BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Ottubru 2012

 

Daħla għas-Sena tal-Fidi

 

Għeżież ħuti,

 

Il-lum nixtieq nintroduċi serje ġdida ta’ katekeżijiet li sa ndomm matul is-Sena tal-Fidi li għadna kemm bdejna, u li għalhekk sa tinterrompi – għal dan il-perjodu – iċ-ċiklu ddedikat lill-iskola tat-talb.  Bl-Ittra Appostolika Porta Fidei jien sejjaħt din is-Sena speċjali, propju sabiex il-Knisja tiġġedded fl-entużjażmu tagħha li temmen f’Ġesù Kristu, il-Feddej waħdieni tad-dinja, issaħħaħ il-ferħ li timxi fit-triq li wriena hu, u tagħti xhieda b’mod konkret għall-qawwa tal-fidi li kapaċi tibdel lill-bniedem.

 

Il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II hu okkażjoni importanti biex nerġgħu lura lejn Alla, biex napprofondixxu u ngħixu b’kuraġġ ikbar il-fidi tagħna, biex inħossuna aktar membri tal-Knisja, “għalliema tal-bnedmin”, li, permezz tax-xandir tal-Kelma, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u l-għemejjel ta’ karità, tiggwidana biex niltaqgħu u nsiru nafu lil Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem.  Din m’hix laqgħa ma’ idea jew ma’ proġett ta’ ħajja, imma ma’ Persuna ħajja li tibdel lilna stess mill-għeruq, għax turina l-identità vera tagħna ta’ wlied Alla.  Il-laqgħa tagħna ma’ Kristu ġġedded ir-relazzjonijiet umani tagħna, u torjentahom, jum wara l-ieħor, lejn solidarjetà u fraternità ikbar, fil-loġika ta’ l-imħaba.  Li nemmnu fil-Mulej m’hux fatt li jinteressa biss lill-intelliġenza tagħna, il-parti ta’ l-għarfien intellettwali, imma bidla li tinvolvi l-ħajja kollha u lilna kollna kemm aħna: sentimenti, qalb, intelliġenza, rieda, korporjetà, emozzjonijiet, relazzjonijiet umani.  Permezz tal-fidi, tabilħaqq li kollox jinbidel fina u għalina, u jidher b’mod ċar id-destin futur tagħna, il-verità tal-vokazzjoni tagħna fl-istorja, is-sens tal-ħajja, il-ferħ li hemm f’li nkunu pellegrini lejn is-Sema pajjiżna.

 

Imma – nistaqsu lilna nfusna – il-fidi hi tassew il-qawwa li kapaċi tibdel lil ħajjitna, lil ħajti?  Jew hi biss wieħed mill-elementi li jagħmlu parti mill-eżistenza, mingħajr ma hi dak determinanti li jikkonvolġiha totalment?  Bil-katekeżijiet ta’ din is-Sena tal-Fidi rridu nagħmlu mixja biex insaħħu u nerġgħu nsibu l-ferħ tal-fidi, billi nifhmu li din m’hix xi ħaġa barranija, distakkata mill-ħajja konkreta, imma hi l-istess ruħ tagħha.  Il-fidi f’Alla li hu mħabba, u li tant ried ikun qrib tal-bniedem li ħa l-ġisem u ngħata fuq is-salib biex jifdina u jiftħilna mill-ġdid il-bieb tal-Ġenna, tindika b’mod ħaj li fl-imħabba biss hemm il-milja tal-bniedem.

 

Meta l-lum il-bidliet kulturali li għaddejjin madwarna spiss jixkfu diversi forom ta’ barbariżmi, li jinħbew taħt is-sinjal ta’ “konkwisti ta’ ċiviltà”, hu meħtieġ nisħqu b’mod ċar: il-fidi tafferma li m’hemmx umanità vera jekk mhux fil-postijiet, fil-ġesti, fiż-żminijiet u fil-forom li fihom il-bniedem hu mmexxi mill-imħabba li ġejja minn Alla u jesprimi ruħu bħala don, jinfetaħ f’relazzjonijiet għonja bl-imħabba, bil-ħniena, bl-attenzjoni u bis-servizz diżinteressat lejn il-persuna l-oħra.  Fejn hemm il-ħakma, il-pussess, l-isfruttament, l-użu għall-flus tal-persuna l-oħra minħabba fl-egoiżmu personali, fejn hemm l-arroganza tal-jien magħluq fih innifsu, il-bniedem jiftaqar, jitbaxxa, jisfigura ruħu.  Il-fidi Nisranija, attiva fl-imħabba u qawwija fit-tama, ma tillimitax, imma tumanizza lill-ħajja, anzi tagħmilha għal kollox umana.

 

Il-fidi tfisser li f’ħajjitna nilqgħu dan il-messaġġ li kapaċi jibdilna, u nilqgħu r-rivelazzjoni ta’ Alla, li tgħinna nagħrfu Hu min hu, kif jaġixxi, liema huma l-pjanijiet tiegħu għalina.  Tassew, il-misteru ta’ Alla jibqa’ dejjem ’il fuq mill-kunċetti u r-raġuni tagħna, mir-riti u t-talb tagħna.  Madankollu, fir-Rivelazzjoni Alla jagħżel li jikkomunika lilu nnifsu, jirrakkonta hu min hu, isir aċċessibbli għalina.  U aħna nsiru kapaċi nisimgħu l-Kelma tiegħu u nilqgħu l-verità tiegħu.  Hawn hu allura l-ġmiel tal-fidi: Alla, fi mħabbtu, joħloq fina – permezz tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu – il-kundizzjonijiet adegwati biex nistgħu nagħrfu l-Kelma tiegħu.  Alla nnifsu, għax jixtieq juri ruħu lilna, jidħol f’kuntatt magħna, ikun preżenti fl-istorja tagħna, jagħmilna kapaċi nisimgħuh u nilqgħuh.  San Pawl dan jesprimih hekk b’ferħ u bi gratitudni: “Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu minn għandna, iltqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu” (1 Tess 2:13).

 

Alla wera ruħu bi kliem u għemejjel fi storja twila ta’ ħbiberija mal-bniedem, li tilħaq il-qofol tagħna fl-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla u fil-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Alla mhux biss wera ruħu fl-istorja ta’ poplu, mhux biss tkellem permezz tal-Profeti, imma feraq is-Sema tiegħu biex daħal fid-dinja tal-bnedmin bħala bniedem, biex stajna niltaqgħu miegħu u nisimgħuh.  U minn Ġerusalemm, din it-tħabbira tal-Vanġelu tal-fidwa xterdet sa truf l-art.  Il-Knisja, li twieldet mill-ġenb ta’ Kristu, saret xandâra ta’ tama ġdida u sħiħa: Ġesù ta’ Nazareth, mislub u mqajjem mill-mewt, Feddej tad-dinja, li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier u hu l-imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.  Din hi l-kerygma, it-tħabbira ċentrali u qawwija tal-fidi.  Imma sa mill-bidu tfaċċat il-problema tar-“regola tal-fidi”, jiġifieri tal-fedeltà ta’ dawk li jemmnu lejn il-verità tal-Vanġelu, li fiha jibqgħu sħaħ, lejn il-verità feddejja dwar Alla u dwar il-bniedem li kellha tiġi mħarsa u mgħoddija lil oħrajn.  San Pawl jikteb: “Bih [bil-Vanġelu] intom salvi, bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, biex ma tkunux emmintu għalxejn” (1 Kor 15:2).

 

Imma fejn insibuha l-formola essenzjali tal-fidi?  Fejn insibu l-veritajiet li ġew mgħoddija lilna fedelment u li huma l-musbieħ li jdawwal il-ħajja tagħna ta’ kuljum?  It-tweġiba hi sempliċi: fil-Kredu, fl-Istqarrija tal-Fidi jew is-Simbolu tal-Fidi, aħna nintrabtu mill-ġdid mal-ġrajja oriġinarja tal-Persuna u ta’ l-Istorja ta’ Ġesù ta’ Nazareth; jikkonkretizza ruħu dak li l-Appostlu tal-Ġnus qal lill-Insara ta’ Korintu: “Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura” (1 Kor 15:3-4).

 

Anki l-lum hemm bżonn li l-Kredu jkun magħruf, mifhum u mitlub aħjar.  Fuq kollox, hu importanti li l-Kredu, biex ngħidu hekk, isir “magħruf mill-ġdid”.  Li tkun taf, fil-fatt, jista’ jkun eżerċizzju intellettwali biss, waqt li “tirrikonoxxi” (tagħraf mill-ġdid) ifisser il-ħtieġa li niskopru r-rabta profonda bejn il-veritajiet li nistqarru fil-Kredu u l-ħajja tagħna ta’ kuljum, biex dawn il-veritajiet jistgħu jkunu tassew u b’mod konkret – kif dejjem kienu – musbieħ għall-passi ta’ ħajjitna, ilma li jtaffi n-nixfa tal-mixja tagħna, ħajja li tirbaħ ċerti deżerti tal-ħajja kontemporanja.  Fil-Kredu hemm implikata l-ħajja morali tan-Nisrani, li fih issib il-bażi u l-ġustifikazzjoni tagħha.

 

M’hux ta’ b’xejn li l-Beatu Ġwanni Pawlu II ried li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, norma żgura għat-tagħlim tal-fidi u għajn ċerta għal katekeżi mġedda, jinbena fuq il-Kredu.  Bih ried jikkonferma u jħares dan in-nukleu ċentrali tal-verità tal-fidi, billi jippreżentah f’lingwaġġ li jinftiehem iżjed mill-bnedmin ta’ żmienna, minna.  Hu dmir tal-Knisja li tgħaddi l-fidi, tikkomunika l-Vanġelu, sakemm il-veritajiet Insara jsiru dawl għall-bidliet kulturali ġodda, u l-Insara jkunu kapaċi jagħtu raġuni għat-tama li għandhom (ara 1 Piet 3:14).  Il-lum qed ngħixu f’soċjetà profondament mibdula speċjalment fid-dawl tal-passat riċenti, u li tinsab f’moviment kontinwu.  Il-proċessi tas-sekularizzazzjoni u ta’ mentalità nikilista mifruxa, fejn kollox hu relattiv, immarkaw bil-qawwa kollha l-mentalità komuni.  B’dan il-mod, ħafna spiss ma jgħixux ħajjithom bis-serjetà, mingħajr ideali ċari jew tamiet solidi, f’rabtiet soċjali u familjari likwidi, proviżorji.  Fuq kollox, il-ġenerazzjonijiet ġodda m’humiex qed jiġu edukati biex ifittxu l-verità u jifhmu s-sens profond ta’ l-eżistenza li jissupera dak li hu kontinġenti, u lanqas (qed jiġu edukati) lejn l-istabbiltà ta’ l-affetti, lejn il-fiduċja.  Għall-kuntrarju, ir-relattiviżmu jwassal biex wieħed ma jkollu l-ebda punti fermi, fejn allura s-suspett u l-instabbiltà jwasslu għal tkissir fir-relazzjonijiet umani, waqt li ngħixu l-ħajja f’esperimenti li ma jtulux wisq, mingħajr ma nassumu r-responsabbiltà ta’ dak li nagħmlu.  Jekk l-individwaliżmu u r-relattiviżmu donnhom qed jiddominaw il-qalb ta’ ħafna nies ta’ żmienna, ma nistgħux ngħidu li dawk li jemmnu huma ħielsa għal kollox minn dawn il-perikli, li magħhom qed inħabbtu wiċċna fit-trasmissjoni tal-fidi.  L-istħarriġ li sar fil-kontinenti kollha qabel iċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida ta prova ta’ xi wħud: fidi megħjuxa b’mod passiv u privat, ir-rifjut ta’ l-edukazzjoni għall-fidi, il-qasma bejn ħajja u fidi.

 

Spiss in-Nisrani ma jafx in-nukleu ċentrali tal-fidi Kattolika li hu jħaddan, tal-Kredu, u hekk jinfetaħ spazju għal ċertu sinkretiżmu u relattiviżmu reliġjuż, mingħajr ċarezza dwar il-veritajiet li għandu jemmen u fuq in-natura salvifika singulari tal-Kristjaneżmu.  Il-lum m’għadux daqshekk imbiegħed ir-riskju li nibnu, biex ngħidu hekk, reliġjon “do it yourself”.  Min-naħa l-oħra, hu meħtieġ li nerġgħu lura għand Alla, għand Alla ta’ Ġesù Kristu; hemm bżonn niskopru mill-ġdid il-messaġġ tal-Vanġelu, inħalluh jidħol b’mod iktar profond fil-kuxjenzi u l-ħajja ta’ kuljum tagħna.

 

Fil-katekeżijiet ta’ din is-Sena tal-Fidi rrid noffi għajnuna għal din il-mixja, biex nistgħu naqbdu mill-ġdid u napprofondixxu l-veritajiet ċentrali tal-fidi dwar Alla, dwar il-bniedem, dwar il-Knisja, dwar ir-realtà soċjali u kożmika kollha, billi nimmeditaw u nirriflettu fuq l-affirmazzjonijiet tal-Kredu.  U rrid li joħroġ ċar li dawn il-kontenuti jew veritajiet tal-fidi (fides quæ) huma marbuta direttament ma’ l-esperjenza tal-ħajja tagħna; jitolbu konverżjoni ta’ l-eżistenza, li tagħti l-ħajja lil mod ġdid ta’ kif nemmnu f’Alla (fides qua).  Li nsiru nafu lil Alla, niltaqgħu miegħu, nidħlu fil-fond tal-karatteristiċi ta’ wiċċu, jitlob impenn minn ħajjitna, għax Hu jidħol fid-dinamiżmi profondi ta’ l-essri uman.

 

Jalla l-mixja li ħa nterrqu din is-sena tgħinna nikbru lkoll fil-fidi u fl-imħabba lejn Kristu, biex nitgħallmu ngħixu, fl-għażliet u f’dak li nagħmlu ta’ kuljum, il-ħajja tajba u sabiħa tal-Vanġelu.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard