BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 16 ta’ Jannar 2013

 

Ġesù Kristu “il-medjatur u l-milja tar-Rivelazzjoni kollha”

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni fuq ir-Rivelazzjoni Divina Dei Verbum, jafferma li l-verità intima tar-Rivelazzjoni kollha ta’ Alla tilma għalina “fi Kristu, li huwa fl-istess waqt il-medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha kemm hi” (n. 2).  It-Testment il-Qadim jirrakkontalna kif Alla, wara l-ħolqien, minkejja d-dnub oriġinali, minkejja l-arroganza tal-bniedem li ried ipoġġi lilu nnifsu flok il-Ħallieq tiegħu, joffri mill-ġdid il-possibbiltà tal-ħbiberija tiegħu, fuq kollox permezz tal-patt ma’ Abraham u l-mixja ta’ poplu żgħir, dak ta’ Israel, li Hu jagħżel mhux skond il-kriterji ta’ qawwa ta’ din id-dinja, imma sempliċement minħabba fi mħabbtu.  Hi għażla li tibqa’ misteru u tikxef l-istil ta’ Alla li jsejjaħ lil xi wħud mhux biex jeskludi oħrajn, imma biex jagħmluha ta’ pont li jwassal għal għandU: is-sejħa hi dejjem sejħa għall-ġid ta’ l-ieħor.  Fl-istorja tal-poplu ta’ Israel nistgħu nieqfu mill-ġdid fuq it-tappi ta’ mixja twila li tulha Alla jgħarraf lilu nnifsu, juri min hu, jidħol fl-istorja permezz ta’ kliem u għemejjel.  Għal din l-opra Hu jinqeda b’medjaturi, bħal Mosè, il-Profeti, l-Imħallfin, li jikkomunikaw ir-rieda tiegħu lill-poplu, ifakkru fil-ħtieġa tal-fedeltà lejn il-Patt u jżommu ħajja l-istennija tat-twettiq sħiħ u definittiv tal-wegħdiet divini.

 

U hu propju t-twettiq ta’ dawn il-wegħdiet li għadna kemm ikkontemplajna fil-Milied Imqaddes: ir-Rivelazzjoni ta’ Alla tilħaq il-quċċata tagħha, il-milja tagħha.  F’Ġesù ta’ Nazareth, Alla jżur tassew lill-poplu tiegħu, iżur lill-umanità b’mod li jmur lil hemm minn kull stennija: jibgħat lill-Iben Waħdieni tiegħu; Alla nnifsu jsir bniedem.  Ġesù ma jgħidilniex xi ħaġa dwar Alla, m’hux sempliċement jitkellem dwar il-Missier, imma hu rivelazzjoni ta’ Alla, għax hu Alla, u hekk jurina l-wiċċ ta’ Alla.  Fil-Prologu tal-Vanġelu tiegħu, San Ġwann jikteb: “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18).

 

Nixtieq nieqaf fuq dan il-punt tar-“rivelazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla”.  Dwar dan, San Ġwann, fil-Vanġelu tiegħu, jagħtina fatt sinifikanti li għadna kemm smajna issa.  Meta tkun qed toqrob il-Passjoni tiegħu, Ġesù jqawwi qalb id-dixxipli tiegħu u jistedinhom biex ma jibżgħux u jżommu sħaħ fil-fidi; imbagħad jiftaħ djalogu magħhom fejn jitkellem dwar Alla l-Missier (ara Ġw 14:2-9).  F’waqt minnhom, l-Appostlu Filippu jitlob lil Ġesù: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina” (Ġw 14:8).  Filippu hu prattiku u konkret ħafna, u jlissen dak li anki aħna nixtiequ ngħidu: “nixtiequ naraw, urina lill-Missier”; jitlob li “jara” lill-Missier, li jara wiċċu.  It-tweġiba ta’ Ġesù hi tweġiba mhux biss lil Filippu, imma wkoll lilna, u ddaħħalna fil-qalba tal-fidi Kristoloġika; il-Mulej jafferma: “Min ra lili, ra lill-Missier” (Ġw 14:9).  F’din l-espressjoni hi miġbura b’mod sintetiku n-novità tat-Testment il-Ġdid, dik in-novità li dehret fl-għar ta’ Betlehem: lil Alla nistgħu narawh, Alla wriena wiċċu, hu viżibbli f’Ġesù Kristu.

 

Fit-Testment il-Qadim kollu kemm hu hi preżenti sew it-tema tat-“tiftixa tal-wiċċ ta’ Alla”, ix-xewqa tal-bniedem li jsir jaf il-wiċċ ta’ Alla, ix-xewqa li jara lil Alla kif inhu, tant li t-terminu Għebrajk pānîm, li jfisser “wiċċ”, jidher daqs erba’ mitt darba, u mija minn dawn huma b’riferenza għal Alla: mitt darba b’din il-kelma ssir riferenza għal Alla, il-bniedem irid jara l-wiċċ ta’ Alla.  U safrattant ir-reliġjon Lhudija tipprojbixxi għal kollox ix-xbihat, għax lil Alla ma tistax tirrappreżentah, kif min-naħa l-oħra kienu jagħmlu l-popli tal-qrib bil-qima ta’ l-idoli tagħhom; għalhekk, b’din il-projbizzjoni ta’ xbihat, it-Testment il-Qadim donnu jrid jeskludi għal kollox mill-kult u mid-devozzjoni popolari illi wieħed “jara”.  Allura xi tfisser, għall-Israelita devot, li xorta waħda jfittex il-wiċċ ta’ Alla, meta jaf li ma jista’ jkun hemm l-ebda xbieha tiegħu?  Il-mistoqsija hi importanti: minn naħa Alla ma jistax jiġi limitat għal oġġett, bħal xi xbieha li wieħed jaqbad f’idu, imma lanqas tista’ tpoġġi xi ħaġa minflok Alla; min-naħa l-oħra, imma, għandna l-konferma li Alla għandu wiċċ, jiġifieri huwa “Int” li jista’ jidħol f’relazzjoni, li m’hux magħluq fis-Sema tiegħu fejn joqgħod iħares mill-għoli lejn l-umanità.  Bla dubju, Alla hu fuq kull ħaġa, imma jdur fuqna, jismagħna, jarana, jitkellem, iwaqqaf patt, hu kapaċi jħobb.  L-istorja tas-salvazzjoni hi l-istorja ta’ Alla mal-bnedmin, hi l-istorja ta’ din ir-relazzjoni ta’ Alla li juri lilu nnifsu bil-mod il-mod lill-bniedem, li jgħarraf lilu nnifsu, il-wiċċ tiegħu.

 

Propju fil-bidu tas-sena, l-1 ta’ Jannar, fil-liturġija smajna t-talba wisq sabiħa tal-barka fuq il-poplu: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek!  Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena!  Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26).  Il-ġmiel tal-wiċċ divin tiegħu hu l-għajn tal-ħajja, hu dak li jippermettilna naraw ir-realtà; id-dawl tal-wiċċ tiegħu hu l-gwida tal-ħajja.  Fit-Testment il-Qadim hemm figura li magħha hi marbuta b’mod għal kollox speċjali t-tema tal-“wiċċ ta’ Alla”; dan hu Mosè, dak li Alla jagħżlu biex jeħles lill-poplu mill-jasar ta’ l-Eġittu, jagħtih il-Liġi tal-Patt u jmexxih lejn l-Art Imwiegħda.  Fil-kapitlu 33 tal-Ktieb ta’ l-Eżodu naqraw li Mosè kellu relazzjoni mill-qrib u kunfidenzjali ma’ Alla: “Il-Mulej kien ikellem lil Mosè wiċċ imb’wiċċ, bħalma bniedem ikellem lil ħabibu” (v. 11).  Misjuq minn din il-kunfidenza, Mosè jitlob lil Alla: “Ħallini, nitolbok, nara l-glorja tiegħek”, u t-tweġiba ta’ Alla hi ċara: “Jiena ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek, u ngħajjat l-isem tiegħi…  Imma int ma tistax tara ’l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqa’ ħaj…  Ara, hawn post ħdejja…  Tara dahri, għax wiċċi ma jarah ħadd” (vv. 18-23).  Allura minn naħa hemm id-djalogu wiċċ imb’wiċċ bħal bejn il-ħbieb, imma min-naħa l-oħra hemm l-impossibbiltà, f’din il-ħajja, li wieħed jara l-wiċċ ta’ Alla, li jibqa’ moħbi; il-viżjoni hi limitata.  Il-Missirijiet tal-Knisja jgħidu li dawn il-kelmiet, “tara dahri, għax wiċċi ma jarah ħadd”, iridu jfissru hekk: int tista’ biss timxi wara Kristu u, int u miexi warajh, tista’ tilmaħ minn dahru l-misteru ta’ Alla; lil Alla tista’ timxi warajh billi tara dahru.

 

Imma bl-Inkarnazzjoni sseħħ xi ħaġa għal kollox ġdida.  It-tiftixa tal-wiċċ ta’ Alla tasal għal stadju li ma konniex nimmaġinawh, għax issa dan il-wiċċ nistgħu narawh: hu dak ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla li jsir bniedem.  Fih tilħaq il-milja tagħha l-mixja tar-rivelazzjoni ta’ Alla li bdiet bis-sejħa ta’ Abraham, Hu l-milja ta’ din ir-rivelazzjoni għax hu l-Iben ta’ Alla, u fl-istess waqt hu “il-medjatur u l-milja tar-Rivelazzjoni kollha” (Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum, 2), fiH jiltaqgħu l-kontenut tar-Rivelazzjoni u r-Rivelatur.  Ġesù jurina l-wiċċ ta’ Alla u jgħarrafna l-isem ta’ Alla.  Fit-Talba Saċerdotali, fl-Aħħar Ikla, lill-Missier jgħidlu hekk: “Jiena għarraft ismek lill-bnedmin…  Jiena għarrafthom ismek” (ara Ġw 17:6,26).  L-espressjoni “isem ta’ Alla” tfisser Alla bħala Dak li hu preżenti fost il-bnedmin.  Lil Mosè, ħdejn l-għollieq jaqbad bin-nar bla jintemm, Alla kien irrivelalu ismu, hekk irrenda lilu nnifsu bħala Alla li tista’ ssejjaħlu, kien tah sinjal konkret li hu “qiegħed” fost il-bnedmin.  Dan kollu f’Ġesù jsib it-twettiq u l-milja tiegħu: Hu jinawgura b’mod ġdid il-preżenza ta’ Alla fl-istorja, għax min jara lilU, jara lill-Missier, kif jgħid lil Filippu (ara Ġw 14:9).  Il-Kristjaneżmu – jafferma San Bernard – hu “ir-reliġjon tal-Kelma ta’ Alla”; mhux, imma, ta’ “kelma miktuba u muta, imma tal-Verb inkarnat u ħaj” (Hom. super missus est, IV, 11: PL 183, 86B).  Fit-tradizzjoni Patristika u Medjevali tintuża formula partikulari biex tesprimi din ir-realtà: jingħad li Ġesù hu l-Verbum abbreviatum (ara Rum 9:28, b’riferenza għal Is 10:23), il-Verb imqassar, il-Kelma fil-qosor, imqassra u sostanzjali tal-Missier, li dwarU qalilna kollox.  F’Ġesù, il-Kelma kollha hi preżenti.

 

F’Ġesù, anki l-medjazzjoni bejn Alla u l-bniedem issib il-milja tagħha.  Fit-Testment il-Qadim insibu lista ta’ figuri li wettqu din il-funzjoni, b’mod partikulari Mosè, il-ħellies, il-mexxej, il-“medjatur” tal-Patt, kif isejjaħlu t-Testment il-Ġdid (ara Gal 3:19; Atti 7:35; Ġw 1:17).  Ġesù, veru Alla u veru bniedem, m’hux sempliċement wieħed mill-medjaturi bejn Alla u l-bniedem, imma hu “il-medjatur” tal-Patt il-ġdid u li jibqa’ għal dejjem (ara Lhud 8:6; 9:15; 12:24); “għax wieħed hu Alla – jgħid San Pawl – u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-bniedem Kristu Ġesù” (1 Tim 2:5; ara Gal 3:19-20).  FiH aħna naraw u niltaqgħu mal-Missier; fiH nistgħu nsejħu lil Alla bl-isem ta’ “Abbà, Missier”; fiH tingħatalna s-salvazzjoni.

 

Ix-xewqa li nagħrfu tassew lill-Missier, jiġifieri li naraw il-wiċċ ta’ Alla, tinsab ġewwa kull bniedem, anki fl-atej.  U aħna forsi bla ma nafu għandna fina din ix-xewqa li sempliċement naraw hu min Hu, x’inhu, min hu għalina.  Imma din ix-xewqa tista’ titwettaq jekk nimxu wara Kristu, biex hekk naraw dahru u sa fl-aħħar naslu biex naraw lil Alla bħala ħabib, naraw wiċċu fil-wiċċ ta’ Kristu.  L-importanti hu li nimxu wara Kristu mhux biss meta għandna bżonnu u meta nsibu ftit ħin qalb l-impenji tagħna ta’ kuljum, imma b’ħajjitna kollha kif inhi.  L-eżistenza kollha kemm hi trid tkun orjentata lejn il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, lejn l-imħabba lejH; u, fiha, għandha jkollha post ċentrali l-imħabba lejn il-proxxmu, dik l-imħabba li, fid-dawl ta’ l-Imsallab, twassalna biex nagħrfu l-wiċċ ta’ Ġesù fil-fqir, fid-dgħajjef, fil-batut.  Dan hu possibbli biss jekk inkunu ffamiljarizzajna ruħna mal-wiċċ veru ta’ Ġesù fis-smigħ tal-Kelma tiegħu, fid-djalogu interjuri miegħu, f’li nidħlu f’din il-Kelma hekk li naslu biex realment niltaqgħu miegħu, u naturalment fil-Misteru ta’ l-Ewkaristija.  Fil-Vanġelu ta’ San Luqa hi sinifikattiva s-silta taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, li jagħrfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż, imma mħejjija mill-mixja flimkien miegħU, imħejjija mill-istedina li għamlulU biex jibqa’ magħhom, imħejjija mid-djalogu li ħeġġeġ lil qalbhom; hekk, fl-aħħar, jaraw lil Ġesù.  Anki għalina, l-Ewkaristija hi l-iskola l-kbira fejn nitgħallmu naraw il-wiċċ ta’ Alla, nidħlu f’relazzjoni intima miegħU; u nitgħallmu, fl-istess ħin, kif indawru l-ħarsa tagħna lejn il-waqt finali ta’ l-istorja, meta Hu għad jaħjina bid-dawl ta’ wiċċu.  F’din id-dinja aħna mexjin lejn din il-milja, fl-istennija hienja li naraw titwettaq tassew is-Saltna ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard