BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 14 ta’ Novembru 2012

 

Is-Sena tal-Fidi. It-toroq li jwasslu għall-għarfien ta’ Alla

 

Għeżież ħuti,

 

Nhar l-Erbgħa li għadda rriflettejna fuq ix-xewqa li l-bniedem iġorr f’qiegħ qalbu għal Alla.  Il-lum nixtieq inkompli napprofondixxi dan l-aspett billi nimmedita magħkom fil-qosor fuq xi toroq li permezz tagħhom nistgħu naslu biex nagħrfu lil Alla.  Imma rrid infakkar li l-inizjattiva ta’ Alla dejjem tiġi qabel kull inizjattiva tal-bniedem u, anki fil-mixja lejH, dejjem Hu l-ewwel li jagħtina d-dawl, jorjentana u jmexxina, waqt li jirrispetta dejjem il-libertà tagħna.  U dejjem Hu li jdaħħalna fl-intimità miegħu, billi jurina u jagħtina l-grazzja li nistgħu nilqgħu din ir-rivelazzjoni fil-fidi.  Ma ninsew qatt l-esperjenza ta’ Santu Wistin: mhux aħna li nippossedu l-Verità wara li nkunu fittixnieha, imma l-Verità li tfittixna u tippossedina.

 

Minkejja dan, hemm toroq li kapaċi jiftħu l-qalb tal-bniedem għall-għarfien ta’ Alla, jeżistu sinjali li jwasslu għal għand Alla.  Tabilħaqq, spiss nirriskjaw li nħallu x-xejxi ta’ din id-dinja jgħammxulna għajnejna u jġibuna inqas kapaċi nimxu f’dawn it-toroq jew naqraw dawn is-sinjali.  Imma Alla ma jegħja qatt jiġri warajna, hu fidil lejn il-bniedem li ħalaq u feda, jibqa’ qrib tal-ħajja tagħna, għax iħobbna.  Din hi ċertezza li għandha takkumpanjana kuljum, anki jekk ċerti mentalitajiet imxerrda madwarna jagħmluha iżjed iebsa għall-Knisja u għan-Nisrani biex jgħaddu l-ferħ tal-Vanġelu lil kull ħlejqa u jwasslu lil kulħadd għal-laqgħa ma’ Ġesù, il-Feddej waħdieni tad-dinja.  Imma din hi l-missjoni tagħna, hi l-missjoni tal-Knisja, u kull min jemmen għandu jgħixha bil-ferħ, iħoss li hi tiegħu, permezz ta’ ħajja mixgħula tassew bil-fidi, immarkata mill-karità, mis-servizz lil Alla u lill-oħrajn, u li tkun kapaċi xxerred it-tama.  Din il-missjoni fuq kollox tilma fil-qdusija li għaliha lkoll kemm aħna msejħin.

 

Il-lum – u dan nafuh – il-fidi m’hix nieqsa mid-diffikultajiet u l-provi, u spiss ma tiġix mifhuma, hi kkontestata u anki rrifjutata.  San Pietru kien jgħidilhom hekk lill-Insara tiegħu: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom, imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett” (1 Piet 3:15).  Fl-imgħoddi, fil-Punent, f’soċjetà li kienet magħduda b’Nisranija, il-fidi kienet l-ambjent li fih kulħadd kien jitħarrek; ir-riferenza u l-adeżjoni għal Alla kienu, għall-parti l-kbira tan-nies, parti mill-ħajja ta’ kuljum.  Pjuttost min ma kienx jemmen kellu jiġġustifika n-nuqqas ta’ twemmin tiegħu.  Fid-dinja tagħna s-sitwazzjoni nqalbet, u min jemmen qed ikollu dejjem iżjed isir kapaċi jagħti raġuni għall-fidi tiegħu.  Il-Beatu Ġwanni Pawlu II, fl-Enċiklika Fides et ratio, enfasizza kif il-fidi qed tiġi ppruvata anki fl-epoka kontemporanja, meta tiltaqa’ ma’ forom sottili u li jingannaw ta’ ateiżmu teoretiku u prattiku (ara nri 46-47).  Mill-Illuminiżmu ’l hawn, il-kritika lejn ir-reliġjon intensifikat ruħha; l-istorja ġiet immarkata wkoll mill-preżenza ta’ sistemi ta’ ateiżmu, fejn Alla kien meqjus bħala sempliċi projezzjoni tal-qalb tal-bniedem, illużjoni u prodott ta’ soċjetà diġà mgħawġa minn tant aljenazzjonijiet.  Is-seklu li għadda mbagħad ra proċess qawwi ta’ sekulariżmu, taħt il-bandiera ta’ l-awtonomija assoluta tal-bniedem, li jqis lilu nnifsu bħala l-kejl u l-awtur tar-realtà, imma ftaqar fl-identità tiegħu bħala ħolqien “fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla”.  Fi żminijietna qed iseħħ fenomenu partikularment perikuluż għall-fidi: fil-fatt hemm forma ta’ ateiżmu li nsejħulu “prattiku”, fejn ma jiġux miċħuda l-veritajiet tal-fidi jew ir-riti reliġjużi, imma sempliċiment huma meqjusa irrelevanti għall-ħajja ta’ kuljum, maqtugħin mill-ħajja, inutli.  Spiss, allura, wieħed jemmen f’Alla b’mod superfiċjali, u jgħix “bħallikieku Alla ma kienx jeżisti” (etsi Deus non daretur).  Fl-aħħar, imma, dan l-istil ta’ ħajja jispiċċa biex jeqirdu iktar, għax iwassal għall-indifferenza lejn il-fidi u lejn il-kwistjoni ta’ Alla.

 

Fir-realtà, il-bniedem, separat minn Alla, jisfa limitat għal dimensjoni waħda, dik orizzontali, u propju dan ir-riduzzjoniżmu hu waħda mill-kawżi fundamentali tat-totalitarjaniżmi li fis-seklu l-ieħor ħallew konsegwenzi traġiċi, kif ukoll tal-kriżi tal-valuri li qed naraw fir-realtà tagħna l-lum.  Illimitajna r-riferiment għal Alla, u hekk illimitajna wkoll l-orizzont etiku, biex nagħmlu wisa’ għar-relattiviżmu u għal kunċett ambigwu tal-libertà, li minflok ma jeħles, jispiċċa jorbot il-bniedem ma’ l-idoli.  It-tentazzjonijiet li Ġesù affronta fid-deżert qabel il-missjoni pubblika tiegħu, jirrappreżentaw tajjeb dawk l-“idoli” li jaffaxxinaw lill-bniedem meta ma jagħmilx sforz biex imur lil hinn minnu nnifsu.  Jekk Alla jitlef il-post ċentrali tiegħu, il-bniedem jitlef il-post li jixraqlu, ma jsibx iżjed postu fil-ħolqien, fir-relazzjonijiet ma’ l-oħrajn.  Għadu jgħodd dak li l-għerf tal-qedem ried jevoka bil-mit ta’ Promotew: il-bniedem jaħseb li jista’ jsir hu nnifsu “alla”, sid il-ħajja u l-mewt.

 

Quddiem dan il-kwadru, il-Knisja, fidila lejn il-mandat ta’ Kristu, ma tieqaf qatt tafferma l-verità dwar il-bniedem u dwar id-destin tiegħu.  Il-Konċilju Vatikan II jafferma dan b’mod sintetiku: “L-ogħla raġuni tad-dinjità tal-bniedem qiegħda fis-sejħa tal-bniedem biex jikkomunika ma’ Alla.  Din is-sejħa li Alla jagħmel lill-bniedem biex jiddjaloga miegħu bdiet mal-ħolqien tal-bniedem; għaliex jekk il-bniedem jeżisti, huwa jeżisti biss minħabba l-fatt li Alla ħalqu għax iħobbu u jżommu ħaj, għax jibqa dejjem iħobbu.  U l-bniedem ma jgħixx għal kollox skond il-verità jekk ma jagħrafx liberament din l-imħabba ta’ Alla u jagħti ruħu lil Dak li ħalqu” (Kostituzzjoni Gaudium et spes, 19).

 

Allura liema huma t-tweġibiet li l-fidi hi msejħa tagħti, bi “ħlewwa u rispett”, lill-ateiżmu, lix-xettiċiżmu, lill-indifferenza lejn id-dimensjoni vertikali, biex il-bniedem fi żmienna jista’ jkompli jistaqsi lilu nnifsu dwar l-eżistenza ta’ Alla u jimxi fit-toroq li jwasslu għaliH?  Irrid naċċenna għal xi toroq, li ġejjin kemm mir-riflessjoni naturali u kemm mill-istess qawwa tal-fidi.  Nixtieq niġborhom b’mod tassew sintetiku fi tliet kelmiet: id-dinja, il-bniedem, il-fidi.

 

L-ewwel: id-dinja.  Santu Wistin, li fil-ħajja tiegħu fittex fit-tul il-Verità u ġie mħaddan mill-Verità, għandu paġna ċelebri u mill-isbaħ, fejn jafferma hekk: “Staqsi lill-ġmiel tad-dinja, tal-baħar, ta’ l-arja ħafifa u kulfejn din timraħ; staqsi lill-ġmiel tas-sema…, staqsi lil dawn ir-realtajiet kollha.  Kollha jweġbuk: ‘Ħares lejna u osserva kemm aħna sbieħ’.  Il-ġmiel tagħhom huwa bħall-innu ta’ tifħir tagħhom.  Issa lil dawn il-ħlejjaq daqshekk sbieħ, imma li jinbidlu, min għamilhom jekk mhux wieħed li hu l-ġmiel li ma jinbidilx?” (Sermo 241, 2: PL 38, 1134).  Naħseb li hemm bżonn nirkupraw u ngħinu lill-bniedem tal-lum jirkupra l-kapaċità li jikkontempla l-ħolqien, il-ġmiel tiegħu, il-binja tiegħu.  Id-dinja m’hix magma bla forma, imma iżjed ma nsiru nafuha u iżjed ma niskopru l-mekkaniżmi meraviljużi tagħha, iżjed nilmħu fiha disinn, u nagħrfu li teżisti intelliġenza ħallieqa.  Albert Einstein qal li fil-liġijiet tan-natura “tidher raġuni hekk superjuri li, ħdejha, ir-razzjonalità kollha tal-ħsieb jew ta’ l-ordinamenti umani hi rifless assolutament insinifikanti” (Il Mondo come lo vedo io, Roma 2005).  Mela l-ewwel triq li tista’ twassal għall-iskoperta ta’ Alla hi l-kontemplazzjoni tal-ħolqien b’għajnejn attenti.

 

It-tieni kelma: il-bniedem.  Dejjem Santu Wistin għandu frażi ċelebri fejn jgħid li Alla hu eqreb lejja milli jien jiena nnifsi (ara Stqarrijiet III, 6, 11).  Minn hawn hu joħroġ l-istedina: “Toħroġx barra minnek innifsek, imma erġa’ idħol fik innifsek: fil-bniedem interjuri tgħammar il-verità” (De vera religione, 39, 72).  Dan hu aspett ieħor li qed nirriskjaw li nitilfu fid-dinja storbjuża u konsumerista li fiha qed ngħixu: il-kapaċità li nieqfu ftit u nħarsu fil-profondità tagħna nfusna biex naqraw dak l-għatx għall-infinit li qed inġorru ġo fina, li jimbuttana biex infittxu iżjed u jindirizzana lejn Dak li waħdu jista’ jtaffih.  Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jafferma hekk: “Il-bniedem, għax hu miftuħ għall-verità u għall-ġmiel, għas-sens li għandu ta’ dak li hu moralment tajjeb, bil-libertà u b’leħen il-kuxjenza tiegħu, bil-ħerqa tiegħu għal dak li hu infinit u għall-hena, jasal biex jistaqsi lilu nnifsu dwar l-eżistenza ta’ Alla” (n. 33).

 

It-tielet kelma: il-fidi.  Fuq kollox, fir-realtajiet ta’ żmienna ma rridux ninsew li triq li twassal għall-għarfien u għal-laqgħa ma’ Alla hi l-ħajja tal-fidi.  Min jemmen hu f’għaqda ma’ Alla, hu miftuħ għall-grazzja tiegħu, għall-qawwa ta’ l-imħabba.  Hekk, l-eżistenza tiegħu ssir xhieda mhux tiegħu nnifsu, imma ta’ l-Irxoxt, u l-fidi tiegħu ma tibżax turi ruħha fil-ħajja ta’ kuljum, hi miftuħa għad-djalogu li jesprimi ħbiberija profonda lejn il-mixja ta’ kull bniedem, u taf tiftaħ dwal ta’ tama quddiem il-bżonn ta’ fidwa, ta’ hena, ta’ futur.  Il-fidi, fil-fatt, hi laqgħa ma’ Alla li jitkellem u jaħdem fl-istorja tagħna u li jibdel il-ħajja tagħna ta’ kuljum, jittrasforma fina mentalitajiet, ġudizzji ta’ valur, għażliet u azzjonijiet konkreti.  M’hix illużjoni, ħarba mir-realtà, kenn komdu, sentimentaliżmu, imma tinkorpora fiha l-ħajja kollha u hi tħabbira tal-Vanġelu, Bxara Tajba li kapaċi teħles lill-bniedem sħiħ.  Dak in-Nisrani u dik il-komunità li jaħdmu b’fedeltà b’riżq il-proġett ta’ Alla li ħabbna hu l-ewwel, isiru triq ipprivileġġjata għal dawk kollha li jinsabu fl-indifferenza jew fid-dubju dwar l-eżistenza tiegħu u l-intervent tiegħu.  Imma dan jitlob minn kull persuna li tagħmel dejjem iżjed trasparenti x-xhieda tal-fidi tagħha, billi saffi ħajjitha ħalli ssir iktar tixbah lil Kristu.  Il-lum ħafna għandhom kunċett limitat tal-fidi Nisranija, għax iżjed jidentifikawha sempliċement ma’ sistema ta’ twemmin u ta’ valuri milli mal-verità ta’ Alla li wera ruħu fl-istorja, għax jixtieq jikkomunika mal-bniedem b’mod personali, f’rabta ta’ mħabba miegħu.  Fir-realtà, fil-bażi ta’ kull duttrina u valur hemm il-ġrajja tal-laqgħa bejn il-bniedem u Alla f’Ġesù Kristu.  Il-Kristjaneżmu, qabel ma hu morali jew etika, hu ġrajja ta’ mħabba, ifisser li tilqa’ l-persuna ta’ Ġesù.  Minħabb f’hekk, in-Nisrani u l-komunitajiet Insara għandhom qabel xejn iħarsu u jistiednu lil oħrajn biex iħarsu lejn Kristu, it-Triq vera li twassal għal għand Alla.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard