrob lejh u jmissu –, imma dan m’hux atteġġjament ta’ min qed jibża’ quddiem dak li Alla jista’ jitlob minnu.  Marija tirrifletti, tistaqsi lilha nfisha x’setgħet tfisser din it-tislima (ara Lq 1:29).  It-terminu Grieg użat fil-Vanġelu biex ifisser din ir-“riflessjoni”, dielogizeto, jorbot ma’ l-għeruq tal-kelma “djalogu”.  Dan ifisser lil Marija tidħol fi djalogu intimu mal-Kelma ta’ Alla li tħabbritilha, ma tilqagħhiex b’mod superfiċjali, imma tieqaf taħseb fuqha, tħalliha tinfed lil moħħha u lil qalbha biex tista’ tifhem tassew dak li l-Mulej irid minnha, it-tifsira ta’ din it-tħabbira.  Riferenza oħra għall-atteġġjament interjuri ta’ Marija quddiem l-intervent ta’ Alla nsibuha, dejjem fil-Vanġelu ta’ San Luqa, fil-mument tat-twelid ta’ Ġesù, wara l-adorazzjoni tar-rgħajja.  Naqraw li “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19); fil-Grieg it-terminu hu symballon, għalhekk nistgħu ngħidu li hi “żammet flimkien”, “qiegħdet flimkien” f’qalbha l-ġrajjiet kollha li kienet qed tgħaddi minnhom; hi poġġiet flimkien fil-qalba ta’ kollox kull element, kull kelma, kull fatt, u kkonfrontatu, ikkonservatu, hi u tagħraf li kollox ġej mir-rieda ta’ Alla.  Marija ma tiqafx ma’ l-ewwel għarfien superfiċjali ta’ dak li jseħħ f’ħajjitha, imma taf tħares iktar fil-fond, tħalli dawn il-ġrajjiet jinterpellawha, tiddixxerni fuqhom, u tikseb dak l-għarfien li l-fidi waħidha tista’ tiggarantixxi.  Din hi l-umiltà profonda tal-fidi ubbidjenti ta’ Marija, li tilqa’ fiha anki dak li ma tifhimx mill-għemil ta’ Alla, għax tħalli li jkun Alla li jiftħilha moħħha u qalbha.  “Hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45), tifraħ biha qaribtha Eliżabetta.  Hu propju minħabba l-fidi tagħha li kull nisel isejħilha hienja.

 

Għeżież ħbieb tiegħi, is-solennità tat-Twelid tal-Mulej li sa niċċelebraw fi ftit jiem oħra, tistedinna ngħixu din l-istess umiltà u ubbidjenza tal-fidi.  Il-glorja ta’ Alla ma tidhirx fit-trijonf u fil-qawwa ta’ xi sultan, ma tiddix f’xi belt famuża, f’palazz għani, imma tinżel tgħammar fil-ġuf ta’ verġni, tidher fil-faqar ta’ tarbija.  Alla li jista’ kollox, anki f’ħajjitna, jaġixxi bil-qawwa, spiss siekta, tal-verità u ta’ l-imħabba.  Għalhekk il-fidi turina kif, il-qawwa bla difiża ta’ xejn ta’ dik it-Tarbija fl-aħħar għad tirbaħ fuq l-istorbju tal-qawwiet tad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard